Każin San Ġużepp u Banda de Rohan

From M3P
(Redirected from Banda de Rohan)
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Lis-Storja tas-Soċjeta Mużikali tal-Każin San Ġużepp u Banda de Rohan

File:Każin San Ġiużepp u Banda De Rohan.jpg
Każin San Ġiużepp u Banda De Rohan A.D.1860

Introduzzjoni

'L-istoriku Pietru Pawl Castagna fl-istorja tiegħu ta’ Malta ppubblikata fl-1888 kiteb hekk: “L-ewwel Banda Nazzjonali saret f’Ħaż-Żebbuġ mit-tant imsemmi Mastru Indri Borg fl-1860. Dan kien il-bidu ta’ kemm baned saru u li għad isiru.” L-istess kiteb ir-Reverendu Dun Salv Ciappara fil-ktieb tiegħu Storia del Zebbug e Sua Parrochia, pubblikat fl-1882. Kiteb li fl-1860 Ħaż-Żebbuġ ra l-bidu ta’ l-ewwel banda f’Malta. Għall-bidu l-baned kienu jkunu magħrufa l-aktar bl-isem ta’ raħalhom, u f’dan il-każ mhux xi eċċezzjoni. Kienet magħrufa bħala Societa Filarmonica del Zebbug(1).

Il-Bidu

F’dawn l-ewwel snin tal-ħajja tagħha l-Banda Rohan ġibdet l-ammirazzjoni tal-poplu Żebbuġi. F’dawk iż-żminijiet il-Banda Rohan kienet tieħu sehem f’diversi festi fir-raħal, fosthom fil-festa titulari ta’ San Filep (2) u fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. L-ammiraturi tal-Banda ddeċidew li jagħmlu palk biex il-Banda tkun tista’ ddoqq fuqhu fil-festi titulari tal-Belt Rohan. Il-palk sar u ġie mżejjen bl-armi tal-Granmastru De Rohan li tiegħu l-Banda u Ħaż-Żebbuġ iġibu ismu. Saret ukoll statwa ta’ l-istess Granmastru De Rohan li tpoġġiet f’post prominenti tal-palk.

Fl-1870, sewwa sew meta l-Papa Piju IX pproklama lil San Ġużepp Patrun Universali tal-Knisja, saret l-istatwa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ, xogħol ta’ Ġlormu Darmanin. Il-Banda Rohan ġiet mistiedna mill-Fratellanza ta’ San Ġużepp sabiex tieħu sehem fil-festa tal-Patroċinju tal-Qaddis – ħaġa li għadha ssir sal-lum.

Sa l-1910 il-Banda Rohan għarfet iżżomm ruħha indipendenti. Ma kellha x’taqsam ma’ ebda soċjetà oħra. Kellha l-post tagħha fejn tħarreġ l-allievi u wkoll fejn tikkunċerta għall-programmi li kien ikollha matul is-sena (3).

Dan il-post għadu magħruf sal-lum bħala ‘L-Iskola’ u jinsab fi Triq l-Isqof. Interessanti hu li dan il-post għadu sal-lum jintuża mis-Soċjetà tagħna biex fih jinżamm l-armar tal-festa ta’ San Ġużepp.

Kwistjoni tal-Mużika Sagra fil-Knisja

Il-Banda Rohan damet tieħu sehem fil-festa ta’ San Filep sal-1904, meta jidher li qamet il-kwistjoni tal-Mużika Sagra fil-knisja. Dak iż-żmien iż-żewġ Maestri di Cappella prinċipali f’Malta kienu Mro. Bugeja u Mro. Nani (4). Meta waslet il-Festa titulari ta’ San Filep ġara li kien hemm min ried jibqa jżomm lil Mro. Buġeja bil-mużika tiegħu u min ried jibdel u jġib lil Mro. Nani. Kien ġie deċiż li għall-festa ta’ San Filep kellu jibqa’ jagħmel il-mużika Mro. Bugeja.

Id-diriġenti tal-Banda Rohan ma qablux ma’ dan u għalhekk irrifjutaw li jibqgħu jieħdu sehem fil-festa titulari, kif kienet ilha tagħmel sa mit-twaqqif tagħha fl-1860. Dan kien il-każ ukoll li tilfu d-dritt tal-palk tal-Banda, għaliex waqa’ f’idejn l-awtoritajiet tal-Knisja Parrokkjali, u aktar tard l-istatwa tal-Grand Mastru De Rohan li kienet iżżejjen dan il-palk ġiet mibdula ma’ oħra ta’ Vilhena.

Imma dawk li riedu lil Mro. Nani ma ħallewx li din il-kwistjoni tgħaddi. Għalhekk stiednu lil dan is-surmast biex jiġi jdoqq fil-festa ta’ San Ġużepp, li sa l-1904 kienet tiġi ċċelebrata fil-parroċċa tagħna fl-aħħar Ħadd ta’ April (5), u ġieli anke fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju (6).

Il-Kumitat tal-Banda Rohan ħass li l-festa ta’ San Ġużepp kienet wisq qrib il-festa ta’ San Filep. Ħaseb u ħadem sabiex jittrasferixxi l-festa ta’ San Ġużepp għal ġurnata aktar lura. Dan il-ħsieb irnexxielhom iwettquh u mill-1905 il-festa ta’ San Ġużepp ġiet stabbilita għall-aħħar Ħadd ta’ Lulju (7). Dan seta’ jkun possibbli b’reskritt li għoġbu jagħti l-Papa Piju X (8). Hawn ta’ min wieħed jinnota li l-festa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ hija l-unika festa sekondarja f’Malta li tiġi ċċelebrata wara dik titulari.

Minn din il-kwistjoni tal-Mużika Sagra s-Soċjetà tagħna Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ħadet il-laqam ta’ l-Ajkla. Dan ġara peress li l-laqmijiet Ta’ l-Ajkla u Ta’ l-Istilla kellhom konnessjonijiet ma’ Nani u Buġeja (9). Illum id-disinji tal-laqmijiet narawhom jispikkaw fl-armi tal-baned u fit-tiżjin tal-festi rispettivi.

