Soċjeta Mużikali Każin Banda San Pio X Lija A.D. 1905

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Storja tal-Banda Soċjeta Mużikali Każin Banda San Pio X Lija A.D. 1905

Societal' Mużikali San Piju Ġużepp - A.D. 1905

Fl-1900, il-Maltin ftit jew wisq kienu għadhom jgħixu l-ħajja tagħhom kwieta bħal dik ta’ missirijiethom. Inkwiet industrijali ma kienx hawn u l-poplu fil-maġġoranza tiegħu kien għadu bla skola u ftit kien jisma’ bl-aħbarijiet jaħarqu ta’ pajjiżi oħra.

Minħabba ċ-ċokon tal-gżira, maħkuma kif kienu mill-Ingliżi, il-Maltin ftit setgħu jħarsu u jaraw ’il bogħod mix-xtut ta’ pajjiżhom. Għalihom ma kienx hemm ħlief li jissoktaw jgħixu fil-kwiet it-twemmin nisrani li kien jintiret mill-missier għall-iben. Kemm fl-ibliet kif ukoll fl-irħula ta’ Malta kont issib nies li qajla joħorġu mill-post fejn twieldu u għalhekk bilfors kellhom rabtiet qawwija ma’ pajjiżhom.

Kull belt u raħal kellu l-qaddis patrun tiegħu, u l-festa ta’ dan il-qaddis, li tiġi darba kull sena, kienet tiġi mfakkra bil-kbir. Propju minħabba f’hekk kienu bdew jinfetħu każini soċjali fl-ibliet u fl-irħula kollha ta’ Malta.

F’Ħal Lija wkoll, raħal ċkejken fiċ-ċentru ta’ Malta, inħass il-bżonn ta’ dawn il-każini u sa qabel l-1900 diġà kienu nfetħu xi tlieta. L-għan tagħhom kien li jservu ta’ post fejn jiltaqgħu l-irġiel tar-raħal, u fl-istess ħin iservu wkoll ta’ post fejn jinħadem l-armar tat-toroq għall-festa l-kbira tas-Salvatur.

Dak iż-żmien il-Kappillan ta’ Ħal Lija kien Dun Mattew Cortis li miegħu kellu joqgħod lil ħuh Dun Xand Cortis. Dan tal-aħħar kien iħobb jikteb fuq il-ħajja tan-nies ta’ żmienu. Fuq il-festa tas-Salvatur kien kiteb li n-nies ta’ Ħal Lija joħolmu wisq kmieni biha. Minn xahar qabel, jew iżjed tibda tisma’ l-isparar tal-maskli, it-tifqigħ tal-bombi, il-ġiri tat-tfal madwar iz-zuntier. Iż-żgħażagħ aktarx tarahom mehdija fil-ħin tas-serħ, u saħansitra jishru filgħaxija jħejju bandieri, trofej, piramidi, kuruni, stilel, skrizzjonijiet u ħwejjeġ oħra bħal dawn. Issa dan ix-xogħol kollu kien isir fil-każin tar-raħal. Meta dan l-armar, kollu skultura tlesta u beda jintrama fil-ġranet tal-festa, xi rġiel oħra minn Ħal Lija dehrilhom li tajjeb jitgħallmu xi strument tal-kordi sabiex jgħaddu ż-żmien. U hekk fl-1894 twaqqfet l-għaqda Mandolinista li semmewha Fior d’Arancio li tfisser Fjura tal-Larinġ. Wara, dawn il-mandolinisti kienu bdew joħorġu jdoqqu mat-toroq tar-raħal u jferrħu lil kulħadd bid-daqq tal-kordi melodjużi tal-kitarri u mandolini.

It-Twelid tal-Każin tal-Banda San Pio X

Minn dan wieħed jara li f’Ħal Lija minn dejjem kien hawn nies li jħobbu l-arti, b’mod speċjali l-mużika li terfa’ l-ħsieb li thenni l-qalb. Għalhekk xi nies minn Ħal Lija dehrilhom li tkun ħaġa xierqa kieku kellha titwaqqaf xi għaqda mużikali li mhux biss iddoqq strumenti tal-kordi iżda wkoll strumenti oħra. Dawn in-nies sabu min jinkuraġġihom u jtihom l-għajnuna f’dik li hi organizzazzjoni. Fost dawn insibu lil John Ellis u lil Luiġi Engerer li ta’ spiss kienu jkunu Ħal Lija għall-vaganzi tagħhom. Fl-ewwel ktieb tal-minuti tal-laqgħat tal-kumitat insibu li fit-23 ta’ Mejju, 1905 twaqqaf l-ewwel kumitat magħmul minn dawn is-sinjuri kollha jgħammru f’Ħal Lija:

