Soċjetà Mużikali San Pawl

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

L-Istorja tal-Każin Banda San Pawl

Twaqqif tas-St Paul's Bay Club

Fl-1945, inħatar bħala d-disa’ Kappillan tal-Parroċċa ddekidata lill-Madonna tad-Duluri, Patri Ġann Franġisk Grima OFM Conv. Kienu s-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjijja u l-poplu Malti kien għadu qed jistejqer minn din it-traġedja, li sfortunatament messet lil San Pawl il-Baħar ukoll. Patri Ġann Franġisk ried jieħu ħsieb il-bniedem fil-milja tiegħu, jiġifieri ir-ruħ u l-ġisem. Ħadem u stinka kemm felaħ sabiex il-Pawlini jkunu moqdija spiritwalment bl-aħjar mod possibbli, imma ma’ waqafx hemm.

Nħar is-26 ta’ Marzu 1946 sejjaħ fl-uffiċċju tiegħu, fil-Kunvent, lil Francis X Dingli, Dr. Joseph Bonavia MD, Dr. Joseph Caruana MD, is-Sur Felix Grech u lis-Sur Joe Catania. L-għan li għalieh kienet issejħet din il-laqgħa kien biex f’San Pawl il-Baħar jinfetaħ Każin Soċjali, fejn l-irġiel ikollhom fejn jiltaqgħu u jqattgħu ftit tal-ħin. Għal dan il-għan, fl-istess laqgħa ġie ffurmat Kumitat temporanju li kellu jibda’ bit-tħejjijiet għat-twaqqif tal-Każin.

Fl-istess laqgħa il-Kumitat iddiskuta u aċċetta l-kundizzjonijiet li kellhu quddiemu fuq il-post numru 61, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar u ġie deċiż li dan il-post, li qabel kien rekweżit mis-Servizz, isir is-sede tal-każin il-ġdid. Is-Segretarju tqabbad biex jagħmel abbozz tar-regolamenti għall-Każin.

L-Ewwel Statut

Fit-tieni laqgħa li saret fl-1 t’April 1946, fl-Uffiċċju tal-Kappillan, il-Kumitat approva unanimament ir-regolamenti u b’hekk ġie ffurmat l-Istatut tal-Każin.

Statut

  • 1. Il-Każin jismu ST PAUL’S BAY CLUB
  • 2. L’iskop ta’ dan il-Każin hu li jservi ta’ rikreazzjoni għall-membri tiegħu permezz ta’ ġurnali, logħob ta’ karti, billiard u kwalunkwe logħob ieħor permess mill-liġi u li jgħin kwalunkwe mezz li jkun jista’ lill-Parroċċa u lill-pajjiż.
  • 3. Il-Każin jista’ jifforma banda, orkestra jew teams ta’ sports pero’ ma’ jieħu ebda’ parti biex jgħin jew ifixkel xi partit politiku, filarmoniku, filodrammatiku, team ta’ sport jew xi korp ieħor kostitwit.
  • 4. Il-Każin ikun immexxi minn Kumitat magħmul minn President, Segretarju, Kaxxier, Viċi President, Assistent Segretarju, Assistent Kaxxier u tlett membri oħra.
  • 5. Il-Kappillan tar-raħal biss jista’ jkun President Onorarju.
  • 6. Il-President, is-Segretarju u l-Kaxxier għandhom kull sena, f’seduta Ġenerali, jagħtu riżultat tax-xogħol li jkunu għamlu matul is-sena.
  • 7. Dan l-Istatut jista’ biss jiġi emendat f’seduta ġenerali li fiha jivvotaw tlett kwarti favur u li tkun ġiet imsejjħa apposta.

Kumitat

  • 1. Kull sena jiġi maħturin b’votazzjoni f’seduta ġenerali, il-membri tal-Kumitat li bejniethom jagħżlu l-uffiċċjalita’.
  • 2. Meta’ xi membru tal-Kumitat jispiċċa, jinħatar għal dik is-sena, il-membru mhux maħtur li jkun ġab l-aktar voti fl-aħħar votazzjoni.
  • 3. Il-kworum ikun ta’ ħames membri jew iżjed.
  • 4. Il-President jivvota biss fl-equalita’ ta’ voti.
  • 5. Is-Segretarju jżomm ir-reġistri tas-Seduti kollha u l-korrispondenza tas-Soċjeta’ bil-Malti.
  • 6. Il-Kaxxier huwa responsabbli għall-flus li jkollha s-Soċjeta’ u għandu jagħti tifsir ta’ l-amministrazzjoni tiegħu lill-Kumitat. Ma jistax iżomm aktar minn £ 50, somma akbar tkun imqegħda f’bank magħżul mill-Kumitat. Mill-bank ma jistgħawx jinġibdu flus ħlief bil-firma tal-President, tal-Kaxxier u tas-Segretarju. Jista’ jagħżel kollettur li jieħu 1/8 f’kull lira li jiġbor, pero’il-kaxxier huwa responsabbli għall-flus li jiġbor il-kollettur.
  • 7. Il-Viċi President, l-Assistent Segretarju u l-Assistent Kaxxier jassistu lill-President, lis-Segretarju u lill-Kaxxier u jaġixxu flokhom meta’ dawn ikunu assenti.
  • 8. Iż-żewġ Membri tal-Kumitat li ma’ jkollhomx kariga, jaġixxu ta’ riservi.

Proċedura Ġenerali

  • 1. Kwalunkwe bniedem il fuq minn tmintax il-sena, jista’ jkun soċju, iżda id-dħul tas-Soċi huwa amministrat mill-Kumitat. Is-Soċi jkunu effettivi biss.
  • 2. Kull sena għandu jitħallas : 5/- bħala entratura ; 2/6 kull tlett xhur bil-quddiem bħala menswalita’. Meta’ Soċu jkun sitt xhur lura fil-ħas tal-menswalita’, il-Kumitat jista’ ma jikkunsidraħ aktar bħla Soċu u hu jitlef id-drittijiet kollha tiegħu.
  • 3. Fejn fl-opinjoni tal-Kumitat ikun hemm xi nuqqas ta’ mġieba tajba ta’ kwalunkwe Soċju, id-deċiżjoni tal-Kumitat tkun finali.
  • 4. Il-Kworum ta’ Seduta Ġenerali jkun ta’ ħames Membri tal-Kumitat u ħamsin Soċju.
  • 5. Seduta Ġenerali issir mill-anqas darba kull sena u l-Kumitat jispjega l-amministrazzjoni tiegħu mill-aħħar Seduta Ġenerali. Biex seduta tkun siewja trid tkun avżata mill-anqas tmien t’ijiem qabel.
  • 6. Proposti li xi Soċju jkun irid iġib fis-Seduta Ġenerali għandhom ikunu rreġistrati għad is-Segretarju qabel jitwaħħal l-avviż tas-Seduta. Kwalunkwe proposta oħra tista’ tiġi rreġistrata mill-President.
  • 7. Għoxrin Soċju għandhom id-dritt li jitolbu Seduta Ġenerali permezz ta’ talba bil-miktub li jkun fiha l-isem u ‘l kunjom, il-laqam u l-indirizz ta’ dawn is-Soċi, lis-Segretarju barra mis-suġġetti li għalihom tkun se tiġi msejjħa l-laqgħa.
  • 8. Kwestjonijiet li fuqhom dawn ir-regolamenti ma jitkellmux ikunu deċiżi mill-Kumitat.

Xoljiment

Biex il-Każin jiddikjara xoljiment, trid issir Seduta Ġenerali avżata apposta u li fiha tlett kwarti tas-Soċi jivvotaw favur u f’dan il-każ is-Soċi jiddeċiedu b’maġġoranza sempli`i x’jagħmlu bil-propjeta’ tal-Każin.

  • Frans X. Dingli

Segretarju

  • Dun. Ġann Frangisk Grima

President

Fil-5 t’April 1946, il-Kumitat proviżorju, reġa ltaqa’ fl-Uffiċċju tal-Kappillan. F’din is-seduta imtlew il-postijiet li kien hemm vakanti fl-uffiċċjalita’, skond l-istatut il-ġdid u nbidlu xi karigi:-

  • President Onorarju - Rev Kappillan Ġian Franġisk Grima
  • President - Dr Joseph Bonavia MD
  • Segretarju - Francis X Dingli
  • Kaxxier - Dr. Joseph Caruana MD

Flimkien ma ħames membri oħra f'karigi ta' assistenti u membri.

F’din is-seduta ġie deċiż ukoll li l-ewwel laqgħa ġenerali ssir fl-14 t’April 1946 u li l-Kumitat proviżorju jiġi approvat għal ewwel sena mingħajr votazzjoni. Fil-laqgħa li saret fid-9 t’April 1946, fl-Uffiċċju tal-Kappillan inħatret kummissjoni ffurmata mill-istess Kappillan, Joseph Catania, Manwel Chetcuti u Manwel Bonnici biex tħejji għall-Laqgħa Ġenerali. Saret diskussjoni wkoll biex tinkera kamra li tifforma parti mid-dar numru 60, Triq San Pawl, biex ikun hemm aktar spazju fil-Każin.

L-Ewwel Laqgħa Ġenerali

Il-jum mistenni ta’ l-14 t’April 1946 wasal u fil-5.30 ta filgħaxija fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, li dak iż-żmien kienet fi Triq San Pawl, fuq il-Ġifen (ħanut tax-xorb), inġabru s-Soċi li n-numru tagħhom kien jammonta għal madwar 150. L-aġenda kellha fuqa żewġ punti, jiġifieri.

(1) Biex is-soċi jiġu nfurmati b’dak kollu li sar s’issa u japprovaw ir-regolamenti li għamel il-Kumitat. (2) Biex il-Kumitat jiġi awtorizzat ikompli għal sena mingħajr ma’ ssir votazzjoni.

Kien hemm deċiżjoni unanima li r-regolamenti jgħaddu kif proposti u l-Kumitat inħatar biex imexxi għal sena mingħajr ma’ saret votazzjoni.

Jumejn wara l-laqgħa ġenerali, il-Kumitat iltaqa’ fl-Uffiċċju tal-Kappillan sabiex jiddiskuti l-ħruġ ta’ l-offerti għall-bottegin. Il-Kumitat qabel unanimament li jiżdiedu żewġ regolamenti fl-istatut, li kienu :

(09). Il-Każin ikun miftuħ kulljum sa nofs il-lejl. Fil-Milied, fl-Istrina u fid-Duluri jista’ jibqa miftuħ il-lejl kollhu. (10). Il-Każin ikollu bottegin li jservi għas-soċi biss u għal mistednin tagħhom. Pero’ ħadd ma jista’ jħallas ħlief is-soċi.

Fl-ewwel laqgħa uffiċċjali tiegħu il-Kumitat ġie affaċċjat bl-ewwel riżenja, dik ta’ l-Assistant Segretarju, Joe Vella. Minnfloku il-Kumitat ħatar bħala membru ġdid tiegħu lil Antonio Cassar.