Fl-1910, fuq inizjattiva tan-Nobbli Antonio Zammit Gauci, li kien il-President tas-Societa Filarmonica Rohan (10) kif ukoll il-Prokuratur tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp (11) twaqqaf ic-Circolo San Giuseppe.

Jingħaqdu Flimkien

Is-Societa Filarmonica Rohan u ċ-Circolo San Giuseppe ngħaqdu uffiċjalment b’kuntratt nhar l-1 ta’ Novembru 1910. Il-President, kif kien xieraq, kien Antonio Zammit Gauci. Din l-ghaqda setgħet tkun possibbli peress li l-parti l-kbira tal-membri taż-żewġ kumitati kienu fil-kumitat taż-żewġ istituzzjonijiet. Minn dak in-nhar ‘il quddiem is-Soċjetà bdiet iġġib l-isem Circolo San Giuseppe e Filarmonica Rohan (12).

Minkejja d-diffikultajiet kbar li l-kumitat kien jiltaqa’ magħhom minn naħa ta’ għadd kbir ta’ saċerdoti Żebbuġin, minn sena għal oħra kompla jiżdied l-armar ta’ barra u l-armar għal ġewwa l-knisja (13) . Il-festa ta’ San Ġużepp ġiet stabbilita bħala waħda mill-aqwa ta’ pajjiżna (14). Fil-bidu tas-Snin Tletin kienet fl-aqwa tagħha, imma fl-1935 ħadet l-ewwel daqqa bil-Konċilju Reġjonali, u dak li ma kienx irnexxielu jagħmel parti kbira mill-kleru żebbugi ta’ dak iż-żmien ġie mpost mill-Konċilju Reġjonali.

Skond studju li għamel Dun Ġużepp Farrugia fit-teżi tiegħu Il-Konflitt tal-Partiti tal-Festi Sekondarji u l-Knisja Maltija, kiteb li sal-Konċilju Reġjonali ta’ l-1935 il-partit (Soċjetà) ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ kompla jikber tant li waslu li fil-festa tagħhom jarmaw daqs, jekk mhux iżjed mill-festa titulari. Dan kollu ġie fit-tmiem tiegħu mal-Konċilju Reġjonali ta’ l-1935, li impona restrizzjonijiet ħorox fuq il-Festi Sekondarji.

Regolamenti Ġodda

Il-kumitati kellhom jobdu r-regolamenti ġodda, mhux għaliex dawn qablu magħhom, iżda għax il-Knisja kellha f’idejha s-saħħa u l-influwenza. Dawn ir-restrizzjonijiet taw daqqa ‘l isfel lill-festa ta’ San Ġużepp, sakemm f’Mejju ta’ l-1975 l-Awtoritajiet Ċivili neħħew ir-restrizzjonijiet minn fuq il-Festi Sekonarji, f’dak li jirrigwarda festi ta’ barra, u ħadu f’idejhom il-ħruġ ta’ permessi għall-armar, baned, nar u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-festi u l-attivitajiet li jsiru fit-toroq.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-festi li jsiru fil-knisja. Ir-restrizzjonijiet fuq it-tiżjin u fuq il-funzjonijiet għadhom fis-seħħ. Huwa għalhekk li llum is-Soċjetà tagħna għandha għalfejn tirringrazzja lil Dun Ġużepp Bonanno, Prokuratur tal-Festa ta’ San Ġużepp bejn l-1916 u l-1943, li għamel minn kollox sabiex il-knisja parrokkjali tar-raħal ma jkun jonqosha xejn fil-Festa ta’ San Ġużepp. Mertu wkoll lil Dun Albert Dalli, Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ bejn 1904 sal-1918.

Surmastrijiet tal-Banda de Rohan

Mit-twaqqif tagħha sal-lum il-Banda de Rohan rat 19-il Surmast Direttur, tnejn minnhom Taljani. Gaetano Emm. Calì u Antonio Ruto. Minn idejn Indrì Borg fl-1872 (15) il-Banda għaddiet f’idejn Mro. Ferdinando Molinari. Warajh fl-1875 insibu l-ewwel Surmast Direttur Zebbuġi, Mikelanġelo Debono. Ir-raba’ Surmast Direttur kien Żebbuġi ieħor, Mro. Lorenzo Gatt, li dam fit-tmexxija tal-Banda Rohan għal tmien snin, sa l-1900 (17). Fi żmienu, skond ġurnal ta’ dak iż-żmien, insibu li l-Banda Rohan kienet waħda mill-iktar baned li daqqew fil-pubbliku (18).

Meta Mro. Gatt, kontra qalbu kellu jħalli d-direzzjoni tal-Banda, din għaddiet f’idejn Mro. Vincenzo Carabott, Surmast ta’ fama kbira. Fi żmienu, bħala Surmast Direttur tal-Banda De Rohan ta’ min isemmi l-funeral kbir tal-President tas-Societa Filarmonica Rohan, Mro. Filippo Galea. Il-funeral tiegħu ġie akkumpanjat b’marċi funebri, kif kien xieraq, mill-banda ewlenija ta’ Citta Rohan il-Banda Rohan (19).

Bejn l-1903 u l-1906 kellna lil Mro. Orlando Crescimanno, wieħed mill-aqwa surmastrijiet ta’ dak iż-żmien. Kien jagħmel kunċerti wieħed fl-ieħor, programmi fuq programmi. Il-Banda bdiet tiġi mistiedna kważi fil-festi prinċipali kollha. Mro. Crescimanno jibqa’ msemmi għall-innu l-kbir li kkompona, Inno a San Giuseppe, xogħol vokali u strumentali tassew sabiħ! Innu li għadu jindaqq sal-lum fl-aħħar ta’ kull programm mużikali li tesegwixxi l-Banda Rohan.

