Għaqda Banda Żejtun

From M3P
Revision as of 14:07, 1 October 2023 by Axiaqm (talk | contribs) (→‎Presidenti)
(diff) ← Older revision | Latest revision (diff) | Newer revision → (diff)
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Lis-Storja tal-Għaqda Banda Żejtun

Għaqda Banda Żejtun A.D.1933

L-għeluq ta’ 90 sena f’ħajja ta’ bniedem hija marka sabiħa li ma tintlaħaqx minn kulħadd, waqt li anniversarju ta’ għaqda jew banda hija tappa mportanti ħafna. Tappa li waqt li ġġiegħlek tirrifletti fl-imgħoddi u tħares lejn l-istorja tiegħek, tqanqlek biex timraħ ‘l quddiem u tħeġġek biex fil-kisbiet ta’ matul iż-żminijiet tagħraf l-isfidi tal-ġejjien. Propju din is-sena l-Għaqda Banda Żejtun qed tiċċelebra id-90 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Anniversarju li jbexxaq il-bieb fuq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel seklu mill-fondazzjoni ta’ dan il-Każin tal-Banda li għandhom isiru 10 snin oħra. Żgur li dawn id-disgħin sena kienu mportanti mhux biss għal din l-Għaqda, imma aktar u aktar għaż-Żejtun. Bħala eżempju wieħed fost ħafna nsemmu l-perseveranza u l-ħidma li saret u li xejn ma kienet nieqsa minn sagrifiċċji, intoppi u ċaħdiet biex il-festa ta’ Santa Katerina sabet ruħha fix-xahar ta’ Ġunju bil-għan li tkun tista’ tiġi ċċelebrata kif jixraq. Dan wassal, kif illum jaqbel kulħadd, li dan kien il-pass waħdieni biex il-festa Żejtunija f’ġieħ il-Patruna u l-Martri ta’ Lixandra ħadet ir-ruħ u telgħet fuq skala u pjattaforma ġdida kif dejjem kien jixraq lill-festa antika u bi storja.

L-Oriġini u l-Bidu Mużikali

Tajjeb nistqarru mill-ewwel li waqt li s-sena 1933 hija s-sena meqjusa bħala dik li welldet l-Għaqda Banda Żejtun u għamditha f’dik li hi illum, inkunu qed nonqsu jekk ma ngħidux li l-għeruq tal-Għaqda imorru lura lejn l-1927, anżi jekk irridu mmorru iżjed lura lejn l-1922. Dan meta grupp ta’ rġiel Żwieten sawwru l-ewwel Kumitat tal-Partit tal-Ħaddiema f’raħal u ‘l barra mill-kumitat ċentrali li kien jiltaqa’ fil-Belt Valletta. Mhux ta’ b’xejn li sal-lum għad hawn min jirreferi għal dan il-każin bħala Tal-Labour.

Dan it-tnissil li fil-bidu kellu skop politku, maż-żmien beda jieħu forma mużikali tant li fl-1928 twaqqfet il-Jazz Band sakemm imbagħad f’Settembru tal-1933 twieldet tal-Banda Żejtun wara li din inqatgħet għal kollox mid-Dar tal-Ħaddiema fejn kienet tnisslet l-ewwel żerriegħa. Dan kollu kien qed iseħħ fi klima ta’ taqlib kbir f’pajjiżna ikkawżati minn bidliet soċjali, politiku u religjuż.

Tajjeb insemmu li l-Banda Żejtun bdiet tiffunżjona bl-ewwel format bandistiku tagħha mhux fl-1933 imma f'Novembru ta’ l-1930. Din kienet il-wirt tal-Labour Jazz Band iffurmata minn mużiċisti li maż-żmien kienu telqu għal rashom mill-Għaqda Mużikali Beland. Kien it-Tnejn 16 ta' April 1928 meta Anton Caruana għamel proposta biex fil-Każin tal-Ħaddiema titwaqqaf l-ewwel fergħa mużikali jiġifieri il-Jazz Band. Dan il-ħsieb wassal biex f’seduta ta’ l-24 ta' Lulju 1928 saret proposta biex jinxtraw xi strumenti għall-Jazz Band jew aħjar il-Labour Jazz. Din fi żmien qasir kisbet popolarita’ kbira b’sehem u stediniet f’avvenimenti privati u anke publiċi fosthom dawk relatati ma’ Teatru, fieri u ovvjament f’attivitajiet politiċi tal-Partit tal-Ħaddiema. Din il-banda tant bdiet tiġbed attenżjoni tal-pubbliku li saħansitra f’Mejju ta' l-1929 ġiet mistiedna tieħu sehem fil-festa titulari tat-Trinita’ Qaddisa ta'il-Marsa imma skond it-tweġiba ta’ Karmenu Grima, is-Segretarju ta’ dak iż-żmien, dan ma setax isir għaliex ħass li l-banda kienet għadha mhux armata biżżejjed. Jista’ jkun li dan il-fatt wassal biex titqanqal u titħeġġeġ iżjed ix-xrara biex il-Jazz Band issir banda kif nafuha illum. F’dak iż-żmien biex jintlaħaq dan l-għan beda jiżdied it-tagħlim mużikali fosthom bejn l-istess żgħażagħ li kienu qed jiffrekwentaw il-każin. B’hekk il-banda bdiet tieħu x-xejra kif nafuha illum.