L-Ewwel Laqgħat fil-Każin , L-Arma u l-Bottegin

Ir-regolamenti tal-bottegin li ġew approvati fil-laqgħa li saret fis-16 t’ April 1946, kiedu dawn :

  • 01. Il-Kumitat jista’ jaċċetta jew jirrifjuta kwalunkwe offerta kemm vantaġġjuża jew żvantaġġjuża.
  • 02. Membri tal-Każin u li jkunu jgħixu regolari is-sena kollha f’San Pawl il-Baħar biss, jistgħu jagħmlu offerta għall-Bottegin
  • 03. L’ebda membru tal-Kumitat ma’ jista’ jagħmel offerta.
  • 04. Il-Botteginar irid jiftaħ il-Każin kuljum u iżommu miftuħ mill-anqas sa l-għaxra ta’ bil-lejl u jekk ikun hemm bżonn anke sa’ nofs il-lejl.
  • 05. Irid iżomm il-post nadif a sodisfazzjon tal-Kumitat
  • 06. Irid jieħu ħsieb il-buon ordni tal-post u jirraporta lill-Kumitat kwalunkwe irregolarita’ tas-Soċi li jkun jaf biha.
  • 07. Irid iforni fil-bottegin birra, nbid, spirti, luminata, te, kafe’, u affarijiet oħra ta’ dan il-ġeneru skond kif jordna il-Kumitat, u jrid iżomm prezzijiet skond il-liġi.
  • 08. Il-bottegin jingħata għal sentejn, bil-kera titħallas sitt xhur bil-quddiem.
  • 09. Jekk fl-opinjoni tal-Kumitat, il-botteginar ma jġibx ruħu tajjeb biżżejjed, fi kwalunkwe ħaġa, kemm fil-bottegin u kemm fil-każin, il-Kumitat ikollu d-dritt jagħtih tlett xhur żmien u jieħu lura il-bottegin u f’dan il-każ il-botteginar ma’ jkollux dritt għall-kera li jkun ħallas u għal ebda’ rikumpens ieħor,
  • 10. Il-botteginar irid iforni l-Każin b’karti tal-logħob a spejjeż tiegħu u mill-ġbir li jiġbor jieħu 5/- fil-lira. Il-flus jinġabru ġo kaxxa maqfula li tkun fuq l-imwejjed tal-logħob u tinfetaħ kull tant żmien mill-Kaxxier fil-preżenza tal-botteginar.
  • 11. Il-botteginar jista’ anke jkun kollettru tal-menswalita’
  • 12. Il-botteginar irid jieħu ħsieb huwa personalment jakkwista il-permessi kollha li jkollu bżonn għat-tmexxija tal-bottegin.
  • 13. Il-botteginar ma’ jkollu l’ebda dritt minn tombli, lotteriji jew xi ġbir ieħor li jorganiżża l-Kumitat.
  • 14. L’ispejjeż tal-fossa, ilma u l’elettriku ma humiex a karigu tal-botteginar.

Frans X. Dingli (Segretarju)

Dr. Joseph Bonavia MD (President)

F’Mejju 1946 sar festin fl-okkażżjoni tal-futħ tal-Każin.

Fit-28 ta’ Awwissu 1946, il-Kumitat iltaqa’ għal ewwel darba fil-Każin, bil-għan li jinfetħu l-offerti għall-bottegin. L-offerti kienu hekk:

  • Nazzarenu Bugeja L 15.00.0 fis-sena
  • Grezju Gauci u Joseph Borg L 18.00.0 fis-sena
  • Paul Gauci u Carmelo Farrugia L 35.00.0 fis-sena
  • Carmelo Cassar u Ninu Cutajar L 35.00.0 fis-sena

Peress li l-għola żewġ offerenti kienu qed joffru l’istess somma, il-Kumitat qabel li dawn l-offerenti jissejħu quddiemu u tittellgħa x-xorti rigward min kien se jieħu l-bottegin.

Din il-proċedura saret fil-laqgħa li ssejħet fit-3 ta’ Mejju 1946, fil-Każin. Ix-xorti messet lil Paul Gauci u Carmelo Farrugia u għalhekk dawn is-sinjuri saru l-ewwel botteginari tas-St Paul’s Bay Club.

Fl-istess laqgħa ġie approvat abbozz ta’ arma għall-Każin, liema abbozz tħejja minn Patri Felic Sammut OFM Conv.

Twaqqif ta' Fergħat - Arti Drammatika, Sport Armar ta' Barra Fil-Festa u Orkestra

Fil-laqgħa li saret fil-15 ta’ Mejju 1946 bdew iseħħu żviluppi nteressanti. Ġiet aċċettata il-proposta li ressaq Antonio Cassar sabiex fil-Każin tiġi ffurmata fergħa għall-arti drammatika. Il-Kumitat ħatar lill-istess Antonio Cassar sabiex ikun responsabbli minn din il-fergħa.

Proposta oħra din id-darba mressqa minn Manwel Chetcuti kienet biex titwaqqaf fergħa biex tieħu ħsieb l-armar ta’ barra tal-festa tad-Duluri. Il-Kumitat qabel ma din il-proposta u ħatar lil Manwel Chetcuti biex jieħu ħsieb din il-fergħa.

Is-Sur Joe Catania ippropona u nħatar biex imexxi fergħa oħra, din id-darba assoċċjata ma l-organizazzjoni ta l-isport.

Prosta oħra importanti li saret kienet ukoll imressqa minn Joe Catania li ppropona li tingħaqad orkestra mis-soċi tal-Każin. Ġie deċiż li jintagħżlu żewġ mużiċisti biex jifformaw l-orkestra.

Tibdil fil-Kumitat

Fl-istess laqgħa il-Kumitat aċċetta ir-riżenja tal-Viċi President Felix Grech, tal-Kaxxier Dr.G Caruana u tal-Membru Manwel Bonici. Minflokhom ġew proposti li jinħatru Dr. Joseph Attard Montalto LLD, Baskal Sammut ta’ Mnajjar u lil Joseph Sammut ta’ Frendo.

Fil-25 ta’ April 1946 ingħataw il-karigi lill-membri l-ġodda u l-Kumitat ġie ffurmat hekk : Rev. Kappillan F. Ġann Franġisk Grima baqa fil-kariga ta'President Onorarju. President sar Dr. Joseph Bonavia MD, Segretarju Frans X. Dingli u Kaxxier Joseph Catania, magħhom kien hemm ħames persuni oħrajn bħala assistenti jew membri.

Sar ukoll xi tibdil fit-tmexxija tal-fergħat. fejn Baskal Sammut ingħata l-inkarigu biex imexxi l-fergħa ddrammatika minflok Toni Cassar li ngħata l-inkarigu li jmexxi l-andament ta’ l-orkestra minflok Frans X. Dingli.

Fil-laqgħa li saret fit-28 ta’ Mejju 1946, ġie deċiż fost affarijiet oħra li l-Każin ikun abbonat fil-ġurnali Times of Malta u l-Berqa.

Waqt laqgħa li saret fit-3 ta’ Lulju 1946 ġie deċiż li d-dawl li jintrama għall-festa tad-Duluri jinxtgħel u jitħallas mill-Każin.

Fil-laqgħa li saret fit-23 ta’ Lulju 1946, il-Kumitat aċċetta ir-riżenja ta’ Joseph Vassallo mill-Kumitat. Inħatar bħala Assistent Segretarju minfloku John Muscat. Fl-istess laqgħa Joseph Catania, E Chetcuti u T Cassar ġew maħtura mill-Kumitat biex jissorvelljaw il-baned mistiedna għall-festa.

Fis-27 ta’ Awwissu 1946 irriżenja s-Segretarju Frans X. Dingli, il-kumitat ħatar lil Dr. Joseph Attard Montalto LLD bħala Segretarju fil-5 ta’ Ottubru 1946.

It-Tieni Laqgħa Ġenerali

It-Tieni Laqgħa Ġenerali saret fil-Każin, fid-19 ta’ Jannar 1947. F’din il-laqgħa ġie emendat l-Istatut, fis-sens li għandhom jiġu nominati sitt membri minflok tlieta u li setgħu jiġu nnominati aktar persuni bħala Presidenti Onorarji, apparti l-Kappillan tar-raħal. Il-Laqgħa Ġenerali eleġġiet dan il-Kumitat :

  • President Dr. Joseph Attard Montalto LLD
  • Segretarju John Muscat
  • Kaxxier Joseph Catania

Kien hemm wkoll disa membri oħra f'karigi ta' assistenti u membri. Fit-22 ta’ Jannar 1947, il-Kumitat ħatar lil Emmanuel Chetcuti bħala Direttur tal-Każin. Ġie deċiz ukoll li b’effett mis-7 ta’ Jannar 1947 l-ħlas tal-menswalita’ jiġi ridott minn 2/6 għal 1/6. Fit-tieni laqgħa, li saret fil-5 ta’ Frar 1947, il-Kumitat ħatar lit-Tabib Bonavia u lil Baruni Victor Chappelle bħala Presidenti Onorarji, il-Kappillan Ġian Franġisk Grima inħatar ex ufficcio. Is-Sur Ġużi Magro inħatar bħala Awditur. F’laqgħa li saret fid-19 ta’ Frar 1947 ġiet aċċettata l-proposta ta’ Manwel Chetcuti sabiex isir standart. Lewis Borg u l-istess Chetcuti ġew ikkummissjonati sabiex jiġbru l-fondi għal istandart.

It-Twaqqif tal-Banda

Fil-laqgħa li saret fis-26 ta’ Frar 1947, il-Kappillan ppreżenta lista ta’ persuni nteressati li jifformaw parti mill-orkestra. Ftit taż-żmien qabel, il-Kappillan, waqt il-quddies kien għamel appell għal żgħażagħ li kienu nteressati li jitgħallmu xi strument biex javviċinawh u jinkitbu.

Ġamri Galea u Joseph Magro ġew inkarigati biex javviċinaw persuna adatta bħala Direttur ta’ l-Orkestra. Fil-laqgħa li saret fil-5 ta’ Marzu 1947, Ġamri Galea nforma lill-Kumitat li kien avviċina lis-Surmast Ganni Vella, tal-Banda tal-Mosta, biex jibda’ jieħu ħsieb il-banda. Jekk ma’ jkunx hemm qbil fuq il-kundizzjonijiet mas-Surmast Ganni Vella, kellu jiġi avviċinat is-Surmast Emanuele Gauci minn Naxxar.

Fit-12 ta’ Marzu 1947, waqt laqgħa tal-Kumitat, Mro. Emanuele Gauci ġie maħtur bħala l-ewwel Surmast tal-banda. Il-Kumitat approva li Mro. Gauci jkollu salarju ta’ L 4 fix-xahar minbarra t-trasport u li l-lezzjonijiet, li kellhom isiru kull nhar ta’ Sibt fl-Iskola tal-Gvern, jibdew fl-1 t’April 1947.

Fil-21 ta’ Marzu 1947, Is-Segretarju nforma lill-Kummissarju tal-Pulizija Li Fil-Każin San Pawl kienet ġiet iffurmata Banda - Apparti dan kienet ippreżentata Lista ta' l-Ewwel Soċi tal-Każin - 1946/1947

Ġiet ippreżemtata lista ta ' xejn inqas minn 263 membru b'isem il-laqam u l-indirizz ta fejn joqgħodu, firxa li tkopri postijiet bħal San Pawl il-Baħar, Salina, Qawra, Xemxija, San Pawl Milqi, Buġibba, Erba' Mwieżeb, Pawles, l-Għerien, San Martin, Manikata, Burmarrat, Għajn Nastas, Għajn Raħana, Qarbuni, Wardija, Għajn Tuffieħa, Limbordin, Palma.