Kien żmien ukoll meta l-Kumitat tas-Soċjeta Filarmonica Rohan immexxi mill-President il-Perit Pawlu Cassar Torreggiani, beda jaħseb biex il-bandisti jkollhom uniformi – waħda bajda li kienet tintuża għall-ġranet tas-sajf u l-oħra ta’ lewn ikħal li kienet tintuża fix-xitwa.

Wara Crescimanno ssejjaħ bħala Surmast Direttur it-Taljan Gaetano Emmanuele Calì, li dam fil-kariga sa Frar ta’ l-1914. Warajh il-Banda kienet taħt id-direzzjoni ta’ Surmast Direttur Taljan ieħor, Mro. Antonio Ruto. Ruto ma damx wisq peress li kienet faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Kien laħaq għamel biss xi kunċerti u programm.

Id-disà Surmast Direttur tal-banda Rohan kien Pacifico Scicluna. Matul iż-żmien tiegħu kien għamel xi żmien indispost u għalhekk ma setax jagħti l-kontribut tiegħu kollu lill-Banda, barra wkoll li kellu xi baned oħra taħt id-direzzjoni tiegħu. B’xorti tajba dik il-ħabta bħala Assistent Surmast il-Banda kellha liż-żagħżugħ Giuseppe Busuttil (20) li kemm-il darba ħa t-tmexxija tal-Banda f’idejh.

Fl-1920 il-Kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda de Rohan ta t-tmexxija tal-Banda f’idejn Mro. Giuseppe Busuttil wara l-esperjenza li kien ħa bħala Assistent Surmast. L-ammiraturi tal-Banda ħarsu lejh b’fiduċja u raw fih il-bniedem li kellu tant jirsisti, jissagrifika ruħu u jpoġġi f’post għoli l-isem tal-Banda De Rohan. Biżżejjed insemmu l-programm esegwit fi Pjazza Reġina, il-Belt, fl-1924 fl-okkażjoni ta’ għeluq il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette.

Programm ieħor kbir kien sar ġewwa Haż-Żebbuġ fis-6 ta’ Marzu, 1921, meta l-Banda De Rohan fakkret il-61 sena mit-twaqqif tagħha (21). Kien ukoll bis-saħħa ta’ dan l-istess Surmast li l-Banda ġiet regalata sett qniepen tubulari fl-1923 mill-ammiraturi tagħha (22).

Dak iż-żmien kien żmien tad-deheb għall-banda u l-ammiraturi tagħha kienu jmorru kull fejn tmur il-Banda u jqattgħu madwar tliet siegħat jisimgħu b’attenzjoni kbira lill-Banda tesegwixxi l-programm mużikali. Kien f’dak iż-żmien ukoll meta fi ħdan is-Soċjetà Circolo San Giuseppe e Filarmonica Rohan twaqqfet is-Soċjetà Mutuo Soccorso (23A): soċjetà mwaqqfa biex tgħin lill-membri u lill-bandisti fil-bżonnijiet tagħhom.

F’Ġunju ta’ l-1926 id-direzzjoni tal-Banda ngħatat f’idejn Mro. Vincenzo Ciappara. Surmast li baqa’ magħruf għad-direzzjoni tal-baned, kif ukoll għall-istrumentazzjoni ta’ kompożizzjonijiet ta’ diversi kompożituri għall-orkestra. Fuq kollox kien magħruf bħala r-Re tal-Marċi Maltin (23).

Wara Mro. Vincenzo Ciappara, f’Jannar ta’ l-1930 il-Banda De Rohan għaddiet f’idejn Mikiel jew aħjar Mro. Michael Gatt, iben familja ta’ nisel il-mużiċisti li għamlu ġieh lil Malta u fuq kollox lil raħal twelidu, Ħaż-Żebbuġ. Kien kurunettist prim ma’ diversi baned. Ta’ min isemmi li Mro. Mikiel Gatt kien in-neputi ta’ Mro. Lorenzo Gatt.

Bejn April ta’ l-1932 u Awwissu ta’ l-istess sena nsibu d-direzzjoni tal-Banda De Rohan f’idejn Mro. Willie Attard. Fl-istess sena ż-żagħżugħ Ġeraldu Farrugia ġie magħżul biex ikun l-14-il Surmast Direttur ta’ din il-Banda. Farrugia, iben il-Banda De Rohan, kien għad kellu 23 sena meta dderieġa l-ewwel programm tiegħu (24). Kien sar ir-Rabat. Il-Banda De Rohan damet taħt id-direzzjoni tiegħu għal 38 sena. Tul dan iż-żmien il-Banda De Rohan fakkret diversi okkażjonijiet speċjali, fosthom fl-1938 meta tfakkar it-78 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Kien attenda l-Lieut. Governor Adams Hunter li ppreżenta lill-Banda bandalora l-ġmiel tagħha bl-arma ta’ De Rohan (25).

Il-Banda De Rohan kellha wkoll ix-xorti tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’ġieħ iż-żjara f’Malta tar-Reġina Eliżabetta kif ukoll qabel fil-festi li kienu saru f’għeluq is-60 sena mill-Inkurunazzjoni tar-Reġina Vittorja. Fl-1964 ħadet sehem fil-festi ta’ Malta Indipendenti.

L-Ewwel Ċentinarju tal-Banda De Rohan

Is-Surmast Ġeraldu Farrugia fuq kollox kellu x-xorti li fl-1960, flimkien mal-Kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan jiċċelebra l-Ewwel Ċentinarju tal-Banda De Rohan, l-ewwel ċentinarju li qatt ġie ċċelebrat ġo pajjiżna minn banda. Mro. Ġeraldu Farrugia jibqa’ magħruf għal diversi marċi li kiteb għall-Banda De Rohan, fosthom Lil Indri Borg – Missier il-Banda De Rohan u Ave Josef.