Fost l-ewwel okkażżjonijiet li daqqet insemmu dik ta’ Ħadd il-Għid li kien ħabat fl- 20 t’April 1930. Dakinħar il-banda daqqet u għamlet marċ fis-Cine Carabott fiż-Żejtun. Dan wassal biex jumejn wara l-kurunettista Salvu Pace ressaq talba biex Onorato Gauci jinħatar surmast direttur tal-banda. Fl-istess laqgħa Nazzareno Cardona ppropona Ii jitfasslu regolamenti għall-banda. Taħt is-Surmast Onorat Gauci l-iżvilupp u l-entużjażmu kotor tant li fit-22 ta' Ġunju u fis-17 t' Awwissu l-banda daqqet fit-tombli li saru quddiem il-każin. Xaħrejn wara f'Ottubru 1930 sar programm mużikali ieħor li fih il-Banda li tnisslet mill-Jazz Band bdiet tissejjaħ Żejtun Band. Is-suċċess ta’ dan il-programm qanqal lill-Bandisit u lill-Kumitat tat-tmexxija biex kif kien xieraq jitfgħu ħaristhom fuq il-festa tal-Patruna Santa Katerina ta’ Lixandra, imma hawn feġġ l-ewwel intopp għaliex f’dak iż-żmien pajjiżna kien għaddej minn ġlieda politiko religjuża u billi din il-banda kienet meqjusa bħala fergħa tal-Partit tal-Ħaddiema allura kien hemm diversi diffikultajiet u ntoppi min-naha tal-Knisja biex dan jiġi aċċettat. Infakru li f’dak iż-żmien l-Isqof ta’ Malta Don Mauro Caruana flimkien ma’ l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mikiel Gonzi kienu ħarġu ittra pastorali li kienet tgħid li kull min kien jappoġġja jew jagħti l-fiduċja tiegħu fl-eleżżjoni lill-Partit Kostituzzjonali dan kien ikun qed jikkommetti dnub mejjet. Dak iż-żmien, il-Partit Kostituzzjonali u l-Partit tal-Ħaddiema kienu jiffurmaw koalizzjoni bejniethom magħrufa bħala l-Compact.

Dan id-diżgwid inħass ukoll mill-fatt kif Dun Manwel Camilleri, li kien il-Kappillan Spiritwali ta’ l-Għaqda u li dak iż-żmien kien ikun maħtur direttament mill-Arċisqof, spiċċa abbandunaha għal kollox dan id-dover minħabba d-diversi kwistjonijiet li nqalgħu, fosthom insemmu kwistjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-Banda fil-festa ta’ l-Ewwel ta' Mejju (Jum il-Ħaddiem), il-kulur tal-bandiera li kienet ħamra, u fuq kollox billi din l-banda kienet fergħa tal-Partit. Barra minn dan l-Għaqda apertament kienet qed tappoġġja wkoll lill-kandidat Ċensu Bugeja.

Biss b’kuraġġ u determinażżjoni, minkejja li kien jidher ovvju li l-permess ma kienx se jinħareġ, billi dak iż-żmien biex jinħareġ permess għall-festa ried jiffirma bilfors il-Kappillan, il-kumitat baqa’ jippersisti u jara minn fejn kellu u minn fejn seta’ jgħaddi biex iwettaq il ħolma tiegħu li jdoqq fil-festa tal-Patruna Santa Katerina skond kif ippjanat għall-Ħadd 23 ta' Novembru. Hawn tant sabu oppozizzjoni li biex kisbu dan il-permess il-kumitat spiċċa kiteb lill-Gvernatur Ingliż u saħansitra saret petiżżjoni li ġiet iffirmata minn tmien mitt ruħ, numru sinifikanti ħafna għal dak iż-żmien. Dan wassal biex 3 ijiem qabel il-programm mużikali l-Kummissarju ħareġ il-permess meħtieġ u l-Banda Żejtun daqqet.

Is-suċċess inkiseb, l-entużjażmu kien inevitabbli u l-Banda Żejtun qalgħet bosta rigali. Dan is-suċċess żgur għandu jitqies ikbar meta wieħed ifakkar li kuntlarju għas-soltu l-pjażża inżammet mitfija, u tħalliet f’dalma li nkisret biss mid-dawl tal-lampi tal-gass ta’ madwar il-planċier li nkera mingħand il-Banda tas-Soċjeta Filarmonika L-Unjoni A.D. 1880 ta' Ħal Luqa. Wara dan l-avveniment importanti li kien jixhed rieda ta’ l-ażżar, nħar it-18 ta' Settembru kien ġie deċiż li jitwaqqaf sotto-kumitat għall-banda li beda jiffunżjona fl-1931. Fl-istess sena s-Surmast Onorat Gauci inħatar surmast taI-banda fuq bastiment tal-passiġġieri u għalhekk inqalgħet ħtieġa Ii jinħatar surmast ieħor minfloku. Dan ma kellu jkun ħadd ħlief iż-Żejtuni Ġużeppi Maria Dalli, missier is-Surmat Hector H. Dalli, li diġa’ kien bandist u membru mill-iżjed aktar attiv tal-Banda Żejtun. Fl-isfond ta’ dan, waqt li l-banda kienet għaddejja b’passi ta’ gant il-każin kien qed jiffaċċja problem interni kbar fosthom minżabba l-inkwiet bejn il-Partit u Knisja u agħar minn hekk dwar il-kirja tal-każin mal-propjetarju tal-binja li kien Mikiel Caruana, li kien l-ewwel president ta' l-Għaqda u li kien għaddej bi kwistjoni mal-Partit taI-Ħaddiema. Dan ma kienx każ iżolat fi ħdan il-Partit tal-Ħaddiema għaliex irridu nfakkru li minħabba l-interdett il-Partit tal-Ħaddiema sab ma’ wiċċu diversi problemi interni speċjalment minn dawk li bdew ixaqilbu lejn il-pożiżżjoni ta’ l-Isqof tant li xi wħud spiċċaw imkeċċija mil-Partit u akkużati li kienu qed jaħdmu kontra sħabhom stess. Dan Mikiel Caruana, ex-membru u segretarju tal-Partit, dlonk ħoloq partit ġdid bl-isem Partit Ħaddiema Indipendenti u b’hekk il-qiegħa kompliet tishon u l-borma titħawwad.

