Każin Banda San Nikola

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Storja tal-Każin Banda San Nikola

Każin Banda San Nikola (Siġġiewi) A.D. 1914

Introduzzjoni

Din hija l-mixja tas-Soċjeta' maż-żminijiet. Għall dan l-iskop qed tiġi riprodotta l-Istorja tal-Każin hekk kif miktuba mill-Ex President u President Onorarju tas-Soċjeta' Frangisku S. Bezzina. Dan it-tagħrif ta’ l-Istorja kien ġie ippublikata għall-ewwel darba fl-okkazjoni tal-għeluq mitt sena mit-twaqqif tas-Soċjeta' fl-1983. Wieħed għalhekk għandu japprezza illi matul l-aħħar 36 sena seħħew diversi żviluppi ġodda u li qed jiġu trattatti fil-qasir fl-aħħar sotto-titolo ta' din il-paġna, u liema parti ma kinietx mill-istorja oriġinali hekk kif miktub fl-1983.

Lis-stess Soċjeta' bħalissa tinsab għaddejja bi proġett sabiex tkompli tinkiteb l-istorja tagħha b'mod intier u ħolistiku. Fil-Futur qarib, il-frott ta' dan il-proġett ser ikun qed jiġi ippublikat, flimkien ma diversi anneddotti mill-ħajja tas-Soċjeta' fiż-żminijiet.

Dedika

Għas-sodisfazzjon ta’ kull min b’ħerqa jixtieq li jsir jaf fuq is-Soċjetà hawn se inwasslu din il-ġrajja li issawret mas-snin tas-Soċjetà filarmonika San Nikola li hija l-ewwel Għaqda li twaqqfet fir-raħal tas-Siġġiewi.

Dan ix-xogħol, li bih ser jitfakkru wkoll il-Mitt sena mit-twaqqif tal-Għaqda, kien sar b’dedika lejn diversi persuni fosthom lill-Fundatur u l-Promoturi, Presidenti, u Membru li servew fil-Kummitati, Diretturi u Assistenti tal-Banda, bandist u Allievi, Soċi li dejjem taw ħajja u nifs lis-soċjeta, Diretturi Spiritwali, Benefatturi u ‘l dawk kollha li b’ xi mod jew ieħor urew interess fis-Soċjetà.

Kelmtejn Qabel

Qabel nibdew naraw din il-mixja tal-Każin Banda San Nikola dwar it-twaqqif u l-ġrajjiet tas-Soċjeta, il-kitieb ta’ din il-ġrajja Frangisku S. Bezzina kien kiteb hekk:- tajjeb u jkun ta’ importanza kbira f’dak li hu priservazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali ta’ kull Għaqda, hu x’ inhu l-iskop tagħha.

Dan qiegħed ngħidu għax meta jiena ġejt biex nagħti bidu għal din il-kitba tiegħi sibt ruħi ferm konfuż u ddiżapuntat. In-nuqqas ta’ dokumenti uffiċjali fuq is-Soċjetà ġagħlni nagħmel ħafna xogħol ta’ riċerka permezz ta’ mistoqsijiet biex nipprova nibda mill-bidu tat-twaqqif tas-Soċjetà. B’ hekk dak li ktibt dwar iż-żmien bikri tat-twaqqif tas-Soċjetà kelli nakkwistah permezz ta’ mistoqsijiet lil nies anzjani ferm li jew kienu midħla tas-Soċjetà jew inkella kienu jinteressaw ruħhom fl-affarijiet tar-raħal.

Forsi meta wieħed jaqra dwar il-postijiet differenti li fihom għammret is-Soċjetà u jieħu f’ kunsiderazzjoni li s-Soċjetà kienet immezzija minn nies b’karattri differenti, allura wieħed jasal biex jifhem li ċerti dokumenti, l- aktar dawk tal-bidu, setgħu faċilment jintilfu kif filfatt ġara.

Għalhekk minn qalbi nappella lil kulħadd biex jekk xi darba jew oħra wieħed jitħajjaw jidħol fit-tmexxija ta’ xi Għaqda, jara li jidħol għax-xogħol bl-akbar serjetà, responsabiltà u enerġija, u li bi skruplu jżomm fl-akbar għożża d-dokumenti uffiċjali ta’ dak kollu li l-Għaqda tkun ġa għaddiet u tkun għaddejja minnu. Meta jsir hekk is-Soċjetà jkollha moħħha mistrieħ li l-ġrajjiet tagħha m’ humiex se jispiċċaw maż-żmien. U b’responsabilta dak li sar u ġara fil-passat, qed jsir fil-prezent u se jsir fil-futur, jinġabar u ikun ippreservat kif suppost, biex dejjem jidgawda lill-quddiem minn dawk li se jiġu warajna.

Grazzi lill dawk kollha li bil-kooperazzjoni tagħhom għenuni nwassal l-istorja nteressanti tas-Soċjetà Filarmonika Każin Banda San Nikola.

Ħarsa Lura

Kull ħaġa li minn fuqha jgħaddi ż-żmien ikollha dduq ukoll it-tibdil li ġġib magħha l-ħajja. Dan it-tibdil iġib miegħu issa mumenti sbieħ u ta’ ferħ u ftit wara mumenti koroh u diffiċli. Iżda l-istess żmien ikun l-aqwa raġel għaliex permezz tal-mixja tiegħu jbiddel iċ-ċirkostanzi i jagħti t-tort jew ir-raġun lil min ikun tassew ħaqqu. Hekk hija magħmula l-istorja tal-ħajja tagħna. Biex wieħed jifhem aħjar il-bidu tal-Għaqda tagħna, tajjeb li nagħtu ħarsa ħafifa lura lejn is-Soċjetà Maltija ta’ tmiem is-seklu l-ieħor u l-mixja tagħha mas-snin ta’ wara. Fost it-tibdil li jġib miegħu ż-żmien insibu l-progress fl-edukazzjoni.

Minħabba l-faqar, it-tbatija u l-injoranza, il-biċċa l-kbira tal-poplu Malti sa ftit ta’ snin ilu kien imċaħħad minn bosta drittijiet, fosthom dak għall-edukazzjoni xierqa. Kien hemm ukoll Maltin għaqlin li xtaqu jedukaw lil-ħuthom Maltin, iżda f’atmosfera ta’ mistrieħ wara ġurnata xogħol.

Biex jintlaħaq dan l-għan, fost l-oħrajn beda jsir f’pajjiżna t-twaqqif ta’ Ċentri Mużikali li permezz tagħhom, filwaqt li dak li jkun jieħu l-mistrieħ tiegħu b’mod li ma joffendi lil ħadd, ikun ukoll qiegħed jeduka ruħu. Permezz tat-tagħlim tal-mużika f’ dawn iċ-ċentri, kien qiegħed jiġi provdut delizzju sabiħ ta’ mistrieħ li jagħti pjaċir kemm lil min idoqq kif ukoll lil kull min jisimgħu.