  • President – Is-Sur John Ellis
  • Segretarju – Is-Sur Luiġi Engerer
  • Teżorier – Is-Sur Ċikku Xerri u sitt Deputati. Il-membri ġodda tal-każin għoġobhom jagħżlu bħala direttur spiritwali lil Dun Baskal Grech.

Issa l-attività prinċipali tal-membri kellha tkun il-mużika. Dawk li qabel kienu jdoqqu xi kitarra jew mandolina riedu jitgħallmu jdoqqu strumenti oħra u għalhekk il-kumitat mill-ewwel nieda konkors nazzjonali sabiex jagħżlu surmast magħruf. Għalhekk għamlu sejħa fil-ġurnali għal surmast direttur tal-banda u għaliha wieġbu dawn is-surmastrijiet diretturi kollha gwappi fl-arti tad-direzzjoni. Dawn kienu Maestri Gregorio Molinari, Giuseppe Filiberti, Francesco Parisi, Geroger Hendren, Ġanni Gatt, Antonio Miruzzi, G.E. Calì (Assistent Direttur tal-Orkestra tat-Teatru Rjal) u oħrajn. Dan jixhed illi l-element għall-ġid tal-mużika f’Malta qatt ma naqas u minn dejjem kien għani. Il-kummissjoni, mwaqqfa għal din l-għażla minn fost dawn l-imgħallmin professuri, wara stħarriġ, waslet fil-konklużjoni li taħtar lil Mro. Antonio Miruzzi, mużiċist, kompożitur u direttur mill-aħjar, sabiex jieħu taħt idejh il-Banda li kienet għadha kif twieldet.

Il-membri kienu ħafna u bosta minnhom xtaqu jitgħallmu jdoqqu. Membri li diġà kienu jdoqqu l-mandolina jew il-kitarra bdew jinkuraġġixxu liż-żgħażagħ sabiex jaqbdu malajr l-arti tal-mużika. Is-Surmast Miruzzi ried iwaqqaf il-banda fuq sisien sodi mill-ewwel u bejn minħabba l-kwalitajiet sbieħ tiegħu, u bejn bl-għajnuna li sab mill-mandolinisti, irnexxielu fi ftit żmien iħarreġ bosta allievi u jagħmilhom bandisti.

F’laqgħa ġenerali ġie deċiż li jgħammdu l-banda bl-isem ta’ Pio X, f’ġieħ il-Papa renjanti, il-Papa qaddis, il-Papa tal-Ewkaristija. Il-membri mhux biss riedu li l-każin tagħhom jissemma Pio X, iżda xtaqu wkoll li l-istess Papa jkun il-patrun tal-każin tal-banda. Għalhekk il-President Ellis, megħjun mid-direttur spiritwali Dun Baskal Grech li kien sar direttur spiritwali fis-27 ta’ Ġunju 1906, kiteb lill-Papa fejn talbu jaċċetta li hu nnifsu jkun il-patrun tagħhom. Il-Papa Pio X, li kien bniedem qaddis, aċċetta din it-talba, faħħar ’l-għaqda u s-sentimenti li spirawha sabiex tissemma għalih u bagħat l-Appostolika Benedizzjoni lill-membri kollha. Din l-ittra tinsab merfugħa b’għożża kbira fil-każin.

Segreteria Vescovile Valletta 25 Luglio 1905 Pregmo Signore, Sua Eccellenza Reverendissima Monsignor Vescovo mi incarica trasmettere alla S.V. Pregiatissima copia di una lettera ricevuta dalla Segreteria di Stato una risposta ad una lettera alla medesima indirizzata dalla S.V. come segue:

Illustrissimo e Reverendissimo Monsignore, Il Signor Giovanni Ellis di Malta espone che nella borgata di Casa Lia di contesta Isola si è recentemente constituito un “concerto cittadino” con lo speciale intendimento di recare un qualche utilità dalla classe operaia.

