Għaqda Każini tal-Banda

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda: 75 sena ta’ Storja

Sa minn żmien bikri, il-ħtieġa ta’ assoċjazzjoni jew għaqda li tiġbor fi ħdanha l-għaqdiet tal-banda f’pajjiżna kienet ilha tinħass. Dan b’mod speċjali wara t-tieni nofs tas-seklu dsatax, fejn il-ġibda lejn il-mużika u t-twaqqif tas-soċjetajiet tal-banda żdied ferm, tant li nsibu li fl-1886 kien hawn 270 mużiċist professjonali u 18-il għaqda mużikali mwaqqfa. Id-diriġenti ta’ dawn il-baned bdew iħossu l-ħtieġa ta’ għaqda bejniethom biex tħares l-interessi komuni u torganizza attivitajiet fuq skala nazzjonali.

Fl-1895, il-Prof. Napuljun Tagliaferro ħareġ bl-idea li ssir gara mużikali bejn il-baned Għawdxin u Maltin u għalhekk waqqaf il-Comitato di Direzione. Madankollu, kien fl-istess perjodu li diversi baned bdew għaddejjin minn serje ta’ inkwiet, fosthom dwar permessi ta’ daqq. F’Ġunju 1923, b’inizjattiva tas-Soċjeta Filarmonika King's Own u wara kwistjoni tat-tombli mal-Gvern, sittin delegat minn diversi każini tal-banda ltaqgħu flimkien u waqqfu l-Consiglio Centrale di tutte le filarmoniche taħt il-presidenza tal-Prof. Carlo Mallia. Din iżda ma kelliex ħajja twila. Aktar tard, wara kwistjoni ta’ drittijiet tal-awtur, u b’inizjattiva tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette, f’Ottubru 1933 twaqqfet l-Unione Filarmoniche Maltesi. Madankollu, iż-żminijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija wasslu mhux biss biex din l-għaqda tisfaxxa, iżda magħha diversi każini tal-banda li kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom għal żmien relattivament twil.

Kienu diversi l-inizjattivi li għaqqdu flimkien b’mod nazzjonali l-każini tal-banda fl-ewwel snin ta’ wara l-gwerra. Fl-istess snin, bdiet ukoll il-ħeġġa trejdunjonistika f’pajjiżna. Dan wassal biex fl-1947, Mikielanġ Delia, mis-Is-Siġġiewi iżda bandist u membru fil-Kumitat tas-Soċjeta Mużikali San Ġużepp Ħamrun, ressaq proposta quddiem il-Kumitat tal-istess għaqda sabiex, “Il-Kumitat... jieħu l-inizjattiva f’idejh billi jagħmel stedina lill-Kumitati ta’ Malta u Għawdex, ħalli jagħżlu żewġ delegati biex jattendu għal-laqgħa li għandha tiġi ffissata mill-Kumitat, u li jkollhom mandat speċifiku biex jiddiskutu u jikkonkludu flimkien il-possibbiltà ta’ għaqda bejn il-baned kollha... bl-iskop li jitjiebu l-kundizzjonijiet ħżiena li jinsabu fihom, u ħalli jakkwistaw il-privileġġi li jimmeritahom u li tant jeħtieġu.” Din il-proposta ġiet milqugħa, u t-Tlieta 16 ta’ Settembru 1947 saret laqgħa ġenerali fl-istess każin ippreseduta mill-Avukat Tommaso Caruana Demajo. Matulha nħatret kummissjoni biex tabbozza statut, li ġie approvat f’laqgħa ġenerali oħra li saret fil-11 ta’ Jannar 1948 fl-istess każin, fejn ġie approvat ukoll l-isem ta’ The Malta Band Clubs’ Association. L-ewwel Kunsill kien iffurmat minn: Dr. Tommaso Caruana Demajo President Onorarju, Mikielanġ Delia President, Joseph Ciappara Viċi President, Albert E. Scicluna Segretarju u Carmelo Dimech Teżorier, fost l-oħrajn.

It-twaqqif ta’ din ‘l-għaqda tal-għaqdiet’ kif kienet magħrufa, kien għamel ħoss qawwi madwar Malta kollha. Waħda mill-ewwel kwistjonijiet li kienet ħadet ħsieb kienet dik dwar il-banka tal-lottu, fejn wara laqgħa mal-Ministru tat-Teżor it-Tabib Turu Colombo fl-1948, ġabet ftehim b’diversi benefiċċji. Deċiżjoni oħra importanti li ttieħdet sa mill-ewwel snin kienet dik li jitwaqqaf bord proviżorju tas-Surmastrijiet, bl-għan li jirrakkomanda l-aħjar grammatika mużikali għat-tagħlim tal-allievi fil-każini. Sadanittant, l-ewwel dehra pubblika tal-Association kienet bis-sehem ta’ banda nominata minnha permezz ta’ polza, il-Vilhena Band Club tal-Furjana, fl-okkażjoni tal-Festa Nazzjonali tat-8 ta’ Settembru. Imbagħad f’Ottubru tal-istess sena, is-Soċjetà Filarmonika G.M. Fra Antoine de Paule (Banda Kristu Re) ta’ Raħal Ġdid, ukoll magħżula permezz ta’ polza, ħadet sehem f’isem l-Għaqda fl-okkażjoni tal-25 sena episkopat tal-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi. Il-Malta Band Clubs’ Association bdiet tiġi mistiedna biex tieħu sehem f’kumitati governattivi, fosthom dak tal-Festa Nazzjonali tal-Otto Settembre u dak tal-Karnival, kif ukoll biex tattendi għal diversi stediniet uffiċjali.

