Malta Police Force Band

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

STUB

This page is a stub

Stub pages are like acorns. The first seed has been planted, but you can help them grow! There may, for example, also be other M3P resources linking to it. You can help by expanding this page.

100 Sena Banda tal-Pulizija ta` Malta – (1920 - 2020)

Il-Korp tal-Pulizija ġe mwaqqaf f` Lulju tal-1814 meta l-Gvernatur ta` dawn il-Gżejjer ta` dak iż-żmien, Sir Thomas Maitland ħareġ proklama fejn kienet tgħid li b`seħħh mit-12 ta` Lulju 1814 kellu jitwaqqaf il-Korp tal-Pulizija ta` Malta.

Xi snin wara t-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija, kif nafuh illum, il-Korp kellu Banda ta` tmien mużicisti biss li wieħed minnhom kien is-Surmast Ċensu Cumbo. F`dak iż-żmien kienet id-drawwa li s-surmast kien idoqq ukoll mal-mużicisti l-oħrajn.

Minħabba l-fatt li f`dak iż-żmien il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija kienu fil-Palazz tal-Gvernatur il-Banda tal-Pulizija kienu jirreferu għaliha bħala l-Banda tal-Palazz.

Wara l-ħatra tal-Logutenent Kurunell Henry William Bamford OBE., bħala Kummissarju tal-Pulizija fl-1919, kienu seħħew diversi riformi u fis-sena ta` wara, fl-1920 il-Kummissarju ta’ bidu biex titwaqqaf il-Banda tal-Pulizija.

Dan sar billi l-ewwel saret sejħa għall-surmast tal-banda minn barra l-Korp fejn kien intagħżel is-Surmast Emmanuele Magro. Dan kien l-eks Surmast tal-Orkestra tal-Commander-in-Chief f`Malta u allura wkoll is-Surmast Fundatur tal-Banda tal-Pulizija.

Ftit wara l-ħatra tas-Surmast, kienet saret sejħa għall-bandisti minn fost il-membri tal-Korp li għaliha kienu wieġbu tlettax biss.

Għalkemm b`numru daqstant żgħir, is-Surmast Magro xorta waħda beda jagħmel il-provi u beda jsir użu mill-istrumenti tal-banda tar-riġment Malti li kien għadu kif żbanda – dan kien il-King`s Own Regiment. Uħud mill-bandisti ta` dan ir-riġment, inġaġġaw fil-Banda tal-Pulizija u magħhom issieħbu wkoll xi bandisti mill-Malta Royal Artillery. B`hekk in-numru ta` bandisti tela` għal tletin.

B`numru hekk sabiħ ta` bandisti s-Surmast Magro beda jimpenja l-Banda tal-Pulizija f`ċerimonji uffiċjali fosthom meta kienet tiġi xi persuna distinta minn barra. Bdew ukoll isiru kunċerti fil-Palazz il-Belt, f` San Anton u fil-Buskett.

Sadanittant, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija bdew isiru l-Kunċerti waqt attivitajiet soċjali organizzati mill-Officers and Members of the Malta Police Dramatic Club li fihom ħadet sehem ukoll il-Banda. Dan kien f`Settembru tal-1922.

Fit-3 ta` Frar 1939 is-Surmast Emmanuele Magro rtira mill-Korp tal-Pulizija fl-eta` ta` sittin sena u postu ħadu wieħed mill-mużiċisti tal-Banda tal-Korp, is-Surġent Maġġur Carmelo Brincat. Taħt dan is-Surmast il-Banda kompliet tkabbar is-suċċessi tagħha u tingħata applawsi kull fejn kienet tattendi. Fl-1 t`Awwissu 1956 is-Surmast Brincat temm ukoll il-karriera mużikali tiegħu minn mal-Banda tal-Pulizija meta laħaq l-eta` ta` sittin sena u għal xi żmien il-Banda ġiet sospiza minħabba esigenzi tas-servizz.