Fl-1970 Mro. Farrugia kellu kontra qalbu jħalli d-direzzjoni tal-Banda De Rohan. Ġie segwit minn Mro. Henry Camilleri, li wkoll kien bandist mal-Banda De Rohan. Mro. Camilleri dam jidderieġi sa l-1976. Warajh insibu lil Mro. Frank Galea li wkoll kien wieħed minn ulied is-Soċjetà tagħna. Dawn iż-żewġ Surmastrijiet komplew fejn ħallew ta’ qabilhom fil-qasam tal-mużika.

Fl-1978 id-direzzjoni tal-Banda tħalliet f’idejn is-Surmast Lawrence Borg. Taħt id-direzzjoni ta’ dan is-surmast il-Banda De Rohan għamlet progress kbir. Fl-1981 il-Banda De Rohan esegwiet Programm Strumentali fl- Istitut Kattoliku f’isem il- Malta Band Clubs Association taħt il-patroċinju tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura. Fi żmien Mro. Borg, fl-1985 il-Banda ċċelebrat il-125 sena mit-twaqqif tagħha u kienu saru festi kbar. Mro. Borg dam jidderieġi lill-Banda De Rohan sa l-1990.

Fil-preżent il-Banda tinsab taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Ronnie Debattista. Fl-1993 il-Banda De Rohan, rebħet l-ewwel post minn fost diversi baned Maltin fil-Konkors Nazzjonali tal-Baned Malti li sar fit-Teatru Manoel. Unur prestiġġjuż li għamel unur u ġieh lil Banda u lil Ħaż-Żebbuġ. F’Novembru tas-sena ta’ wara fl-1994 il-Banda De Rohan ġiet mistiedna biex tipparteċipa fil-Malta International Brass & Woodwind Festival. Programm ieħor memorabbli taħt id-direzzjoni tas-Surmast Debattista kien sar fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ f’Lulju tal-1995, meta ġie mfakkar il-125 sena mill-miġja ta’ l-istatwa ta’ San Ġużepp fostna ż-Żebbuġin, u fl-istess waqt il-125 sena minn meta San Ġużepp ġie pprokklamat Patrun tal-Knisja Universali.

Okkażjoni oħra speċjali kienet fis-sena 2000 meta l-Banda De Rohan iċċelebrat il-140 sena mit-twaqqif tagħha bħala l-Ewwel Banda f’Malta bi programm vokali u strumentali taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta L-E.T. l-Professur Guido de Marco. Il-kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan kien iddeċieda li biex dan l-avveniment tant importanti u storiku jibqa’ mfakkar tiżżanżan bandalora tal-Banda ġdida. Fl-arkivju tas-Soċjetà nsibu għadd ta’ xogħlijiet ta’ diversi surmastrijiet. Dawn jinkludu marċi brijużi, marċi funebri u kompożizzjonijiet oħra.

Illum is-Soċjetà Każin San Gużepp u Banda De Rohan, wara ħajja ta’ tant snin ta’ ħidma, għadha miexja, b’mixja soda u meta tara x-xogħol li tant ħadmu għas-Soċjetà l-membri tagħha tħossha kburija. Kburija għaliex dejjem imxew mal-motto tas-Soċjetà: AVANTI SEMPRE. (26)

Referenzi

  • Storja ta’ Malta ta’ P.P. Castagna
  • Storia del Zebbug e sua Parrocchia ta’ Dun Salv Ciappara * Kontlitt tal-Partiti tal-festi sekondarji u l-Knisja Maltija ta’ Dun Gużepp Farrugia

Aktar Referenzi

No Sors
01. Guida Generale di Malta e Gozo – 1881 sa 1893
02. Il-Verita’ – Mejju 1894
03. Guida Generale di Malta e Gozo – 1910
04. Corriere Mercantile Maltese – 1875
05. Malta Tagħna – 23 ta’ April 1904; La, Croce di Malta – 2 ta’ Mejju 1877
06. Il-Poplu Malti – 28 ta’ April 1906
07. Malta Tagħna – 5 ta’ Mejju 1906
08, Poplu Malti – 28 ta’ Lulju 1906; Malta Tagħna – 28 ta’ Lulju 1906
09, Il-Berqa
10, Poplu Malti – 1 ta’ April 1911
11, Poplu Malti – 1 ta’ April 1911
12, Guida Generali di Malta e Gozo – 1920
13, Poplu Malti – 12 ta’ Awissu 1911
14, Malta Tagħna – 28 ta’ Lulju 1917 u 18 ta’ Mejju 1872
15, Corriere Mercantile Maltese
16, Guida Generale di Malta e Gozo – 1881 – 1892
17, Guida Generale de Malta e Gozo
18, Verita – 28 ta’ April 1894
19, Patria – 11 ta’ Gunja 1925
20, Malta Taghna – 28 ta’ Lulju 1917 u 22 ta’ Frar 1919
21, Ktieb ta’ Tifkira ta’ Mro. Henry Camilleri 1960
22, Malta Tagħna – 14 ta’ April 1923
23, l-orizzont – 16 ta’ Awissu 1979
23A, Malta Tagħna – 25 ta’ Novembru 1922
24, Il-Poplu – 19 ta’ April 1933
25, Il-Berqa – 17 ta’ Ottubru 1938
26, Berqa / Progress 1932

Dati Importanti fl-Istorja tas-Soċjetà

1860– Twaqqfet l-Ewwel Banda Nazzjonali f’Malta. Din twaqqfet f’Ħaż-Żebbuġ minn Mastru Indri Borg. Wara xi żmien magħrufa ‘Societa Filarmonica del Zebbug’ aktar tard Banda De Rohan.

1864– Jiżżanżan l-ewwel Palk għall-Banda De Rohan

1870– Il-Papa Piju IX pproklama lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali. Fl-istess sena tlestiet l-istatwa ta’ San Ġużepp għall-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, xogħol l-Istatwarju Ġlormu Darmanin.

1872– F’Marzu l-banda Filarmonica del Zebbug tieħu sehem f’dimostrazzjoni mill-antiformisti fil-Belt.