F'dak iż-żmien il-laqam kien importanti għax kulħadd kien ikun magħruf biħ, Aġġarti dan f'San Pawl il-Baħar żgur li kien hemm inqas toroq mill-illum, biss kien hemm mmebri mill-inħawi ta' id-dawra ta' San Pawl il-Baħar. Dawn il-263 membri għal dik is-sena kienu inġabru bejn is-7 t’ April, 1946 u s-26 ta’ Ottubru 1947

L-Istrumentatura

Il-Kumitat, meta twaqqfet il-Banda San Pawl fl-1947, kien iffurmat hekk :

  • Presidenti Onorarji: W.R. Patri Ġann Franġisk Grima OFM. Conv. flimkien ma' Dr. Bonavia u l-Baruni Victor Chappelle
  • President: Dr. J Attard Montalto LLD
  • Segretarju John Muscat
  • Kaxxier Joseph Catania

Ma dawn kien hemm disa membri oħra bħala assistenti u membri. Is-Surmast Direttur tal-Band kien inħatar Mro. Emmanuele Gauci

Fis-seduta li saret fil-Każin fit-30 ta’ Marzu 1947 naraw kif il-Kumitat iddeċieda li jixtri l-istrumentatura tal-Banda mingħand is-Sur Lucia tal-Belt Valletta. Saru wkoll l-arranġamenti neċessarji sabiex is-Surmast Emanuele Gauci jkun jista’ jabita fil-Każin meta’ jkun hemm il-lezzjonijiet.

Fil-laqgħa li saret fit-8 ta’ Ġunju 1947 il-President Dr. Joseph Attard Montalto LLD u l-Kaxxier Joseph Catania intgħażlu mill-Kumitat sabiex jirrappreżentaw lill-Kumitat f’laqgħa tal-Każini li kellha ssir fl-Universita’ Rjali ta’ Malta, nhar l-14 ta’ Ġunju 1947. Fl-istess laqgħa ġie deċiż ukoll li kull bandist li kien qiegħed jitgħallem kellu jħallas is-somma ta’ 6 d fil-ġimgħa.

Għall-festa li saret f’Lulju ta’ dik is-sena nsibu li l-Każin ħallas l-ispejjeż tan-nar li kien jikkonsisti fi tlett elef biċċa musketterija, elfejn murtal tal-kulur u elf bomba. Dawn nħadmu minn Ċensu ta’ Bistra flimkien ma xi nies oħra.

It-Tielet Laqgħa Ġenerali

It-tielet Laqgħa Ġenerali saret fil-Każin nhar l-4 ta’ Jannar 1948 u għaliha attendew 33 soċju. Il-Kumitat għas-sena 1948 ġie elett b’votazzjoni sigrieta u kien iffurmat hekk :

  • President Onorarju W R Patri Ġann Franġisk Grima OFM Conv.
  • President Dr. J. Attard Montalto LLD
  • Segretarju Dr. George Muscat MD
  • Kaxxier Joseph Catania

Ma dawn kien hemm tnax il-persuna oħra f'karigi ta' assistenti u membri.

L-ewwel laqgħa tal-Kumitat saret fil-Każin fl-4 ta’ Frar 1948. Mro. Emanuele Gauci nħatar mill-Kumitat sabiex jirrappreżenta lill-Każin mal-Malta Band Clubs Association illum magħrufa bħala Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda. Is-Surmast ġie nkarigat ukoll sabiex jixtri l-mużika għall-Banda. Ġamri Galea inħatar bħala Arkivista filwaqt li Pawlu Chetcuti ingħata l-inkarigu li jieħu ħsieb l-istrumentatura. Il-Kumitat f’din is-seduta iddeċieda li japplika għal Banka tal-Lottu. Fis-seduta li saret nhar it-28 ta’ Settembru 1948, Joseph Catania inħatar bħala Segretarju minflok Dr. George Muscat MD. Naraw ukoll li fl-4 ta’ Lulju 1948 kienet saret fiera.

L-Ewwel Servizz

Il-Banda San Pawl, fost il-ferħ tal-partitarji, għamlet l-ewwel servizz tagħha nhar il-25 ta’ Lulju 1948, f’San Pawl il-Baħar fl-okkażżjoni tal-festa titulari. F’din l-okkażjoni l-Każin ġie ppreżentat b’bandalora sabiex tibqa tifkira ta’ dan il-jum storiku.

Fil-laqgħa li saret fit-8 ta’ Ottubru 1948 naraw li l-programm li l-Banda kellha tagħmel f’Burmarrad ġie trasferit minħabba li kienet mietet persuna mill-post. Giuseppe Sammut ġie maħtur bħala Kaxxier minflok Joseph Catania li kien ingħata l-inkarigu ta’ Segretarju. Il-programm tal-Banda ġie deċiż li jsir fis-17 ta’ Ottubru 1948, ġie deċiż ukoll li l-Bandisti tal-post jiġu eżentati milli jħallsu l-menswalita’. Fil-laqgħa li saret fit-22 ta’ Ottubru 1948 il-Kumitat iddeċieda li jiġu stampati 100 kopja tar-regolamenti tal-Bottegin għand Scicluna Press. Kellhom jiġu stampati wkoll listi bil-Membri tal-Kumitat u s-Soċji. Toni Cassar, Wiġi Borg, Joseph Catania u Joseph Sammut ġew inkarigati sabiex nhar ta’ Ħadd joqgħodu fl-intrata tal-Każin sabiex dawk li ma kinux membri ma’ jitħallewx jidħlu fil-bottegin. Għal dan l-iskop twaħħlet tabella fl-intrata li kienet taqra Minn mhux soċi ma jistax jidħol.

F’laqgħa li saret fit-8 ta’ Novembru 1948 is-Surmast Gauci għamel talba għal żieda ta L 3 fis-slarju li sa dak in-nhar kien ta’ L 9 fix-xahar u talab sabiex il-kunċerti jitnaqqsu għal tlieta fil-ġimgħa. Fl-istess laqgħa ġie nnotat ukoll li l-Każin kien għad baqalu xi kontijiet pendenti mas-Sur Luċija fuq l-istrumentatura. Fil-laqgħa li saret fit-23 ta’ Novembru 1948 tqanqlu xi mistoqsijiet fuq xi materji finanzjarji rigward donazzjoni li saret lill-Klabb tal-Water polo. Fil-laqgħa li saret fis-7 ta’ Diċembru 1948 kien hemm qbil li s-salarju tas-Surmast isir ta L12 fix-xahar.

Ir-Raba’ Laqgħa Ġenerali

l-Ħadd, 9 ta’ Jannar 1949 saret ir-raba’ Laqgħa Ġenerali fil-Każin bl-iskop li jinħatar il-Kumitat għal dik is-sena. Il-Kumitat inħatar kif jidher hawn taħt :

  • President Dr. Joseph Attard Montalto LLD
  • Segretarju Joseph Mizzi
  • Kaxxier Joseph Sammut

Madwar għaxar persuni oħra servew bħala assistenti u membri fil-Kumitat.

Fil-laqgħa li saret fis-16 ta’ Jannar 1949 in-Nobbli Konti Prof. Sir Luigi Preziosi, in-Nobbli Victor. Chappelle u s-Sur Lewis Bonaci ġew maħtura bħala Presidenti Onorarji. Il-Kappillan W. R. Ġann Franġisk Grima OFM Conv. inħatar bħala Direttur Spiritwali. Mill-minuti ta l-istess laqgħa nsibu li l-Kumitat kien ordna leġiji għall- bandisti li ġew maħduma minn Anthony Vella. Ġie emendat ukoll il-ħlas ta’ l-entratura li minn 5/ tnaqqas għal 1/. Waqt il-laqgħa li saret fit-23 ta’ Jannar 1949, Gio Maria Galea u Joseph Gauci ġew maħtura mill-Kumitat biex jirrappreżentaw lill-Każin mal-Malta Band Clubs Association.

Possibilita Ta' Bdil tas-Sede

Fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 1949 insibu li l-Kumitat kien inkwetat li seta’ jitlef is-sede tiegħu għax il-kuntratt tal-kera kien se jagħlaq tul is-sena ta’ wara. Il-Kumitat iddiskuta l-proposta li jekk il-kera ma tiġġeddidx kellhom isiru l-arranġamenti neċessarji sabiex tinkera dar viċin l-għassa tal-Pulizija fi Triq San Pawl. Il-Ħadd, 13 ta’ Frar 1949 il-Banda San Pawl esegwiet marċ u programm f’San Pawl il-Baħar fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Pawl.

Il-Kappillan Grima Jirtira Minn Direttur Spiritwali

Fil-laqgħa li saret fid-19 ta’ Frar 1949, li għaliha kien preżenti l-Kappillan Grima, il-Wisq Reverendu spjega li minħabba npenji li kellu fil-parroċċa b’dispjaċir ma setax ikompli fil-kariga ta’ Direttur Spiritwali tal-Każin u minfloku nnomina lil Patri Geraldo Levanzin. B’ġest ta’ apprezzament lejn il-ħidma li l-Fundatur kien wettaq fi ħdan il-Banda, il-Kumitat irregalalu arloġġ tad-deheb.

Bnadar, Marċi Funebri u l-Planċier

Fl-istess seduta nsibu li l-Kumitat kien xtara sett marċi funebri mingħand Carabott tal-Belt Valletta. Sar qbil li jiġu ordnati żewġ bnadar għall-arblu tal-każin, dawn kienu tal-Papa u ta’ Malta. Fl-istess seduta Benny Sammut ġie maħtur b’mod unanimu bħala membru tal-Kumitat. Is-Sur John Carabott ġie nkarigat biex jaħdem planċier għall-banda wara li jiġu sottomessi l-prospetti.

Fil-laqgħa li saret fil-5 ta’ Marzu 1949 il-kumitat irċieva żewġ riżenji. L-ewwel waħda kienet ta’ l-Asst. Kaxxier Joseph Briffa li ma ġietx milqugħa u t-tieni kienet ta’ l-Asst. Segretarju Caristu Muscat li kien qiegħed jirriżenja minħabba li daħal fil-Militar. Ir-riżenja tiegħu ġiet aċċettata. Fl-20 ta’ Marzu 1949 saret Laqgħa Ġenerali Straordinarja bl-iskop li jiġi amendat l-istatut. Il-laqgħa bdiet nofs siegħa tard minħabba li ma kienx hemm kworum. Sfortunatament fil-Minuti tal-laqgħa ma hemmx imniżżel x’kienu dawn l-emendi iżda nafu li dawn għaddew b’xi tibdil żgħir.

Servizzi barra r-Raħal

Fil-laqgħa li saret fil-21 ta’ Marzu 1949 il-kumitat sema’ l-ilment tas-Surmast li qal li waqt li l-banda kienet qed takkumpanja l-istatwa ta’ San Ġużepp fil-festa li saret f’San Pawl il-Baħar nhar id-19 ta’ Marzu, hu kellu battibekk ma xi bandisti fuq rimarki li għaddewlu għax il-programm spiċċa aktar kmieni milli kien previst sabiex hu jkun jista’ jattendi għall-festa ta’ San Filep. Fil-battibekk li kien hemm Gio Marija Galea offra r-riżenja tiegħu imma din ma’ ġietx aċċettata. Fit-8 ta’ Mejju 1949 il-Banda għamlet servizz f’Ħaż-Żebbuġ fl-okkazzjoni tal-festa ta’ San Filep. Fl-20 u 22 ta’ Mejju il-Banda għamlet programm f’Ħal Qormi għal festa ta’ San Ġorġ. Fit-3 ta’ Lulju 1949 il-Banda għamlet marċ f’Tas-Sliema għall-festa tas-Sacro Cuor.

Fis-seduta li saret nhar it-28 ta’ Lulju 1949 il-Kumitat qabel li l-marċ tal-Ġimgħa kellu jibda minn ħdejn il-Lamacca fix-Xemxija fit-8.00pm. Is-Sibt il-banda kellha terġa tagħmel servizz fl-okkażżjoni tal-festa. Il-Kumitat qabel li tingħata L1 bħala ħlas lil bandisti barranin li kienu mill-Banda Għaqda Mużikali Imperial tal-Mellieħa. Fis-6 ta’ Awissu 1949 il-banda għamlet servizz f’Ħal-Lija fl-okkażżjoni tal-festa tas-Salvatur u fl-istess xahar programm fil-festa tal-Madonna ta’ Liesse fil-Belt Valletta. Fl-istess sena il-banda għamlet servizzi fil-Mellieħa u n-Naxxar.