B’ dan il-ħsieb insibu li għal ħabta tas-sena 1874 bdew jitwaqqfu dawn iċ-ċentri rikreattivi biex fihom u permezz tagħhom il-poplu jkun jista’ jistrieħ kif ukoll jeduka ruħu soċjalment. Hekk bdew jitfaċċaw f’pajjiżna l-orkestri u aktar tard bdew jiġu ffurmati l-baned.

Twaqqif ta’ Ċentru fis-Siġġiewi

Ir-raħal tas-Siġġiewi, għalkemm fil-biċċa l-kbira tiegħu kien magħmul minn nies bdiewa, kienu jeżistu wkoll nies ta’ ċerta edukazzjoni u għerf li fil-qalb ġeneruża tagħhom kienu jħossu d-dmir li dak li kienu jafu huma kellhom jużawh ukoll għall-ġid ta’ ħuthom il-parroċċani. Xtaqu jedukaw lil ħuthom Siġġiwin moralment u soċjalment. Meta bdew jitwaqqfu ċ-ċentri li semmejna nsibu li, skond l-anzjani tagħna, għal ħabta tas-sena 1883 nibtu fost is-Siġġiwin persuni li riedu minn qalbhom jipprovdu lil niesna skop u mezz rikreattiv f’ċentri bħal dawk li kienu ġa bdew jitwaqqfu u jiġu ffurmati f’ Malta.

Fost dawn il-persuni jissemmew is-Sinjuri Nikol Scicluna, Pawlu Chetcuti, Pietru Axisa, Gio Battista Caruana u magħhom kien hemm ukoll il-Professur Nikola Zammit M.D.

Ċertament li biex jifformaw ċentru bħal dan fi żminijiet tant diffiċli u li fihom kienu jeżistu u jirrenjaw il-faqar u l-injoranza, ta’ bilfors li riedu jkunu nies iddedikati u lesti għal kull sagrifiċċju. Iżda r-rieda ta’ dawn il-promoturi kienet qawwija u għalhekk it-triq infetħet u bilmod il-mod, bis-sagrifiċċji u bid-dedikazzjoni tagħhom, bdew ikellmu u jfiehmu lis-Siġġiwin dwar it-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru rikrreattiv fir-raħal tagħna. Bdew jinkoraġġixxu lill-poplu tar-raħal tagħna biex aħna wkoll f’ raħalna jkollna Għaqda bħal ta’ ibliet u rħula f’ Malta li kienu ġa waqqfu dawn iċ-ċentri. Bdew ifiehmu lin-nies tar-raħal li ħaġa bħall din, bl-iskop ta’ tagħlim tal-mużika u rikreazzjonijiet soċjali oħra, isservi ta’ mistrieħ għall individwu u fl-istess ħin tedukah b’mod xieraq.

In-nies anzjani jiftakru li dawk il-parroċċani li kellhom għal qalbhom il-ġid tar-raħal tagħna ma qagħdux lura u ingħaqdu biex dan l-iskop tant ġenwin jintlaħaq għall-ġid tagħhom u ta’ raħalna.

Min-naħa l-oħra, iżda, dik is-sezzjoni ta’ nies li kienet tbati b’inferjorità minħabba n-nuqqas ta’ skola li kellhom, ma ħassewx li setgħu jipparteċipaw u wisq inqas jitgħallmu l-mużika. Iżda meta l-kliem ma waqax f’widnejn torox ikollok it-tama li leħnek jiġi mismugħ. Fil-fatt hekk ġara, għaliex wara xogħol kbir mill-promoturi u minn dawk li daħlu magħhom għal din il-ħidma rnexxilhom jiġbdu lejhom uħud minn dawk li ma kienu jistgħu iniżżluha qatt li twaqqif ta’ ċentru bħal dan seta’ jseħħ. B’ hekk, issa, b’għadd ta’ Siġġiwin magħhom, il-promoturi setgħu jagħtu bidu biex il-ħolma tagħhom isseħħ bil-fatti.

Isem u Skop taċ-Ċentru

Meta l-promoturi ngħaqdu kien imiss li jsir l-ewwel pass ‘il quddiem. Saret l-ewwel laqgħa ta’ din l-Għaqda li ngħatat ukoll isem. Bl- iskop ewlieni tat-tagħlim tal-mużika, ingħata l-isem ta’ SOCIETÀ FILHARMONICA DEI DILETTANTI, u billi fost il-parroċċani kien jeżisti rispett kbir lejn it-tabib u Professur NIKOLA ZAMMIT, intweriet ix-xewqa li fl-isem tal-Għaqda jissemma wkoll dan il-bniedem għaref. B’ hekk biex tiġi sodisfatta x-xewqa tal-membri, l-Għaqda ħadet l-isem ta’ SOCIETÀ FILHARMONICA DEI DILETTANTI-CIRCOLO NICOLÒ ZAMMIT. B’ dan l-isem u b’ dan l-iskop twaqqfet l-ewwel għaqda tar-raħal tagħna s-Siġġiewi.

Amminstrazzjoni

Issa kien imiss il-pass l-ieħor ‘il quddiem, dak li s-Soċjetà jkollha min imexxiha u jieħu ħsiebha. Minbarra dan riedu jsiru regoli li fuqhom trid titmexxa b’mod għaqli din is-Soċjetà u permezz ta’ dawn ir-regolimenti l-Għaqda setgħet tiġi rikonoxxuta mil-liġi ċivili tal-pajjiż.

Kien inħoloq Statut b’xejn inqas minn total ta’ 74 regolament, u li kienu ġew approvati bit-termini tal-liġi u mxandra bin-notifikazzjoni tal-Gvern bin-numru 454 tas-sena 1920, fit-22 ta’ Ġunju, 1923. F’ dawn ir-regolamenti nsibu li sentenza numru 40 turi ċar li l-kaxxier jirrapreżenta s-Soċjetà fil-qorti, mentri llum il-persuna responsabbli għas-soċjetà magħruf mil-liġi huwa s-Segretarju. Iżda peress li, kif sejrin naraw aktar ‘il quddiem, insibu li fis-sena 1893 is-Soċjetà u l-Banda kienu diġà bdew jidhru fir-Reġistru tal-Baned f’ Malta, allura nifhmu wkoll li bilfors kienu diġà jeżistu regolamenti oħra qabel dawn li semmejna. Wieħed jifhem ukoll li r-regolamenti setgħu jitbiddlu minn żmien għal żmien permezz tas-Seduti Ġenerali Annwali jew Straordinarji biss.

Hekk naraw li fis-sena 1937 sar xi tibdil u żjieda fir-regolamenti. Wieħed minn dawn kien li jiprojbixxi attivitajiet li b’xi mod jew ieħor ikunu ta’ natura politika li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-soċjetà.

Fis-sena 1948-49 insibu li sar ukoll tibdil sostanzjali fir-regolamenti u l-istatut ingħata ordni permezz ta’ tqassim f’ kapitli.