Fl-1957 il-Banda reġgħet ġiet imwaqqfa mill-ġdid, din id-darba taħt it-tmexxija tal-Ispettur Anżjan Vincent Bonnici. Taħt dan is-Surmast il-Banda kompliet tidher aktar fil-pubbliku waqt parati u diversi funzjonijiet oħra. Imma ġara li l-Banda reġgħet ġiet sospiża minħabba l-inkwiet li kien inqala fit-28 t’ April,1958.

Is-Surmast Bonnici kien irtira bil-pensjoni fix-xahar t`Ottubru 1965. Kien fl-istess sena li reġgħet twaqqfet il-Banda tal-Pulizija u bħala surmast direttur tagħha din id-darba kellha lis-Surġent Vincent Cremona. Dan dam imexxi l-Banda sa Frar 1973 meta mbagħad reġa` rritorna bħala Surmast Direttur l-Ispettur Anżjan Vincent Bonnici.

Iżda għalkemm il-Banda tal-Pulizija kompliet it-triq tas-suċċessi, fis-sebgħinijiet bdew jirtiraw bosta mill-mużiċisti fil-waqt li ma bdewx jidħlu oħrajn ġodda. Dan sfortunatament wassal għax-xoljiment mill-ġdid ta` din il-Banda fis-sena 1980.

Sitt snin wara mbagħad il-Banda tal-Korp tal-Pulizija reġgħet ġiet imwaqqfa mill-ġdid. Dan kien f`Lulju tas-sena 1986 u ħabat mal-inġaġġ fil-Korp tas-Surmast Direttur preżenti l-Assistent Kummissarju Mro. Anthony Cassar.

Dak in-nħar huwa kien daħal fir-rank ta` Kuntistabbli – PC 1003 – fejn kien ġie maħtur mill-Kummissarju Dr.Laurence Pullicino LLD., bl-inkarigu li jerġa` jwaqqaf mill-ġdid il-Banda tal-Pulizija.

Għaldaqstant kienet reġgħet saret sejħa għall-mużiċisti mill-Korp tal-Pulizija fejn wieġbu għal din is-sejħa madwar tletin mużiċist u diversi membri oħra anke wrew ix-xewqa li jibdew jitgħallmu l-mużika sabiex ukoll aktar `il quddiem jinġaġġaw mal-Banda tal-Pulizija.

Infatti t-tagħlim kien beda jsir regolarment mis-Surmast tal-Banda.

Wara dan, il-Banda kienet għamlet id-debutt tagħha fil-Grand Police Christmas Show fis-Sala Repubblika ta` Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-Belt Valletta. Dan kien nħar is-27 ta` Diċembru, 1986.

Dak in-nħar il-Banda kienet ħadet sehem waqt Kunċert kbir mill-Kantant Grieg Demis Roussos. Minħabba li dak iż-żmien, dan kien fost l-aqwa kantanti fl-Ewropa, is-sala kienet mimlija daqs bajda bl-udjenza, li laqgħat bi ħġara lil din il-Banda ġdida bl-applawsi u l-ovazzjonijiet tagħha. Il-Banda kienet ħadet sehem ukoll fil-Festi tal-Milied ħdejn il-Monument tal-Assedju l-Kbir quddiem il-Qrati tal-Gustizzja fejn ukoll ġiet milqugħa minn folla enormi ta` nies wara snin li din il-Banda għamlet wieqfa. Dan kien nħar il-21 ta`Diċembru 1986. Matul dan iż-żmien il-Banda ħadet sehem ukoll f`diversi okkazjonijiet oħra fosthom fi sptarijiet u servizzi oħra għal għanijiet karitatevoli.

Strumentatura Ġdida fjamanta għall-Banda tal-Pulizija

Wara dan is-suċċess ġiet approvata strumentatura ġdida għall-Korp li nġiebet dirett minn Franza, r-Renju Unit u l-Istati Uniti liema strumentatura fortunatament għadha tintuża sal-lum.

Iżda kif jgħidu, l-istorja tirrepeti ruħha u l-Banda reġgħet kellha tieqaf minħabba esigenzi tas-servizz.