Il-Ħames Laqgħa Ġenerali

Fil-11 ta’ Settembru 1949 saret il-ħames Laqgħa Ġenerali fil-Każin bl-iskop li jiġi elett il-Kumitat għas-snin 1949/1950. Għal din il-laqgħa attendew 33 membru. Il-Wisq Reverendu Kappillan, wara li qal it-talba għamel dan id-diskors :

Bħalma tafu, illum ġejtu hawn biex tgħażlu il-Kumitat għat-tmexxija tal-Każin għas-snin 1949/1950, għaliex biex tispiċċa s-sena fadal tlett xhur u biex ma terġax issir Seduta Ġenerali oħra. Jien nirrakkomandalkom biex tgħażlu nies li jinteressaw ruħhom għall-ġid tal-banda u ngħidilkom tal-banda għaliex il-Każin mingħajr il-banda ma huwa xejn. U jien ngħidilkom li jekk hawn xi ħadd minn dawk li ħarġu għall-Kumitat u li jafu li ma humiex sejrin jinteressaw ruħhom fil-kariga li jassumu aħjar iħallu l-post lil ħaddieħor. Jekk jista’ jkun għażlu nies li huma mill-pajjiż, mela oqgħodu attenti u għażlu nies li jkunu ta’ ġid għall-Każin.

Is-Segretarju issa sejjer ifhiemkom kif għandkom tivvutaw għaliex din is-sena il-votazzjoni sejra ssir fuq ir-regolamenti tal-każin il-ġodda. Mela kull ma għandkom tagħmlu wara li nħabbrilkom l-ismijiet tal-kandidati, salib fejn l-isem ta min tridu tagħtu l-vot u li ma tivvotawx għal aktar minn għaxar kandidati għaliex jekk tivvotaw għal wieħed aktar il-vot ikun null.

Għaż-żewġ rappreżentanti tal-Banda ma hemmx għalfejn tivvotaw għaliex ħadd ma’ ħareġ jikkontesthom, voldieri dawn it-tnejn huma eletti. Issa qabel ma tibda l-votazzjoni għandi regolament ġdid biex nipproponi, li huwa dan; Mar-regolamenti tal-Każin tiżdied, dana f’Att 45 A; Jekk xi bandist, mingħajr ebda raġuni, jiltaq mill-Banda, ma jkunx jista jiġi propost bħala soċju u l-anqas jiffrekwenta l-Każin.

Din l-emenda ġiet issekondata minn Dwardu Sammut u għaddiet wara diskussjoni. Paolo Tanti u Mro. Emmanuele Gauci inħatru bħala Kummissjoni elettorali u wara ħabbru r-riżultat ta’ l-elezzjoni u l-ismijiet ta’ dawk li ġew eletti jiġifieri.

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbru l-ismijiet ta’ dawk li ġew eletti jiġifieri ; Dr Joseph Attard Montalto LLD, Antonio Cassar, Giuseppi Cassar, Paolo Chetcuti, Gerald Dimech, Joseph Gauci, Joseph Mizzi, Benjamin Sammut, Gerald Sammut u Joseph Sammut.

Fis-seduta li saret fil-Każin, nhar il-15 ta’ Settembru 1949, il-Kumitat ġie ffurmat hekk :

  • President Dr. Joseph Attard Montalto LLD
  • Segretarju Joseph Mizzi
  • Kaxxier Joseph Sammut

Bejn assistenti u membri fil-kumitat kien hemm tnax il-persuna ohra.

Il-Kumitat ikkonferma lin-Nobbli Konti Prof. Sir Luigi Preziosi, in-Nobbli Victor Chappelle, s-Sur Lewis Bonaci u lil Patri Ġann Franġisk Grima OFM Conv. bħala Presidenti Onorarji.

Fatt interessanti li jqum mill-laqgħa li saret fl-4 ta’ Ottubru 1949 hu li l-Kumitat iddeċieda li jmur jara l-planċier tal-Każin Santa Marija tal-Qrendi, dan sar b’appuntament mal-Kumitat u preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-persuna li ħadmet il-planċier.

Fil-laqgħa tal-31 ta’ Diċembru 1949, il-Kumitat irċieva r-riżenja tal-Viċi President, Geraldu Sammut u dan minħabba li kien se jsiefer fit-tul. Il-Kumitat aċċetta r-riżenja u bħala Viċi President inħatar Paolo Gauci.

Is-Sitt Laqgħa Ġenerali

Minkejja li l-Kumitat kellu jservi għas-snin 1949/1950, insibu li fit-8 ta’ Frar 1950 saret is-sitt Laqgħa Ġenerali. Il-Kumitat il-ġdid kien iffurmat hekk :

  • President Dr. Joseph Attard Montalto LLD
  • Segretarju Carmel Pace Asciak
  • Kaxxier Amabile Maistre

Fil-Kumitat kien hemm tnax il-persuna oħra bħala assistenti u membri.

Nhar it-12 ta’ Frar 1950, il-Banda San Pawl għamlet servizz f’San Pawl il-Baħar fl-okkazjoni tal-festa ta’ San Pawl.

Fil-laqgħa li saret fil-25 ta’ Ġunju 1950 insibu li s-Surmast Emmanuele Gauci talab il-perjodu mill-1 ta’ Awwissu sal-15 ta’ Settembru bħala unpaid leave. Din it-talba ġiet aċċettata mill-Kumitat għalkemm saru xi kummenti li l-banda kienet qed tkun traskurata. Fil-laqgħa tat-2 ta’ Lulju 1950, Duminku Cassar kien ġie maħtur bħala membru tal-Kumitat. Fis-seduta li saret fid-29 ta’ Awwissu 1950 naraw li kien hemm xi tibdil fil-formazzjoni tal-Kumitat. Is-Segretarju Carmelo Pace Axiaq irriżenja minħabba f’safar u postu mtela minn Joseph Mizzi li kien il-Kaxxier. Is-Sur Duminku Cassar beda jokkupa l-kariga ta’ kaxxier. Insibu wkoll li Emmanuel Camilleri ġie maħtur bħala membru tal-Kumitat. Fl-istess seduta tqanqlet diskussjoni fuq l-andament tal-Banda u l-Kumitat ħass li s-Surmast Gauci kien qiegħed jonqos mid-doveri tiegħu u li l-Banda kienet qed tkun traskurata. Wara kwistjoni li nqalgħet mas-Surmast Gauci rigward ħlas għal xi partituri dan ta’ d-dimissjoni tiegħu f’Ottubru 1950.

Jinħatar Surmast Ġdid

Fil-25 ta’ Frar 1951 saret il-Laqgħa Ġenerali biex ikun elett il-Kumitat għas-snin 1951/1952. Il-Kumitat ġie ffurmat hekk :

  • President Dr. Joseph Attard Montalto
  • Segretarju J Mizzi
  • Kaxxier Domnic Cassar

Fil-kumitat kien hemm tnax il-persuna oħra bħala assistenti u membri kulħadd bil-ħarigi tiegħu.

Wara lis-Surmast Emmanuel Gauci kien ħalla lill-Banda, Il-Kumitat beda mal-ewwel bil-ħidma tiegħu biex ifittex Surmast ġdid biex jieħu il-banda f'idejh u kien magħżul is-Surmast Salvinu Vella waqt li kellu assistent Surmast lill-Paolo Tanti li kien midħla sew tal-każin.

Inawgurazzjoni ta’ Planċier Ġdid

Nhar id-29 ta’ April 1951 il-Banda għamlet marċ minn ħdejn l-Għassa tal-Pulizija, fi Triq San Pawl sa ħdejn il-Knisja fl-okkażżjoni ta l-inawgurazzjoni tal-planċier il-ġdid li ġie rregalat mill-President Dr. Joseph Attard Montalto. Il-planċier tbierek mill-Kappillan Gian Franġisk Grima OFM Conv. Wara diskors kommemorattiv mill-President, il-Banda tellgħet program fuq il-planċier.

Servizzi

Matul dik is-sena il-Banda kellha bosta servizzi oħra, fosthom: - F'Ħal Qormi, Festa ta’ San Ġorġ, Msida, Festa ta’ San Ġużepp, San Pawl il-Baħar, Festa ta’ Marija Addolorata, Ħal Lija, Festa tas-Salvatur, Birkirkara, Festa ta Santa Elena Il-Wardija, Festa tal-Madonna ta l-Abbandunati

Bdil fil-Karigi

Fil-laqgħa li saret nhar is-6 ta’ Settembru 1951 sar l-ewwel tibdil fil-karigi. F’dik il-laqgħa is-Sur J Mizzi ta d-dimissjoni tiegħu minn Segretarju u membru wara li rċieva ittra ta tkeċċija mill-każin. Dan kien inċident kurjuż għax ħadd mill-Kumitat ma kien jaf b’din l-ittra, iżda huwa baqa jinsisti sakemm irtira biss mill-kariga ta Segretarju u baqa membru fil-Kumitat. Hawn sar xi tibdil fil-formazzjoni u l-Kumitat ġie ffurmat hekk:

  • President Dr. Joseph Attard Montalto
  • Viċi President J Mizzi
  • Segretarju Emmanuel Camilleri
  • Asst. Segretarju Joseph Briffa
  • Kaxxier Domnic Cassar
  • Asst. Kaxxier Paolo Cassar
  • Direttur Ġenerali Joseph Cassar
  • Direttur tal-Bar u Logħob Joseph Briffa
  • Rappreżentanti tal-Banda Paolo Tanti / Gerald Dimech
  • Membri J. Scicluna / J. Cuschieri / E. Gauci
  • Direttur Spiritwali Patri G Lanzon
  • Surmast Direttur Mro. Salvinu Vella
  • Asst. Surmast Paolo Tanti
  • Presidenti Onorarji Prof. Sir Luigi Preziosi

Patri Gian Franġisk Grima OFM Conv. In-Nobbli Victor Chapelle.

Fis-seduta tat-30 ta Novembru 1951 il-Banda ġiet mistiedna biex iddoqq fil-Festa ta Kristu Re fil-Floriana u sena wara ġiet mistiedna ddoqq fil-festa ta San Pawl fil-Belt Valletta.

L-Ewwel Parteċipazzjoni fil-Karnival

Fl-20, 21 u 22 t’ April 1952, il-Każin ipparteċipa għall-ewwel darba fil-Karnival fil-Belt Valletta. Huma pparteċipaw taħt l-isem ta Trouble Makers u kellhom il-maskaruni, kif ukoll karru bl-isem ta Banda tal-Mandolini. Il-Banda kisbet suċċess billi l-karru ġie kklassifikat fit-tieni post,waqt li l-maskeruni fit-tielet post. Fost dawk li taw is-sehem tagħhom biex inħadmu l-maskeruni u l-karru kien hemm G. Cassar, G Scicluna, G Briffa, D Cassar, E Camilleri u Karmenu magħruf bħala l-Bajjad.

L-Innu l-Kbir

Seduta nteressanti saret nhar il-21 ta’ Mejju 1952 fejn issemma għall-ewwel darba l-Innu tad-Duluri. Dan l-innu ġdid, mużika ta’ Mro. Vincenzo Ciappara u versi ta Dun Frans Camilleri, ġie ppreżentat minn Ġamri Muscat u Geraldu Dimech. Sar ftehim li l-Innu jiżżamżam fil-festa ta dik is-sena u li jibqa propjeta tal-Każin Banda San Pawl.

