Pawlu Boffa

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

STUB

This page is a stub

Stub pages are like acorns. The first seed has been planted, but you can help them grow! There may, for example, also be other M3P resources linking to it. You can help by expanding this page.

Dr. Pawlu Boffa twieled fit-30 ta' Ġunju 1890. Kien politiku Malti li serva bħala s-sitt Prim Ministru ta’ Malta, l-ewwel Prim Ministru ta' wara l-gwerra, u l-ewwel Prim Ministru Laburista.

Imwieled il-Birgu, bin Carmelo u Carmela née Serracino. Studja fl-iskola Primarja tal-Birgu, fil-Liċeo u fl-Università Rjali ta' Malta fejn iggradwa bħala tabib fl-età ta' 23 sena. Fis-16 ta' Jannar 1921, iżżewweġ lil Genoveffa Ceci u kellhom erbat itfal - Hilda, Melina, Joseph u Vivi. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, Boffa serva fir-Royal Army Medical Corps, fejn wettaq servizz mediku fuq vapuri li kienu jiġu Malta bil-feruti tal-gwerra.

Fil-Partit Laburista

Il-karriera politika ta' Sir Paul Boffa bdiet fl-1923 meta ngħaqad mal-Partit Laburista u fl-1924 ġie elett għall-ewwel darba bħala Membru fl-Assemblea Leġislattiva għall-Ħames Distrett.

Is-sena 1926 rat żvilupp importanti fl-istorja tal-Partit Laburista. Fis-snin ta' qabel, il-Partit Laburista kien ipprova jtejjeb il-qagħda soċjali tal-ħaddiema Maltin billi ta l-appoġġ tiegħu lill-Unione Politica Maltese, partit lemini. Saħansitra kien daħal f'koalizzjoni miegħu iżda kien mgħoddi biż-żmien u, għalhekk, ittieħdet deċiżjoni li jsir ftehim ma' Gerald Strickland u sħabu. Permezz tal-“Compact” mal-Partit Kostituzzjonali, il-Partit Laburista ftiehem li jagħti l-appoġġ tiegħu lill-partit politiku mmexxi minn Gerald Strickland bil-patt li meta dan tal-aħħar ikun fil-gvern jgħaddi leġiżlazzjoni li ttejjeb il-qagħda soċjali tal-ħaddiema Maltin.

Fl-1928, it-Tabib Boffa nħatar Mexxej tal- Malta Labour Party. Bejn l-1927 u l-1932 il-Partit Laburista u l- Partit Kostituzzjonali ngħaqdu u kien iffurmat il-Gvern tal-Compact. Kien bis-saħħa tal- “Compact” li l-element progressiv fi ħdan il-Partit Laburista seta' jaħdem biex isiru liġijiet ta' fejda kbira fil-pajjiż. Biżżejjed li wieħed isemmi l-Workmen's Compensation Act li saret mill-Gvern tal- “Compact” fl-1929.

Is-Snin Tletin

Dr. Pawlu Boffa kien elett fil-Parlament ukoll fl-1927 u fl-1932. Is-snin tletin kienu ibsin ħafna għall-Partit Laburista. Imdaħħal bla bżonn fil-kwistjoni politiko-reliġjuża tal-1928-32 minħabba l-appoġġ tiegħu lil Gerald Strickland u 'l-Partit Kostituzzjonali, permezz tal-“Compact”, il-Partit Laburista ħallas prezz għoli għax tilef ħafna voti riżultat tal-kwistjoni mal-Knisja.

Kien grazzi għat-tmexxija tat-Tabib Pawlu Boffa u li meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija l-Partit Laburista kien għadu ħaj. Is-snin tletin kienu snin tassew iebsa għal kull min kien Laburist. Kienet waslet it-telfa kbira elettorali ta' Ġunju 1932, li kienet riżultat tal-kwistjoni politiko-reliġjuża. Boffa kien wieħed minn dawk fi ħdan il-Partit Laburista li kien jemmen li l-Partit ma kellux għalfejn jitlob maħfra lill-Isqfijiet Maltin. Iżda mhux l-istess għamel il-Mexxej tal-Partit Kostituzzjonali, Gerald Strickland, li għamel apoloġija lill-Isqof u hemm min jaħseb li aktar swietlu ta' deni milli ta' ġid fl-elezzjoni ġenerali tal-1932 għax b'hekk ammetta pubblikament li kellu tort fil-kwistjoni kollha.