Fis-sena 1970 sar arranġament fir-regolamenti li jitrattaw dwar il-vistu fis-Soċjetà.

Tibdil ieħor li sar fis-sena 1977 b’emenda fir-regolament li jippreċiża x-xahar li fih għandha titlaqqa is-Seduta Ġenerali Annwali ta’ kull sena, u mix-xahar ta’ Jannar ġie mtawwal għax xahar ta’ Frar, f’ liema xahar ikun laħaq sar kollox dwar id-dħul finanzjarju, b’ mod speċjali tad-draft mill-Lottu Pubbliku, għas-sehem tal-banks tas-soċjetà.

Illum insibu li r-regolamenti huma mqassmin b’ dan il-mod;

  • Kap. I - “Isem”
  • Kap. II - “Skopijiet”
  • Kap. III - “Kompożizzjoni”
  • Kap. IV - “Kumitat”
  • Kap. V - “Soċi Bandisti”
  • Kap. VI - “Soċi Sempliċi u Regolamenti Ġenerali”

Formazzjoni ta’ Banda

Issa li rajna kif twaqqfet is-Soċjetà u x’sar dwar l-amministrazzjoni tagħha, tajjeb li naraw x’ beda jsir biex jintlaħaq l-iskop oriġinali tas-Soċjetà, jiġifieri l-mużika.

Minkejja li n-nies kienu jaħsbu li trid ikollok xi intelliġenza kbira biex titgħallem il-mużika, it-tagħlim beda jsir. Għal dan ix-xogħol iebes daħal ċertu Piju Caruana Dingli miż-Żejtun li kien jaħdem piżatur id-dwana.

Il-bidu kien ta’ nkoraġġiment kbir u qawwa l-qlub ta’ dawk li tassew xtaqu jitgħallmu l-mużika. Tant hu hekk li kienet ġiet ifformata orkestra tas-Soċjetà. B’ dan kien jidher li l-għan li ssir banda ntlaħaq u fil-fatt insibu li fis-sena 1893 il-banda bdiet tidher fil-lista tal-baned ta’ Malta.

Il-banda kienet ġiet reġistrata bl-isem ta’ Nicolina u bħala Surmast Direttur kellha f’dak iż-żmien lil Ruġġier Carabott. L-Isem tal-banda ma jħalli ebda dubju dwar il-qima u r-rispett li l-parroċċani kellhom lejn il-qaddis patrun tal-lokal San Nikola. Tant hu hekk li l-banda baqgħet bl-isem ta’ NICOLINA sas-sena 1934, meta nsibu li imbagħad il-banda ġiet reġistrata bl-isem propju tal-qaddis u għalhekk bdiet tissejjaħ Banda San Nikola, kif baqa’ u għadu sal-lum.

Mit-twaqqif tas-Soċjetà sal-lum, il-banda kellha diversi Diretturi ta’ isem li mexxewha

Ta’ min isemmi li fis-snin 1932/1933 minħabba kwistjoni li kienet firdet is-Soċi u anki l-Bandisti, il-Bandist Mikiel Ciantar ħa l-inkarigu li jkompli jgħallem u jmexxi l-banda bil-bandisti li kien hemm u baqgħu barra l-kwistjoni.

Wieħed jinnota wkoll li għal perjodu ta’ kważi ħames snin il-banda f’ dak iż-żmien tat-tieni gwerra dinjija, messitha d-daqqa ta’ ħarta li kienu ħadu kważi l-baned kollha ta’ Malta. Grazzi għall-qlubija u l-kuraġġ ta’ l-Asst. Surmast Giuseppe Muscat li baqa’ jitħabat u jgħallem żgħażagħ ġodda li bil-ftit bandisti li kien baqa’ u ma nġabrux bil-lieva, kien jikkunċertjahom u b’hekk baqa’ jżomm ħajja l-banda tagħna u salvaha mid-daqqa tal-mewt tagħha.

Tmexxija tas-Soċjeta

Se nagħtu ħarsa lejn l-amministrazzjoni tas-Soċjetà, il-Banda u min mexxa l-banda, lista tal-persuni li mexxew il-kumitati kif kienu ġew magħżula mis-Seduti Ġenerali u/jew Straordinarji minn żmien għal żmien. Hawn nistħajjel li xi ħadd jgħid, għaliex insemmu l-Presidenti biss u mhux ukoll il-Membri kollha tal-kumitati! Hija ħaġa prattika u skond ir-regolamenti li l-persuna li tiġi maħtura ndividwalment mis-Seduti Ġenerali /Straordinarji/Annwali huwa propju l-President, li mbagħad wara taħtar 9 membri oħra u wara minn Seduta tal-bandisti jiġu magħżula żewġ bandisti għar-rappreżentazzjoni tal-banda fil-kumitat. Il-karigi jiġu mbagħad mogħtija mill-President flimkien ma’ l-istess membri li jifformaw l-istess kumitat, liema karigi jkunu jistgħu jinbidlu kull meta jkun meħtieġ mill-kumitat. Għalhekk il-kariga tal-President biss hija l-kariga maħtura mis-Seduti Ġenerali Annwali u/jew Straordinarji. Barra minn dan hija ħaġa li jifimha kulħadd li trid spazju kbir biex issemmi l-membri kollha li servew fil-Kumitati minn żmien għal żmien.

Issa nerġgħu nħabbtu wiċċna mal-istess problema tan-nuqqas tad-dokumenti uffiċjali biex insemmu l-Presidenti sa mill-bidu tat-twaqqif tas-Soċjetà. Għaldaqstant quddiem dan in-nuqqas, biex nipprovaw naslu kemm jista’ jkun ‘il quddiem fiż-żmien l-imgħoddi, wieħed ikollu jirrifletti dwar ċerti fatti u minnhom jipprova, bl-użu tas-sens komun, jiġbed konklużjoni li kemm jista’ jkun jersaq lejn il-verità tal-ġrajja.

Il-fatti juri li l-Professur Nikola Zammit kien igawdi rispett kbir fi ħdan is-Soċjetà u dan narawh mill-ewwel isem li ngħata lis-Soċjetà. Għalkemm nafu li kellu miegħu l-promoturi, nafu wkoll li Dr. Nikola Zammit dejjem xtaq jeduka lil min ma jafx u għalhekk nistgħu ngħodduh bħala Fundatur ewlieni tas-Soċjetà. Iżda billi l-Professur Nikola Zammit ma kienx residenti fir-raħal ma nistgħux ngħidu jekk huwa okkupax il-kariga ta’ President għal xi żmien. Għalhekk ma’ neskludux il-fatt li l-kariga ta’ l-ewwel president seta’ okkupaha xi wieħed mill-promoturi l-oħrajn, jiġifieri s-Sinjuri Nikol Scicluna, Pawlu Chetcuti, Pietru Axisa, Gio. Batta Caruana jew forsi wkoll xi nies oħra li bdew jifformaw parti mis-Soċjetà fil-bidu tagħha, li servew ukoll fil-kumitat.

