Karmenu Vassallo

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

STUB

This page is a stub

Stub pages are like acorns. The first seed has been planted, but you can help them grow! There may, for example, also be other M3P resources linking to it. You can help by expanding this page.

Karmenu Vassallo twieled is-Siġġiewi fit-18 ta’ Marzu, 1913. Kien Poeta u Ġurnalist.

Tfulitu

Missieru kien Mikelanġ waqt li ommhu kienet Ġużeppina mwielda Micallef, Fil-ktieb tiegħu Għażiż Karmenu (1982) huwa jgħid li ma kienx hemm ilma imbierek fil-fonti tal-knisja biex jitgħammed billi kien fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi u fil-Kunvent ta' San Mark, ir-Rabat fejn studja l-Letteratura Latina u Taljana, il-filosofija u beda t-teoloġija. Kellu xewqa li jsir missjunarju u bejn l-1932 u l-1935 kien novizz tal-MSSP, is-Soċjetà Missjunarja ta' San Pawl.

Ix-Xogħol tiegħu

Wettaq ħidma ta’ Ġurnalist, għalliem u suldat, kien beda bħala ġurnalist ma' Leħen is-Sewwa (1935–37) li tagħha kien jagħmel ukoll il-qari tal-provi u jieħu ħsieb il-paġna letterarja. Wara, kien fl-istaff editorjali ta' Il-Berqa u editur tal-paġna letterarja tagħha. Bejn l-1939 u l-1941 huwa kien jgħallem il-Malti, it-Taljan, l-istorja ta’ Malta u l-ġeografija fil-Kulleġġ San Alwiġi. Fl-1941 huwa nqabad bil-lieva u serva mar-riġment tal-K.O.M.R.fejn baqa' sal-1944. Ingħata l-medalji "1939-45 Star", "Africa Star" u" War Medal 1939-45" għas-servizz tiegħu. Wara l-gwerra huwa ħadem bħala skrivan mal-Gvern mal-Kummissjoni tar-Reviżjoni tal-Liġijiet (1944–45). Wara nħatar Surmast tal-Liċeo (1947–56) fejn kien jgħallem il-Malti, it-Taljan u l-Latin. Wara daħal jaħdem mad-Dipartiment tal-Informazzjoni (1956–1961). Kien ukoll eżaminatur tal-Malti fl-eżamijiet taċ-ċivil kif ukoll ta' kompetizzjonijiet letterarji fil-Malti. Fl-1961, inħtar uffiċjal tax-xandir għall-iskejjel sa ma rtira fl-1968.

Poeta u l-ħidma b'risq l-ilsien Malti

Vassallo sar membru tal-Akkademja tal-Malti fl-1937 u sar membru tal-Kunsill tagħha fl-1944. Kien ukoll segretarju tas-Soċjetà tal-Awturi Maltin (1950–57) u membru tar-"Rediffusion Drama Advisory Panel" (1960–61). Vassallo kiteb xogħlijiet bil-Malti, bit-Taljan u l-Ingliż. Poeżiji tiegħu bil-Malti nqalbu bil-Franċiż minn Laurent Ropa, bit-Taljan minn Vincenzo Maria Pellegrini u Giovanni Curmi u bl-Ingliż mill-Professur A. J.Arberry. Rebaħ ħafna premijiet f'konkorsi letterarji tal-poeżija. Fl-1972 Vassallo ngħata l-midalja tad-deheb Ġużė Muscat Azzopardi. Hu hu wkoll magħruf bħala il-Poeta tan-Nirien. Il-poeżija tiegħu b'influwenza tal-poeta Taljan Leopardi tesprimi t-tbatija tal-bniedem, id-dwejjaq u rabja tal-ħajja u r-ribelljoni taż-żgħożija. Fil-poeżiji ta' Vassallo wieħed isib spiritwalità profonda u prinċipji filosofiċi Insara. Ġużè Chetcuti jgħid li Karmenu Vassallo kien bniedem b'qalb kbira u "nibqgħu għal dejjem nafuh b'ruħ u qalb għal kollox miġbura fil-poeżija li kiteb; il-poeżija hija l-mera ta' ħajtu, ix-xbieha ta' qalbu". Dr. Alfred Sant jgħid li "Bħal ħafna oħrajn tal-ġenerazzjoni tiegħu, missieri kien ammiratur kbir ta’ Vassallo. Ġieli kien ukoll jarah bħala kittieb “terribbli” għax jesprimi dwejjaq u rabja bil-ħajja li huma parti mill-irvell taż-żgħożija. Imma f’Vassallo din l-espressjoni nnifisha ġieli kienet tinħass bħala tentazzjoni lejn dwejjaq u rabja li lesti jaqbżu kull limitu. Karmenu Vassallo stess kien ta’ spiss jinġibed lura minn dak li hu jidher li qed ifisser. Malajr malajr, kien jidħol fi djalogu mqit mat-twemmin Kattoliku tiegħu biex jaqta’ ras id-dubju. It-tentazzjoni f’Vassallo għar-rifjut tal-konvenzjoni u d-drawwa kienet tiġbed lejn il-kitba tiegħu, b’ċertu seħer, liż-żgħażagħ tas-snin tletin u erbgħin li kienu jħossu li l-kitba ta’ Vassallo, Ġorġ Pisani u Ġuże` Ellul Mercer kienet qed tgħidilhom affarijiet ġodda dwar ħajjithom ta’ dak iż-żmien... Jispikka fih is-sentiment tal-poeta favur qafas fejn il-ħajja tikseb tifsira aktar profonda. Il-bniedem mhuwiex destinat biss biex jitwieled, jiekol u jorqod, jgħix u jmut. Hemm xi ħaġa aqwa wara l-eżistenza tiegħu. Din hi tema li Karmenu Vassallo baqa’ dejjem itambar fuqha, u jekk mhux dejjem irnexxielu juri fiduċja fit-teżi li iva, hemm tifsira aqwa għall-ħajja, ma kinitx xi ħaġa din li tatu pjaċir tul ħajtu. Iħossu bħalu imma, kien hemm għadd kbir ta’ żgħażagħ…"