1893– F’Mejju tlesta u ġie mżanżan mill-Filarmonica Rohan il-palk tal-Banda magħruf bħala “L-Iskorfna”. Inħadem mill-imgħallem mastrudaxxa Filippu Vella u disinn tal-Perit Paolo Cassar Torregiani li kien President tal-istess banda.

1897– F’Din is-sena f’Malta saru festi kbar fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Djamanti tar-Reġina Vittorja. Il-Banda De Rohan ħadet sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kemm fl-isfilata kif ukoll esegwiet programm mużikali fi Pjazza San Giovanni, il-Belt.

1898– F’Jannar il-Banda De Rohan akkumpanjat lil Dun Ġużepp Bonanno (Prokuratur tal-Festa 1916-1943) mid-dar tiegħu għall-Knisja Arċipretali biex jiċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħu. Dun Ġużepp ħa l-ordinazzjoni tiegħu f’Diċembru 1897.

1901– It-Tlieta 11 ta’ Ġunju, Il-Banda De Rohan b’daqq ta’ Marċi Funebri minn ħdejn Bieb de Rohan (De Rohan Gate) sal-Knisja akkumpanjat il-funeral tas-Surmast Filippo Galea li kien President Onorarju tal-Banda De Rohan.

1903– Is-Surmast Orlando Crescimanno (Surmast Direttur mill-1902 sal-1906) irregala lill-Banda De Rohan l-“Inno per San Giuseppe”. Innu għall-Banda u l-kor, tenur u l-baxx. Innu famuż li għadu jindaqq sa llum.

F’din l-istess sena is-Soċjetà Filarmonica Rohan ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-Festi Ġubilari li saru f’Malta f’ġieħ il-Papa Ljun XIII. Il-Banda esegwiet Programm Mużikali fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt, fil-25 ta’ Mejju. 1904– F’din is-sena, s-Società Filarmonica Rohan kienet l-aħħar sena li ħadet sehem attiv fil-festa ta’ San Filep.

1905– Il-Festa ta’ San Ġużepp ġiet stabbilita għall-aħħar Ħadd ta’ Lulju. Dan kien possibli b’reskritt li għoġbu jagħti l-Papa Piju X. Il-Ħadd 10 ta’ Ottubru s-Società Filarmonica Rohan iċċelebrat il-festa tal-‘Otto Settembre 1565’.

1906– Il-Banda De Rohan żanżnet l-uniformi l-bajda. Din kienet tintuża għall-jiem tas-sajf. F’din is-sena saru l-erba’ anġli (puttini) bl-emblemi f’idejhom, li nsibu fuq il-bradella tal-istatwa ta’ San Ġużepp, xogħol Karlu Darmanin. L-istatwa ta’ San Ġużepp ġiet indurata għall-ewwel darba għand Giovanni Busuttil u swiet 15–il Lira.

1907– Is-Surmast Taljan Gaetano Emmanuele Cali (Surmast direttur mill-1906 sal-1914) irregala lill-Banda De Rohan “Inno a San Giuseppe” innu b’ħames vuċijiet u kompożizzjoni mużikali bl-isem ta’ ‘Rohan’.

1908– Il-Banda De Rohan żanżnet l-uniformi ta’ lewn ikħal. Din kienet tintuża mill-Bandisti fil-jiem tax-Xitwa.

1909– Matul din is-sena s-Società Filarmonica Rohan kriet post fi Strada Reale flok l-ieħor li kellha qabel.

1910– Fuq Inizjattiva tan-Nobbli Antonio Zammit, President tas-Società Filarmonica Rohan, Prokuratur tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp, twaqqaf ic-Circolo San Giuseppe. Aktar tard fl-1 ta’ Novembru tal-istess sena s-Società Filarmonica Rohan u ċ-Circolo San Giuseppe ngħaqdu uffiċjalment.

F’Diċembru ġie elett Prokuratur tal-festa Vincenzo Gioioso li jibqa’ mfakkar għar-rikors li kien għamel kontra għadd ta’ saċerdoti biex il-festa ta’ San Ġużepp tiġi ċċelebrata kif jixraq. 1913– F’April, iċ-Circolo San Giuseppe e Società Filarmonica Rohan ħadet sehem prominenti fil-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li nżamm f’Malta.

1916– F’din is-sena s-Soċjetà daħlet f’Każin ġdid li kien jinsab f’272 u 273 fi Strada Reale.

1920– Is-Soċjetà flimkien mal-Fratellanza organizzaw festi kbar ġewwa Ħaż-Żebbuġ biex jiġi mfakkar il-50 sena mill-Proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun Universali tal-Knisja.

1921– Is-Soċjetà flimkien mal-Fratellanza organizzaw festi kbar biex ifakkru il-61 sena mit-twaqqif tal-Ewwel Banda f’Malta, Il-Banda Rohan. Dak iż-żmien Circolo San Giuseppe kien magħruf bħala l-Każin tal-Ħaddiema. Fil-fatt, f’April waħda mill-ewwel konferenzi organizzati mill-Partit tal-Ħaddiema (Malta Labour Party) inżammet fil-Każin tas-Soċjetà.

1922– Fi ħdan is-Soċjetà Circolo San Giuseppe e Filarmonica Rohan twaqqfet is-Soċjetà “Mutuo Soccorso”. L-għan ewlieni ta’ din is-Soċjetà kien li jgħin lill-membri, lill-bandisti u lill-familjari tagħhom fil-bżonnijiet tagħhom.

F’dik l-istess sena tinbena l-ewwel Kamra tan-Nar tas-Soċjetà f’Wied Inċita.

1923– Jinxtraw Sett Qniepen Tubulari għall-Banda mingħand id-ditta Hawkes & Sons. Jaslu Malta f’Diċembru.

