Soċjeta Mużikali San Girgor (Sliema)

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Lis-Storja Soċjeta Mużikali San Girgor (Sliema)

Soċjeta Mużikali San Girgor (Sliema)

Se mmorru lura fil-bidu tas-snin tmenin tas-seklu li għadda meta l-Parroċċa ta’ San Girgor il-Kbir ġewwa tas-Sliema kienet għaddejja minn rinaxximent sħiħ – tiġdid li, fost ħwejjeġ oħrajn, affetwa wkoll lill-festa titulari tal-Qaddis Padrun San Girgor. Minn festa kwieta u ċkejkna, din bdiet tikber bil-mod-il mod u ma damitx ma bdiet tiġi organizzata festa titulari li kienet tħabbatha sew ma’ oħrajn li kien ilhom jiġu ċelebrati snin twal. Dan kollu kien possibbli grazzi għal grupp ta’ żgħażagħ u tfal li kienu jħobbu l-festa u għamlu minn kollox sabiex iġibu ‘l quddiem il-festa ta’ din il-Parroċċa. Ma kinitx damet wisq, fil-fatt, li tinbet ix-xewqa li jibda jsir il-famuż marċ tradizzjoni ta’ jum il-festa filgħodu. Kienet ġiet avviċinata l-Banda tas-Soċjeta Mużikali Sant' Antnin ta’ Birkirkara u fil-festa tal-1985 kien sar l-ewwel marċ ta’ filgħodu – avveniment li nissel bosta entużjażmu fost il-Gregorjani tant li ma damx ma nibet il-ħsieb li issa kien imiss li jkun hawn is-Soċjeta’ Mużikali li ġġib l-isem talqaddis Padrun: l-isem tant għażiż ta’ San Girgor il-Kbir.

Dan id-demm ġdid li kien daħal fil-grupp tal-festa beda jaħdem u jirsisti bis-sħiħ mhux biss favur l-organizzazzjoni tal-festa iżda wkoll sabiex iwelled ix-xewqa li issa kienet daħlet tberren f’moħħu. Il-laqgħat bdew isiru mhux biss fil-maħżen tal-armar – ġaraxx mdaqqas li jagħmel parti mill-binja taċ-Ċentru Parrokkjali fi Triq San Franġisk, imma saħansitra fi djar privati tal-membri ta’ dan il-grupp. Laqgħa wara laqgħa fejn kulħadd kien jgħid u jesprimi fehmtu – kien hemm waqtiet ta’ qtigħ il-qalb u oħrajn ta’ inkoraġġiment u sodisfazzjon kbir. Jidher li mumenti diffiċli kien hemm bil-bosta peress li mhux kullħadd kien ta’ l-istess fehma. Iżda kellha tkun laqgħa straordinarja tal-grupp tal-festa li saret nhar it-tmintax ta’ Awwissu 1987 f’numru 41 Triq Melita li matulha seħħet il-ħolma li kienet ilha tinħema minn xi snin qabel.

Issa mhux iżjed grupp tal-festa iżda kumitat ta’ Socjeta’ – mhux iżjed grupp tal-festa iżda Soċjeta’ Mużikali San Girgor – Sliema AD 1987 – l-isem uffiċjali li ntagħżel għas-Soċjeta’ dak inħar u li għadu jagħmlilha unur sal-lum u għal dejjem. L-ewwel President, is-sur George Falzon, intgħażel minn fost il-kumitat fundatur. Kien l-20 ta’ Diċembru, il-Ħadd ta’ qabel il-Milied tas-sena 1987. Filgħodu saret ċerimonja simboliku fuq iż-żuntier tal-knisja fejn ġie mbierek l-istandard tas-Soċjeta’ mill-kappillan ta’ dak iż-żmien Dun Victor Zammit McKeon u daqqet il-Banda għall-ewwel darba fost il-ferħ tal-gregorjani taħt il-bakketta tal-ewwel surmast Saviour Portelli. F’Settembru 1988 il-banda tas-Soċjeta’ ħadet sehem għall-ewwel darba fil-festa titulari tal-qaddis padrun San Girgor il-Kbir. Il-pass naturali li kien imiss kien li titwettaq ix-xewqa li s-Soċjeta’ jkollha dar fejn ilmembri jkunu jistgħu jiltaqgħu u fejn ikun jista’ jsir it-tagħlim tal-mużika. Dan ma kienx pass faċli għax is-Soċjeta’ kienet taqlagħha u tikolha u għalhekk kellhom jidħlu garanti għas-self li sar tlieta mill-fundaturi sabiex dan seta’ iseħħ. Inxtrat dar fi Triq in-Nazzarenu u kienu l-membri stess li daħlu għax-xogħol ta’ tisbiħ u tibdil strutturali sabiex din setgħet taqdi l-ħtiġijiet ta’ każin.