Kien fit-28 ta` Mejju tal-1994 meta l-Kummissarju George Grech reġa` waqqaf mill-ġdid il-Banda tal-Pulizija fejn reġa` ħatar lill-Ispettur Anthony Cassar mill-ġdid bħala Surmast Direttur tal-Banda tal-Pulizija. Saret immedjatament sejħa oħra għall-mużiċisti minn ġewwa l-Korp stess fejn wieġbu aktar minn erbgħin mużiċist li bdew mill-ewwel bit-taħriġ tagħhom fl-Akkademja tal-Pulizija fi ħdan il-Forti storika ta` Sant`Iermu fil-Belt Valletta. Wara t-taħriġ, il-Banda li bdiet fix-xahar ta` Ġunju 1994 akkumpanjat fil-Passing Out Parade tar-Rekluti tal-Pulizija l-ġodda f`dak l-istess xahar.

Fix-xahar ta` wara, f`Lulju 1994 saru ċerimonji speċjali sabiex jitfakkar il-180 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Korp tal-Pulizija. Kien it-12 ta` Lulju 1994, Jum il-Pulizija, meta l-Banda tal-Pulizija għamlet parata militari minn ħdejn il-Monument ta` Kristu Re` l-Furjana sa quddiem il-Kon-Katidral ta` San Gwann fejn ħadet sehem fi Gwardja tal-Unur. Aktar tard reġgħet għamlet parata oħra minn quddiem l-istess Monument sa Misraħ San Ġorġ fejn ħadet sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet imsemmija flimkien ma` Banda Russa, il-Moscow Military Ensemble u l-famuza Banda dell` Arma dei Carabinieri. Dan seħħ waqt Gwardja tal-Unur f`din l-istess Pjazza.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet il-Banda tal-Pulizija mmarċjat minn Pjazza San Ġorġ sal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Furjana.

L-Innu tal-Korp tal-Pulizija mżanżzan fl-1994

Kien fl-okkazjoni tal-180 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Korp li l-Kummissarju s-Sur George Grech wera x-xewqa tiegħu li l-Korp ikollu l-Innu tiegħu u għaldaqstant kien ikkommissjona lill-Ispettur Anthony Cassar sabiex jikkomponi dan l-Innu li ndaqq għall-ewwel darba mill-Banda tal-Pulizija fid-daħhla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana fix-xahar ta` Lulju 1994 waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta` dan l-Anniversarju.

Il-Banda tal-Pulizija u dik tal-Forżi Armati għall-ewwel darba f`Massed Bands flimkien

Kien fl-1999 li l-Kummissarju George Grech approva li għall-ewwel darba l-Banda tal-Pulizija ta` Malta ddoqq bħala Massed Bands mal-Banda tal-Forżi Armati. Dan kien għall-okkazjoni tal-25 Anniversarju minn meta Malta saret Repubblika.

Il-Baned kienu bdew b`parata militari minn Bieb il-Belt sa Misraħ San Ġorġ fejn hemmekk ingħatat wirja spettakolari miż-żewġ Baned għall-ewwel darba flimkien u programm statiku miż-żewġ Baned Nazzjonali tal-Istat diretti mill-Ispettur Anzjan Mro. Anthony Cassar u l-Kaptan Mro. George Debono. Dan sar fil-presenza tal-Eċċellenża Tiegħu il-President ta` Malta Dr. Guido de Marco, il-Kummissarju George Grech u l-Brigadier Rupert Montanaro li segwew l-ispettaklu mill-gallarija tal-Palazz Presidenzjali.

CD Recording ghall-ewwel darba

Fis-sena 2002 il-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur John Rizzo approva li ssir l-ewwel CD recording professjonali mill-Banda tal-Pulizija li saret fl-Auditorium Sir Temi Zammit tal-Universita` ta` Malta. Din ġiet irrekordjata mill-PRO Studios ta` Ghawdex minn John Cauchi. F`din is-CD l-Banda nkludiet tnax mill-aqwa siltiet mużikali li l-Banda għandha fir-ripertorju tagħha kif ukoll l-Innu Nazzjonali u l-Innu tal-Korp tal-Pulizija mill-pinna mużikali tal-Ispettur Anzjan Anthony Cassar.