Standarti li Għandha is-Soċjeta

Fir-residenza tas-soċjetà wieħed isib dawn il-Bandalori u Standarti:

Bandalora bil-pittura magħmula mis-Sur Giuseppe Aquilina li kienet saret għall ħabta tas-sena 1936;

Bandalora oħra bil-mitra ta’ Isqof magħmula fis-sena 1886 mis-Sur Spiridione Buhagiar u li kienet ġiet regalata lis-soċjetà minn ibnu Girolamo fis-sena 1968.

Fis-sena 1931 bl-inizjattiva ta’ wieħed mis-soċi is-Sur Nikola Farrugia (imlaqqam il-Fattu), wara li ġabar flus mingħand nies soċi u oħrajn mir-raħal, ġabar ukoll xi flus għal standard mingħand nies ħaddiema tax-xatt fejn kien jaħdem huwa wkoll. Meta ġabar il-flus meħtieġa sar l-istandard li kien iġib l-arma tal-Gran Mastru Ferrdinand Von Hompesch. Dan sar minħabba li r-raħal tas-Siġġiewi fis-sena 1797, eżattament fit-30 ta’ Diċembru, il-Gran Mastru għoġbu jilqa t-talba mill-Kleru u l-poplu tar-raħal meta’ semma lir-raħal bħala Citta Ferdinand għal ismu. Dan l-istandard inħadem mis-sorijiet taż-Żejtun tal-Istitut tan-Nazzarenu, u kien ġie dikjarat bħala l-istandard uffiċjali tas-soċjetà.

Wara li sar dan l-istandard insibu li fis-sena 1947 ġie ordnat sett ta’ erba’ l-istandarti tas-suf għand id-ditta Turtle & Pearce ta’ Londra. Dawn kienu jirrapreżentaw il-bandiera Maltija, Ingliża, Amerikana u tal-Papa bit-trirenju. Fis-sena 1949 saru mbagħad sett ta’ tliet stendardi oħra imma din id-darba tad-drapp tal-ħarir li kienu Malti, Ingliż u tal-Papa. Dan is-sett kien wasal Malta fis-27 t’ Ottubru, 1949, minn Londra mill-istess ditta ta’ qabel jiġifieri Turtle & Pearce.

Fl-24 t’ Ottubru, 1945, il-Kumitat kien iddeċida li tiġi ordnata l-bandiera l-kbira li tittella’ fuq l-arblu tal-Każin fil-jiem tal-Festa Titulari. Din il-bandiera kienet tad-drapp tas-suf u magħmula fuq id-disinn tas-Sur Giuseppe Aquilina mis-Siġġiewi. Hija kbira 18’ x 13’ u qamet lis-soċjetà s-somma ta £36.0s.0d u żżanżnet għall-festa tas-6 ta’ Diċembru 1946.

Fis-sena 1951 permezz ta’ arbular inġabar ammont ta’ flus mill-kumitat u sar l- l-istandard li fuqu jġib l-arma tas-Siġġiewi bil kelma fuqu Siġġiewi. Dan l-istandard sar fil-kunvent tan-Nazzarenu taż-Żejtun mis-sorijiet fuq disinn tas-Sur Karmenu Vassallo mir-Rabat (Malta). Dan l-istandard ħa post l-istandard uffiċjali ta’ qabel.

Nħar il-Ħadd, 9 ta’ Lulju, 1972, saret l-ewwel quddiesa solenni ta’ ħames qassisin ġodda f’ daqqa mis-Siġġiewi. F’ din l-okkażżjoni l-Banda ħadet sehem billi akkompanjat lis-saċerdoti ġodda mid-dar parrokjali sal-Knisja. Qabel il-bidu tal-korteo, s-saċerdoti l-ġodda ppreżentaw standard lis-Soċjetà li huwa tal-ħarir u bil-pittura tas-simbolu tal-imħabba mdawwar bil-ħames armi tal-kunjom tal-ħames qassisin. Ix-xogħol tal-pittura sar mis-Sur Jos Busuttil (mis-Siġġiewi). Dan l-istandard ġie imbagħad imbierek mill-Arċisqof Mikiel Gonzi ġewwa l-każin fl-okkażżjoni ta’ riċeviment li l-każin ta lill-wqassisin il-ġodda u l- familjari tagħhom nhar it-Tlieta, 11 ta’ Lulju 1972, li fiħ l-Arċisqof Gonzi kien il-mistieden ta’ l-unur.

Standard ieħor ġie preżentat lill-banda u s-Soċjetà mir-Reverendu Anthony Cassar u l-familja fl-okkażżjoni ta’ l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-parroċċa, nħar il-Ħadd 28 ta’ Lulju 1974. Ta’ min jgħid li skond ix-xewqa tal-President u l-Kumitat ta’ dak iż-żmien, dan l-istandard sar fuq disinn riproduzzjoni tal-standard li kien sar fl-1931 u li kien issa qdiem u beda wkoll jiżżarrad. Dan l-istandard sar għas-spejjeż tal-familja Albert Cassar u maħdum mis-Sinjura Anna Ġiordmaina (mis-Siġġiewi).

Fis-sena 1975, emigranti Siġġiwin fl-Awstralja kellhom skop li jagħmlu xi preżentazzjoni lill-banda u s-Soċjetà. Ġara li fis-sena 1974 kien emigra lejn l-Awstralja s-Sur Nikola Baldacchino li kien membru tal-Kumitat tas-Soċjetà. Is- Sur Nikola Baldacchino kellu f’ rasu li jaħdem kemm jista biex issir preżentazzjoni ta’ l-istandard mill-emigranti Siġġiwin lill-Każin tal-Banda ta’ raħal twelidhom. Dan il-ħsieb kien ikkomunikah lir-Rev. Francis Buhagiar mis-Siġġiewi li kien jaħdem fost l-emigranti fl-Awstralja u kien ukoll Chairman ta’ kumitat organizzativ tal-Emigranti Siġġiwin fl-Awstralja.

Allura ġie deċiż li l-preżentazzjoni li minn qabel kellhom il-ħsieb li jgħamlu jkun l-standard. B’ dan il-ħsieb saru kuntatti bejn il-President F.S. Bezzina u r-Rev Francis Buhagiar fejn minbarra li ġie muri lill-President il-ħsieb li jsir l-istandard , dan il-proġett kellu jibqa mistur biex meta ssir il-preżentazzjoni tiegħu tkun bħala sorpriża kemm għall poplu tar-raħal u wkoll għall familjari tal-emigranti fis-Siġġiewi.