Din l-ewwel sede tas-Soċjeta’ kienet ġiet miftuħa uffiċjalment nħar il-25 ta’ Awwissu 1989. F’Settembru tal-istess sena ħarġu l-ewwel grupp ta’ bandisti ġodda tal-lokal. Minn dak żmien kienu bosta t-tfal u żżgħażagħ li ħadu t-tagħlim tal-mużika fi ħdan din is-Soċjeta’ u li llum iħaddnu din larti hekk nobbli bis-saħħa tas-surmastrijiet li għamluhom. Din il-banda sa mit-twaqqif tagħha kellha u għad għandha bosta servizzi. Fosthom hemm servizzi bandistiċi fil-festi tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla, ta’ Marija Addolorata f’San Pawl il-Baħar, ta’ San Bert fil-Għargħur, tal-Madonna ta’ Lourdes f’ San Ġwann, ta’ Santa Liena f’ Birkirkara, ta’ Marija Annunzjata f’ Ħal Balzan, fil-festi tal-Madonna tal-Karmnu tal-Wied ta’ Birkirkara, tal-Gżira u tal-Belt Valletta, ta’ San Ġużepp fil-Kalkara, ta’ San Lawrenz fil-Birgu u ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema stess. Il-Banda daqqet ukoll f’diversi programmi u kunċerti – kemm dawk ta’ lejliet il-festa kif ukoll oħrajn – Prelude to Christmas, Kunċert tal-Ġimgħa Mqaddsa, Kunċert talMillenju u wkoll f’ Oratorji.

Dawn barra l-għadd ġmielu ta’ drabi li l-banda daqqet fil-belt Valletta u f’tas-Sliema stess f’okkazzjonijiet kemm reliġjużi kif ukoll soċjali, bħall-Milied, l-Għid il-Kbir, pussessi ta’ kappillani, f’ċelebrazzjonijiet b’rabta mar-rebħ tal-Premier League u fuq stedina tal-Kunsill Lokali. Naturalment dan kollu seħħ waqt li din is-soċjeta’ qatt ma nsit il-punt ta’ tluq tagħha; dak li tieħu ħsieb il-festa titulari ta’ San Girgor. Fil-fatt baqgħet bħal dejjem timpenja ruħha bis-sħiħ fl-armar ta’ barra, fil-kiri ta’ baned u fil-logħob tan-nar. Hawnhekk ma nistgħux ma nsemmux lis-sinjura Stella Vella li dak iż-żmien, bis-sengħa tal-ħjata żejnet il-parroċċa b’pavaljuni u bandalori hekk sbieħ li, bosta minnhom, għadhom jintużaw sal-lum. Fis-snin 90 saru diversi opri sabiex is-Soċjeta’ tkompli tikber u tistagħna. Kienet saret statwa mdaqqas ta’ San Girgor il-Kbir sabiex iżżejjen il-kamra tal-Kumitat. Din kienet saret għand l-artist il-Kavallier Michael Camilleri Cauchi.