Il Santo Padre reso di ciò consapevole, vivamente si compiace dei sensi di profonda pietà ai quali il novello dodalizio protesta di inspirarsi, brama pertanto che la S.V. Illustrissima e Reverendissima partecipi al prelodato Signor Ellis e a tutti i membri di quella banda musicale l’appostolica benedizione che l’Augusto Pontefice imparte di cuore per attuatare ad essi la sua benevolenza in quel solo modo che gli è possibile. Mi avvalgo poi del favore incontro per confermarle e sense della più distinta stima con cui sono di

V.S. Illl.ma e Rev. ma Devotissimo Servo Giacomo della Chiesa Sostituto della Segreteria di Stato Roma 21 Luglio, 1905

Vescovo di Malta Con sensi intanti di perfetta osservanza professo della S.V. Preg.ma Devotissimo Servo Sac Paolo Gauci Pro Secretario Generale

Pregmo Sig. John Ellis Lia

Iktar tard Dun Baskal reġa’ kiteb lill-Papa fejn talbu f’isem il-membri kollha tal-każin, sabiex jagħti Indulġenza Plenarja lis-soċji kollha. Hawnhekk il-Papa Qaddis innifsu b’ittra miktuba minn idejh stess laqa’ din it-talba u ikkonċeda Indulġenza Plenarja lis-soċji kollha jekk dawn iqerru u jitqarbnu jew nhar il-festa ta’ Santa Ċeċilja jew il-Ħadd ta’ wara. Din l-ittra li hija relikwa mill-aqwa ta’ dan il-Papa Qaddis, ukoll tinsab b’għożża kbira fis-Sala tal-każin.

L-Inawgurazzjoni tal-Banda

Is-Surmast Miruzzi beda jlaqqa’ lill-bandisti allievi ta’ spiss u fi ftit xhur irnexxielu jwassal il-banda l-ġdida li tista’ tagħmel programm tal-inawgurazzjoni tagħha. Dan ġara fit-30 ta’ Diċembru 1906, meta l-planċier ġdid ġie mżanżan fuq iz-zuntier tal-knisja u l-Isqof Pietru Pace bierek żewġ standarti rregalati lill-banda l-ġdida mill-Kurunell John Francia u mill-Kurunell Markiż Giovanni DePiro, it-tnejn tar-Royal Malta Militia. Folla mdaqqsa assistiet għal dan il-programm mużikali u meta l-banda spiċċat iddoqq is-sinfonija Ogni Principio è Forte li s-Surmast Miruzzi kkompona apposta, in-nies infexxew iċapċpu sabiex juru l-apprezzament tagħhom. Wara sar diskors tal-okkażjoni mill-President tas-soċjetà is-Sur John Ellis, fejn ippreżenta bakketta tal-ebanu interzjata bil-fidda lis-surmast Miruzzi, bħala sinjal ta’ qima u ta’ rikonoxximent.

Meta spiċċa l-programm, in-nies ġew mistiedna għal trattament lussuż fid-dar 130, Main Street, Lija, li fih kullħadd, bandisti, soċji u ammiraturi, kiel u xorob fost il-ferħ u l-briju li jġibu magħhom okkażjonijiet bħal dawn.

Wara li għadda kollox, il-kumitat induna li għal dan it-trattament kellu joħroġ ’il fuq minn mitt lira u hekk il-kaxxa batiet u s-soċjetà kellha ssib ruħha fid-dejn. Hawnhekk ġie maħtur bħala teżorier is-Sur Salvu Mifsud li, bil-għaqal u l-ħidma tiegħu, irnexxielu jerġa’ jġib lis-soċjetà fuq saqajha, tħallas id-dejn u l-banda reġgħet bdiet tiltaqa’ u tkompli bil-ħajja normali ta’ qabel.

Hekk naraw li dan l-inkwiet finanzjarju ma tellifx il-ħidma li għaliha twaqqfet is-soċjetà – dik mużikali. Tant hu hekk li f’Jannar tal-1907 il-banda Pio X ġiet mistiedna mill-każin Konti Ruġġieru tar-Rabat sabiex twettaq programm mużikali nhar il-festa ta’ San Pawl. Il-programm kien sabiħ u ntgħoġob tant li r-Rabtin bħala sinjal ta’ ħbiberija u ammirazzjoni rregalaw lill-banda tazza tal-fidda.