Triq differenti - 1933

L-effet ta’ dan kollu wassal biex sa Lulju ta' l-1932 kien baqa’ biss 80 membru minn 300, waqt li l-każin ma ngħatax aktar il-permessi għall-fieri u tombli u b’hekk d-dħul kważi waqaf minn kullimkien. Dan minħabba li l-Għaqda ġiet meqjusa bħala fergħa integrali ta' partit politiku. Kien fid-29 ta' Diċembru, 1932 l-Għaqda sabet ukoll ruħha barra t-triq minħabba deċiżjoni tal-bord tal-kera. Quddiem dan l-għawġ il-President Nikola Attard qawwa lil sħabu tal-kumitat biex jagħmlu kuraġġ u ma jaqtgħux qalbhom. Ħeġġiġhom ma jċedux u ma jżarmawx. L-ewwel ma għamlu sabu jikru żewġt ikmamar f'numru 15 fi Piazza Maggiore, magħrufa bħala ll-Barumbara. Xaħrejn wara marru f’nru 12 Piazza Brittania u wara sena lejn tmien l-1933 f’Numru 14 u 14A Piazza Maggiore.

Pass li għen biex il-Banda u l-Għaqda ikomplu mexjin ‘il quddiem seħħ wara laqgħa straordinarja li saret fit-30 ta' April, 1933. Dakinħar tmenin membru unanimament qablu li minħabba l-ġlieda politko religjuża kellhom jinħallu mill-irbit politiku li kellhom u b’hekk il-membri jkunu jistgħu ikomplu jaqdu d-doveri religjużi tagħhom ukoll bla xkiel. Għalhekk iż-żagħżugħ Ġużeppi Attard imsieħeb minn 40 soċju ieħor nħar l-24 ta' Mejju, 1933 ippropona li l-Għaqda tieħu l-isem ta’ Żejtun Band Club. Dakinħar din it-talba xorta ma ntlaqgħetx mill-Kumitat għax wieħed mill-firmatarji ma kienx membru. Biss Ġużeppi Attard ta’ żagħżugh determinat li kien, ma qatax qalbu u rega’ ressaq l-istess petiżjoni fid-29 ta’ Mejju, din id-darba b’kull firmatarju regolariżżat fi sħubija.

Hawn tajjeb insemmu ġrajja partikolari li tixhed kemm l-imsieħba minkejja t-taqlib kollu li kien għaddej fi ħdan l-Għaqda tagħhom, xorta waħda kellhom qalb kbira u rieda soda li jibqgħu jagħtu s-servizz mużikali tagħhom fejn meħtieġ. Din il-grajja tixhed ukoll sens patrijottiku u kemm l-imsieħba minn dejjem qamu għall-okkazzjoni kull fejn kienu msejħa b’sens ta’ kburija nazzjonali. Ġara li fl-1933 l-għawwiem Malti Turu Rizzo iddeċieda li jaqsam bil-għawm bejn Malta u Sqallija u hawn il-Partit ta’ Strickland, li Rizzo kien jappoġġja, ried li biex iqajjimlu l-moral u jżommu għaddej, waqt l-għawma jarma banda biex iddoqqlu tul il-qasma minn gżira għall-oħra. L-invit tal-Partit Kostituzzjonali wasal għand il-Partit Laburista billi kien jaf li fi ħdanu kellu banda dik tal-Każin tal-Ħaddiema taż-Żejtun. Il-Partit Laburista dlonk dar fuq ż-Żwieten u din l-istedina ġiet milqugħa unanimanet mill-Kumitat taż-Żejtun Band. Anżi il-proposta tant ittieħdet b’serjeta li saħansitra inkitbet silta mużikali bl-isem Turu Rizzo Song kompożiżżjoni ta’ D Gruppetta u lirika ta C.Pace.

Kien l-1 ta’ Settembru 1933 meta l-Banda Żejtun flimkien mal-partitarji u membri miż-żewġ partit politiċi erħewlha mill-Port ta’ Pozzallo fuq il-Vapur Knight of Malta biex tul it-triq kollha qawwiet il-moral ta’ Turu Rizzo u ħolqot armosfera festiva. L-isfortuna imma riedet li l-vjaġġ ma jintemmx kif ippjanat għaliex nħar is-Sibt 3 ta’ Settembru qam il-maltemp u din l-avventura mimlija patrijottiżmu kellha tiġi abbandunata għaxar mili ‘l barra minn Malta.

Ftit jiem wara din d-disfatta nħar l-10 ta' Settembru issejħet Laqgħa Ġenerali Straordinarja biex titeħed deċiżjoni fuq dak li kien qed jipproponi Ġużeppi Attard. Hawn il-membri qablu li l-każin jibda jissejjah Żejtun Band Club.

Żgur li l-20 ta’ Settembru 1933 hija data mill-iżjed important għal din l-Għaqda. Ġurnata li tibqa’ minquxa b’ittri tad-deheb. Dakinhar saret ir-reġistrazzjoni tal-Għaqda mal-pulizja fejn l-isem minn Dar il-Ħaddiema sar ŻEJTUN BAND CLUB.