Laqgħa għall-Bandisti

Fis-16 ta’ Ġunju 1952 saret laqgħa għall-Bandisti li għaliha attendew dawn is-sinjuri:

Samwel Agius, J Muscat, France Busuttil, Paul Deguara, A Zammit, Charlie Sammut, Manuel Rapa, Randu Farrugia, E Galea, Joe Vella, Salvu Xuereb, Emmanuel Camilleri u Paolo Tanti. Il-Bandisti ġew indirizzati mis-Segretarju fuq suġġetti varji, fosthom biex ma jagħtux każ ta xi persuni li kienu qed jippruvaw jagħmlu l-ħsara biex il-banda tisfaxxa.

Il-Banda kienet tipparteċipa fil-Karnival, daqqa bil-maskeruni u saħansitra b’xi karru. Inisbu li fil-laqgħa tat-22 ta’ Ġunju 1952 qam il-punt li l-Każin silef xi maskeruni lill-kumpanija tar-Redifusion. Dawn ma ġewx irritornati u għalhekk il-Kumitat qabel li bħala kumpens jitlob li jingħata l-faċilita li jirrekordja xi marċi għand il-Kumpanija.

Fis-6 ta Lulju 1952, Emmanuel Camilleri irreżenja minn Segretarju u J Mizzi nħatar minfloku. Fil-laqgħa li saret fit-8 ta Mejju 1952 kien hemm qbil li l-Każin jipparteċipa fil-Karnival taħt id-direzzjoni ta Ġanni Vella minn Birkirkara. Fl-1952 Patri Rafel Gauci nħatar bħala Direttur Spiritwali.

Fl-1952 il-Banda San Pawl għamlet bosta servizzi fosthom: fl-Belt Valletta, Marċ u Programm għal Festa tas-Salib, Valletta, Marċ u ghal darba oħra fl-Belt Valletta, Marċ, Birkirkara, Festa ta’ San Ġużepp u f'Ħal Qormi

Fil-laqgħa li saret nhar l-1 ta’ Lulju 1953 il-Kumitat iddiskuta d-dettalji tas-sehem tal-Banda fil-festa titulari ta dik is-sena. Sar qbil ukoll li sett marċi u l-Innu l-ġdid tad-Duluri jiġu rrekordjati u mxandra fuq ir-Rediffusion.

Malli sar magħruf li Patri Ġann Franġisk Grima OFM Conv. kien sejjer fil-Kunvent ta’ Għawdex, il-Kumitat tlaqqa b’urgenza biex tingħatalu tislima xierqa. Nhar it-30 ta’ Ottubru 1953 sar riċeviment ad unur il-Fundatur tal-Każin tal-Banda San Pawl.

It-Tmien Laqgħa Ġenerali

Nhar it-3 ta’ Ottubru 1954 saret Laqgħa Ġenerali biex jiġi elett il-Kumitat għas-snin 1954/1956.

Il-Kumitat il-ġdid kien iffurmat hekk :

  • President Dr. Joseph Attard Montalto
  • Segretarju Joseph Mizzi
  • Kaxxier Domnic Cassar

Kien hemm madwar disa persuni oħra fil-kumitat ma l-Uffiċċjali iservu bħala assistenti jew membri.

Diżgwid fuq l-Innu Marċ

Punt interessanti qam fil-laqgħa li saret nhar it-13 ta Novembru 1954. Il-Banda San Pawl ikkontestat u dik tat-12th May Band and Social Club ta' Ħaż-Żebbuġ kellhom diżgwid żgħir fuq marċ ta' Mro. Amante Attard. Dan il-marċ il-Banda San Pawl kienet għamlithu l-innu tagħha u l-Banda 12th May kienet qed iddoqqu wkoll. Is-Sur Domnic Cassar tqabbad biex jindaga fuq din il-kwistjoni. Kollox jidher li ssolva b’wiċċ il-ġid għax sal-ġurnata ta' llum dan il-marċ għadu l-Innu lil Banda San Pawl.

Fl-istess laqgħa ġew diskussi wkoll il-preparamenti għall-parteċipazzjoni tal-Banda fil-Karnival. Fl-1955 il-Banda tat is-sehem tagħha fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru biex jitfakkar il-50 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa.

Il-problemi finanzjarji għall-Każini tal-Baned ma bdewx illum. Fis-seduta li saret fis-27 ta’ Settembru 1956 nsibu li l-banda kienet qed tagħmel is-servizzi bit-telf. Fl-istess laqgħa kien hemm ix-xoljiment tal-Kumitat.

Id-Disa’ Laqgħa Ġenerali

Il-Kumitat għas-snin 1956/1958 ġie elett fil-Laqgħa Ġenerali li saret fit-30 ta’ Settembru 1956, liema laqgħa bdiet nofs siegħa tard minħabba nuqqas ta quorum. Il-Kumitat ġie ffurmat hekk :

  • President Dr. Joseph Attard Montalto
  • Segretarju Michael Gatt BA
  • Kaxxier Domnic Cassar

Bħal soltu apparti l-għola uffiċċjali kien hemm tmien membri oħra bħala assistenti jew membri.

Fil-laqgħa li saret fid-29 ta Jannar 1957 il-kumitat iddiskuta fuq id-dawl tal-planċier, apparti li saru bosta suġġerimenti.

Intlaqgħet il-proposta sabiex il-faxxa tal-beritta tal-bandisti tkun tal-istess kulur u jkollha fuqha l-arma tal-Każin. Ġie deċiż ukoll li l-Każin jerġa jipparteċipa fil-Karnival. Fis-17 ta’ Frar 1957 il-Banda għamlet il-Programm imsejjaħ tal-Lottu.

F’Ġunju 1957 inħadmu erba’ brazzi biex idawwlu l-planċier.

Fil-laqgħa tas-6 ta’ Ġunju 1957 ingħata rendikont tal-parteċipazzjoni tal-Banda fil-Karnival.

  • Premjijiet mirbuħa L 235 . 0 s. 0 d
  • Spejjeż L 164. 8 s. 5 d
  • Profitt L 70. 11s. 7 d

Saret diskussjoni wkoll fuq l-uniformi u sar suġġeriment li tissaqqaf il-bitħa. Mill-laqgħa li saret nhar l-10 ta’ Diċembru 1957 jirriżulta li fil-Każin tal-Banda kien hemm tim tal-futbol jew tim tal-futbol kien qed juża l-każin bħala s-sede tiegħu. Dan jirriżulta minn xi spejjeż li tħasslu mill-Kumitat.

Fil-laqgħa tal-1 ta Frar 1958 saret diskussjoni fuq in-nuqqas ta dixxiplina li kien hemm fil-bottegin. Il-Kumitat qabel ukoll li s-Sur Fenech kellhu jikkoordina x-xogħol biex il-Banda terġa tipparteċipa fil-Karnival u jaħdem sett maskaruni. Kien hemm qbil li l-Kumitat jitlob il-ħlas ta L10 lil Kappillan għal parteċipazzjoni tal-Banda fil-festa tad-Duluri. Fl-10 ta Mejju 1958 saret ikla fil-West End Hotel għall-Bandisti.

L-Għaxar Laqgħa Ġenerali

Fil-Laqgħa Ġenerali li saret fil-25 ta’ Mejju 1958, ġie maħtur il-Kumitat għas-snin 1958/59.

  • President Dr. Joseph Attard Montalto
  • Segretarju Michael Gatt BA
  • Kaxxier Domnic Cassar

Bħal soltu apparti l-għola uffiċċjali kien hemm disa membri oħra bħala assistenti jew membri.

F’din is-seduta ġew imressqa u approvati numru ta emendi. In-numru massimu ta membri fil-Kumitat ġie miżjud minn 12 għall-18. Il-quorum biex tibda laqgħa telgħa minn 5 membri b’għallanqas uffiċċjal wieħed għall seba’ membri u ta l-anqas żewġ uffiċċjali.

Fil-laqgħa li saret fil-31 ta Mejju 1958, il-Kumitat qabbad lil Benny Frendo sabiex jagħmel stallazzjoni ġdida tad-dawl. Fl-istess perjodu sar xogħol ta manteniment u żebgħa fuq il-planċier. Fl-1958 il-Banda rċeviet stedina biex iddoqq f’Birkirkara. Naraw ukoll li fl-1958 in-Nobbli Victor Chapelle irregala katuba lil banda, liema katuba għadha teżisti fil-Każin tagħna. F’dik il-ħabta, biex jinġabru l-fondi l-Każin kien jorganizza bosta fieri, li ħafna drabi kienu jsiru bil-parteċipazzjoni tal-banda. Nhar is-27 ta Ġunju 1958, il-Banda rrekordjat programm ta marċi biex jinstemgħu fuq ir-Rediffusion.

Fil-laqgħa li saret fl-1 ta’ Awissu 1958, in-Nobbli Victor Chapelle inħatar bħala President Onorarju għal għomru u b’hekk sar it-tieni President Onorarju għal għomru wara l-ħatra ta Patri Gann Franġisk Grima OFM Conv.

Il-Kumitat ħa deċiżjoni biex il-Banda terġa tipparteċipa fil-Karnival u s-Sur Fenech tqabbad biex jikkoordina x-xogħol. Għal dan il-għan, inkera garaxx mingħand il-Paradise għas-somma ta L6 fix-xahar. Fil-laqgħa tal-21 ta’ Marzu 1959 ingħata rendikont tal-Premjijiet li l-Każin irċieva għal parteċipazzjoni fil-Karnival.

  • Premjijiet Karnival L580
  • Spejjeż L265
  • Profitt L315

Fid-9 ta’ Novembru 1959 il-Kumitat iddiskuta, fost punti oħra, xi xogħol ta manutenzjoni u tisbieħ li sar fil-Każin. Mir rendikont li ngħata insibu li ntefqet is-somma ta L72 biex sari l-mużajk tat-taraġ, L39.10 għall-madum u L37.05.0 f’għamara. Il-Kumitat kien qiegħed jistenna permess biex jinbeda x-xogħol biex tissaqqaf il-bitħa. Saret ukoll diskussjoni fuq il-Bandisti. Il-Kumitat bħala apprezzament ħass li kellhu jsir riċeviment għall-Bandisti fil-Każin nhar San Martin.

Nhar l-10 ta Frar 1960 il-Banda ħadet sehem fil-festi ad unur San Pawl fil-Belt Valletta.

Fil-laqgħa li saret fl-24 ta’ Marzu 1960 ingħata rendikont ta l-attivita li l-Banda kellha fil-Karnival. Il-Każin kien rebaħ is-somma ta L340.00.0 bħala premju. L-ispejjeż kienu hekk :

  • Bandisti Barranin L 144.01.0
  • Transport L 8.00.0
  • Ħjata L 6.15.0
  • Drapp L 7.06.0
  • Xorb L 2.08.5
  • Żebgħa L 2.02.0
  • Bandisti tal-Post L 18.00.0
  • Dħul L 340.00.0
  • Total tal-ispejjeż L 118.12.2
  • Profitt L 151.05.7

Fl-istess laqgħa ġie deċiż ukoll li jinġabru l-istrumenti min għand dawk il-Bandisti li ma kienux baqgħu idoqqu. Il-Kumitat iddeċieda wkoll li jibgħat ritratt lil Isqof bħala tifkira taż-żjara li kien għamel fil-Każin. Fid-29 ta’ Mejju 1960 is-Sur Pawl Debattista inħatar bħala r-rappreżentant tal-Banda fil-Malta Band Clubs Association. Din kienet l-aħħar laqgħa tal-Kumitat għax ġie xolt ftit tax-xhur wara biex issir il-Ħdax il-Laqgħa Ġenerali.