Wara, kien hemm il-każ tas-Sedizzjoni tal-1933 meta ttellgħu Laburisti l-Qorti u tawhom anke l-kundanna għaliex qalu li sabulhom materjal hekk imsejjaħ “sedizzjuż” fil-pussess tagħhom, u t-telfa tal-Kostituzzjoni tal-1921 fl-istess sena (1933).

Fl-1936 Boffa nħatar Membru tal-Kunsill Eżekuttiv u fl-1939 ġie elett bħala Membru tal-Kunsill tal-Gvern. Ġie elett ukoll għat-Tieni Sessjoni tal-Kunsill tal-Gvern, li saret f'Novembru, 1945. Boffa kellu sehem importanti ħafna fil-laqgħat tal-Assemblea Nazzjonali, li x-xogħol tagħha kellu jkun it-tfassil ta' kostituzzjoni ġdida. Boffa kien wieħed mill-kelliema prinċipali tal-Labour Front, jiġifieri l- General Workers' Union u l-Partit Laburista. Il-kelliema prinċipali l-oħra kienu Ġużè Ellul Mercer, Reggie Miller, Mosè Gatt, Indri Cilia, Leli Tabone, Nestu Laiviera u Turu Colombo. Bis-saħħa ta' nies bħal Boffa u sħabu saru kisbiet kbar għall-poplu Malti. Biżżejjed wieħed isemmi li Malta ngħatat lura s-Self-Government fil-5 ta' Settembru, 1947; issa sew l-irġiel kif ukoll in-nisa li jagħlqu 21 sena setgħu jivvutaw u kull elettur seta' jkollu vot wieħed biss għall-elezzjoni tal-Assemblea Leġislattiva.

It-Tieni Gwerra Dinjija kien se jkollha effett kbir fuq il-politika Maltija. Dan għax il-Partit Laburista kien mess il-qiegħ meta bdiet iżda kien f'pożizzjoni li jaħseb serjament biex jibda jmexxi l-pajjiż meta ntemmet. Għalhekk, nistgħu ngħidu li t-Tieni Gwerra Dinjija għamlitha possibbli li f'Malta jkun hawn l-ewwel Gvern Laburista fl-1947.

L-Ewwel Prim Ministru Laburista

Meta waslet l-elezzjoni ġenerali ta' Ottubru, 1947, il-Partit Laburista kien f'pożizzjoni ferm aħjar mill-partiti politiċi l-oħra biex jirbaħ il-poter. In-Nazzjonalisti kienu għadhom ma ħadux ruħ wara l-mewt ta' Sir Ugo P. Mifsud u d-deportazzjoni ta' Nerik Mizzi matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Partit Kostituzzjonali ħa daqqa ta' ħarta kbira bil-mewt ta' Gerald Strickland fl-1940 u spiċċa fix-xejn. Il-partiti politiċi l-oħra li kkontestaw l-elezzjoni ġenerali tal-1947 kienu dgħajfa meta mqabbla mal-Partit Laburista li kien bena reputazzjoni tajba ta' xogħol siewi u kisbiet għall-poplu Malti. Il-Mexxej Laburista Pawlu Boffa kien rispettat ħafna minn kulħadd. Fl-1947 il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni u t-Tabib Boffa sar l-ewwel Prim Ministru Laburista u baqa' f'din il-kariga sa Settembru 1950. Fl-1998, Dom Mintoff fil-Parlament qal hekk:

“Fl-1947 ma kienx hemm iktar skużi; il-partiti kollha ħarġu għan-nofs u din kienet l-ewwel elezzjoni fejn seta' jivvota kulħadd, anke n-nisa... Fil-fatt f'dik l-elezzjoni - hawn ta' min wieħed jirrimarka li dak iż-żmien kien hemm 40 Membru f'dan il-Parlament - il-Partit Laburista tella' 24 Membru filwaqt li l-Oppożizzjoni kienet tellgħet 16-il Membru u għalhekk tistgħu timmaġinaw x'maġġoranza kellu l-Partit Laburista dak iż-żmien fil-Parlament; u bħal dik il-maġġoranza qatt ma kellna iktar. Jekk xi ħadd irid joqgħod jara ta' min kien il-credit, jien nista' ngħid li dakinhar il-leader kien Pawlu Boffa u ma kienx ħaddieħor. Veru li jien kont id-deputy leader tiegħu u veru li kien hemm miegħi Dr. Colombo, li kien għenni dak iż-żmien... Anke dakinhar fil-partit kien hemm il-left wing u kien hemm ir-right wing u filwaqt li Boffa kien fuq ir-right wing, kemm jien, kemm Dr. Colombo kif ukoll it-Tabib Schembri Adami - bħalissa nsejt x'kien jismu - konna fuq il-left wing”.

Fost il-merti ta' Boffa hemm il-ġlieda tiegħu favur l-Ilsien Malti. Fl-1998, Dom Mintoff fil-Parlament qal hekk:

‘’Il-Partit tal-Ħaddiema, li għandu rekords mill-iktar sbieħ, speċjalment Boffa ... Jekk hawn ħaġa li Boffa jistħoqqlu li jkollu statwa għaliha hija l-mod kif iddefenda l-ilsien Malti mill-bidu, biex ma noqogħdux insemmu Aquilinijiet. Aquilina veru kien bravu; ddefenda l-ilsien Malti u għamel living minnu imma Boffa ddefenda l-ilsien Malti, medd għonqu u ħadem u ma ħa xejn minn dan kollu ħlief xebgħa mingħand il-gradwati sħabu tal-Universita'. Jien qed insemmi dawn l-affarijiet biex nuri kemm sofra dan il-bniedem”.

Jitneħħa minn mexxej tal-Partit

Minħabba f'inkwiet fil-Partit Laburista, Pawlu Boffa tneħħa minn mexxej tal-Partit fl-1949, mill-Konferenza Ġenerali, iżda huwa għażel li xorta waħda jibqa' Prim Ministru. Iż-żmien bejn Ġunju, 1950, meta waqa' l-Gvern immexxi mit-Tabib Boffa, u Frar, 1955, meta l-Partit Laburista kien elett fil-Gvern, kien żmien ta' instabilita' politika kbira f'Malta.

Wara l-“iSplit” tal-1949, Boffa fforma l-Malta Workers' Party biex b'hekk ħoloq firda fi ħdan ix-Xellug f'Malta. Dan kien ta' vantaġġ kbir għall-Partit Nazzjonalista li, mkisser kif kien wara t-telfa kbira tal-1947, b'din il-mossa ta' Boffa ngħata ċ-ċans li jerġa' jirkupra l-pożizzjoni politika li kien tilef għal bosta snin. Fil-fatt, fl-elezzjoni ġenerali tal-1950, minkejja l-fatt li bejniethom il-Partit Laburista u l-Malta Workers Party ġabu aktar voti u aktar siġġijiet mill-Partit Nazzjonalista, kien dan tal-aħħar li eventwalment ifforma Gvern ta' minoranza għaliex baqa' ma ntlaħaqx ftehim bejn iż-żewġ partiti politiċi tal-ħaddiema.

Il-Gvern Nazzjonalista ħa daqqa ta' ħarta bil-mewt ta' Nerik Mizzi fl-20 ta' Diċembru, 1950 u floku laħaq Prim Ministru, Dr. Ġorġ Borg Olivier. Dan, però, kien imexxi Gvern dgħajjef ta' minoranza li kellu ħajja qasira tant li f'Mejju, 1951 saret elezzjoni ġenerali oħra.