Il-ħolma ta’ Ġużeppi Attard seħħet waqt li l-perseveranza ta’ Nikol Attard tellgħu separju ġdid fuq il-ġrajja ta’ din l-Għaqda. Biss dan il-pass ma kienx biżżejjed u ma rregolarizzax ħidmet l-Għaqda mil-lum għal għada għaliex minkejja dan, il-permessi għall-fieri u t-tombla xorta ma ngħatawx. Biss mill-1934 'l quddiem din l-Għaqda Mużikali bdiet tiffunżjona bħala każin tal-banda normali, anke jekk it-tmexxija tista’ tgħid li baqgħet l-istess b’ Nikola Attard President, Mikiel Farrugia Segretarju u bit-tabib Pawlu Boffa bħala President Onorarju. Min hawn ‘il quddiem il-qofol tal-ħidma tal-Għaqda iffokat fuq il-banda u twarrbet dik politika, anke jekk sal-ġurnata tal-lum għad hawn min jireferi għall Każin taż-Żejtun Band bħala tal-Lejber waqt li fl-imgħoddi kien hemm minn jirreferi għall-partitarji anżjani bħala l-Boffisti. Hawn tajjeb inżidu wkoll ġrajja partikolari li tixhed ukoll kemm l-imsieħba minkejja dak kollu li kien għaddej xorta waħda kellhom qalb kbira li jibqgħu jagħtu s-servizz mużikali tagħhom. Ġara li fl-1933 l-għawwiem Malti Turu Rizzo iddeċieda li jaqsam bil-għawm bejn Malta u Sqallija u hawn il-Partit ta’ Strickland li Rizzo stess kien jappoġġja ried li biex iqajjimlu l-moral waqt l-għawma jarma banda biex iddoqqlu matul il-qasma. L-invit tal-Partit Kostituzzjonali wasal għand il-Partit Laburista u billi kien jaf li fi ħdanu kellu banda dik tal-Kazin tal-Ħaddiema taż-Żejtun dan dlonk dar fuqha liema stedina ġiet milqugħa unanimanet mill-Kumitat taż-Żejtun Band. Din il-proposta tant ittiehdet b’serjeta li saħansitra inkitbet silta muzikali bl-isem Turu Rizzo song kompozizzjoni ta' D Gruppetta u lirika ta C.Pace. Kien l-1 ta’ Settembru 1933 meta il-Banda Zejtun flimkien mal-Partitarji u nies membri miż-żewġ partit politiċi erħewlha mill-Port ta’ Pozzallo fuq il-Vapur Knight of Malta u tul it-triq kollha qawwiet il moral ta Turu Rizzo u ħolqot artmosfera festiva. L-isfortuna riedet li l-vjaġġ ma jintemmx għaliex nħar is-Sibt 3 ta’ Settembru qam il-maltemp u din l-avventura mimlija patrijottizmu kellha tiġi abbandunata għaxar mili ‘l barra minn Malta.

Il-Banda Żejtun dlonk wessgħet il-partecipazzjoni tagħha u bdiet idoqq fil-Karnival, f’fieri u tombli u b’determinażżjoni u kuraġġ fil-festa ta’ Santa Katerina, anke jekk t-triq kienet mimlija tfixkil u ma kinitx facli. Fil-fatt dak li llum hu meqjus bhala parti tradizzjonali, regolari u normali fil-festa tal-Patruna ma kienx possibbli li jseħħ u jsir norma kieku l-kumitati li mexxewha ma wrewx perseveranza u ma ġġieldux għal dan. Bħala eżempju nsemmu biss il-programm ta’ lejlet il-festa li għalih fil-bidu kien hemm oġġeżżjoni kbira billi kien hemm min baqa’ jinsist li l-Banda Żejtun kellha ddoqq imwarrba fil-pjażża t’isfel u mhux biswit il-każin. Żgur li dawn il-kisbiet seħħew biss għaliex is-soċi ta’ dakinħar kienu qalbiena u kienu wkoll determinati li jibqgħu jsostnu lill-Għaqda u l-Banda tagħhom. Dan kollu ma setax iseħħ li kieku ż-Żwieten ma kienux qed jappoġġjaw bi sħiħ lil din l-Għaqda u juru li rieduha b’saħħa.

Żgur li f’dan l-ispażju mhux possibbli li noqgħod nikteb fuq il-kwistjonijiet li nqalgħu minn żmien għal żmien mal-Knisja fosthom dwar is-sehem fil-festa u fejn kellu jintrama l-planċier u lanqas kemm inkitbu ittri lill-Gvernatur sew fuq il-programm, sew fuq il-planċier, sew fuq il-marċi u anke l-istediniet ta’ baned barranin. Xi wħud minnhom ħadu ż-żmien biex issolvew u riedu perseveranza u paċenżja kbira biex ġew miksuba, imma l-qalbiena li mexxew l-Għaqda Banda Żejtun fl-ewwel snin u anke fis-snin ta’ wara waslu biex iġibu kull ħolma r-realta’ tagħhom u ta’ raħalhom u dan billi l-Awtoritajiet tal-Knisja u dawk Ċivili, ippressati bil-perseveranza ta’ l-imsieħba kellhom jiffirmaw u jagħtu l-permessi mitluba. Fost dawn il-kwistjonijiet insemmi l-iżjed waħda riċenti tas-snin 80 iċ-ċaqlieq tad-data tal-festa.

Progress u suċċessi

Il-popolarita’ tal-banda u s-suċċessi li kisbet fiż-Żejtun wasslu wkoll biex dil-banda tibda tieħu sehem regolari fil-festi barra l-belt Beland, fost tal-bidu nsemmu dawk ta’ San Ġużepp f'Ħal Għaxaq w il-Kalkara, San Duminku fil-Belt u l-Madonna taċ-Ċintura fil-il-Gudja u wara dawn ġew bosta oħrajn. Ma’ dawn ma rridux inħallu barra s-sehem tal-Banda Żejtun fil-Karnival. Hawn il-banda ddebutat għall-ewwel darba fl-1938 meta dakinħar ħadet sehem bil-karru u bil-marċi grottesti bit-tema Wedding in Carnival. Iżjed tard matul is-snin il-Banda Żejtun kisbet diversi suċċessi u waslet biex tagħmel isem għaliha, tant li ħakment ix-xena u waqqfet pedistall li hu tagħha biss. Kien fl-1979 meta l-President Gużeppi N. Attard kien issuġġerixxa li l-Għaqda Banda Żejtun kellha terġa' tibda tikkompeti fil-marċi grotteski. Minn dakinħar bdiet sensiela ta' suċċessi fejn għal 25 sena I-Banda Żejtun ġiet klassifikata għal 23 darba l-ewwel bil-karru, marċi u grupp allegrija. Rekord assolut, li fih spikkaw il-ħila tas-surmast u l-bandisti, l-artisti tal-kartapesta Twanny Sinagra u Nenu Delia u tal-ħajjata. Dawn in-nies kienu l-mutur biex il-Banda Żejtun ħakmet ix-xena Karnivaleska fis-snin tmienin u disgħin u ħolqot rekord nazzjonali ta’ rebħ.