Wara s-suċċess ta` din is-CD il-Kummissarju Rizzo reġa` approva li ssir it-tieni CD li wkoll ġiet rekordjata fl-Auditorium Sir Temi Zammit fl-2005 mill-PRO Studios u t-tielet CD li ġiet irrekordjata fl-Istudio Seven ta` Birkirkara fl-2011 minn Joe Debono.

Il-flus miġbura minn dawn l-ewwel tliet CDs li għamlet il-Banda tal-Korp tal-Pulizija marru kollha b`risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.

Id-Display Team tal-Banda tal-Pulizija

Fis-sena 2004 ġie ffurmat għall-ewwel darba Display Team mill-membri tal-Banda stess.

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Baned Maltin dan il-Grupp għamel inovazzjoni meta xi bandisti għamlu żifna waqt l-ispettaklu annwali mill-Banda nħar Jum il-Pulizija fi Pjazza San Ġorġ il-Belt Valletta.

Dan intlaqgħa b`akklamazzjoni u b`applawsi kbar mill-udjenza prezenti tant li dan baqa` jsir fir-rapprezentazzjonijiet tal-Valletta Military Tattoo li saru fis-snin ta` wara.

Kien minn dak in-nħar `l hemm li l-Banda tal-Pulizija u baned oħra bdew jagħmlu żfin u ċaqlieq ieħor waqt l-ispettakli tagħhom.

Il-Banda tal-Pulizija kienet ukoll protagonista sabiex mill-1994 `il quddiem bdiet tesegwixxi mużika moderna u kontemporanja.

Mill-2004 `l quddiem il-Banda tal-Pulizija ta` Malta bdiet tibda tiġi mistiedna flimkien mal-Banda tal-Forzi Armati u ma` diversi baned barranin oħra biex tieħu sehem f`li spettakli tal-Valletta Military Tattoo f`Misraħ San Ġorġ il-Belt, aktar tard taħt it-Tinda tal-M.F.C.C. f`Ta Qali u dan l-aħħar lura lejn Misraħ San Ġorġ.

Qabel din is-sena l-Banda kienet ħadet sehem ukoll ghal diversi drabi fl-ispettakli tal-Valletta History & Elegance, il-Birgufest u l-Imdinafest.

Il-Banda tal-Pulizija fi żjara fil-Provincia di Catania

Fix-xahar t`Awwissu tal-2005 il-Banda tal-Pulizija ġiet mistiedna sabiex tezegwixxi diversi kunċerti ġewwa l-Provincia di Catania għall-ewwel darba fl-istorja tal-Banda tal-Pulizija ta` Malta. L-istedina saret minn Dr. Francesco Petralia, Sindku ta` Santa Maria di Licodia u żewġ sindki oħra fl-ibliet tagħhom tal- Comune di Belpasso u ta` Biancavilla.

F`dan it-tour il-Banda għamlet diversi parati militari fit-toroq ta` Biancavilla, fil-Comune di Santa Maria di Licodia u l-Comune di Bel Passo. Għamlet ukoll Kunċerti fi Piazza Roma, Piazza Umberto Primo, Piazza Duomo u Piazza San Antonio liema kunċerti ġew trasmessi dirett fuq li Sy Channel kif ukoll fuq il-Biancavilla News.

Flimkien mal-Banda tal-Korp hadet sehem ukoll il-Banda ta` Santa Maria di Licodia – L` Associazione Musicale G. Pacini u l-Banda Musicale Citta` di Belpasso.