Ftit wara l-banda ġiet mistiedna sabiex iddoqq programm fiż-Żejtun u minn hemm il-quddiem stedin ieħor bħal dan baqa’ jiżdied minn sena għal sena. R. Vassallo La Rosa laħaq president fit-28 ta’ Marzu 1909.

F’Ġunju 1910, il-banda ħadet sehem fl-isfilata li saret il-Belt Valletta, fl-okkażjoni tal-Inkurunazzjoni tar-Re Ġorġ V. Fost dokumenti tal-każin insibu ittra ta’ ringrazzjament u inkoraġġiment iffirmata minn Dr. Enrico Mizzi LL.D. għas-sehem li ħadet il-banda billi kienet wettqet programm ta’ mużika fil-ġnien tal-Ġeneral Barron. Is-Sur Luiġi Agius laħaq President fl-10 ta’ Ottubru 1911.

Il-każin tal-banda kompla jikber fil-għadd tal-membri. In-nies ta’ Ħal Lija kienu jieħdu gost jisimgħu l-banda tagħhom iddoqq, u bosta kienu dawk li kienu jmorru jisimgħu l-kunċerti fil-bitħa tal-każin. Nhar il-Festa tas-Salvatur 1910, il-bandisti żanżnu l-uniformi tas-sajf u l-każin kien nefaq £40 sabiex il-banda jkollha l-uniformi tagħha. Matul is-sena 1912 sar trasferiment mill-ewwel dar fejn kien il-Każin, No 41 Strada Reale, għall-post li qegħdin fih illum li dak iż-żmien kien 44 Strada Reale.

Kumpanija Flodrammatika

Mhux il-membri kollha kienu jitħajru jdoqqu xi strument tal-banda, u għalhekk ġara li dawn il-membri ġiethom f’moħħhom li jibdew jagħmlu t-Teatrin fil-bitħa kbira tal-każin. B’dan l-iskop fl-1913 twaqqfet il-Lija Dramatic Company. L-imseħbin ta’ din l-għaqda bdew itellgħu diversi xogħlijiet tal-palk u n-nies bdew kull nhar ta’ Sibt jew il-Ħadd filgħaxija jmorru jgħaddu l-ħin ħieles tagħhom hemmhekk. Il-bitħa kienet timtela u fix-xitwa, is-soċji kienu jsaqqfuha b’xi biċċa drapp tal-luna biex tilqa’ x-xita. Dak iż-żmien nisa ma kinux jaħdmu fuq il-palk, u l-parti tal-mara kien jaħdimha xi ġuvni li kellu vuċi rqiqa. Il-qligħ mir-rappreżentazzjonijiet dejjem mar għall-bżonnijiet tal-banda u tal-każin.

Fl-1914 faqqgħet il-Gwerra l-Kbira, u minħabba f’hekk, l-attivitajiet fil-każin ma baqgħux numerużi bħal qabel. L-aħbarijiet koroh tal-gwerra kienu jaslu wkoll fir-raħal u n-nies bdew inisslu fihom sens ta’ biża’ u ta’ stennija fuq x’setgħa jiġri fil-ġejjieni. Meta mbagħad fl-1918, il-gwerra spiċċat, is-soċji tal-każin reġgħu intefgħu għall-ħidma, bil-banda ferm attiva fil-programmi mużikali tagħha, kemm fir-raħal kif ukoll f’irħula oħra. Matul is-sena kienu jsiru l-kunċerti sabiex imbagħad, fil-ġranet tal-festa tas-Salvatur, il-banda toħroġ iddoqq mat-toroq tar-raħal kif ukoll fuq il-planċier fuq l-istess zuntier tal-knisja.

Il-kumpanija tat-teatrin, ukoll, ma tellgħetx biss xogħlijiet tal-palk għan-nies ta’ Ħal Lija iżda ħadmet ukoll drammi u fares f' Il-Marsa, Ħaż-Żebbuġ u postijiet oħra. Fl-1922 laħaq surmast proviżorju, Mro. Darmanin, minħabba li s-surmast Miruzzi kien ma jiflaħx. Insibu li fis-sena 1925 Mro. Luiġi Fenech laħaq bħala l-ewwel Assistent Surmast. Sal-1926, is-surmast direttur tal-banda kien l-istess Antonio Miruzzi. Dan il-kompożitur magħruf, mix-xejn sawwar u rawwem il-banda sakemm, għajjien bit-tagħbija tax-xogħol u taż-żmien, ħass il-bżonn li jirtira darba għal dejjem minn fuq il-planċier.