Lura lejn is-snin tlettin l-attivita’ mużikali tant kotrot li qanqlet il-ħtieġa ta’ strumentatura ġdida għaliex dawk ta’ l-1928 ma baqgħux jaqdu sew il- ħtiġijiet tal-banda. Għalhekk fl-1934 kien intlaħaq ftehim mad-ditta Carabott tal-Belt għal strumentatura tar-ram tad-ditta Boosey & Hawkes. Dan sar realta mal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Sadnittant f'April ta' l-1939 it-tmexxija tal-banda għaddiet mingħand il-missier għal għand l-iben u issa tħalliet f'idejn Hector H. Dalli, surmast żgħażugħ ta’ ħila u talent li kabbar sew isem iż-Żejtun Band. Dan indukraha sew fiż-żminijiet iebsa tal-gwerra meta bosta bandisti nqabdu bil-lieva u meta parti mill-każin ingħatat lir-refuġjati waqt li l-parti l-oħra ntlaqtet waqt ħbit mill-ajru. Minkejja dan bejn l-1940 u l-1945 iż-Żejtun Band xorta sellmet lill-patruna tagħha Santa Katerina u b’xi mod dejjem tellgħet il-programm tal-festa aktarx kmieni wara nofsinħar.

Bla dubju kulħadd jaf x’bokka għandhom iż-Żwieten bil-purċissjoni tal-Ġimgha l-Kbira li hija wkoll meqjusa fost l-akbar u l-aqwa li jsiru f’Malta. Għalhekk kien xieraq u wkoll naturali li I-Banda Żejtun tħoss is-sejħa li tibda tieħu sehem f’din il-purċissjoni u takkumpanja bil-marċi funebri sbieħ tagħha fosthom tas-surmast Mro. Ġużeppi Maria Dalli li kienu jindaqqu wkoll fil-programm ta' Ħadd il-Palm fil-pjazza. L-ewwel talba biex dan jibda jitwettaq saret fl-1946 fi żmien il-presidenza tal-Kaptan Serafin Xuereb. Iżda din it-talba ġiet miċħuda. Dan qanqal għadab fost il-membri li dejjem ħassewhom jiġu żvantaġġjati u diskriminati fejn jidħlu l-permessi mill-Awtoritajiet Ekklesjastiċi ta’ dawk iż-żminijiet. Tant għadbu li kien hemm min ħaseb li kellu jieħu pożiżżjoni militanti fil-konfront tal-knisja biss iI-President Xuereb ħass li kellu jimxi bil-għaqal u jieħu triq oħra, dik li joffri l-id tal-ħbiberija u juri rieda u koperażżjoni. Għaldaqstant fl-1947 minn butu ħallas is-sett ta' bandalori tas-Seba' Kelmiet irrakmati bid-deheb, li għadhom jinħarġu fil-purċissjoni sal-lum. Imma dan kien kollu għalxejn, ir-rieda tajba u l-irġulija ftit ġiet apprezzata. It-tentattivi komplew bla suċċess u l-bsaten fir-roti ma naqsux, dan sakemm iI-ftehim intlaħaq f'Ottubru ta' l-1968, xejn inqas minn 21 sena wara. Għalhekk il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ l-1969 tibqa’ meqjusa bħala storika għaliex fiha rat il-parteċipazzjoni tat-tieni banda, il-Banda Żejtun. Dakinħar għall-ewwel darba wara 7 snin minn mindu saret fl-1961, il-vara tat-Tradiment ta' Ġuda xogħol ta’ Angelo Capoccia kellha quddiemha banda. Dakinħar il-banda kienet taħt id-direżżjoni tas-Surmast Edgar Lowell li kien ħa d-direżżjoni tagħha fl-1952, tant li kien hu ukoll li mexxa l-programm tal-ftuħ tat-Teatru Pandora fl-1955. Din is-surmast żgur li kabbar l-immaġni tal-banda u sal-lum għadu magħruf għall-programmi li mexxa. Lowell kompla fuq is-suċċess li kien għamel is-Surmast ta’ qablu Mro. Hector H. Dalli li kien dam imexxi il-Banda 13-il sena, u li fihom il-Banda ġibdet lejha mijiet ta’ partitarji speċjalment minħabba l-marċi sbieħ li kien jikkomponi. Wara s-surmast Lowell imbagħad fl-1976 ġie maħtur surmast taI-Banda Żejtun Pawlu Buttigieg, A. Mus. L.C.M. sakemm f'Settembru 1978 inħatar Direttur s-Surmast Żejtuni Giuseppe Maria Barbara A. Mus. L.C.M.

Tiġdid Kontinwu

Żgur li l-Għaqda Banda Żejtun dejjem kienet fuq quddiem biex toħroġ b’ iniżjattivi ġodda. Insemmu li għal snin twal kienet hi li bdiet torganizza l-marċ tas-siegħa u li dan ċedietu fis-snin Sittin. Maż-żmien l-Għaqda Banda Żejtun reġgħet kienet protagonista u kienet hi l-unika li ħasset il-ħtieġa li tibda iddoq fil-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa ta’ Santa Katerina kif għadha tagħmel esklussivament sal-ġurnata tal-lum tmin ijiem qabel il-festa. L-akkumpanjament u l-merħba lill-istatwa mill-Banda Żejtun f’Jum il-Ħruġ min-niċċa issa ilu jsir għal dawn l-aħħar ħamsin sena sa mill-1973.

Mis-sena 1977 bdiet torganizza wkoll il-marċ ta’ filgħodu nħar il-festa. Fis-sena 1983 l-Għaqda ċċelebrat bil-kbir il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha. Dawn kienu ċelebrażżjonijiet kbar u fihom iżżanżnu bosta opri ġodda sew fejn tidħol il-binja tal-każin u sew fejn tidħol il-banda.