F`dawn il-Kunċerti mużikali l-Banda tal-Pulizija daqqet mhux anqas minn tletin silta mużikali differenti mir-ripertorju tal-istess Banda. F`kull Kunċert il-Banda bdiet bl-Innu tal-Korp u spiċċat bl-innijiet ta` Malta u dak tal-Italja. Saru wkoll souvenir programmes għal dawn l-okkażjonijiet storiċi għall-Banda tal-Pulizija li tqassmu kull fejn il-Banda tal-Pulizija għamlet Kunċert.

Kull fejn daqqet il-Banda kemm fil-Kunċerti u anke parati militari fil-Pjazzez u t-Toroq tal-Provincia di Catania giet milqugħa b`ċapċip u akklamazzjoni.

Il-Banda tal-Pulizija u l-Isqfijiet ta` Malta u t`Għawdex

Fis-26 ta` Jannar, 2005 il-Banda tal-Korp ġiet mistiedna sabiex tieħu sehem fil-Festa tal-Konsagrazzjoni Episkopali tal-Isqof il-ġdid t`Għawdex Mons. Mario Grech. Il-Banda laqgħet lill-Isqof bl-Inno Pontificio fi Triq ir-Repubblika Għawdex u baqgħet takkumpanjah flimkien mal-Pulizija tal-Kavallerija sal-Pjazza tal-Katidral ta` Santa Marija fiċ-Ċittadella.

Wara l-konsagrazzjoni tiegħu mill-Isqof Nikol Cauchi reġgħhet sellmitlu għal darb`oħra bl-Inno Pontificio u wara għamlet Programm mużikali quddiem il-Katidral fi Pjazza maħnuqa bin-nies.

Wara l-isqof ħa ritratt mal-Banda u rringrazzjaha ħafna tas-sehem tagħha f`dik l-okkazjoni partikolari.

Il-Banda tal-Pulizija ta` Malta messitha wkoll ix-xorti li terġa` tipparteċipa fl-M.F.C.C. Ta` Qali fil-presenza ta` aktar minn ħamest` elef ruħ – din id-darba għall-okkazjoni tal-Festa Familja mmexxija mill-Arcisqof il-ġdid ta` Malta Patri Pawl Cremona ftit jiem biss wara li ġie kkonsagrat Arcisqof. L-Arcisqof Cremona ħa ritratt mal-Banda tal-Pulizija u rringrazzja lill-membri tagħha tal-Kurċifiss tal-fidda li pprezentawlu bħala tifkira tal-ħatra tiegħu bħala Arċisqof ta` Pajjiżna, fi tmiem il-programm mużikali li ntlaqgħa b` applawsi mill-membri tal-pubbliku preżenti.

Uniformi Ċerimonjali ġdida u t-twaqqif tal-Pipe Band tal-Pulizija

Fis-sena 2006 il-Banda tal-Pulizija ta` Malta żanżnet uniformi ċerimonjali ġdida sabiex tikkomplimenta l-elmu ċerimonjali li l-Korp kien ilu jagħmel użu minnu sa mill-1814.

Il-Banda għall-ewwel darba fl-istorja tal-baned Maltin f`din l-istess sena ffurmat fi ħdana l-Pipe Band tagħha stess. Il-Pipe Band kienet bdiet titmexxa mis-Surġent Kevin Vella dak iż-żmien id-Drum Major tal-Banda u aktar tard mis-Surġent Stefan Mercieca il-Pipe Major tal-Banda.

Kunċerti Kbar mill-Banda tal-Pulizija ta` Malta

Għal aktar minn 30 sena l-Banda tal-Pulizija għamlet diversi Kunċerti Vokali u Strumentali kbar li d-dħul kollu minnhom mar għal għanijiet karitatevoli. Nħar id-9 ta` Lulju 2009 nbeda l-ewwel Kunċert f`din is-sensiela ta` kunċerti. Dan sar fis-Sala Repubblika ta` Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.

Dan il-Kunċert professjonali ġie mtella` fl-okkazjoni tal-195 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Korp tal-Pulizija, għat-90 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Banda tal-Pulizija kif ukoll għall-15 il-Anniversarju mill-aħħar riattivazzjoni tal-Banda. Minn dak in-nħar `l hawn saru diversi Kunċerti oħra fejn il-livell tal-Banda baqa`dejjem jogħla.