Kienet saret ukoll fl1996 l-istatwa tad-dimostrazzjoni ta’ San Girgor li tittella’ fuq kolonna kull nħar l-aħħar jum tat-tridu bil-marċ biswit Ġnien l-Indipendenza. Din saret mill-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi. Sena wara, fl-1997 kienu saru festi speċjali f’għeluq l-10 snin mit-twaqqif tal-banda fejn, fost oħrajn, kienet saret wirja dwar San Girgor u lkult tiegħu madwar Malta, taħwil ta’ siġra fil-Ġnien tal-Indipendenza, Quddiesa Solenni u riċeviment kbir. F’din is-sena kien ġie deċiż li s-Soċjeta’ Mużikali San Girgor tibda torganizza dimostrazzjoni bi statwa ta’ Kristu Rxoxt li kienet saret millartist Michael Camilleri Cauchi u li baqgħet ssir u tinħareġ sal-ġurnata tal-lum. Fejn tidħol banda saru sett ta’ valzi apposta sabiex jindaqqu għal din l-festa tradizzjonali. Din saret sabiex ikun hemm aktar spirtu tal-festi tal-Għid fil-parroċċa tagħna. Insemmu wkoll il-pittura ta’ San Girgor – xogħol tal-Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi, bosta standardi, tazzi u trofej, siltiet mużikali u l-Arkivju Mużikali – li sar bis-saħħa tal-Fergħa Nisa fis-sena 2000.

Fis-sena 2000 ukoll inkitbet paġna oħra fl-istorja tas-Soċjeta’ meta fit-12 ta’ Marzu sar il-Premier tal-Oratorju Sanctus Gregorius Magnus – Dan huwa biċċa xogħol mill-isbaħ li ħallielna s-surmast Raymond Zammit fuq lirika ta’ Peter Miceli Saydon. Kien sar fit-teatru tas-Sależjani taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika l-Eċċellenza tiegħu Dr. Guido DeMarco. Fis-sena 2004, is-Soċjeta’, ħadet sehem kbir fil-festi li kienu saru taċ-ċentinarju tal-1400 sena mill-mewt qaddisa ta’ San Girgor fejn kien reġa’ sar l-Oratorju – din id-darba sar fil-knisja parrokkjali. Ta’ min nfakkru wkoll s-sena 2012 fejn kien ġie kkommemorat il-25 sena anniversarju mit-twaqqif tal-banda meta kien sar kunċert speċjali tal-anniversarju fi Ġnien Indipendenza fid-data meta originarjament kienet twaqqfet l-banda nhar t-18 t’Awwissu. Wara ċ-ċentinarju tal-2004, is-Soċjeta’ bdiet tħoss il-ħtieġa sabiex tixtri każin ġdid aktar qrib tal-knisja parrokkjali kif fil-fatt sar u nxtrat dar fi Triq Nicolo’ Isouard kantuniera ma’ Triq Depiro wara li seta’ jsir il-bejgħ tal-każin l-antik. Eventwalment sar x-xogħol kollu meħtieġ, sabiex il-każin ikun akbar u aktar modern u addattat għall-ħtiġijiet tal-lum. Il-Każin l-ġdid twaqqa’ wara l-festa tat-2012 u beda jinbena u jiġi attrezzat. Fit-22 ta’ Novembru tas-sena 2014 ġiet mqegħda u mbierka l-ewwel ġebla mill-Kanonku Dun Vinċenz Demicoli. Naturalment wieħed llum jista’ jara rriżultat ta’ dan ix-xogħol kollu – frott ta’ enerġija u ħidma ma’ taqta’ xejn mill-membri mhux biss tal-kumitat imma wkoll għadd ġmielu ta’ membri tas-Soċjeta’ u ħbieb. Ilkażin baqa’ tiela’ u ħadd ma ħares lura. Itella’ t-tieni sular u sar l-attrezzar talbottega li ġie addattata u xierqa għaż-żminijiet tal-lum. Ix-xogħol kollu tal-bini tlesta fis-sena 2016.

Fis-sena 2017 is-Soċjeta’ akkwistat il-permessi kollha meħtieġa sabiex din il-binja tkun tista’ tiffunzjona bħala s-sede l-ġdida. It-triq qatt ma kienet faċli ida t-telgħa serviet ta’ xprun sabiex kullħadd ixammar u jmidd idu sabiex ilħolma ma ddumx ma ssir realta’. Illum qegħdin nassistu għall-ftuħ uffiċċjali ta’ dan l-każin maestuż mibni bil-lavur sabiħ u mirqum fuq il-ġebla Maltija kif ukoll nistgħu naraw u mmissu b’idejna l-ħidma sfieqa ta’ din s-Soċjeta’ - Soċjeta’ li għalkemm żgħira fl-eta’ żgur li determinata bi skop li tasal fejn tixtieq tasal u tkompli tkabbar isimha u l-festa li torganizza f’ġieħ San Girgor il-Kbir - wieħed mill-patruni protetturi ta’ Tas-Sliema It-triq kienet waħda twila u għat-telgħa – imma b’determinazzjoni soda tal-Gregorjani wasalna.