Hawnhekk insemmu biss is-sett qniepen li kienu ferm utli biex jiġi esegwit l-Innu lil Santa Katerina tas-Surmast Barbara. Fl-istess żmien dlonk inbdiet ħidma ambizjuza biex l-Għaqda jkollha planċier artistiku denju għal banda tagħha. Il-moħħ wara dan il-proġett massiċċ kien il-mastrudaxxa Leli Caruana li ħa ħsieb ukoll il-pjanta u d-disinn tiegħu. Dan offra li jmexxi u jagħmel dan ix-xogħol mingħajr ħlas. Hawn taw sehemhom diversi membri oħra li jum wara jum kienu jiltaqgħu biex jaħdmu fuq il-ħadid u anke l-injam. Din l-opra ġiet inawgurata mill-ET il-President tar-Repubblika ta’ Malta is-Sinjorina Agatha Barbara fit-22 ta’ Ġunju 1985 bi programm strumentali mill-aqwa, taħt id-direżżjoni mużikali tas-Surmast John J. Pace li kien ilu fil-kariga minn Settembru tal-1984. Għal din l-okkazzjoni s-Surmast Pace ikkompona s-sinfonija B’Saħħet il-Ħaddiem. Għall-istess okkazjoni il-Banda żanżet ukoll uniformi li għadha tintuża sal-lum f’għadd ta’ okkazzjonijiet speċjali fosthom fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Wasal Novembru x-xahar ta’ Santa Katerina u l-Għaqda kien għaddejja biċ-ċelebrazzjonijiet anniversarji tagħha. Il-jum tat-Tlieta 12 ta' Novembru, 1985 jibqa’ jum ieħor fil-kullana ta’ suċċessi. Dakinħar il-Banda Żejtun tellghet Kunċert Sinfoniku fil-Knisja Arċipretali. Kienet okkazzjoni grandjuza fejn il-knisja kienet letteralment ippakjata b’udjenza numeruża.

Il-festa ta’ l-Għid il-Kbir fiż-Żejtun, li llum saret tradizzjonali, ukoll taf il-bidu tagħha lil din l-Għaqda. Kien grazzi għall-entużjażmu u l-intervent tal-membru ħabrieki tagħha s-Sur Nenu Delia li ġiet ikkummissjonata l-istatwa sabiħa ta’ l-Irxoxt għand Alfred Camilleri Cauchi. Din l-istawa waslet fiż-Żejtun f’Ħamis x-Xirka ta’ l-1983, fl-istess sena li l-Għaqda Banda Żejtun kienet qed tfakkar il-50 anniversarju tagħha. Sena wara mbagħad din inħarġet proċessjonalment. Dakinħar li kien jaħbat it-22 ta’ April, il-Banda Żejtun reġgħet qamet għall-okkazzjoni u weħidha akkumpanjat il-purċissjoni festiva bid-daqq ferrieħi tal-marċi u l-Valzi ta’ l-Għid. F’dan il jum, il-poplu Żejtuni feraħ u ċċelebra l-Għid għall-ewwel darba bi statwa u bid-daqq tal-banda. Minn dakinħar ‘il quddiem il-Banda Żejtun ma falliet qatt dan l-impenn li twieled minn nofsha tant li għal snin twal kienet takkumpanja u kważi torganizza din il-festa waħidha.

Ġrajja oħra storika għall-Banda Żejtun u anke għas-Surmast John J. Pace seħħet f’Diċembru tal-1986. Dakinħar il-Banda Żejtun rebħet il-Konkors Nazzjonali tal-Baned Maltin Ii sar fit-Teatru Manoel. Fejn reġgħet indaqqet is-silta B'Saħħet il-Ħaddiem. Dan kien l-akbar trijonf għall-Banda u l-akbar unur Ii jista' jkollha banda Maltija fuq livell nazzjonali, unur li nkiseb minn ftit.

Għaddew ħames snin u fl-isfond tal-ġlieda li l-Għaqda kienet qed tmexxi biex il-festa tkun trasferita f’Ġunju ġie ppjanat programm ta’ attivitjaiet biex jitfakkru l-55 anniversaju tat-twaqqif tal-Għaqda Banda Żejtun. Il-festi ta’ l-1988 reġgħu urew is-saħħa tal-Għaqda u anke d-determinazzjoni tal-mexxejja u l-membri tagħha li ssagrifikaw u deherilhom li kien ikun aħjar li ma jieħdux sehem fil-festa ta’ Santa Katerina f’Novembru bil-għan li xi darba titwettaq il-ħolma ta’ bosta Żwieten li l-festa tiġi trasferita darba għal dejjem għas-sajf. Għalhekk il-kumitat iddeċieda li jorganizza festa f’Ġunju fejn saħansitra sar ukoll marċ brijuż u programm mużikali fuq il-planċier. Dan il-kunċert baqa’ jissemma minħabba l-akkumpanjament ta’ l-orgni tal-knisja waqt silta mużikali li ġie amplifikat apposta. Kienet innovazzjoni li ħalliet lill-kulħadd sorpriż. Sadanittant f’dan il-perijodu l-Għaqda kienet protagonista u għamlet minn kollox biex tressaq lill-kulħadd flimkien fuq il-mejda tad-diskussjoni u jkun hemm qbil komuni biex il-festa titulari tiċċaqlaq għal Ġunju. Dan ma kienx faċli u kien hemm diversi ntoppi u rezistenzi imma fl-aħħar il-partijiet kollha, inkluż l-Arċipriet Dun Ġużepp Theuma ressqu talba fomali lill-Kurja. L-ewwel laqgħa fil-Kurja biex jintmedd il-pass, saret fil-31 ta' Ottubru, 1986, imma billi sal-festa ta’ wara ma kienx hemm risposta iż-żewġ Għaqdiet mużikali ddeċidew li ma jiehdux sehem fil-festa.