Il-Banda tal-Pulizija tellgħat dawn il-Kunċerti f`diversi okkazjonijiet differenti kemm f`Malta u kemm f`Għawdex - fosthom fl-Auditorium Sir Temi Zammit fl-Universita` ta` Malta, f`Sala Repubblika ta` Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, fil-Katidral Metropolitan ta` San Pawl l-Imdina, fil-Katidral Anglikan ta` San Pawl fil-Belt Valletta, fis-Santwarju tal-Madonna Ta` Pinu l-Għarb Għawdex, fi Pjazza Teatru Rjal il-Belt Valletta, fil-Malta Fairs and Conventions Centre f`Ta` Qali, fil-Palazz Presidenzjali ta` San Anton u f`diversi postijiet oħra.

Il-mitejn sena mit-Twaqqif tal-Korp tal-Pulizija

Fl-2014 saru ċelebrazzjonijiet speċjali fl-okkazjoni t`għeluq il-200 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Korp tal-Pulizija. Il-Banda tal-Pulizija ma naqsitx milli jkollha s-sehem sħiħh tagħha f` dawn iċ-ċelebrazzjonijiet – fosthom bi Triloġija ta` Kunċerti - Kunċert għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa fil-Katidral Metropolitan ta` San Pawl l-Imdina, Kunċert fi Pjazza Teatru Rjal fil-Belt Valletta u Kunċert ieħor f`Sala Repubblika ta` Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta. Ovvjament ma naqasx bħal dejjem fl-attivitajiet tal-200 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Korp li l-lokazzjonijiet imsemmija kienu wkoll ippakkjati bl-udjenza li apprezzat ħafna dawn it-tliet Kunċerti.

Kantanti u Mużiċisti li pparteċipaw flimkien mal-Banda tal-Pulizija ta` Malta f` aktar minn 26 sena

Matul dawn l-aħħar snin diversi mużiċisti u kantanti pparteċipaw mal-Banda tal-Pulizija ta` Malta kemm Maltin kif ukoll barranin, fosthom it-Tenur Malti ta` fama nternazzjonali Joseph Calleja, Ivan Grech, il-Grupp Winter Moods, Ira Losco, il-Grupp Red Electrick, id-Duo Tenishia, is-Sopran u pop singer Federica Balucani residenti mal-Banda Polizia di Stato ta` Ruma, is-soprani Marita Bezzina, Ruth Sammut Casingena, Joan Mangion u Rosabelle Pavia, mezzo soprani Marie Therese Vassallo u Marvic Monreal, it-tenuri Charles Vincenti, Brian Cefai, Joseph Aquilina, Arthur Micallef u Alan Sciberras flimkien mal-Amadeus Chamber Choir, il-Coro Bel Canto, il-Marie Therese Vassallo Voice Studio, Kor Malta u l-Harmonic Ensemble Children`s Choir.

Hadu sehem diversi mu#i`isti b]ala mistiedna spe`jali minn diversi baned madwar Malta u Għawdex kif ukoll minn diversi orkestri b]al vjolinisti, pjanisti, organisti kif ukoll bl-arpa.

Dan flimkien ma lista ma tispiċċa qatt ta` wħud mill-aqwa kantanti li għandna f`Malta u Għawdex u li ħadu sehem f`diversi Kunċerti speċjali mtellgħa mill-Banda tal-Pulizija bl-isem ta` La Via Del Calvario, Memoire, La Passione Di Cristo, Redemptor Meus, The Malta Police Band in Concert, Winter Wonderland u ammont kbir ta` kunċerti oħrajn.

Il-Banda tal-Pulizija ta` Malta fil-prezent

Il-Banda tal-Pulizija ta` Malta bħal issa hija ffurmata minn ħamsin mużiċist kollha membri tal-Pulizija fil-Branki u Distretti f`Malta u Għawdex u erbgħa Pipers. Dawn il-mużiċisi, minn barra li jieħdu sehem mal-Banda għandhom ix-xogħol normali tagħhom ta` kuljum fid-diversi branki u distretti tal-Korp tal-Pulizija.