Dan dejjem kien possibbli għax din is-Soċjeta’ minn dejjem kienet immexxija minn kumitati magħmula minn membri ħawtiela u li dejjem meddew għonqhom għax-xogħol. Dawn il-kumitati kienu, sal-ġurnata tal-lum immexxija minn erba’ Presidenti li kienu is-Sur George Falzon – li fi żmienu twaqqfet is-Soċjeta’ u li mexxiha fl-ewwel snin tagħha, l-Avukat Melvyn Mifsud – li fi żmienu sar il-pass talbejgħ tal-każin l-antik u l-ewwel passi lejn l-akkwist tal-każin il-ġdid, is-Sur Joseph Deguara– li fi żmienu sar il-kuntratt tal-każin il-ġdid u s-Sur Joseph Vella – il-President attwali li taħt it-tmexxija tiegħu sar it-twaqqigħ tal-każin u l-bidu tal-binja lġdida, inxtrat aktar propjeta’ biex tikber l-art, tlesta l-bini u sar l-akkwist tal-permessi neċessarji bil-liġi sabiex dan il-bini jkun jista’ iservi bħala sede ta’ Soċjeta’ Mużikali. Naturalment, matul il-medda tas-snin, kien hemm dejjem kumitati ħabrieka u ħawtiela.

Sal-ġurnata tal-lum, minn barra xi membri onorarji, is-Soċjeta’ ħatret ukoll żewġ Presidenti Onorarji li huma s-sur Silvio Zammit u l-Onorevoli Robert Arrigo. Infakkru l-memorja u qatt ma ninsew lil min ġie qabilna u llum jinsab ma’ ġenb Gregorju tagħna u qed jittawlulna mis-sema: George Falzon, Saviour Portelli, Victor Galea, JJ Tellus u Alex Gauci.

Nispiċċaw bil-kliem ta’ John Miles u npoġġuh fuq fomm din is-Soċjeta’ tant għażiża għalina lkoll: Music was my first love And it will be my last. Music of the future And music of the past. To live without my music Would be impossible to do. In this world of troubles, My music pulls me through. U aħna lkoll ngħidulek: Missirijietna xtaquk u ħolmuk Il-Fundaturi wellduk Kabbruk il-Gregorjani U saħħejnik b’dak kollu li writna Ngħadduk lil ta’ warajna Għax Inti Żgħażugħa għal-Dejjem!

Tagħrif miġbur minn Stephen Miceli u Hose’ Borg

Organisation

Surmastrijiet

No Surmastrijiet Minn Sa
01 Saviour Portelli 1987 1996
02 Raymond Zammit 1996 2010
03 Tony Carbonaro 2010

Presidenti

No Presidenti Minn Sa
01 George Falzon 1987 2000
02 Dr.Melvin Mifsud 2000 2004
03 Joe Deguara 2004 2008
04 Joseph E. Vella 2008 2023
05 Stephen Miceli 2023

Segretarji

No Segretarji Minn Sa
01 Stephen Miceli 1987 2012
02 Gregory Sammut 2012 2018
03 Dr.Jean Paul Sammut 2019 2023
04 Christopher Testa 2023

Teżoriera

No Teżoriera Minn Sa
01 Joe Sammut 2019

Band Commissions

Band Activities Overseas

Historical Events in which the Band participated

Song Festivals, Events or Drama Activies

Annual Concerts

Annual Musical Activities

Recorded releases (LPs, Cassettes and CDs)

Cassettes

No Name of Cassettes Year Festive Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Mis-Soċjeta Mużikali San Girgor Sliema (1995) (Vol. 1) 1995 *

Cd's

No Name of Cd's Year Marches Funeral Marches Waltzes Hymn Others
01 Festive Marches – Marċi Brijużi – Soċjeta Mużikali San Girgor il-Kbir Sliema - (2010) 2010 *
021 Marċi Brijużi - 2022 - Soċjeta Mużikali San Girgor (Sliema) 2022 *

Programmes and Publications

Memorials

External links