Ġiet mitluba l-ideja tal-President dwar id-disinn li għandu jsir fuq dan l-istandard ġdid. Peress li l-istandard li kien sar fis-sena 1951 kien beda jiżżarrad, il-president issuġġerixxa żewġ punti dwar dan li kienu li ssir riproduzzjoni tal-barrani tad-disinn l-istess tal-istandard li sar fl-1951 u peress li kull standard uffiċjali li kien sar s’issa qatt ma kien fiħ l-arma proprja skond l-isem tal-Banda u s-Soċjetà, jiġifieri ta’ San Nikola, f’ dan l- istandard il-ġdid issir l-arma ta’ San Nikola, jiġifieri l-Mitra, il-Baklu, is-Salib u l-Ktieb tal-Vanġelu. L-ideja tal-President intgħoġbot mill-Kumitat Organizzativ fl-Awstralja u l-President tas-soċjetà għamel disnin u fuqhu nħadem dan l-istandard il-ġdid. Ix-xogħol tal-ħjata u r-rakmu tal-arma sar mis-Sinjura Annie Giordmaina (mis-Siġġiewi) filwaqt li x-xogħol tal-kruċetta u l-lasta sar mid-ditta Jos. Aquilina ta’ Ħal-Qormi.

Dan l-istandard il-ġdid sewa’ s-somma ta’ £M392.50,0 u qiegħed għal qalb dawk l-emigranti kontributuri Siġġiwin tant li meta jiġu Malta għal xi vaganza jitolbu biex jarawh.

Dan l-istandard il-ġdid, wara li f’ lejliet il-festa nħar is-Sibt, 19 ta’ Ġunju, 1976, ġie maħruġ mid-dar parrokjali u mdawwar mal-banda waqt il-Marċ, waqt programm Vokali/Strumentali ġewwa l-pjazza ġie ppreżentat mis-Sur Paul Azzopardi u s-Sinjura tiegħu f’isem l-Emigranti Siġġiwin Kontributuri lill-Presidenti, u ġie mbagħad imbierek mid-Direttur Spiritwali tas-Soċjetà ir-Rev. Dr. Nikol Aquilina, B.A., Lic.D., D.Litt. (Milan), fost applaws kbir mill-folla preżenti fil-pjazza.

Uniformijiet lill-Bandisti

Issa, wara li semmejna l-istandarti l-Bandalori u l-Bandiera uffiċjali tas-Soċjetà, ta’ min isemmi wkoll li, fiż-żmien, il-bandisti, kellhom uniformi li kienet attraenti ħafna.

Dawn l-unifromijiet kienu saru fis-sena 1945 u kienu jikkonsistu f’ beritta, qalziet u ġakketta. Il-qalziet u l-ġaketta kienu bojod u l-ġakketta kellha żewġt ibwiet żgħar fuq u tnejn kbar isfel mal-ġnub u dawn kienu jingħalqu b’ erba’ buttini tar-ram isfar. Fuq iż-żewġ pavri tal-ġakketta kienu jitwaħħlu żewġ arpi mużikali tar-ram isfar ukoll filwaqt li fuq l-ispallejn kienu jitwaħħlu par spalletti suwed b’disinn dehbi. Il-beritta b’ cover abjad u fuq il-pizz ħabel maħdum dehbi, filwaqt li fin-nofs kellha badge tad-drapp li kien iġib l-arma tal-Qaddis San Nikola li għalih hija msemmija l-Banda. Dawn il-badges ġew mibdula ma’ oħrajn ġodda li saru bl-inizjattiva tas-Sur Nikola Farrugia minn emigranti Siġġiwin fl-Awstralja li fost oħrajn għamlu ferm tajjeb għalihom is-Sinjuri Paul Azzopardi u Joe Vella. Dawn il-badges ġew ippreżentati mir-Rev. Francis Buahgiar lill-President tas-Soċjetà s-Sur Anton Mallia nħar il-Ħadd, is 16 ta’ Settembru, 1980, f’ laqgħa apposta ġewwa l-każin.

Attivitajiet li saru mill-Banda

Wara li rajna diġà dwar il-formazzjoni tal-Banda, id-Diretturi li mexxewha u l-Assistenti tagħhom, naraw issa l-attivitajiet li wettqet bi Programmi mużikali fir-raħal u wkoll barra r-raħal. Fir-raħal xi xjuħ anzjani jsostnu li l-banda, meta kienet għadha forma ta’ orkestra, kienet tieħu sehem f’ xi lotteriji u logħob li kien isir fil-pjazza u anke ġieli saret xi fiera fil-post magħruf bħala l-Wied taż-Żebbuġi kif ukoll f’tombli li kienu jsiru mill-istess Każin ġewwa l-pjazza.

Dawn l-anzjani kienu jsostnu li l-banda kienet torganizza bħall marċ u kienet tmur iddoqq wara l-bieb ta’ nies prominenti u professjonijist u wkoll wara bibien ta’ ħwienet. Dan kienu jagħmluh fiż-żmien tal-Milied u l-Istrina u kien magħruf mal-parroċċani bħala l-programm tal-kbar. Dan kien isir b’żewġ skopijiet, l-ewwel biex iferrħu n-nies fil-ġranet sbieħ tal-Milied u l-Istrina u t-tieni skop kien biex minn dan il-programm kienu jiġbru xi ħaġa tal-flus għas-Soċjetà.

Ix-Xjuħ jkomplu jgħidu li dan id-daqq baqa’ jsir sakemm darba, waqt li l-banda kienet qed iddoqq wara l-bieb tal-Kappillan, xi ħadd induna li kien hemm xi miċċa taqbad. Xi ħadd kuraġġuż resaq fuqha u tfiha u mn’Alla għax dik kienet bomba li kieku ħadet min jaf x’ kien jiġri.

Kungress Ewkaristiku 1913

Fi żmien il-Kungress Ewkarisitku tal-1913 li kien sar f’ Malta, il-kappillan tal-parroċċa l-W. Rev. Mikiel Farrugia fuq ix-xewqa tal-poplu tar-raħal stieden lill-E.T. Mons. Francesco Maria Berti, O.F.M., Isqof ta’ Amelia ġewwa l-Umbria, l-Italja. Dan l-Isqof aċċetta l-istedina u nħar is-Sibt, 26 t’ April, 1913, ġie fil-parroċċa biex imexxi funzjoni Ewkarisitika li saret. Għal din l-okkażżjoni l-Banda bl-isem ta’ “Nicolina” ħadet parti permezz ta’ daqq ta’ marċi brijużi waqt id-dimostrazzjoni li saret lill-Isqof mit-tarf tar-raħal (imsejjaħ ta’ Kirċippu) sal-Knisja Parrokjali. Dan is-sehem tal-banda nsibuh pubblikat fil-ġurnali ta’ dak iż-żmien li kienu “MALTA” u oħra “MALTA GĦADHA TAGĦNA” bin-numru 8896 tad-29 t’April, 1913 u bin-numru 1366 ta’ l-10 ta’ Mejju , 1913 rispettivament.