Il-Ħdax-il Laqgħa Ġenerali

Nhar is-Sibt, 5 ta’ Ġunju 1960, fil-Każin tal-Banda San Pawl, saret il-Ħdax-il Laqgħa Ġenerali. F’din il-laqgħa tqajjmu diversi punti, fosthom xiri ta’ strumenti ġodda u l-parteċipazzjoni tal-Kor tal-Ħamrun fil-festa tad-Duluri. Saret emenda għall-istatut li kienet tgħid li l-Kumitat ikun iffurmat minn 12-il membru u l-quorum ikun ta’ 5.

Il-Kumitat għas-Sena 1960/1961, ġie ffurmat hekk :

  • President : The Noble Dr. Joseph Attard Montaldo LL. D
  • Segretarju : Michael Gatt B.A.
  • Kaxxier : Duminku Cassar

Festi Ċentinarji Pawlini

Fid-19 ta’ Lulju 1960, il-Banda ħadet sehem fl-okkażżjoni tal-Festi Ċentinarji tal-Miġja ta’ San Pawl f’Malta. Dak inhar il-Kardinal Traglia, flimkien ma 20 Isqof, salpaw minn San Pawl il-Baħar lejn il-Gżejjer, fejn ikkonċelebraw quddiesa. Matul dik is-sena f’Malta saru festi kbar, u l-Banda ħadet sehem ukoll b’marċ fil-Belt Valletta.

L-ewwel laqgħa formali tal-Kumitat saret fid-29 ta’ Ottubru 1960 u ta warajha fis-26 ta’ Novembru. F’din il-laqgħa kien hemm diversi membri li urew ix-xewq li l-laqgħa tibda tinżamm regolarment tal-anqas darba fix-xahar. F’dik il-laqgħa inqara wkoll rendikont finanzjarju. Fil-laqgħa li saret fit-3 ta’ Jannar 1961, fost affarijiet oħra, l-Kumitat iddiskuta l-parteċipazzjoni tal-Banda fil-Karnival. Għal dan il-għan il-Kumitat waqqf Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni fuq jekk tipparteċipax il-banda biss jew isirx karru wkoll. Mill-laqgħa ta’ wara li saret fl-1 ta’ April 1961, naraw li l-Kumitat ipparteċipa bil-banda biss u daħlet il-Belt erba’ darbiet. Il-ħlas li rċieva l-Każin kien ta’ L365.00.0 u kien hemm L212.16.2 spejjeż.

Fil-laqgħa tat-18 ta’ Ġunju 1961 saret diskussjoni fuq il-propjeta’ tal-Każin, speċjalment l-istrumenti li kien hemm għand il-bandisti. Ġie deċiż li jinġabru l-istrumenti ta’ dawk il-bandisti li ma kienux għadhom attivi fil-banda. L-aħħar laqgħa ta’ dan il-Kumitat seħħet fil-31 ta’ April 1962. F’din il-laqgħa qam argument sħun fejn B. Frendo kien qal ħafna diskors għas-Soċjeta fil-pubbliku. Waqt id-diskussjoni, Benny Frendo talab ix-xoljiment tal-Kumitat, għax kien skada t-terminu tiegħu. Din il-proposta għaddiet u l-Kumitat ġie xolt. It-Tnax-il Laqgħa Ġenerali

Nhar it-8 ta’ April 1962, fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu, 37 membru tal-Każin iltaqgħu biex jeleġġu l-Kumitat għas-snin 1962/1963. Minħabba li ħarġu aktar persuni milli kien jistipula l-istatut, kellha tinżamm elezzjoni, li fiha ikkontestaw ħmistax il-membru li minnhom ġew eletti Tnax:

  • President: The Noble Dr. Joseph Attard Montaldo LL. D
  • Segretarju: Michael Gatt B.A.
  • Kaxxier: Duminku Cassar

Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat li saret fit-12 ta’ April 1962, jirriżulta li l-Każin reġa pparteċipa fil-Karnival u rebaħ premju ta’ L340. L-ispejjeż għal dik is-sena kienu jammontaw għal L194.7.10. Il-Kumitat iddeċieda li jgħamel għadd ta’ fieri bħala fund-raising, dawn kienu ppjanati li jsiru nhar il-31 ta’ Mejju, 24 ta’ Ġunju, 1 ta’ Lulju u d-19 ta’ Awissu 1962. F’din il-laqgħa issemma wkoll li l-Każin kellhu bżonn standard tal-banda ġdid. Is-Sur Fenech tqabbad biex jagħmel disinn għal dan l-istandard. Saret diskussjoni fuq il-bini tal-każin u sar suġġeriment li ssir talba għal-rekwiżizzjoni tal-post. Ittieħdet deċiżjoni li jittieħed ritratt tal-Kumitat biex jitpoġġa fis-sala prinċipali, dan ittieħed għand Cassar ta’ Birkirkara.

Il-laqgħa tat-12 ta’ Mejju 1962 issejħet b’urġenza. Il-punt prinċipali kien rigward x’parti għandu jieħu l-Każin tal-Banda fl-okkażjoni tal-ftuħ uffiċċjali tal-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar, mill-Prim Ministru (l-Onor. George Borg Olivier). Il-Kumitat tal-P.N. kien talab li l-Banda ttellgħa programm għal din l-okkażżjoni. Saru taħdidiet mal-Kumitat tal-P.N. u ntlaħaq ftehim li l-programm tal-banda jsir u l-ispiza ta L22 tinqasam bejn iż-żewġ kumitati. Ġie deċiż li f’din l-okkażżjoni, il-Kumitat tal-Każin tal-Banda jagħmel bibita li għaliha jkun mistieden il-Prim Ministru, flimkien mal-Kumitat tal-P.N. u li l-Kumitat tal-Banda jattendi għal bibta fil-Każin tal-P.N. Fl-istess laqgħa, Duminku Cassar issuġġerixxa li jinxtraw xi marċi ġodda għal festa tad-Duluri.

Aktar żviluppi fuq il-ftuħ tal-Każin tal-PN saru fil-laqgħa tat-23 ta’ Mejju 1962, meta s-Sur Mizzi ipprezenta l-invit tal-Kumitat tal-PN, sabiex il-President u l-Kumitat tal-Banda jattendu għal ftuħ tal-Każin mill-Prim Ministru. Il-Kumitat aċċetta l-istedina u żamm il-proposta li jagħmel riċeviment wara l-ftuħ tal-Każin li għalih jiġu mistiedna il-Prim Ministru u l-Kumitat tal-PN. Is-Sur Borg daħal għall-inkarigu li jipprepara repo għal 100 ruħ. Kellu jinxtara wkoll bukkett fjuri biex jiġi ppreżentat lis-Sinjura Borg Olivier. Fl-istess laqgħa, Duminku Cassar ippreżenta abbożż tal-istandard tal-Banda San Pawl u saret diskussjoni rigward fejn kellhu jinħadem.

Mill-laqgħa ta’ wara, li saret fis-7 ta’ Lulju 1962, naraw li l-programm li għamlet il-banda nhar il-ftuħ tal-Każin tal-PN sewa L15.7.0 u ntbgħat kont ta’ L10.00.0 lill-Kumitat tal-PN. Wara l-Kumitat għadda biex jiddiskuti l-ittra tar-riżenja tas-Segretarju Michael Gatt. Dan tefgħa r-riżenja għax ma’ ġiex infurmat li dak inhar tal-ftuħ tal-Każin tal-PN, kien se jsir riċeviment fil-Każin tal-Banda. Il-Kumitat ikkondluda li s-Segretarju ma ġiex mgħarraf bi żvista, dan aċċetta l-apoloġija u rtira ir-riżenja. Reġgħet saret diskussjoni oħra fuq l-istandart tal-Banda u J. Magro għamel osservazzjoni li d-deċiżjonijiet li l-Kumitat kien ħa fl-aħħar laqgħa ma kienux ġew osservati. Għalhekk Lewis Borg ħa f’idejh il-biċċa ta fejn kellhu jinħadem l-istandart.

Id-diskussjoni tal-laqgħa tal-11 ta’ Lulju 1962, kienet fuq il-Festa tad-Duluri. Il-Kumitat iddeċieda li l-marċi tal-ġimgħa u s-sibt jibdew minn ħdejn il-West End. Is-Sibt kellhu jsir ukoll programm fuq il-planċier. Kellhom isiru żewġ trattamenti, wieħed is-Sibt, għat-tfal li jkantaw l-innu u ieħor il-Ħadd għall-Kumitati tal-Baned tal-Mosta u Birkirkara. Sar ukoll qbil li sal-festa jitpoġġa l-madum fil-kamra tal-kunċerti u jsiru purtieri ġodda għas-sular ta’ fuq.

Fil-laqgħa li saret nhar il-21 ta’ Lulju 1962, insibu li s-Sur Fenech tħallas L20 għal xi kwadri li pitter għal-Każin. Il-Kumitat qabel ukoll li r-recording tal-Innu u l-Marċi għar-rediffusion kellhu jsir fis-Sala Parrokjali bħas-snin ta’ qabel. Il-Kumitat reġa ltaqa fit-13 ta’ Awwissu 1962 u Louis Borg ppreżenta sitma, ta’ bejn L70 u L80, mingħand Saliba tal-Ħamrun, biex isir l-istandard ta’ 4’ x 6’. Fost affarijiet ta’ nteress li ġew diskussi fil-laqgħa tal-21 ta’ Settembru 1962 kien hemm l-qbil li l-Banda tieħu sehem fil-festi ta’ Kristu Re. Il-Kumitat ħass ukoll li kellhu javviċina lil sid il-kera minħabba xi tiswijiet li kien hemm bżonn isiru. Ġie deċiż ukoll li jinxtara kornu għal preżż ta L8.

Fil-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1962, il-Kumitat iddiskuta fuq jekk l-istallazzjoni ta’ televiżjoni fil-Każin kienitx tkun ta’ vantaġġ jew ta’ żvantaġġ. Is-Sur Louis Borg għamel proposta li l-Każin jagħmel arranġament mal-Kumpanija Rediffusion u jikri sett tat-televiżjoni għal 6 xhur. Fl-istess laqgħa il-Kumitat iddeċieda wkoll li x-xogħol fuq l-istandard kellhu jibqa sejjer. Mill-minuti tal-laqgħa li saret fil-21 ta’ Jannar 1963 jirriżulta li f’dik is-sena l-Banda kienet se tipparteċipa tliet darbiet fil-Karnival, għal ħlas ta’ L280. Ġie deċiż ukoll li l-Kumitat ma jdaħħalx it-televiżjoni f’dak il-perjodu għax-kien hemm spejjeż aktar urġenti. Il-Kumitat applika għas-servizz tat-telefon fil-każin. Ġie deċiż ukoll li tinxtara statwa ta’ San Pawl biex titqiegħed f’niċċa fil-bitħa tal-każin. Parti sostanzjali mill-ispiża li kienet tlaħħaq L35, kellha tinġabar minn arbular. Il-Membri ġew mgħarrfa li l-Istandard tal-Banda kellhu jkun lest sa xahar qabel il-festa.

Fil-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1963 tħabbar li t-tiswijiet li saru fil-Każin kienu laħħqu s-somma ta’ L240.13.0. Duminku Cassar (Kaxxier) informa lil Kumitat li l-istatwa ta’ San Pawl, li kien qiegħed jagħmel l-iskultur Marco Montebello għal Każin, kienet se tqum L60, minfok L35. Il-Kumitat iddeċieda li jagħmel l-ordni xorta. Il-Banda ħadet sehem fl-okkażżjoni tal-Konsagrazzjoni tal-Parroċċa mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, li saret nhar l-4 ta’ Mejju 1963. L-aħħar laqgħa ta’ dan il-Kumitat saret nhar il-15 ta’ Ġunju 1963.