1924– Fl-20 ta’ Jannar is-Soċjetà kkommemorat l-64 anniversarju tal-Fondazzjoni tal-Banda Rohan. F’din iċ-ċerimonja kienu mistiedna diversi persuni distinti fosthom il-Gvernatur Plumer u l-Prim Ministru Buhagiar. F’din il-kommemorazzjoni żżanżnu l-Qniepen Tubulari waqt il-Programm Mużikali.

Il-Banda De Rohan kienet mistiedna għall-Festa tal-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-Banda La Vallette. Din l-okkażjoni ġiet deskritta hekk: “L-Omm tifraħ lill-Bint”.

1925– Inħadmet l-Istatwa l-kbira tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp magħrufa bħala l-erba’ Partijiet tad-Dinja.

1931– Fl-1 ta’ Frar is-sede tas-Soċjetà ġiet trasferita minn Triq il-Kbira għall- 18,19,20 Misraħ San Filippu. Dun Karm Psaila, aktar tard onorat bħala l-Poeta Nazzjonali, mexxa ċ-Ċerimonja tal-Konsagrazzjoni tal-Każin lill-Qalb ta’ Ġesu’. Għal din l-okkażjoni saret festa u ġie esegwit programm Mużikali fil-Pjazza tar-Raħal.

Għall-festi ta’ barra ta’ dik is-sena saret l-istatwa li tirrapreżenta l-‘Ħarba ta’ San Ġużepp u l-Madonna bil-Bambin’, xogħol Mastru Carm Mallia. 1932– Lejn l-aħħar t’Awwissu l-bandist tal-post Ġeraldu Farrugia ġie maħtur surmast direttur tal-Banda De Rohan. Hu żamm din il-kariga għal 38 sena.

1935– F’Mejju saru festi kbar f’għeluq il-25 sena Silver Jubilee tar-Re Ġorg V. F’dawn il-festi l-Banda De Rohan għamlet programm mużikali f’Misraħ San Filippu.

F’din is-sena sar il-Konċilju Reġjonali f’Malta li impona restrizzjonijiet ħorox fuq il-festi sekondarji.

1937– F’Ħaż-Żebbuġ saru festi ta’ tifkira ta’ għeluq il-200 sena mit-twelid ta’ Dun Mikiel Xerri. Il-Banda De Rohan ħadet sehem f’dawn il-festi u esegwiet programm mużikali fil-pjazza tar-raħal.

1938– Fis-16 ta’ Ottubru, ġewwa Ħaż-Żebbuġ ġiet organizzata festa sabiħa għall-okkażjoni ta’ għeluq it-78 sena mit-twaqqif tal-Banda Rohan. Għal din il-festa ġew mistiedna diversi persuni distinti fosthom il-Gvernatur ta’ Malta Adams Hunter. Ġie esegwit Programm Mużikali u wara ġiet ippreżentata Bandalora mill-Gvernatur lill-President, is-Sur David Camilleri. Il-finanzi għal din il-bandalora nġabru fuq inizjattiva tal-Prokuratur Dun Ġużepp Bonanno mill-membri u l-benefatturi tas-Soċjetà.

1942– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda de Rohan iffesteġġjaw l-għoti tal-George Cross permezz ta’ programm Mużikali f’Misraħ San Filep.

1944– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda de Rohan bdiet torganizza ta’ kull sena l-festa tal-Victory.

1945– Dun Karm Psaila, qassis Żebbuġi u Poeta Nazzjonali kiteb il-Kliem tal-Innu lil San Ġużepp.

1946– Fil-Festa ta’ San Ġużepp ta’ din is-sena żżanżan palk ġdid. Il-Banda de Rohan ħadet sehem fil-festi tar-rebħa.

1947– Il-Banda De Rohan ħadet sehem attiv fil-festi ċentinarji li saru f’Ħaż-Żebbuġ fl-okkażjoni ta’ għeluq il-100 sena mill-mewt tal-kbir patrijott Malti Mons. Franġisku Saverju Caruana. F’din l-okkażjoni l-Banda De Rohan, b’daqq ta’ mużika għall-okkażjoni mexxiet il-korteo minn ħdejn il-Bieb il-Ġdid fejn kien joqgħod Mons. Caruana, fejn Mons E. Galea kixef lapida kommemorattiva.

F’dik l-istess sena l-kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ħa sehem fit-twaqqif tal-Għaqda tal-Każini tal-Baned. Għall-festa ta’ din is-sena kien sar l-imsemmi ‘t-Tapit il-Kbir’, nar tal-art, armat fuq disa’ antarjoli ta’ 50 pied għoli. Biċċa xogħol li d-dilettanti tan-nar tas-soċjetà baqgħu margħufin għaliha. 1953– Il-Banda De Rohan ħadet sehem fl-isfilata tal-baned u għamlet programm fil-festi li saru għall-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II.

1954– Fl-okkażjoni taż-żjara tar-Reġina Eliżabetta II f’Malta l-Banda De Rohan esegwiet Programm Mużikali fi Pjazza Reġina l-Belt.

1958– Fi Frar s-soċjetà pparteċipat fil-Karnival ta’ Malta b’karru dekorattiv bl-isem ta’ Flying Fish. Kien suċċess u ntrebħu tliet premijiet, fil-kostum, fil-karru u fiż-żfin.

1959– Il-Banda De Rohan tilqa’ lill-Arċisqof Mikiel Gonzi fl-ajruport ta’ Ħal-Luqa u twasslu sal-Palazz tiegħu l-Belt. F’din l-istess sena fil-festa ta’ San Ġużepp, il-Banda De Rohan żanżnet strumentatura ġdida. 1960– Jiġi mfakkar f’Marzu l-Ewwel Ċentinarju mit-twaqqif tal-Ewwel Banda f’Malta, Il-Banda De Rohan, f’ Ħaż-Żebbuġ isiru festi kbar biex jiġi mfakkar dan iċ-ċentinarju.