Fl-1988, l-Għaqda Banda Żejtun, din d-darba weħidha u mhux bħas-sena ta’ qabel, reġgħet għamlet l-istess. Sadanittant sew biex iseħħ it-trasferiment tal-festa u anke billi l-Għaqda kienet assenti mill-festa titulari, il-pressjoni fuq il-kumitat amministrattiv bdiet tiżdied tant li fit-30 ta' Ottubru 1988, l-Għaqda qassmet fid-djar pubblikażżjoni dokumentata dwar dak li kien qed iseħħ. Inżerta li għall-festa ta’ dik is-sena t-temp reġa’ ma kienx ħanin u kważi għamel dulluvju, din kienet l-aħħar imbuttatura meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni finali. Ir-raġuni ma riditx aktar forza u fis-17 ta' Ġunju 1990 saret l-ewwel festa fis-sajf. Min dakinhar il-festa ta' Santa Katerina kompliet tieħu zvolta ġdida u tikber. U issa billi t-temp kien se jippermetti l-membri ħassew li kien xieraq li l-Għaqda ikollha l-bandalora artistika u prezzjuża tagħha li tkun tista’ titgawda u tintrama fuq il-planċier lejlet il-festa. Din kellha tkun b’xogħol irrakkmat bid-deheb u bi gwarniċjun tal-fidda. Ix-xogħol tmexxa taħt id-direzzjoni tal-Pittur Żejtuni Toutsaint Busuttil, filwaqt li d-disinn sar mis-Sur J.Treeby. Ir-rakkmu nħadem mis-Sinjura Emmanuela Galea ta'L-Imqabba. L-arġentier Senglejan is-Sur John Bartolo ħadem ix-xogħol kollu tal-fidda immartellata. Din il-bandalora ġiet ippreżentata waqt il-programm mużikali annwali ta’ lejlet il-festa li ħabtet fl-20 ta' Ġunju 1992. Waslet is-sena 2003 li magħha ġabet il-festi tas-70 sena mit-twaqqif tal-Għaqda fejn il-banda tellgħet programm maestuz ieħor fit-Teatru Pandora.

Programm mużikali msemmi huwa dak li sar fil-Knisja Parrokjali fl-10 ta' Ġunju. 2005. Fost is-siltiet mużikali esegwiti kien hemm Preghiera a Santa Katerina Vergni u Martri ta’ Mro. John J. Pace u l-Oratorju Mara kompożiżżjoni ta' Mro. Raymond Zammit b’lirika ta' Peter Miceli Saydon. Ftit wara fl-2006 Mro. Raymond Zammit sar it-tmiem Surmast Direttur fl-istorja tal-Banda Żejtun u f’Novembru ta' l-istess sena tella' programm mużikali fil-Pandora li sar appuntament annwali, b’rabta mal-festa liturġika ta’ Santa Katarina bħalma saru wkoll il-programmi annwali ta’ lejlet il-festa fuq il-planċier.

Ġrajja oħra glorjuza għall-Banda seħħet fl-2019. Nħar it-28 ta' Novembru għall-ħabta tal-11.00 p.m il-Banda Żejtun b’kontinġent ta’ madwar 60 ruħ erħitilha lejn l-Eġittu f’mawra ġewwa l-ibliet importanti ta’ Lixandra u l-kapitali l-Kajr. Din kienet okkażjoni prestiġjuza kemm għall-Banda u anke għaż-Żejtun. Hawn il-Banda Żejtun tellghet Programm Mużikali ġewwa l-Katidral prestiġjuż ta’ Santa Katarina V.M u esegwiet marċ ġewwa l-Kajr. Dan flimkien ma’ programm mużikali ieħor li ttella’ fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Ambaxxata Maltija fl-Eġittu.

F’dan l-artiklu li iffoka fuq il-banda ma nistax insemmi u nelenka l-ħidmiet li saru relatati mal-binja tal-każin, mat-twaqqif tat-Teatru Pandora u ma’ l-avvenimenti kulturali li organizzat. Lanqas ma kelli spazju biex nikteb dwar is-suċċessi miksuba fil-festa titulari li tinkludi nar, marċi u briju. Lanqas kelli spazju biex insemmi s-sezzjonijiet fi ħdanha bħalma huma taż-Żgħażagħ, Nar, Familja u Attivitajiet Soċjali u tal-Ġimgħa l-Kbira. Biss il-progress li sar jitkellem waħdu. Huwa fatt li din l-Għaqda għamlet bosta ġid u dan għax baqgħet taġġorna maż-żminijiet u tkabbar isimha f'diversi oqsma tul is-sena kollha. U la kabbret isimha ċertament li pari passu kabbret isem iż-Żejtun, ir-raħal ta’ Santa Katerina. Dan il-progress f’ħolqa glorjuza ta’ ġrajjiet huma minsuġa b’reqqa u b’ħila mis-Sur Francis Galea fil-ktieb li l-Għaqda ppublikat fl-2011 bl-isem Miż-Żejtun l-Għaqda Banda Żejtun.

Kienu bosta l-ġrajjiet li wieħed jista’ jsemmi u jikteb fuqhom u li ma semmejtx, bosta s-suċċessi li nkisbu u dan grażżi għall-membri ħabriek fid-diversi kumitati u fergħat man-nisġa tas-snin immexxija minn dawn il-Presidenti li jixirqilhom stima għax f’kull perjodu raw kif jgħelbu l-ostakli ta’ quddiemhom. Dawn kienu Nikola A. Attard (1933 – 1945), Capt. Serafin Xuereb (1946 – 1976), Carmelo Grima (1976 -1977), Ġużeppi N. Attard magħruf aħjar bħala (Joe N. Attard) (1978 – 2017), Dr. John Bonello (2018 – 2020), Elton Zarb (2019 – 2021) u prezentament is-Sur Alfred Portelli.

Daqshom u bħalhom kienu qalbiena l-bandisti immexxija mis-Surmastrijiet Onorato Gauci (1930-1931), Ġużeppi Maria Dalli (1931 – 1939), Hector H. Dalli A.MUS.L.C.M (1939 – 1952), Edgar Lowell (1952 – 1976), Paul Buttigieg A.mus. L.C.M (1976 – 1978), Giuseppe Maria Barbara A.MUS. L.C.M. (1978 -1984), John J. Pace (1984 – 2006), Raymond Zammit F.L.C.M. (2006 – 2009), Capt. Carmelo Mangion (bandmaster) (2009 – 2018) u preżentament Mro. David Agius (bandmaster).