Is-Surmast Direttur tal-Banda

Is-Surmast Direttur tal-Banda huwa l-Assistent Kummissarju Mro. Anthony Cassar li wkoll għandu d-dmirijiet tiegħu f`dekasteru ta` branki fil-Korp tal-Pulizija.

Dan huwa l-ħames Surmast Direttur mit-Twaqqif tal-Banda, fejn issa ilu aktar minn 37 sena minn mindu ġie mogħti f`idu t-tmun tal-Banda fl-1986 b’esperjenza ta’ aktar minn 50 sena fix-xena mużikali. Hawnhekk ma nistgħux ma ngħidux li s`issa kien hu l-aktar surmast li dam imexxi banda nazzjonali kemm fil-Korp tal-Pulizija u kemm fl-Armata.

L-irwol tal-Banda tal-Pulizija ta` Malta

L-irwol tal-Banda huwa li tieħu sehem f`diversi attivitajiet tal-Korp tal-Pulizija matul diversi okkazjonijiet ċerimonjali. Matul is-sena l-Banda tieħu sehem f`diversi Kunċerti u wirjiet spettakolari. Dawn jinżammu matul il-festi nazzjonali ta` pajjiżna u okkazjonijiet oħra organizzati mill-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu, Festivals Malta, Arts Council Malta, Kumitat Festi Nazzjonali, il-Ministeru għal Għhawdex, Kunsilli Lokali u attivitajiet għall-karita`.

Il-provi u t-taħriġ tal-membri tal-Banda tal-Pulizija ta` Malta jsiru fl-iskola tal-Mużika ta` Malta fil-Ħamrun wara jew qabel il-ħin tax-xogħol tagħhom. Il-Banda tagħmel dak kollu possibbli sabiex tilħaq l-għola livelli u għandha l-għan li sservi ta` pont bejn il-Korp tal-Pulizija u l-pubbliku nġenerali.

Il-25 Anniversarju mill-aħħar riattivazzjoni tal-Banda tal-Pulizija ta` Malta

Fil-25 Anniversarju mill-aħħar riattivazzjoni tal-Banda tal-Pulizija (1994 – 2019) il-Banda tellgħet Kunċert fil-Katidral tal-Imdina nħar is-Sibt 13 t`April 2019.

M`għandniex xi ngħidu bħas-soltu kien hemm Katidral ippakkjat bin-nies - sa kien hemm anke nies bil-wieqfa. Id-dħul minn dan il-Kunċert mar kollu għad-Dar tal-Providenza, tas-Siġġiewi fejn il-Kummissarju ppreżenta somma sabiħa lil Fr. Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Għall-istess okkazjoni l-Banda tal-Pulizija tellgħet ukoll Kunċert vokali u strumentali ieħor fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali ta` San Anton. Dan kien nħar is-Sibt 31 t`Awwissu 2019 fejn attendiet għal dan il-Kunċert folla rekord għall-Banda tagħna ta` il fuq minn elf u ħames mitt ruħ. Minn dan il-Kunċert inġabret ukoll somma rekord ta` ilfuq minn 13,000 ewro, li ngħataw mill-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Laurence Cutajar lill-Eċċellenza Tiegħu il-President ta` Malta Dr. George Vella. Dan minbarra ammonti ta` flus konsiderevoli oħra li nġabru waqt kunċerti oħra matul dik l-istess sena.

Waqt ir-rappreżentażżjoni tal-Valletta Military Tattoo fi Pjazza San Ġorġ il-Belt Valletta, fix-xahar ta` Settembru 2019 ħa sehem flimkien mal-Banda tal-Pulizija għall-ewwel darba l-Honour Guards – drill team li ġie mwaqqaf fl-istess sena mill-Ispettur Anzjan Trevor V. Micallef. Dan id-drill team ġie mwaqqaf sabiex jikkumplimenta l-Banda tal-Pulizija waqt il-wirjiet spettakolari tagħha u liema tim twaqqaf għall-okkazjoni tal-25 Anniversarju mir-riattivazzjoni tal-Banda tal-Pulizija.