Hawn il-Partit Laburista ġab siġġu anqas min-Nazzjonalisti iżda kieku ngħata l-appoġġ mill-Malta Workers' Party ta' Boffa, seta' jiggverna. B'sorpriża ta' kulħadd, però, it-Tabib Boffa u l-Partit immexxi minnu ddeċidew li jidħlu fi Gvern ta' Koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Borg Olivier. Boffa ngħata l-kariga ta' Ministru tas-Saħħa u Servizzi Soċjali. Il-Malta Workers' Party kien diġa' beda jmajna sewwa fl-appoġġ tiegħu mill-elettorat u din il-mossa, li ħafna ħaddiema rawha bħala tradiment tal-interessi tagħhom, kienet il-bidu tat-tmiem tal-karriera politika ta' Boffa u tal-Malta Workers' Party.

Il-Gvern ta' Koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Malta Workers' Party ma damx wisq u f'Diċembru, 1953 kellha ssir elezzjoni ġenerali oħra. Din id-darba l-Partit Laburista ġab siġġu aktar mill-Partit Nazzjonalista, dsatax għal tmintax, iżda l-Malta Workers' Party, bit-tliet siġġijiet biss li kien kiseb fl-Assemblea Leġiżlattiva, qaleb il-bilanċ favur in-Nazzjonalisti billi reġa' fforma Gvern ta' Koalizzjoni magħhom.

Kellu jkun il-Ministru John J. Cole li jwaqqa' l-Gvern ta' Koalizzjoni u, għalhekk, saret elezzjoni ġenerali oħra fi Frar, 1955 li ntrebħet mill-Partit Laburista mmexxi mill-Perit Duminku Mintoff. Il-Malta Workers' Party tat-Tabib Pawlu Boffa kien spiċċa fix-xejn qabel din l-Elezzjoni Ġenerali. Fl-1998, Dom Mintoff fil-Parlament qal hekk:

“Dakinhar il-ġlieda mal-Gvern Ingliż dwar il-Marshall Aid konna ġġelidnieha weħidna. Issa meta qed ngħid "weħidna" qed nirriferi għal min kien baqa' fil-Labour Party u għal min kien fl-eżekuttiv tal-Labour Party u wara ħafna xhur iddeċieda li dawk huma l-veru soċjalisti. Biex niftehmu, il-konferenza ġenerali ħadet din id-deċiżjoni wara ħafna xhur u mhux mil-lum għal għada, malajr malajr, għax hemm il-makna taħdem. Il-konferenza ġenerali ddeċidiet u qalet lil Boffa: Jiddispjaċina imma m'għandniex iktar fiduċja fik. U din kienet tfisser xi ħaġa. Ara ma taħsbux li din ma kienet tfisser xejn! U kellu credentials Boffa. U kif kellu credentials għall-partit!... Ir-raġuni li għaliha l-partit ta' Boffa spiċċa mill-istorja ta' Malta kienet waħda, li dan ma baqax Laburista iktar. Bl-eċċezzjoni ta' Colombo, kollha reġgħu resqu lejn il-Partit Laburista b'xi mod, inkluż Boffa, għax Boffa ma baqax jiġġieled iktar lill-Partit Laburista fl-aħħar ta' ħajtu. Meta nħares lura lejn l-istorja jien illum forsi nħoss li għamilt xi dnub dakinhar; forsi qed ngħid għax ma nafx. Meta hu kien ried li joqgħod figurehead, imqar għal tliet xhur jew għal erba' xhur biex jidher u jiġi identifikat li baqa' mal-partit, jien bżajt - u din se ngħidha ċar u tond issa - li l-partit se jerġa' jinqasam, u ma ridtx li l-partit jerġa' jinqasam.”

Sir Paul Boffa rtira mill-ħajja politika fit-13 ta' Jannar, 1955. F'Ġunju 1941 għall-kontribut qalbieni b'risq ħutu l-Maltin ir-Re Ġorg IV ħatar lit-Tabib Boffa bħala Uffiċjal tal-Imperu Brittaniku (O.B.E.) u f'Jannar 1956 kien onorat mir-Eliżabetta II bit-titlu ta' Knight Bachelor, bit-titolu Sir. Huwa miet fid-dar tiegħu f' Ħal-Tarxien, fis-6 ta' Lulju, 1962, fl-età ta' 72 sena. [[Category:Maltese Members of Parliament