1962– L-istatwa ta’ San Ġużepp bdiet toħroġ u tidħol mill-bieb ewlieni taz-zuntier tal-Knisja u mhux mill-bieb tal-ġenb. Dan l-aġir stramb kien jiġri biss fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ u mkien aktar f’Malta. Kienet l-aktar ħaġa kerha u nuqqas ta’ rispett lejn il-Patrun Universali tal-Knisja.

1964– Il-Banda de Rohan, fl-20 ta’ Settembru tagħmel marċ tul Triq ir-Rjali (illum Triq ir-Repubblika) fl-okkażjoni tal-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.

1965– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan flimkien mal-Kunsill Ċiviku jfakkru r-raba’ ċentinarju tal-Assedju l-Kbir. Il-Banda De Rohan esegwiet programm mużikali f’Misraħ San Filippu Ħaż-Żebbuġ.

1970– F’din is-sena jsiru festi kbar f’Ħaż-Żebbuġ biex jitfakkar l-Ewwel Ċentinarju mill-Proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun Universali tal-Knisja. Għal dawn il-festi barra s-soltu sehem attiv tal-Banda De Rohan ġew mistiedna biex jieħdu sehem ukoll iż-żewġ baned Żebbuġin l-oħra, il-Banda San Filep u l-Banda 12 ta’ Mejju.

1976– Il-Kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan jibda l-proġett tal-iżvilupp tal-Każin.

1979– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan tgwaqqaf għall-ewwel darba f’Malta l-Kummissjoni Nisa Ġużeppini fi ħdan is-soċjetà.

Il-Banda De Rohan tieħu sehem fil-festi ta’ Jum il-Ħelsien.

1980– Il-Banda De Rohan tieħu sehem bi programm Mużikali fil-festi tas-600 sena mit-twaqqif ta’ Ħaż-Żebbuġ.

1982– Il-Banda De Rohan tirrappreżenta lill-Għaqda Każini tal-Baned b’kunċert Strumentali, fl-istitut Kattoliku.

1985– F’Lulju sar il-ftuħ uffiċjali tal-estensjoni tal-Każin mill-President tar-Reppubblika Agatha Barbara. Din is-sena kienet taħbat ukoll il-125 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda De Rohan u kien sar programm mużikali kbir taħt id-direzzjoni tas-surmast Lawrence Borg.

1986– Fl-okkażjoni tal-25 sena mill-mewt ta’ Dun Karm Psaila, Poeta Nazzjonali, fil-każin ittellgħet wirja u serata mużiko-letterarja. Is-sala ta’ fuq ġiet imsemmija “Sala Dun Karm” u fl-istess sala nkixef bust ta’ Dun Karm.

Sar il-ftuħ uffiċjali tal-Kamra tan-Nar ġdida f’Wied Qirda.

1989– Biex jitfakkar il-25 anniversarju minn meta Malta kisbet l-Indipendenza l-Banda De Rohan ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’dawn il-festi b’marċ fil-Furjana.

1990– F’Lulju tpoġġa f’postu l-frontispizju l-ġdid. Xogħol l-iskultur Żebbuġi Lawrence Attard.

1991– Ġie inawgurat arkivju ġdid mill-President Onorarju l-imħallef Joseph David Camilleri. Xogħol maħdum fil-ġewż mill-Mastrudaxxa Pawlu Azzopardi fuq disinn ta’ Lawrence Briffa mill-Birgu.

1993– Il-Ġimgħa 17 ta’ Diċembru se jibqa’ mfakkar fost l-aktar jiem storiċi fl-istorja tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan. F’dan il-jum, ġewwa t-teatru Manoel, il-Banda De Rohan taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Ronnie Debattista rebħet il-finali tal-Konkors Bandistiku organizzat mill-Ministeru tal-Kultura.

1994– Isem il-Banda De Rohan kompla jissaħħaħ matul din is-sena. Bħala rebbieħa tal-Festival il-Banda De Rohan ġiet mistiedna mill-Ministeru tal-Kultura biex tieħu sehem fil-Malta International Brass and Woodwind Festival, biex esegwiet programm mużikali fit-Teatro Manoel flimkien ma’ tlett baned barranin, tnejn Ġermaniżi u waħda minn Sqallija.

1995– Tfakkar kif kien xieraq b’akkademja Mużiko-Letterarja bis-sehem attiv tal-Banda de Rohan fil-Knisja Arċipretali, il-125 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Ġużepp fostna ż-Żebbuġin u minn meta San Ġużepp ġie pproklamat Patrun Universali tal-Knisja.

1997– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan fuq stedina tal-Kunsill Lokali ħadet sehem fil-ġemellaġġ li sar f’Agira

2000– Ġie mfakkar l-140 sena mit-twaqqif tal-Ewwel Banda f’Malta, il-Banda De Rohan, għal din l-okkażjoni f’Misraħ San Filep ġie esegwit Kunċert Vokali u Strumentali. Għan-nom tal-membri l-President ta’ Malta u President Onorarju tas-Soċjetà l-Professur Guido De Marco ppreżenta bandalora lill-President tas-Soċjetà Frans Ghirxi. Il-Bandalora saret fuq disinn tas-Sur Ronnie Pisani u nħadmet minn Emmanuela Galea.

2003– Is-Soċjetà San Ġużepp u Banda De Rohan fakkret l-ewwel ċentinarju mill-mewt tal-fundatur tal-Banda de Rohan, OMM IL-BANED MALTIN, Mastru Indri Borg. Għal din l-okkażjoni sar Kunċert Mużikali fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali, il-Belt.

2006– Il-Banda de Rohan tellgħet Akkademja Mużikali fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ biex jitfakkar għeluq il-50 sena mindu tnediet il-festa ta’ San Ġużepp ħaddiem f’Malta.

2010– F’Jannar sar Marċ fil-Belt Valletta mill-Banda De Rohan flimkien mal-Banda L’Isle Adam tar-Rabat biex jagħtu bidu għall-festi tal-150 sena anniversarju.

Ġie inawgurat il-ktieb li jittratta l-istorja tas-Soċjetà, Belt u Banda De Rohan, tal-awtur Francis Galea.