It-Tlettax-il Laqgħa Ġenerali

Il-Ħadd, 27 ta’ Ġunju 1963 tlaqqet il-Laqgħa Ġenerali li għaliha attendew 22 membru. Peress li kien hemm 13-il nomina għal 12-il post fil-Kumitat, kellha ssir elezzjoni u r-riżultat kien hekk :

Wara l-votazzjoni saret emenda għall-istatut biex il-Kumitat idum iservi sentejn minflok sena.

Fl-ewwel laqgħa ta’ dan il-Kumitat, li saret nhar l-4 ta’ Lulju 1963, ingħataw il-karigi :

  • President: The Noble Dr. Joseph Attard Montaldo LL. D
  • Segretarju: Joe Mizzi.
  • Kaxxier: Duminku Cassar

F’din il-laqgħa jissemma li l-ħajjata li kienet qed taħdem fuq l-istandard ma setgħetx tkompli x-xogħol u għalhekk John Cassar ġie mqabbad mill-Kumitat biex isib soluzzjoni.

Għal-laqgħa tat-13 ta’ Lulju 1963 attenda l-Kappillan, P. Dumink Bonello OFM Conv. u saru xi diskussjonijiet fuq il-festa li kienet qed toqrob. Il-Kappillan ma’ sabx oġġezzjoni li jindaqq l-Innu l-Kbir lil Marija Addolorata fil-festa, basta dan jispiċċa sad-9.00pm għax is-sena ta’ qabel il-vara titulari kienet daħlet fid-9.15pm minħabba li l-innu kien twil. Il-Kappillan talab l-għajnuna tal-Kumitat biex jitħallsu l-ispeakers u l-Banda ta’ B’Kara li kienet maqlugħa għall-Ħadd.

Fil-laqgħa tal-31 ta’ Awissu 1963, Rev. Kap. Bonaventura Camilleri, inħatar bħala Direttur Spiritwali tas-Soċjeta. Fl-istess laqgħa il-Kumitat ħatar lis-Sur Paul Cuschieri Melbourne bħala President Onorarju. Fis-Seduti li saru fil-21 ta’ Ottubru 1963 u 15 ta’ Jannar 1964 ma kien hemm xejn ta’ nteress partikolari. Fil-laqgħa tas-26 ta’ Jannar 1964 il-Kumitat iddiskuta rigward xi xogħol li kien jeħtieġ isir fil-Każin, fosthom it-tisqif tal-bitħa. Għalhekk nhar il-31 ta’ Jannar 1964, delegazzjoni mill-Kumitat iltaqgħet ma’ Dott. Joseph Ganado, li kien sid il-kera u miegħu laħqu dan il-ftehim:

Bil-preżenti scrittura privata, il-Professur Dottor Joseph Ganado, bħala amministratur tal-fond no. 61 St Paul’s Street, St Paul’s Bay minn naħa l-waħda u minn naħa l-oħra l-Avukat Dottor Giuseppe Attard Montaldo, Giuseppe Mizzi u Domenic Cassar, rispettivament bħala President, Segretarju u Kaxxier ta’ St Paul’s Band Club, in rappreżentanza tal-istess Club, jifthemu dan li ġej:

  • (a) Dr Ganado qiegħed jagħti lil Club permess biex isaqqfu il-bitħa li hemm fil-post fuq imsemmi, skond l-annessa pjanta Dok A. a spejjes tal-istess Club.
  • (b) Dawn il-benefikati, kif ukoll kwalunkew benefikati li saru jew għad isiru a spejjes tal-Club għandhom jibqgħu fil-post fit-terminu tal-lokazjoni u l-Club ma jkollu ebda dritt ta’ kumpens mingħand Dr Ganado.
  • (c) Fil-każ pero illi l-propjetarji jkunu jridu fit-terinazzjoni tal-lokazjoni li s-saqaf tal-bitħa jitneħħa u l-bitħa terġa titpoġġa kif inhi attwali, il-Club ikollhu l-obbligu li jagħmel dan ix-xogħol a spejjeż tiegħu.
  • (d) Ix-xogħol imsemmi fil-paragrafu a għandu jsir taħt id-direzzjoni tal-Perit Anton Attard Montaldo anke dana a spejjeż tal-Club

Fil-laqgħa tas-16 ta’ Frar 1964, infetħu l-offerti għall-bottegin u l-aktar waħda vantaġġjuża kienet dik tas-Sur Gamri Abela (L45 kera fis-sena). Din il-kirja kellha tibda mill-1 ta’ Marzu 1964. Fis-seduta ta’ l-4 ta’ Lulju 1964, is-Segretarju informa lill-Kumitat li għal festa ta’ dik is-sena kienet ġejja ddoqq il-Banda King’s Own minflok il-Banda ta’ Birkirkara. Qabel il-marċ tradizzjonali tal-Ġimgħa mill-Banda San Pawl kellhom jitbierku tliett standardi ġodda. Għal din l-okkażjoni ġie mistieden Patri Ġann Franġisk Grima OFM Conv. il-fundatur tal-Każin. Il-marċ tas-Sibt kellhu jibda minn ħdejn il-Veċċia. F’Settembru iddimetta għal-raġunijiet personali is-Sur J. Mizzi minn segretarju. L-Assistent Segretarju Michael Gatt BA. aċċetta li jimla din il-Kariga sakemm isiru arranġamenti oħra. Mis-seduta tal-4 ta’ Ottubru 1964, jirriżulta li l-L40 li l-Kappillan kien jagħti lill-Każin għaż-żewġ servizzi tal-festa ma kienux qed ilaħħqu ma l-ispiża, għalhekk il-Kappillan kien se jiġi mitlub biex joħroġ L50.

Fil-ktieb tal-minuti tal-Banda San Pawl ma hemm l-ebda minuti mniżżlin għal-laqgħat li saru wara l-laqgħa tal-14 ta’ Novembru 1964 sa dik tas-27 ta’ Frar 1966. Ta’ min isemmi li l-purċissjoni tal-festa tal-1965 ma ħarġitx minħabba xi dizgwid li nqala fuq tibdil propost fir-rotta tal-purċissjoni. It-terminu tal-Kumitat kien wasal biex jagħlaq, għalhekk ġie xolt fil-laqgħa li saret nhar is-27 ta’ Frar 1966 bid-data tal-Laqgħa Ġenerali iffissata għat-28 ta’ Marzu 1966. Fid-29 ta’ Mejju 1966 rappreżentanti tal-Każin tal-Banda attendew għaċ-ċeremonja tal-inawgurazzjoni ta’ Masġar Kennedy. Fl-1967 Mro. Salvinu Vella irtira minn Surmast tal-Banda San Pawl u nħatar minfloku Mro. Amante Attard MDS LCM. Fatt ieħor interessanti seħħ nhar it-3 ta’ Lulju 1967, meta Congress Man Thomas P O'Neil, fil-preżenza ta' l-Ambaxxatur Amerikan George Feldman, ipprezenta lis-Soċjeta bandiera Amerikana li ttajret fuq il-bini tal-Washington. Din il-bandiera għadha tinżamm b’għożża fil-Każin tal-Banda San Pawl.

Kumitat 1968

Hawn jidher li hawn xi minuti neqsin għax l-ewwel minuta wara dik tas-27 ta’ Frar 1966, hi tal-laqgħa li saret fit-18 ta’ Diċembru 1967, fejn ġie maħtur dan il-Kumitat għas-Sena 1968 :

  • President: The Noble Dr. Joseph Attard Montaldo LL. D
  • Segretarju: Joe Mizzi.
  • Kaxxier: Paul Tanti

Hawn il-ktieb tal-minuti jeħodna fil-laqgħa tas-17 ta’ Marzu 1968 fejn insibu li Joe Mizzi iddimetta mill-kariga ta’ Segretarju. Postu ħadu Joseph Briffa u Assistent Segretarju inħatar Alfred Agius. Fil-laqgħa li saret nhar l-20 ta’ April 1968 sar qbil bejn il-Kumitat u s-Surmast Amante Attard biex il-paga tiegħu titnaqqas minn L9 għal L4, minħabba l-ispejjeż li kellu l-każin.

Fil-laqgħa ta’ l-1 ta’ Ġunju 1968 attenda il-Kappillan, li offra L60 bħala kumpens għal żewġ servizzi li l-Banda kienet se tagħmel fil-festa tad-Duluri. Fis-seduta ta’ wara, jiġifieri dik li saret fl-20 ta’ Ġunju 1968, il-kumitat kompla jiddiskuti fuq il-preparamenti għall-festa. Fl-istess laqgħa il-Kumitat irrifjuta żewġ marċi li ppreżenta is-Surmast għal festa, fuq il-bażi li dawn ma kienux ġodda. Is-Sur E. Gauci kien se jieħu ħsieb in-nar tal-festa għall-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd. Il-Kumitat iddeċieda wkoll li lejliet il-festa jsir riċeviment ad unur Mons. Emanuel Gerada wara l-quddiesa.

Kumitat 1969/1970

Is-seduta ġenerali biex jinħatar il-Kumitat għas-Snin 1969/1970 tlaqqgħet fit-30 ta’ Marzu 1969. Peress li għal din il-laqgħa, la attenda il-President u l’anqas il-Viċi President, inħatar bħala Chairman tal-laqgħa is-Sur B. Sammut. Il-Kaxxier qara r-rendikont finanzjarju fejn irriżulta li l-Każin kellhu L560.8s. Peress li ma kienx hemm nominazzjonijiet għal Kumitat, is-Sur A Agius issuġġerixxa li jibqa’ l-istess, pero s-Sur B. Frendo rrimarka li ma’ setax ikun hemm nominazzjonijiet, għax is-segretarju ma’ kienx ħareġ il-formoli tan-nomini. Għalhekk kien hemm qbil li l-Kumitat jinħatar mill-membri tal-Kumitat preċedenti u minn dawk li kienu preżenti u wrew interess li jiffurmaw parti mill-Kumitat il-ġdid.

Il-persuni li ffurmaw il-Kumitat għas-snin 1969/1970 kienu dawn : Dr J Attard Montaldo / Dr Mario Sant Cassia / Anthony Sant Cassia / P. Tanti / A. Agius / Spiro Grima / Carmel Camilleri / C Gatt / Em. Gauci / John Cassar / B. Frendo / E. Falzon / Z Muscat.

1970

Il-bidu tas-Snin Sebgħin, insibu mill-korrispondenza, li Benny Frendo kien is-Segretarju tal-Kumitat, filwaqt li Marcell Agius kien il-Kaxxier. Dr. Joseph Attard Montalto baqa jokkupa l-kariga ta’ President. Insibu li matul din is-sena il-Banda għamlet bosta servizzi, fosthom nhar id-29 ta’ Marzu (Marċ tal-Lottu), 24 u 25 ta’ Lulju (Festa ta’ Marija Addollorata – San Pawl il-Baħar), u żewġ marċi f’Awwissu f’Burmarrad u l-Wardijja, għall-festi rispettivi tal-post. L-aħħar servizz tal-Banda għas-sena 1970 sar nhar il-21 ta’ Settembru. Matul din is-sena tħabbret il-mewt ta Mro. Paolo Tanti, li okkupa għal-diversi snin il-kariga ta’ Assistent Surmast mal-Banda, fil-fatt huwa kien l-ewwel Assistent Surmast.

1971

Nhar it-18 ta’ Jannar 1971, il-Knisja ddedikata lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, f’Burmarrad ġiet elevata għall-Parroċċa, il-Banda San Pawl tat is-sehem tagħha fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru. Nhar il-31 ta’ Marzu 1971, żar il-Każin il-Gvernatur ta’ Malta Sir Maurice Dorman, kif ukoll l-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi.