Ħal-Xluq u tal-Providenza

Fit-tielet Ħadd t’ Awwissu ta’ kull sena ssir il-festa ta’ Sta. Marija f’ Ħal Xluq u fit-tieni Ħadd ta’ Settembru ssir il-festa tal-Madonna tal-Grazzji f’ Tal-Providenza. Għal żmien twil f’dawn il-festi l-prokuraturi ta’ dawn iż-żewġ knejjes kienu jistiednu lill-banda biex tagħmel daqsxejn ta’ marċ u programm.

Festi ta’ Corpus u l-Qalb ta’ Ġesù

F’ dawn il-festi fir-raħal, il-banda kienet tieħu sehem id-daqq ta’ innijiet sagri waqt l-akkompanjament mal-purċissjoni bis-Sagrament. Wieħed kien jinnota li waqt il-ħruġ u d-dħul fil-knisja tas-sagrament, kien jindaqq salut minn fuq il-bejt qrib il-Knisja magħruf bħala l-bejt tal-putes.

Festa ta’ San Ġużepp fir-Raħal

Permezz tal-prokoratur ta’ din il-Festa, u l-Fratelli Carmelo Borg u Antonio Farrugia li kienu jiġbru l-mezzi finanzjarji, ta’ kull sena l-prokoratur Rev. Ġużeppi Aquilina, kien jistieden il-banda biex waqt il-purċissjoni kienet tesegwixxi programm mużikali fil-pjazza.

Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla

Fil-Kungressi tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla li kienu jsiru fis-Siġġiewi l-banda kienet tieħu sehem fil-korteo bid-daqq ta’ innijiet tax-Xirka kontra d-dagħa u dawn is-servizzi l-banda kienet tgħamilhom b’ xejn.

Marċ u Programm tal-Victory Day

Wara r-rebħa ta’ l-Alleati fit-Tieni gwerra dinjija (1939-1944) il-banda għamlet marċ u programm mużikali ġewwa r-raħal fit-2 ta’ Settembru 1945.

San Nikola mill-Belt għas-Siġġiewi

Fis-sena 1959 meta l-parroċċa kellha bħala Kapillan (u fl-aħħar sar l-ewwel Arċipriet tal-parroċċa għax fi żmienu l-knisja saret Arċipretali) lil Dun Pawl Attard, l-istatwa ta’ San Nikola ġiet indurata. Meta tlestiet u ġabuha lura l-banda “San Nikola”, flimkien mal-banda ta’ Għaqda Mużikali San Ġużepp (Ħal-Għaxaq) ta’ Ħal Għaxaq, laqgħuha bid-daqq tal-marċi meta ġiet mikxufa fit-tarf tar-raħal mill-Kappillan u kompliet tiġi mdawra minn Triq Ramija, Triq il-Kbira u l-Pjazza San Nikola imbagħad għal-ġewwa l-Knisja, fost il-ferħ tal-parroċċani, id-daqq tal-banda, u sparar ta’ bombi u musketterija. Din il-festa saret nhar il-Ħadd, 14 ta’ Ġunju, 1959.

Programm minflok ta’ San Nikola

Peress li fil-festa ta’ San Nikola tas-sena 1962 il-Banda ma tħallietx tieħu parti, il-Kumitat iddeċida li jagħmel programm. Dan sar nħar il-Ħadd, 23 ta’ Settembru 1962.

Tlugħ is-Salib tal-Għolja

Wara li l-ewwel salib li kien hemm twaqqa’ mill-irwiefen u l-maltemp, kien sar ieħor ġdid u ttella’ flok il-qadim nħar il-Ħadd, 25 t’ Awwissu, 1963, u saret ċerimonja u t-tberik tas-salib minn Mons. Emmanuel Galea, Vigarju Ġenerali. F’ din l-okkażżjoni l-banda esegwiet programm mużikali fuq il-quċċata tal-għolja sewwa sew quddiem il-kappella ta’ l-istess salib, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. John Mamo.

Fl-Indipendenza

Fis-16 ta’ Settembru, 1964 il-banda għamlet marċ b’tifkira tal-indipendenza li kellha tingħata lil Malta mill-Gvern ingliż ħamest ijiem wara, jiġifieri fil-21 ta’ Settembru, 1964.

Promozzjoni tas-Siġġiewi Football Club

Fid-19 ta’ Mejjju, 1974, fl-okkażżjoni tal-promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni tat-team tas-Siġġiewi F.C., il-banda “San Nikola” għamlet marċ ta’ ferħ li fih ħadu sehem players, supporters u l-Kumitati tal-Każin tal-Football u tal-Każin tal-Banda.

Twaqqif tal-Monument lil Dr. Nikola Zammit

Nħar is-Sibt, 4 ta’ Ġunju, 1977, l-Għaqda Kulturali tas-Siġġiewi, fost il-festi li organizzat għat-twaqqif tal-monument tal-Professur NIKOLA ZAMMIT M.D., stiednet il-banda “San Nikola” biex tieħu sehem fil-manifestazzjoni tal-kxif ta’ dan il-monument.

Il-Banda bdiet b’marċ minn Triq il-Parroċċa għal Triq il-Mitħna, daret għal Triq Dr. Nikola Zammit sa ma waslet safejn il-monument. Mal-wasla tal-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi u tal-President tar-Repubblika Dr. Anton Buttigieg, il-banda daqqet l-Innu Pontifiċju u l-Innu Nazzjonali rispettivament. Wara d-diskorsi tal-okkażżjoni u l-kxif tal-monument mill-President tar-Repubblika, il-banda daqqet l-innu tal-Banda San Nikola u l-Innu Nazzjonali. Wara l-Kumitat tal-Każin tal-Banda u l-bandisti ħadu sehem f’riċeviment li sar għall mistednin fid-dar Vincent Palace fl-istess triq. Fiċ-ċerimonja l-President u s-Segretarju tal-Każin tal-Banda poġġew kuruna f’riġlejn il-monument bħal ma’ għamlu Għaqdiet oħra.

Promozzjoni tas-Siġġiewi Basketball Club

Fl-okkażżjoni tal-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni tat-team tal-Basketball, nħar il-Ħadd 26 t’April, 1981 il-banda San Nikola għamlet marċ mit-tarf tar-raħal, daret il-pjazza u wasslet fost il-briju tal-marċi lill-players safejn il-Klabb tal-Basketball, f’ nru 79, triq San Nikola fejn wara ġew ippreżentati trofej, fosthom mill-President tal-Każin tal-Banda is-Sur Anton Mallia.