Warajh, fuq rakkomandazzjoni tiegħu stess, inħatar Mro. Carmelo Scicluna li dam imexxi l-banda għal tmintax-il sena sħaħ. Jgħinu, bħala assistent surmast kellu lis-Surmast Luiġi Fenech li, mis-sena 1922 sas-sena 1944, kien dejjem jgħallem lill-allievi.

Fiż-żmien li qegħdin insemmu l-każini kollha ta’ Ħal Lija kienu fl-aqwa tagħhom u bosta rġiel kienu jiffrekwentawhom. Ftit, ftit, bejn is-soċji tal-każini bdew jidħlu ċerti piki u għalhekk kemm il-kappillan, Dun Anton Buhagiar, kif ukoll Dun Baskal Grech, kappillan tal-każin Pio X, kellhom biċċa xogħol diffiċli biex iżommu l-paċi u biex jikkwietaw l-irjus. Waħda mill-kwestjonijiet li kienet inqalgħet kienet dik ta’ meta xi affarijiet u xi standarti, li kienu propjetà tal-każin tal-banda Pio X, ma nstabux. Xi ħadd ħadhom baxx baxx u nqala’ ftit tal-inkwiet minħabba li s-soċji tal-każin kellhom ħjiel sewwa min kien ħadhom u għand min kienu. Minħabba f’hekk kien inqala’ ħafna għajdut u ġlied bla bżonn. Din il-kwistjoni damet sejra s-snin sakemm fl-aħħar twitta kollox u nstabet il-paċi meta l-affarijiet misruqa kollha ngħataw lura lill-każin tal-banda.

25 Sena Anniversarju

Il-kappillan Buhagiar ħalla l-parroċċa ta’ Ħal Lija sabiex imur fil-parroċċa tar-Rabat għall-aħħar tal-1929. Warajh, f’Marzu 1930, ġie bħala kappillan Dun Karm Lia u fi żmienu, kemm il-parroċċa kif ukoll il-każin tal-banda, għaddew minn taqlib u tibdil kbir.

F’din is-sena il-każin Pio X għalaq 25 sena mit-twaqqif tiegħu u għalhekk saru festi li fihom il-president tal-każin, is-Sur John Bugeja, ippreżenta tazza sabiħa biex tfakkar l-okkażjoni tal-għeluq iċ-Ċentinarju tat-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu Salvatur. Il-każin tal-banda, bħal każini oħra, irsista ħafna għas-suċċess ta’ dawn il-festi. Il-faċċata tal-każin ġiet imżejna, mal-ħitan twaħħlu strixxi tal-karta bil-kliem Salvatur tad-Dinja, Xemx tal-Ħaqq, Dawl tad-Dinja, Feddej l-aktar Ħanin, Tama ta’ kulħadd u oħrajn.

Is-Soċjetà Filarmonika Pio X minn dejjem issibha minn ta’ quddiem biex tiddefendi l-unur tal-Knisja ta’ Kristu. Meta s-Sindku Nathan, fil-Parlament Taljan tenna uffiċjalment xi diskors ta’ għajb lill-Qdusija Tiegħu l-Papa, is-soċjetà, bla dewmien, b’wiċċha minn quddiem, ipprotestat bil-miktub kontra l-imġiba ingrata ta’ dan l-għadu faħxi tal-Vigarju ta’ Kristu billi bagħtet dan it-telegramm lis-Segretarju ta’ l-Istat:

Circolo Musicale Pio X protesta enfaticamente il discorso del Sindaco Nathan oltraggioso Santo Padre, domandando benedizione. Engerer, Segretario

B’xorti ħażina s-soċji tal-każin tal-banda kellhom isofru t-telfa tad-direttur spiritwali tagħhom, Dun Baskal Grech, propju fil-bidu ta’ dawn il-festi. Għalhekk ma naqasx li jsir ukoll luttu bħala sinjal ta’ rispett ta’ kemm ħadem għall-każin. Dun Baskal kien ġab l-Indulġenza Plenarja lis-soċji kollha tal-każin.