Għal festa ta’ dik is-sena, li ġiet iċċelebrata bejn l-24 u s-26 ta’ Lulju, barra l-Banda San Pawl, ipparteċipaw żewġ baned barranin. Dawn kienu l-Banda tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp (Għajnsielem) (Għawdex), li għamlet marċ u programm fuq il-parapett tas-Sorijiet Franġiskani (25/07/1971) u l-Banda tas-Soċjeta Filarmonica La Vittoria A.D. 1907 tal-Mellieħa. Il-Banda San Pawl għamlet ukoll is-solitu servizzi tagħha f’Burmarrad u l-Wardija.

Is-Sur Joseph Schembri ngħata l-Bottegin tal-Każin f’kuntratt li jkopri l-perjodu ta’ sena u li beda fl-10 ta’ Awwissu 1971.

1972

Nhar id-29 ta’ Jannar 1972 għamlet żjara fil-Każin, l-Onor. Agatha Barbara, li kienet qed iżżur il-lokalita’ biex tinawgura l-Każin tas-Sirens Football Club, li jinstab propju bieb ma’ bieb mal-Każin tal-Banda San Pawl.

1973

Fil-15 ta’ Frar 1973 is-Sur Michael Rapinett ħa l-bottegin mingħand is-Sur Schembri.

Nhar l-20 ta’ Mejju 1973 saret il-Laqgħa Ġenerali biex jiġi ffurmat il-Kumitat. Mill-Minuti ta’ din il-laqgħa notevoli ħafna kien l-fatt li dak iż-żmien il-Banda kellha numru konsiderevoli ta’ allievi fl-iskola tal-mużika, fosthom 33 nisa. Fl-1973 kien inxtara snooker għall-każin.

Il-persuni li ffurmaw il-Kumitat għas-sentejn ta’ wara kienu kif ġej :

  • President: In-Nobbli Dr. Joseph Attard Montalto LL. D
  • Segretarju:Benjamin Frendo
  • Kaxxier: Louis Cutajar

Fil-festa ta’ din is-sena, li ġiet iċċelebrata bejn is-27 u d-29 ta’ Lulju, flimkien mal-Banda San Pawl, ħadu sehem il-Banda tas-Soċjeta Filarmonica La Vittoria A.D. 1907 tal-Mellieħa, u l-Banda ta' l-Għaqda Mużikali Sant' Elena ta’ Birkirkara.

Fis-7 ta’ Ottubru 1973, il-Bottegin reġa għadda għand is-Sur Joseph Schembri.

1974

Fl-1974 Patri Samuel Chetcuti OFM Conv. inħata Kappillan tal-Parroċċa ta’ Marija Addollorata minflok Patri Serafin Galea. Il-Banda San Pawl ipparetċipat fil-korteo li kien sar għall-okkażżjoni.

Fl-10 ta’ Jannar, is-Sur Louis Cutajar ħass li kellhu jirreżenja mill-Kariga ta’ Kaxxier minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Din id-dimissjoni ġiet aċċettata b’dispjaċir mill-Kumitat, li rringrazzja lis-Sur Cutajar għax-xogħol siewi li kien għamel matul is-snin.

Il-festa ta’ dik is-sena ħabtet bejn is-27 u d-29 ta’ Lulju u bħala Banda mistiedna kien hemm il-Banda tal-Għaqda Mużikali Imperial tal-Mellieħa.

Nhar it-13 ta’ Ottubru 1974, Patri R. Gauci OFM. Conv. inħatar bħala Direttur Spiritwali tal-Każin Banda San Pawl.

1975

Fl-1975, fil-Knisja Parrokkjali kien għaddej ix-xogħol ta’ tkabbir. Punt ieħor ta’ min isemmi għal dik is-sena kienet it-twaqqif tal-Parroċċa ddedikata lill-San Ġużepp Ħaddiem fil-Manikata, li kienet it-tieni Parroċċa li ħarġet minn dik ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Banda San Pawl ipparteċipat fil-festa li ħabtet bejn il-25 u s-27 ta’ Lulju, kif ukoll daqqet marċi funebri waqt il-purċissjoni bil-vara devota tad-Duluri li saret ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Il-Banda San Pawl ma’ kienitx takkompanja l-vara, iżda tibqa ddoqq fit-triq ta’ maġenb il-Każin. Din it-tradizzjoni damet fis-seħħ għall-bosta snin.

1976

F’Settembru ta’ din is-sena tlest t-tkabbir tal-Knisja Parrokkjali minn ġewwa. Ma’ tantx sibt informazzjoni fuq l-andament tal-Każin għall dik is-sena, għajr li l-Banda wettqet is-servizzi f’San Pawl il-Baħar, f’Burmarrad u l-Wardija. F’dik is-sena nħadem bank ġdid tal-injam għall-bottegin.

1977

F’Mejju saret il-Laqgħa Ġenerali u nħatar il-Kumitat il-ġdid :

  • President: In-Nobbli Dr. Joseph Attard Montalto
  • Segretarju: Benjamin Frendo

Nhar l-1 ta’ Lulju is-Sur Mike Mifsud ħa l-bottegin għall-sentejn.

Fil-laqgħa tal-5 ta’ Ġunju 1977 sar xi ċaqlieq fil-Karigi tal-Kumitat. Insibu li s-Sur F. Bristow inħatar bħala Membru u ngħata l-inkarigu ta’ Segretarju, minflok Benjamin Frendo li beda jokkupa l-kariga ta’ teżorier. Nhar l-14 ta’ Lulju, is-Sur Carmelo Camilleri inħatar bħala rappreżentant tal-Każin fil-Malta Band Clubs Association.

Il-jum ta’10 ta’ Lulju 1977 ġab miegħu niket kbir, minħabba li dak inhar tħabbret il-mewt tal-maħbub Patri Ġann Franġisk Grima OFM Conv., Fundatur, President Onorarju għall-Għomru u benefattur tal-Każin Banda San Pawl. Il-Provinċja tal-Franġiskani ddeċidew li l-funeral isir fil-Knisja tagħhom fil-Belt Valletta, minħabba n-numru kbir ta’ konċelebranti (62) li kienu se jieħdu sehem, pero d-difna saret fiċ-Ċimiterju ta’ San Pawl il-Baħar. Il-Kumitat wera’ x-xewqa li jipparteċipa b’mod uffiċċjali f’dan il-funeral u saret talba li l-fdalijiet ta’ Patri Grima jinġiebu l-Każin tal-Banda wara l-quddiesa u wara jiġi akkumpanjat mill-banda saċ-Ċimiterju. L-ebda’ minn dawn it-talbiet ma’ ġew milqugħa u l-Kumitat ħassu ferm offiż. Il-Kumitat wera d-dispjaċir tiegħu f’korrispondenza li għaddiet bejn il-Każin u l-Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani u l-kopji ta’ din il-korrispondenza ntbgħatet il-Kurja Arċiveskovili.

Nhar it-22 ta’ Awwissu 1977, Mro Salvino Vella li serva ta’ Surmast Direttur bejn l-1950 u l-1967, inħatar bħala Surmast Onorarju.

Il-Kumitat, immexxi minn Nobbli Dr. Joseph Attard Montalto, ħass li kellha ssir xi ħaġa fil-Każin biex tibqa mfakkra l-memorja ta’ Patri Ġann Franġisk Grima OFM Conv. u ġie deċiż li jsir bust. Il-Kumitat ħadem bla heda biex propju xaharejn wara l-mewt tal-Fundatur, nhar l-10 ta’ Settembru 1977, kollox kien lest biex issir l-inawgurazzjoni tal-monument, mill-Arċisqof Emmeritus Mons. Mikiel Gonzi. Il-Banda għamlet marċ u wara saru xi diskorsi tal-okkażżjoni. Wara li ġie nnawgurat u mbierek il-bust, sar riċeviment. Il-bust li huwa twil 12-il pulzier u wiesa’ 25 pulzier inħadem mill-artist Żejtuni Manwel Zammit. Il-bażi tal-irħam, wiesa’ 28 pulzier b’ 19, inħadem mid-Ditta ta’ Spiteri Sacco. (Dan il-bust kien tpoġġa fid-daħla tal-Każin fuq in-naħa tax-xellug. Meta twaqqa l-Każin il-bażi tneħħiet u l-bust illum jinsab f’waħda mis-swali tal-Każin li nbena mill-ġdid). Fattur interessanti ieħor hu li f’4 ta’ Ottubru 1977 ġie stallat payphone fil-Każin.

1978

F’din is-sena tkompla x-xogħol ta’ tkabbir fil-Knisja Parrokkjali, li issa kien avvanzat sew. Fil-fatt fl-14 ta’ Lulju 1978 inħatt il-ħajt li kien jifred il-parti l-antika mill-parti l-ġdida tal-Knisja u f’Settembru ġie trasportat l-artal maġġur. Sar ukoll xogħol fuq l-irħam ta’ l-art.

Il-ħajja fil-Każin tal-Banda San Pawl kompliet bħas-snin l-imgħoddijja, bil-banda tagħmel bosta servizzi. Fil-5 ta’ Ġunju 1978 il-W.R. Mro. Patri Geroge Zammit OFM Conv. inħatar bħala Assistent Surmast Direttur tal-Banda San Pawl. Ta’ min ifakkar li Patri Zammit ikkompona quddiesa għall-festa ta’ Marija Addolorata, li ġiet imżanżna propju f’dik is-sena.

F’Diċembru ġiet organizzata l-Black Bottle Whiskey Snooker Competition, b’kompetizzjoni għall-kbar u oħra għall-żgħażagħ taħt is-17-il sena.

1979

Meta’ ssemmi l-1979 ma tistax ma’ titkellimx fuq il-maltempata kbira li ħakmet il-gżejjer Maltin nhar il-25 ta’ Ottubru. San Pawl il-Baħar intlaqat bħal bosta nħawwi oħra, djar fl-inħawwi tal-Knisja tal-Karmnu u l-istess knisja garrbu hsarat kbar. Quddiem il-Knisja nfethet it-triq Nħawwi oħra li ntlaqtu ħażin kienu Xatt il-Lanċa, il-Veċċa u l-Pwales. Bosta sajjieda u dilettanti tilfu l-opri tagħhom f’din il-maltempata qalila.

Nhar l-1 ta’ April, il-Provinċjal Patri Elija Vella OFM Conv. bierek il-Knisja Parrokkjali wara l-proġett ta’ tkabbir u nhar it-8 ta’ April, l-Arċisqof Gonzi kkonsagra l-artal. Il-Banda San Pawl tat is-sehem tagħha fil-programm li ttella għall-okkażżjoni.


Kitba u tagħrif miġbur minn Keith Muscat

Organisation

Band Masters

No Band Master From Until
01 Emmanuel Gauci 1948
02 Salvino Vella 1950 1967
03 Amante Attard 1967 1981
04 Charles Cachia 1981

Presidents

No President From Until
01 Fr. Ġann Franġisk Grima OFM Conv. 1947 1949
02 Dr. Ġużeppi Attard Montaldo 1949 1955
03 Dr. Mario Sant Cassia M.A. 1955 1981
04 John Bray 1981 1994
05 Paul Bugeja 1994
06 Saviour Bugeja
07 Gilbert Bugeja 2019 2023
08 Joseph Vella 2023

Secretaries

Treasurers

Band Commissions

Band Activities Overseas

Historical Events in which the Band participated

Song Festivals, Events or Drama Activies

Annual Concerts

Annual Musical Activities

Recorded releases (LPs, Cassettes and CDs)

Cassettes

No Name of Cassettes - Festive Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - St Paul's Band Club (St Paul's Bay) (1995) 1995 *

Cd's

Programmes and Publications

Memorials

External links