Is-Sena taċ-Ċentinarju – (1920 – 2020)

Din is-sena kienet tant mistennija – is-sena 2020, bi kburija, b`ferħ u sodisfazzjon, il-Banda tal-Pulizija ta` Malta qedha tiċċelebra l-100 Anniversarju mit-Twaqqif taghha.

Ninsabu wisq kburin li konna ffortunati li nkunu propju aħna l-protagonisti taċ-Ċentinarju tal-Banda tal-Pulizija minn daqs dawk mużiċisti u surmastrijiet fil-baned preċedenti ta` qabilna sa mill-1920.

Pero` ninsabu fl-istess ħin ukoll wisq iddispjaċuti għal dak li nqala` fis-sena taċ-Ċentinarju tal-Banda l-2020 – is-sena li se tibqa` mfakkra fl-istorja mondjali għall-mod kif virus invisibbli rnexxielu jipparalizza lid-dinja kollha nkluż lil Malta tagħna. Minħabba f`din il-pandemija ntlaqtu u kellhom jiġu sospiżi ċ-ċelebrazzjonijiet kollha li kienu ppreparati li jsiru mill-Banda tal-Pulizija ta` Malta għal din is-sena li konna tant ilna nistennew.

Ridna niċċelebraw dan l-aniversarji speċjali bi kbir iżda kif jgħidu, l-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. Kellna programm kbir ippreparat għal din is-sena iżda sfaxxa kollox u ġie pospost għal żmienijiet aħjar.

Fosthom sfaxxat fix-xejn ukoll l-istedina tant prestiggjuza li l-Banda tagħna kellha għal din l-okkazjoni fir-Red Square ġewwa Moska sabiex tipparteċipa fl-Ispasskaya Tower Festival ma` diversi baned oħra militari minn madwar id-dinja.

Dik kienet dawra żgħira mal-istorja tal-Banda tal-Pulizija ta` Malta matul dawn l-aħħar mitt sena, iżda żgur li aktar il quddiem ikollna aktar x`ngħidu dwar din il-Banda glorjuza li dejjem għamlet ħilitha sabiex iżżomm l-istandard tal-Korp tal-Pulizija `l fuq.

Ma jistax jonqos li bħal ma għamilna dejjem il-Banda tal-Pulizija ta` Malta tkun dejjem protagonista f` dawn iċ-ċelebrazzjonijiet importanti u singolari. Dan l-Anniversarju speċjali ridna niċċelebrawh bi kbir u għaldaqstant htarna Kumitat taċ-ċentinarju magħmul appost minn diversi l-ufficjali tal-Pulizija. Kien hemm diversi proposti ta bosat kunċerti u affarijiet oħra kommemorattiv li bil-mod wara li b’xi mod għaddiet il-pandemija, bdew ikunu organizzati, bil-mod matul is-sena 2023.

Fejn Propju nħar it-Tlieta 25 t' April, 2023 il-Banda tal-Pulizija bdiet bil-kbir b'kunċerti vokali u orkestrali fil-Kon Katidral ta' San Ġwann fil-Belt Valletta, li għalih attenda l-Eċċellenza tiegħu il-President ta` Malta Dr. George Vella u s-Sinjura tiegħu. li ħalla sodisfazzjon kbir lill dawk li attendew għalih, u imlew il-Kon Katidral sew.

Surmastijiet tal-Banda Melita

No Surmastijiet Minn Sa
01 Surmast Emmanuel Magro 1920 1939
02 Surġent Maġġur Carmelo Brincat 1939 1956
03 Spettur Anzjan Vincent Bonnici 1957 1965
04 Surġent Vincent Cremona 1965 1973
05 Spettur Anzjan Vincent Bonnici 1973 1980
06 Assistent Kummissarju Anthony Cassar 1986