Sa mill-ewwel snin mit-twaqqif tal-Għaqda, ġie deċiż li tingħata prominenza lill-festa liturġika ta’ Santa Ċeċilja, patruna tal-mużiċisti, u għalhekk sejħet biex il-każini kollha dakinhar tat-22 ta’ Novembru jtellgħu l-bnadar. Mill-1982, kull Novembru, l-Għaqda bdiet tikkommemora ukoll il-festa ta’ Santa Ċeċilja b’quddiesa fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann u wara marċ mat-toroq tal-belt Valletta, filwaqt li mill-2013 din l-attività bdiet issir ukoll f’Għawdex. Fis-snin 50 ġie mwaqqaf fond għal allievi li jkunu jippromettu fil-mużika bil-ħsieb li jiġu mgħotija scholarships, filwaqt li fl-1957 bdiet ukoll il-gara mużikali. Bil-ħidma tal-Association il-baned bdew jingħataw id-dritt li jipparteċipaw fl-okkażjonijiet nazzjonali, ġew eżentati mill-obbligu tat-taxxa tad-dħul, filwaqt li bdew jingħataw spazju regolari fuq ir-rediffusion, aktar tard ir-radju, mill-1956 ’il quddiem. Dan sintendi ma’ numru kbir ta’ kwistjonijiet u diffikultajiet oħra li seħħew matul 75 sena ta’ storja. Fl-1954 sar ukoll tentattiv u twaqqfet banda nazzjonali, li iżda aktar tard mas-snin ma komplietx titmexxa mill-Association. Fl-1979 ittella’ l-ewwel programm annwali, fejn permezz ta’ polza daqqet il-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata Ħal Tarxien A.D. 1862. Dan il-programm kien isir fl-Istitut Kattoliku l-Furjana, iżda mill-1985 ’il quddiem beda jsir fit-Teatru Manoel.

L-Għaqda matul is-snin, kienet tiffunzjona mis-sede tal- Każin tas-Soċjeta Filarmonika San Ġużepp Ħamrun.. F’Ġunju 1996 ġarret għall-uffiċini fejn tinsab illum fil-Ħamrun stess. Mit-twaqqif tagħha sal-lum, l-Għaqda kellha bħala Presidenti lil Mikielanġ Delia, Karmenu Ellul Galea, Lawrence Farrugia u dak attwali l-Avukat Noel Camilleri.

L-istorja ta’ dawn l-aħħar snin għadha qegħdha tinkiteb illum. L-iskop għala twieldet l-Association 75 sena ilu għadu attwali sal-lum il-ġurnata: l-isfidi li jġarrbu l-għaqdiet mużikali għadhom hemm, forsi mhux eżattament taħt l-istess forma, iżda xorta waħda jirrikjedu sforz kollettiv biex jiġu megħluba. Ikun għajb għalina jekk niċċelebraw biss dan l-anniversarju sabiħ bħala tifkira, u ma nieħdux l-okkażjoni biex insaħħu l-operat ta’ din l-għaqda bil-parteċipazzjoni ta’ kull min għandu għal qalbu din it-tradizzjoni waħdiena tagħna l-Maltin u Għawdxin. Wasal iż-żmien li l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tkun merfgħuha ’l fuq bħala gwida legali tal-għaqdiet membri, u dan mhux biss sabiex issaħħaħ ħidmieta, iżda wisq iżjed sabiex tirregola b’mod dinjituż dak li sfortunatament jista’ jifridna. Illum, aktar minn qatt qabel, il-ħtieġa ta’ ‘għaqda tal-għaqdiet’ mhux biss għadha hemm, iżda hija ħafna iżjed bżonjuża. Illum irridu kollha flimkien intennu u naħdmu sabiex l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tissaħħaħ u tikber... sabiex dik iż-żerriegħa li twieldet 75 sena ilu ma tmut qatt!

Kitba tal-Kav. Duncan Brincat

Presidenti

No Presidenti Minn Sa
01 Mikielanġ Delia
02 Karmenu Ellul Galea
03 Lawrence V. Farrugia 1987 2012
04 Dr. Noel Camilleri

Secretarji

No Secretarji Minn Sa
00 Joseph C. Azzopardi 2008 2019
00 Ray Zammit 2019 2022
00 Chris Briffa 2022

Teżoriera

No Teżoriera Minn Sa
00 Melvin Bugeja 2022