Fis-sena 1931, il-każin kien b’sular wieħed, għalhekk ġie deċiż li jsir it-tieni sular u b’hekk dik is-sena stess inbeda x-xogħol u tlesta f’dik is-sena, biex b’hekk sar kif nafuh illum.

Fl-1933, il-każin kien ġie kkonsagrat lill-Qalb ta’ Ġesù. Għal din il-konsagrazzjoni kien ġie l-Isqof Caruana u kamra tal-ġenb ġiet mibdula f’kappella ddedikata lill-Qalb Santissima.

Fis-sena 1936, il-Gvernatur Sir Charles Bonham Carter ġie mistieden biex iżur ir-raħal u l-każin Pio X. Dan ġie mas-sinjura tiegħu u wieħed minn uliedu. Ġie milqugħ bid-daqq tal-God Save the King mill-banda u l-president tal-każin, Dr. John Bugeja għamel diskors li għalih il-gvernatur wieġeb b’mod spontanju fejn faħħar lill-kumitat, lis-soċji u lill-bandisti. Bħala ħajr tal-laqgħa li għamillu l-każin, il-Gvernatur ħalla ritratt bl-awtografija tiegħu. Dakinhar filgħaxija il-Banda Militari tas-South Wales Border kienet il-mistiedna tal-Banda Pio X u wettqet programm mużikali fuq iz-zuntier tal-knisja.

Fl-1938, Dun Ġużepp M. Xerri sar id-direttur spiritwali tal-każin. Kienu ilhom bla direttur spiritwali mill-mewt ta’ Dun Baskal Grech fl-1932. F’dawn is-snin kien inqala’ xi inkwiet bejn is-soċji fuq raġunijiet politiċi. Minħabba f’ċerta politika anti-reliġjuża xi soċji dehrilhom li m’hemmx bżonn li jkollhom direttur spiritwali u għalhekk il-każin dam sabiex għażel direttur spiritwali. Dun Ġużepp M. Xerri għalhekk kellu biċċa xogħol iebsa sabiex jikkalma l-irjus u jurihom li s-soċjetà Pio X twaqqfet bi skop kulturali u l-banda kienet il-ħsieb ewlieni tat-twaqqif tal-każin. B’hekk is-sens reliġjuż tal-maġġoranza tas-soċji rebaħ fuq il-ftit u fl-aħħar instabet mill-ġdid il-paċi fi ħdan il-membri kollha.

Fl-1938-1939, il-kumitat ta’ dak iż-żmien ħa ħsieb li jerġa’ jorganizza l-banda u jagħtiha l-ħajja li jixirqilha. Il-kumitat għas-sena 1938 kien hekk: Dr. John Bugeja – President, Robert Bencini – Viċi President, Carm Cutajar – Segretarju, Ant. Aguis – Kaxxier u membri Ġuzi Attard, Alfons Ebejer, Ġius Fenech u John Fenech. Fl-1938 Carm Cutajar irriżenja minn segretarju u minfloku laħaq Alfons Ebejer. Dan kien fil-25 ta’ April 1938.

Fl-1939 il-kumitat kien hekk: Dr John Bugeja – President, Robert Bencini – Viċi President, Alfons Ebejer – Segretarju, Ant. Agius – Kaxxier. Membri kienu: Ġius. Fenech, Frans Xerri, Ġużè Attard, Salvu Camilleri, Elija Cutajar u Salvu Ebejer.

It-Tieni Gwerra Dinjija

Ftit wara faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u din ġabet taqliba kbira ma’ Malta kollha. Matul il-gwerra l-attività tal-każin sfat fix-xejn għaliex is-soċji kollha kienu nġabru suldati u wħud minnhom sfaw maqtula mill-ajruplani tal-għadu. Dak iż-żmien, fejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, qalb is-siġar taż-żebbuġ, kien hemm reġiment tas-suwed mill-Bazutoland. Xi wħud minnhom kienu kattoliċi u kont tarahom jiġu l-knisja fejn kienu jitolbu b’devozzjoni kbira. Fit-13 ta’ Ġunju 1943, nhar il-Festa tal-Għid il-Ħamsin, bl-inizjattiva ta’ Salvu Mifsud (Panziku), kienet saret laqgħa ħelwa għal dawn is-suldati fejn ingħataw xi 58 rigal u sar festin u trattament fil-każin tal-banda.