F’Lulju sar programm Mużikali biex jitfakkar il-150 sena anniversarju tal-Banda De Rohan u wara sar kxif ta’ Lapida mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Ġiet mikxufa lapida mal-ħajt tas-sit fi Triq l-Isqof fejn 100 sena qabel beda jingħata l-ewwel tagħlim tal-mużika għall-allievi tal-Banda De Rohan. Il-Lapida ġiet mikxufa waqt il-marċ tal-Ħamis mis-sur Nazju Abela, Chairman tal-Kummissjoni li organizzat l-attivitajiet tal-150 Anniversarju tal-Banda flimkien ma’ Patri Adrian Cachia OFM Kappillan tas-Soċjetà.

Il-Marċ tradizzjonali tal-Festa ta’ San Ġużepp intemm bit-tlugħ ta’ bandiera ġdida mal-arblu tal-każin tas-soċjetà li ġiet irregalata lis-Soċjetà mill-Kummissjoni Żgħażagħ Ġużeppini fi ħdan is-Soċjetà.

2013– Il-Banda De Rohan flimkien ma’ baned oħra ħadet sehem f’Mass Band permezz ta’ daqq ta’ innijiet waqt il-purċissjoni fl-okkażjoni tal-Festi speċjali tal-Ġublew tad-Deheb mill-Inkurunazzjoni tal-istatwa ta’ San Ġużepp ix-xiħ.

Fl-istess sena, f’għeluq il-150 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Filep, il-Banda De Rohan tat is-servizzi tagħha permezz ta’ Mass Band maż-żewġ Baned l-oħra Żebbuġin f’Akkademja Mużiko-Letterarja fl-10 ta’ Mejju, kif ukoll fil-purċissjoni bl-istatwa fit-12 ta’ Mejju permezz ta’ daqq ta’ innijiet tal-okkażjoni.

2016– Il-kumpless tan-nar fi ħdan il-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan, rebaħ l-10 edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art Mekkanizzat li ġie organizzat fuq il-fosos tal-Floriana. Id-dilettanti tagħna rebħu ukoll il-kategorija għall-aqwa mekkaniżmu u l-kategorija għall-orġinalità fid-disinji u movimenti.

  • Tagħrif mogħdi u miġbur mill-Kumitat Każin San Ġużepp u Banda de Rohan

Organisation

Surmastrijiet

No Surmastrijiet Minn Sa
01 Indri Borg 1860 1872
02 Ferdinando Molinari 1872 1875
03 Mikelanġelo Debono 1875 1888
04 Lorenzo Gatt 1899 1890
05 Vincenzo Carabott 1900 1903
06 Orlando Crescimanno 1903 1906
07 Gaetano Emmanuele Cali 1906 1914
08 Antonio Ruto 1914 1914
09 Pacifico Scicluna 1914 1920
10 Giuseppe Busuttil 1920 1926
11 Vincenzo Ciappara 1926 1930
12 Michael Gatt 1930 1932
13 Willie Attard 1932 1932
14 Ġeraldu Farrugia 1932 1970
15 Henry Camilleri 1970 1976
16 Frank Galea 1976 1978
17 Lawrence Borg 1978 1990
18 Ronnie Debattista 1990 2017
19 Tancred Grech 2017

Presidenti

No Presidenti Minn Sa
01 Nob. Antonio Zammit Gauci 1910 1911
02 Loreto Cachia 1911 1918
03 Ġiovanni Maria Tanti 1918 1922
04 Loreto Cachia (Agent President) 1922 1926
05 Paolo Galea 1926 1927
06 Ġiuseppe Balzan (Agent President) 1927 1928
07 Nob. Nazzareno Zimmermann Barbaro 1928 1934
08 Paolo Gatt 1934 1938
09 David Camilleri 1938 1955
10 Carmelo Saliba 1955 1956
11 Philip Chircop 1956 1965
12 Ġiuseppe Gatt 1965 1972
13 Dr. John Laferla LL.D 1972 1979
14 Philip Galea 1979 1984
15 Ignatius Abela 1984 1988
16 Frans Ghirxi 1988 1992
17 Pio Saliba 1992 1992
18 Frans Ghirxi 1992 2002
19 Pio Saliba 2002 2008
20 Dr. Michael Laferla 2008 2009
21 Emmanuel Agius 2009 2015
22 Dr. Stephen Zammit 2015 2019
23 Dr. Roderick Aquilina 2019

Segretarji

No Segretarji Minn Sa
01 Joseph Chetcuti 1998 2001
02 Alfred Zammit 2007 2009
03 Patrick Bajada 2010 2012
04 Frankie Borg 2013

Teżoriera

No Teżoriera Minn Sa
01 Alfred Delmar 2007 2022
02 Emmanuel Agius 2022

Band Commissions

Band Activities Overseas

Historical Events in which the Band participated

Song Festivals, Events or Drama Activies

Annual Concerts

Annual Musical Activities

Recorded releases (LPs, Cassettes and CDs)

Cassettes

No Name of Cd's Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Festa ta' San Ġużepp (1987) 1987 *
02 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Festa ta' San Ġużepp (1990) 1990 *
03 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Marċi Brijużi - Banda De Rohan Vol.III (1994) 1994 *
04 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Marċi Brijużi - Banda De Rohan Vol.IV. (1998) 1998 *

Cd's

No Name of Cd's Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - St Joseph Club & De Rohan Band, Żebbuġ (2000) 2000 *
02 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Mill-Każin San Ġużepp u Banda de Rohan (2005) 2005 *
03 Festive Marches - Marċi Brijuzi - 150 Sena ta' Ħidma Mużikali 1860 - 2010 - Omm il-Baned Maltin - Każin San Ġużepp u Banda De Rohan (2010) 2010 *
04 Każin San Ġużepp u Banda De Rohan - Marċi Brijużi (2023) 2023 *

Programmes and Publications

Memorials

External links