Għeluq – Lejn il-100 sena…

Il-ħidma tal-ħafna liI ġew maż-żmien, il-kuraġġ tal-ftit qalbiena li mexxew lill-kumplamet għamlu lill-Għaqda Banda Żejtun għaqda qalbenija u leali lejn iż-Żejtun u ż-Żwieten. Dil-ħidma imħarsa u mbierka mis-sema taħt il-ħarsien ta' Santa Katarina sawwret dawn id-disgħin sena ta’ ġrajjiet.

Żgur li l-Għaqda Banda Żejtun se tibqa' taħdem, trawwem, isawwar, tnebbaħ u tferraħ bil-mużika tagħha u bl-iniżjattiv kulturali. Il-poplu Żejtuni min-naħa tiegħu jibqa’ jappoġġja u jibqa’ jfaħħar kull sforz li jsir b’ħeġġa, dehen u b’ħeffa ta’ tiġra. Dil-ħidma tkompli b’impenn u rispett lejn kull għaqda jew awtorita’ fiż-Żejtun, dil-ħidma għadha theġġeġ u tixpruna. Sadanittant it-triq lejn il-100 anniversarju tibda minn hawn….

Kitba u tagħrif miġbur minn Brian Bonnici

Organisation

Surmastrijiet

No Surmastrijiet Minn Sa
01 Onorato Gauci 1930 1931
02 Ġużeppi Maria Dalli 1931 1939
03 Hector H. Dalli 1939 1952
04 Edgar Lowell 1952 1976
05 Paul Buttigieg 1976 1978
06 Giuseppe Maria Barbara 1978 1984
07 John J. Pace 1984 2006
08 Raymond Zammit 2006 2009
09 Capt. Carmelo Mangion 2009 2018
10 David Agius 2018

Presidenti

No Presidenti Minn Sa
01 Nikola Attard 1930 1945
02 Capt. Serafin Xuereb 1946 1976
03 Carmelo Grima 1976 1977
04 Joseph N. Attard 1977 2017
05 Dr.John Bonello 2017 2019
06 Elton Zarb 2019 2021
07 Freddie Portelli 2022 2023
08 Brian Bonnici 2023

Segretarji

No Segretarji Minn Sa
01 Brian Bonnici
02 Anron Cachia
03 Andre Gatt 2022

Teżoriera

No Teżoriera Minn Sa
01 [[ ]]

Band Commissions

Band Activities Overseas

Historical Events in which the Band participated

Song Festivals, Events or Drama Activies

Annual Concerts

Annual Musical Activities

Recorded releases (LPs, Cassettes and CDs)

Cassettes

No Name of Cd's - Festives Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (1982) 1982 *
02 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (Vol.1) (1983) 1983 *
03 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (Vol.2) (1985) 1985 *
04 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (Vol.3) (1990) 1990 *
05 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (Vol.4) (1991) 1991 *
06 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (Vol.5) (1992) 1992 *
07 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (Vol.6) (1993) 1993 *
08 Festive Marches - Marċi Brijuzi bil-Kant - Għaqda Banda Żejtun (Vol.7) (1993) 1993 *
09 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Popular Marches - Għaqda Banda Żejtun (Vol.8) (1995) 1995 *
10 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (Vol.9) (1995) 1995 *

Cassettes

No Name of Cd's - Funeral Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Funeral Marches - Marċi Funebri (Vol.1) - Għaqda Banda Żejtun (1986) 1986 *
02 Festive Marches - Marċi Funebri (Vol.2) - Għaqda Banda Żejtun (1988) 1988 *
03 Festive Marches - Marċi Funebri (Vol.3) - Għaqda Banda Żejtun (1990) 1990 *
04 Festive Marches - Marċi Funebri (Vol.4) - Għaqda Banda Żejtun (1992) 1992 *

Cd's

No Name of Cd's - Festives Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (1997) 1997 *
02 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Popular Marches - Għaqda Banda Żejtun (1999) 1999 *
03 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (2000) 2000 *
04 Festive Marches - Marċi Brijuzi - L-Aħmar Renjanti, Għaqda Banda Żejtun (2001) 2001 *
05 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Sena Ċentinarja, Għaqda Banda Żejtun (2005) 2005 *
06 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Insellmulek Katarina, Għaqda Banda Żejtun (2007) 2007 *
07 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (2008) 2008 *
08 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (2011) 2011 *
09 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Banda Żejtun (2022) 2022 *

Cd's

No Name of Cd's - Funeral Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Funeral Marches - Marċi Funebri - Death and Resurrection (Vol.5) - Għaqda Banda Żejtun (1996) 1996 *
02 Funeral Marches - Marċi Funebri - Tifkiriet (Vol.6) - Għaqda Banda Żejtun (2004) 2004 *
03 Funeral Marches - Marċi Funebri - Guttae Sangunts (Vol.7) - Għaqda Banda Żejtun (2008) 2008 *
04 Funeral Marches - Marċi Funebri - Flaġellazzjoni tal-Mulej - Għaqda Banda Żejtun (2000) 2000 *
05 Funeral Marches - Marċi Funebri - Rex Judeorum - Għaqda Banda Żejtun (2019) 2019 *

Cd's

No Name of Cd's - Others Work Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Oratorju - Il-Mara li Laqtitna Lkoll (Santa Katarina) - Għaqda Banda Żejtun (2005) 2005 *
02 Concert - Kunċert Annwali - Għaqda Banda Żejtun (2006) 2006 *
03 Concert - Kunċert Annwali - Għaqda Banda Żejtun (2007) 2007 *
04 Cantata - Dejjem 'il Quddiem - Għaqda Banda Żejtun (2008) 2008 *
05 Festive Marches - Marċi Brijużi - Hector Fl-Okkażjoni tal-100 sena mit-Twelid ta' Mro. Hector H. Dalli (1914-2014) - Għaqda Banda Żejtun (2014) 2014 *
06 Nostalija Karnivaleska - Marċi Grottestki (Vol.01) (2023) - Mill-Għaqda Banda Żejtun 2023 * Mużika għal Karnival

Programmes and Publications

Memorials

External links