Festi ta’ San Nikola

F’kull festa titutlari tal-Qaddis Patrun tar-raħal San Nikola l-banda tipprepara bil-kunċerti ta’ mużika klassika u marċi brijużi biex tieħu sehem fil-ġranet tal-festa. F’ dawn l-okkażżjonijiet il-banda kienet tieħu sehem fl-aħħar tridu tal-festa. F’ lejlet u nħar il-festa kienu jinġiebu baned barranin. Fis-sena 1964 il-banda San Nikola kienet esegwiet ukoll programm f’lejliet il-festa li fiħ indaqq l-Innu popolari lil San nikola ta’ Bari, mużika ta’ Mro. Karm. Mallia u versi tal-Poeta Karmenu Vassallo; iżda peress li l-vuċijiet ma kienux taw interpretazzjoni sodisfaċenti dan l-innu kien ġie għal mument imwarrab. Fis-sena 1948, fis-6 ta’ Diċembru, il-banda kienet daqqet l-innu waqt il-ħruġ tal-istatwa mill-knisja bil-purċissjoni. Dan l-innu, b’mużika ta’ Mro. Giuseppe Muscat u versi tal-Poeta Karmenu Vassallo kien tkanta fuq iż-żuntier mit-tfal tal-Mużew tal-lokal. Jingħad li qabel dawn l-innijiet kien jindaqq innu li kien bit-Taljan.

L-innu li ġa semmejna u għidna li kien ġie mwarrab minħabba l-vuċijiet, ġie rranġat biex jieħu sehem fiħ il-kor ukoll. Dan ġie imbagħad esegwit lejlet il-festa 1964 bl-akbar suċċess mit-tenur Andrew Sapiano, il-baxx Joe Vella Bondin, u l-Kor tas-Siġġiewi taħt id-direzzjoni ta’ Rev. Daniel Farrugia, Direttur tal-Kor. Minn din is-sena ‘l quddiem, dan l-innu baqa’ jindaqq regolarment f’lejliet kull festa titutlari.

Fis-sena 1950 f’lejlet il-festa nhar is-Sibt 5 ta’ Diċembru, il-banda għamlet marċ li kien beda f’nofsinħar minn fejn il-knisja u kif wasal quddiem l-istatwa ta’ San Nikola fil-pjazza, ġiet maħruqa musketterija mżewqa b’xi erba’ bombi mdaqqsa minn Salvu Cassar (imlaqqam iz-Zozz). Din kienet l-aħħar festa li saret fix-xitwa għaliex wara talba għat-trasferiment mix-xitwa għas-sajf, b’digriet maħruġ mill-Kurja Arċiveskovili bid-data tat-28 ta’ Frar 1951, il-festa ġiet trasferita għall-31 ta’ Mejju jew f’xi Ħadd li jiġi wara.

Dan l-arranġament għat-tibdil tal-festa mis-sitwa għas-sajf, għas-Soċjetà kien ta’ inkoraġġiment għax qabel, minħabba l-maltemp, l-organizzazzjoni kienet issir dejjem b’nofs qalb għax ma tqawwix qalbek meta tieħu dak ix-xogħol kollu u ħafna drabi jisfrattalek kollox.

Dan l-inkoraġġiment wassal biex il-banda tibda tagħmel aktar marċi għal matul it-tridijiet tal-festa, u nsibu li beda jsir marċ fl-ewwel tridu u fl-aħħar tridu tal-festa. Il-marċ ta’ l-ewwel tridu beda jsir bl-iskop li d-dilettanti tan-nar ikunu jistgħu jieħdu sehem u jiddevertu f’ dan il-marċ peress li tul il-ġranet l-oħra tal-festa jkunu mpenjati b’xogħol kbir għall ħruq tan-nar. Fis-sena 1977 bdew isiru żewġ marċi fit-tridijiet tal-festa, jiġifieri fl-ewwel u l-aħħar tridu, u dejjem naturalment isir il-programm vokali/strumentali f’ lejlet il-festa, u qabel il-programm mużikali jsir marċ. Fis-sena 1979 il-marċi bdew isiru l-Ħamis u l-Ġimgħa, u s-Sibt bħas-soltu l-marċ u l-programm vokali/strumentali.

Fis-sena 1981 fuq xewqa kbira taż-żgħażagħ Siġġiwin, ħafna minnhom membri tas-Soċjetà, fis-Seduta Ġenerali Annwali li saret nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Marzu 1981, ġie deċiż li dment li jiġu provduti l-mezzi finanzjarji.

dment li jiġu provduti l-mezzi finanzjarji jibda jsir marċ mill-banda, nħar il-festa filgħodu. Din ix-xewqa taż-żgħażagħ għal dan il-marċ, li ġiet approvata mill-imsemmija Seduta Ġenerali Annwali, sabet oppożizzjoni mill-Arċipriet tal-Parroċċa Dun Joe Carabott. Minkejja din l-oppożizzjoni, id-deċiżjoni ttieħdet u l-marċ ta’ filgħodu beda jsir b’entużjażmu kbir mis-sena 1981 stess.

Saċerdoti u Kappillani Ġodda

Ix-Xjuħ l-Antiki jsostnu li l-banda kemm bl-isem ta’ Nicolina u kemm San Nikola, mis-sena 1912 dejjem ħadet sehem fil-festi ta’ l-ewwel quddiesa solenni taż-żgħażagħ kollha Siġġiwin li saru saċerdoti. Ġara iżda proprju f’din l-istess sena 1912 ġew ordnati tlett saċerdoti f’daqqa, jiġifieri fil-21 ta’ Diċembru, 1912, li kienu Dun Franġisku Saverju Mangion, Dun Ġużepp Aquilina (ta’ Randa) u Patri Adeodato Schembri, O.E.S.A. Iżda kien impossibli li jsiru tlett servizzi mill-banda wara xulxin għax kienu jirrikjedu spejjeż kbar għall każin. Biex sehem il-banda jsirgħal wieħed u għat-tnejn l-oħra ma jsirux ma kinitx ħaġa sabiħa, u għaldaqstant ġie deċiż li l-banda ma tieħux sehem f’ta’ ħadd minnhom it-tlieta.

Ta’ min isemmi li s-Soċjetà u l-banda dejjem ħadu sehem f’okkażżjonijiet bħal dawn, anki ta’ dawk iż-żgħażagħ li ġew ordnati saċerdoti barra minn Malta meta ġew lura u ċċelebraw għall-ewwel darba l-ewwel quddiesa fil-parroċċa tagħna.

Għalhekk insibu li l-banda ħadet sehem f’kull ċelebrazzjoni mill-1921, meta Dun Ġużepp Camilleri, nhar il-Ħadd, 29 ta’ Mejju, 1921, u baqghet sejra regolarment kif jidher hawn taħt:

Nru Saċerdoti Sena
01 Rev. G. Camilleri 1921
02 Rev. N. Mifsud 1927
03 Rev. G. Delia, S.J. 1930
04 Rev. A. Vella 1931
05 Rev. G. Aquilina 1941
06 Rev. B. Delia, O.F.M. (Cap) 1950
07 Rev. D. Farrugia 1951
08 Rev. C. Tonna 1952
09 Rev. N.Curmi, S.S.P. 1959
10 Rev. N. Aquilina 1967
11 Rev. D. Schembri 1967
12 Rev. P. Aquilina, S.J. 1968
13 Rev. J. Schembri, S.J 1970
14 Rev. F. Buhagiar 1971
15 Rev. D. Cutajar 1972
16 Rev. Ġ. Grima 1972
17 Rev. P. Schembri 1972
18 Rev. K. Vassallo 1972
19 Rev. M. Vassallo 1972
20 Rev. F. Calleja, O.S.A. 1972
21 Rev P. Aquilina, O.S.A. 1973
22 Rev. A. Cassar 1974
23 Rev. D. Balzan 1975
24 Rev. Ch. Attard 1977
25 Rev. J. Gatt 1981

Kif diġa ġie spjegat din il-lista tasal biss sal-bidu tas-snin tmenin. Il-Banda San Nikola kompliet minn dak iż-żmien tgħati servizz f'dawn l-okkażjonijiet tant importanti.