Ġabra ta’Kotba

Fost il-kotba tiegħu nsibu:

  • Nirien (1938)
  • Alla taż-żgħażagħ (1939)
  • Il-Metrika Maltija (1940)
  • Kwiekeb ta' Qalbi (1944)
  • Ħamiem u Sriep (1959)
  • Mill-Art għas-Sema (1960)
  • Vatum Consortium (1969)
  • Tnemnim (1970)
  • Bejn Qċaċet u Qigħan (1974)
  • Għażiż Karmenu (1982)

Bejn l-1950 u l-1956 qaleb għall-Malti Tale of Two Cities (Ġrajja ta' Żewġt Ibliet) ta' Charles Dickens, Confessions (Stqarrijiet) ta' Santu Wistin u Bufera (Riefnu) ta' Giovanni Curmi. Ġrajja ta' Żewġt Ibliet kien intlaqa' tajjeb ħafna u kien inqara fuq ir-Rediffusion.

Fl-1981 Vassallo bagħat lil Ġużè Cassar Pullicino 11-il poeżija bit-Taljan u tliet għanjiet bl-Ingliż - Adieu (1943), Victory (1944) meta t-Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-epilogu tagħha, u Alone (1945) li kienet immużikata minn Surmast Joseph Abela Scolaro u ppubblikata fl-1957.

Politika

Karmenu Vassallo kellu wkoll kontribut fil-kamp Politiku, meta kien jikkontesta b’impenn mal-Partit Laburista u minkejja li ma kient elett kellu kontribut siewi, meta fl-elezzjoni tal-1971, kien fatt maghruf fejn li kieku Vassallo ma ħariġx kandidat għall-Partit Laburista fis-Siġġiewi, kienu jintilfu l-voti. Effettivament, minħabba l-kandidatura ta’ Karmenu Vassallo, il-Partit Laburista seta’ jirkupra biżżejjed voti biex jirbaħ siġġu essenzjali għalih u b’hekk jifforma gvern. Minkejja dan kollu, apparti mill-fatt li ma naħsibx li Vassallo kien iqis il-politika bħala xi ħidma ewlenija għal ħajtu. Vassallo ta xhieda mhux biss tal-konflitti spiritwali li ġarrab, imma aktar minn hekk, ta xhieda tat-twemmin politiku tiegħu, mingħajr ma ndaħal fil-partiġġjaniżmu jew f’referenzi politiċi kontemporanji li mas-snin jitilfu t-tifsira tagħhom.

Familja u l-mewt

F'Ġunju 1939 Vassallo żżewweg lil Marija Vassallo u kellhom sebat ulied: Rożanna, Herman-Baruch, Oliver Paul, Toninu, Nicholas, Jane u Joe Silverius. Kellu mħabba kbira lejn is-Siġġiewi raħal twelidu. Magħrufa l-poeżija tiegħu Raħal Twelidi li tibda bil-vers "Seta' kien ikbar, seta' kien isbaħ..." Kellu diversi karigi fil-każin tal-banda San Nikola u kien fost il-fundaturi tal-klabb tal-futbol tal-lokal fl-1945 li tiegħu kien president fl-ewwel tmien snin. Huwa miet nħar is-7 ta' April 1987.

Nħar it-28 ta' Jannar 2007 il-President Eddie Fenech Adami kixef monument tal-bronż f'ġieħu fis-Siġġiewi.