Dakinhar Salvu Mifsud għamel taħdita ċkejkna bl-Ingliż fejn wera kif Malta baqgħet iżżomm il-fidi li ġabilha San Pawl. Meta spiċċa wieħed mill-Basuti fisser lil sħabu t-taħdita bl-ilsien tagħhom u wara li spiċċa kollox is-suldati ħarġu jkantaw innijiet sagri.

Fl-1944 is-surmast tal-Banda, Carmelo Scicluna, irtira u warajh laħaq Mro. Kav. Ġiuseppe Busuttil, li kien Bandmaster tar-Royal Malta Artillery. Iżda dan, minħabba x-xogħol żejjed ma setax ilaħħaq u kellu jirtira. Warajh ġie magħżul Mro. Anthony Sammut A. Mus. L.C.M. Id-dedikazzjoni tiegħu li jidderiġi l-banda kienet il-kawża li l-banda saret magħrufa mal-bliet u l-irħula ta’ Malta kollha. Biżżejjed ngħidu li dak iż-żmien il-banda kienet twettaq mal-għoxrin programm f’okkażjonijiet ta’ festi f’diversi postijiet. Jgħin fix-xogħol ta’ tagħlim lill-allievi ġodda sabu lill Mro.Salvu Tanti A.Mus L.C.M. li, b’kapaċità kbira, ressaq ħafna żgħażagħ sabiex joħorġu jdoqqu mal-banda tar-raħal. Dan ix-xogħol is-Sur Tanti baqa’ jagħmlu sa meta miet.

Meta spiċċat il-gwerra, fl-1945, il-każin reġà beda jimtela bis-soċji u l-attivitajiet żdiedu. Bejn is-sena 1945 u 1950, għal sitt darbiet wara xulxin, il-banda telgħet iddoqq għall-festa ta’ Santa Marija fir-Rabat, Għawdex. Meta fis-sena 1947 Malta reġgħet ġiet mogħtija s-Self Government, bħala rikonoxxenza tal-qlubija li l-Maltin urew matul il-gwerra, is-sur Pawlu Boffa M.D., Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, bħalma għamel f’diversi postijiet oħra, kien ġie f’Ħal Lija sabiex jifraħ mal-poplu wara l-qirda tal-gwerra. Miegħu kienu ġew il-Membri Parlamentari, li mxew mal-banda mat-triqat tar-raħal. Bħala sinjal ta’ għożża, il-Prim Ministru kien ta lill-każin tazza sabiħa.

Fl-1946, wara l-mewt tal-Avukat Bugeja kien laħaq is-sur Luiġi Fenech, li bit-treġija għaqlija tiegħu mexxa l-każin ’il quddiem sakemm miet ta’ età żgħira fl-1949. Warajh intgħażel is-Sur Ġius. Agius li dam sena biss u warajh laħaq is-Sur John Portelli li wkoll ħadem ħafna ħalli l-banda tikseb aktar suċċessi fil-qasam mużikali u kulturali.

F’dawn is-snin kienet qamet polemika sħiħa fil-każin tal-banda għaliex xi soċji dehrilhom li l-każin seta’ wkoll iservi għal skop politiku. Dawn għamlu minn kollox sabiex jippruvaw idawru lil min ma kienx jaqbel magħhom, iżda ġara li l-maġġoranza tal-membri baqgħu jinsistu li l-każin tal-banda ma kellux għalfejn idaħħal il-politika partiġġjana. Saru bosta laqgħat u seduti, inqala’ t-tilwim u dan l-inkwiet baqa’ sejjer għal diversi snin.

Festi f’Ġieħ il-Beatifikazzjoni ta’ Papa Pio X

L-Eċċellenza Tiegħu l-Gvernatur Sir Gerald Creasy għoġbu jagħmel żjara liċ-ċirkolu flimkien ma’ Lady Creasy fl-1950. Dakinhar l-Eċċellenza ġie milqugħ bid-daqq tal-God Save the King u b’diskors imtenni mill-mejjet Tabib Kaptan Pietru Pawl Galea, tabib distrettwali u President Onorarju tal-każin.

Fl-1951, il-President is-Sur John Portelli mexxa l-festi, li l-każin għamel fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni tal-patrun tiegħu l-Papa Pio X. F’din l-okkażjoni twaħħlet irħama mal-ħajt ħdejn il-bieb tal-każin b’dawn il-kelmiet: Lill-Papa Piju X f’jum il-beatifikazzjoni tiegħu 3 ta’ Ġunju, 1951. Din l-għaqda li ġġib ismu tqiegħed.