Kif wieħed jista’ jara mill-lista li tajna, fis-sena 1972 ġew ordnati f’daqqa ħames saċerdoti żgħażagħ mis-Siġġiewi. Meta sejrin ngħidu li l-banda ħadet sehem fl-okażżjoni tal-ewwel quddiesa ta’ dawn il-ħamsa l-banda daqqet u meta saru tlieta f’ daqqa fis-sena 1912 il-banda ma daqqetx?! Ir-raġuni hija li fis-sena 1912 ma kinitx issir konċelebrazzjoni, jiġifieri quddiesa b’ aktar minn qassis wieħed, iżda f’dan il-każ ta’ l-aħħar il-konċelebrazzjoni setgħet issir kif fil-fatt saret mil-ħames qassisin f’daqqa u għalhekk saret festa waħda għall-ħamsa f’salt u f’ħin wieħed.

Ta’ min isemmi li mis-sena 1960, saret drawwa li minflok kif kien isir qabel u l-banda barra li kienet iddoqq kienet ukoll tixtri rigal xieraq u tirregalah lill-qassis il-ġdid, beda jsir li wara li l-banda tieħu sehem fl-ewwel quddiesa, f’ xi ġurnata wara l-qassis il-ġdid u l-familjari tiegħu jiġu mistiedna l-każin biex isir daqsxejn ta’ riċeviment. F’din l-okkażżjoni, il-qassis il-ġdid filwaqt li flimkien mal-familjari jirringrazzjaw lill-Kumitat u l-Banda, jippreżentaw huma rigal sabiħ lis-Soċjetà bħala tifkira tal-okkażżjoni. Qabel l-1960 rigal bħal dan kien jiġi ppreżentat lill-President immedjatament wara l-festa tal-qassis fid-dar.

Kappillani u Arċipriet

Minbarra s-sehem tal-banda fl-okkażżjonijiet ta’ l-ewwel quddiesa taż-żgħażagħ Siġġiwin, il-Banda tieħu sehem ukoll fil-festi tal-Pussess tal-Kapillan / Arċipriet li jinħatru fil-parroċċa tagħna. L-istess ngħidu li beda jsir fir-rigward ta’ riċeviment u r-rigal tal-Arċipriet ġewwa l-Każin, f’ xi ġurnata wara l-pussess, u dan beda jsir hekk, mis-sena 1960 ukoll.

Dawn kienu l-Kappillani u Arċiprieti li l-banda ħadet sehem fil-festa tal-pussess tagħhom:

Organisation

Band Masters

No Band Master From Until
01 Piju Caruana Dingli 1884 1888
02 Ruġġiero Carabott 1889 1893
03 Carmelo Zammit 1893 1900
04 Salvatore Mallia 1901 1935
05 Gius. Saliba (Asst.) 1910 1922
06 Gius. Muscat (Asst.) 1931 1955
07 Carmelo Mallia 1935 1939
08 Ġiovanni Vella 1944 1950
09 Joseph Darmanin 1952 1956
10 Carmelo Callus 1956 1962
11 John Mamo 1962 2001
12 Karmenu Vella (Asst.) 1977 2001
13 Raymond Zammit 2001 2009
14 Raymond Sant (Asst.) 2009 2009
15 Nicholas Vella 2009

Presidents

No President From Until
01 Dr. Nikola Zammit M.D. 1883 1897
02 Paul Chetcuti 1898 1926
03 Dr. Nikola Delia LL.D 1927 1932
04 Ġużeppi Bonello 1933 1936
05 Arch. Joseph Farrugia A. & C.E. 1937 1943
06 Francis Spiteri 1944 1944
07 Luigi Catania 1945 1946
08 Agent. Angelo Vella 1947 1947
09 Agent Poet Karmenu Vassallo* 1947 1947
10 Notary Dr.Nikola Said LL.D. 1948 1956
11 Dr. Kalċidon Zammit M.D. 1957 1962
12 Poet Karmenu Vassallo 1963 1963
13 Dr. Kalċidon Zammit M.D. 1963 1965
14 Franġisku Saverju Bezzina 1966 1977
15 Antonio Mallia 1978 1998
16 Notary Dr.Philip Said LL.D. 1999 2013
17 Keith Abela 2013 2019
18 Dr.Hendrick Nicholas Magro LL.B (Hons) M. Adv (Merit) 2019
  • Acting President

Secretaries

No Secretaries From Until
01 Raymond Sant 1995

Treasurers

No Treasurers From Until
01 Nikol Cutajar 1995 1999
02 Charlie Vella 2000 2009
03 David Farrugia 2010 2011
04 Lindsay Bugeja 2012 2013
05 Joeaby Vassallo 2014 2016
06 Hendrick Nicholas Magro 2017 2019
07 Francine Farrugia 2019

Band Commissions

Band Activities Overseas

Historical Events in which the Band participated

Song Festivals, Events or Drama Activies

Annual Concerts

Annual Musical Activities

Recorded releases (LPs, Cassettes and CDs)

Cassettes

No Name of Cassettes - Festive Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Qniepen tal-Knisja Arċipretali - Mill-Għaqda Mużikali San Nikola (1987) 1987 *
02 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Il-Festa Tagħna s-Siġġiewin - 1989 - Mill-Għaqda Mużikali San Nikola (1989) 1989 *
03 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Marċi Brijużi 1992-1993 - Mill-Għaqda Mużikali San Nikola (1992-93) 1992-93 *
04 Festive Marches - Marċi Brijuzi - (Citta Ferdinand) Il-Festa tagħna s-Siġġiewin - 1994 Innijiet u Marċi Brijużi - Mill-Għaqda Mużikali San Nikola (1994) 1994 *
05 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Każin Banda San Nikola Siġġiewi - Professur Nikol Zammit 1815 - 1899 (1999) - Mill-Għaqda Mużikali San Nikola (1999) 1999 *
06 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Każin Banda San Nikola - Marċi Brijużi (2002) - Mill-Għaqda Mużikali San Nikola (2002) 2002 *

Cd's

No Name of Cd's - Festive Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Marċi Brijuzi 2006 - Mill-Għaqda Mużikali San Nikola (2006) 2006 *
02 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Marċi Allegri - Festa San Nikola 2011 - Mill-Għaqda Mużikali San Nikola (2011) 2001 *

Programmes and Publications

Memorials

External links