F’Novembru, imbagħad f’Ħal Lija ġie mfakkar għeluq il-50 sena mill-mewt ta’ Annibale Preca, wieħed mill-kittieba tal-Malti. Is-Sibt, 19 ta’ Novembru, ġiet mikxufa rħama mal-ħajt tad-dar ta’ fejn kien joqgħod. Il-banda ħadet sehem billi għamlet marċ minn Triq Annibale Preca sa ħdejn il-knisja. Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru saret Akkademja Mużiko-Letterarja fis-sala tal-każin.

Sentejn wara, fl-1953, il-banda Pio X, issa Beatu, ħadet sehem fl-isfilata tal-baned fl-okkażjoni tal-festi kbar li saru għall-Inkoronazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II. Il-karru trijonfali, maħdum kollu bil-ward mis-soċji, kien jirrappreżenta Il-Kuruna tar-Renju Unit, imdawra b’sitt tfajliet rappreżentanti tad-Dominions u fin-nofs tfajla tirrappreżenta lil Malta, ċkejkna fid-daqs u kbira fi ġrajjietha.

Fl-1954, laħaq president is-Sur Alfons Ebejer li, f’waqtiet koroh li kien għaddej il-każin minħabba l-politika, kompla juri l-lealtà tiegħu lejn il-każin tal-banda. It-treġija tajba tiegħu, kif ukoll il-lealtà tas-soċji sinċieri lejn il-każin, għenu sabiex il-każin jitnaddaf minn dawk il-membri li ma kinux jaqblu mal-iskop u l-għan li għalihom l-każin tal-banda huwa wieqaf. F’dak iż-żmien għalhekk, xi soċji kienu talbu li jispiċċaw minn membri. Barra l-banda, il-Lija Dramatic Company kompliet tagħmel bosta reċti fil-bitħa tal-każin, fosthom drammi traġiċi ta’ Shakespeare maqlubin għall-Malti, kif ukoll fares li kienu jaqsmu lil kulħadd bid-daħk.

Wara xi żmien daħlet l-użanza li nhar ta’ Sibt, fl-istess bitħa, jintwera film talkies. Dun Ġużepp M. Xerri kien silef projector lill-każin u b’hekk kullħadd, kbar u żgħar kienu jmorru jqattgħu sagħtejn jaraw it-talkies. Inkarigat li jdawwar il-film kien is-Sur Vinu Caruana. Ftit wara, il-kumitat ħass li setgħu isaqqfu l-bitħa l-kbira tal-każin u bl-għajnuna tas-soċji kollha din tlestiet u hekk setgħet tintuża aħjar, kemm għall-kunċerti tal-banda, kif ukoll għat-teatrin u għat-talkies. Minbarra dan, issa li l-bitħa inbidlet f’sala kbira, fiha bdew isiru xi konferenzi, kemm edukattivi kif ukoll soċjali.

Fid-29 u 30 ta’ Mejju 1954, il-każin tal-banda ċċelebra jumejn ta’ festi f’ġieħ il-qaddis Patrun San Pio X. Is-Sibt 29 ta’ Mejju fis-6 ta’ filgħaxija, il-Wisq Rev. Mons. Anton Buhagiar għamel konferenza fis-sala tat-teatrin fuq il-ħajja tal-Papa qaddis. Imbagħad, l-għada l-Ħadd, id-Direttur Spiritwali tal-każin, Dun Ġużepp Xerri, iċċelebra quddiesa fil-każin stess u saret tqarbina ġenerali.

Wara saret konferenza oħra mis-Sur Vinċenz Galea li tkellem ukoll fuq San Pio X. Filgħaxija l-banda ferħet lir-raħal bil-marċi brijużi. Dakinhar kienu ġew l-E.R.T. Mons. Isqof Emanuel Galea u l-Onorevoli Aġent Prim Ministru Sir Paul Boffa. Mons. Isqof bierek standard tal-Papa u l-aġent Prim Ministru ppreżentah lill-banda. Wara l-banda kompliet billi daqqet programm mużikali taħt it-tmexxija tas-surmast Anthony Sammut. Il-festi ntemmu bil-logħob tan-nar maħdum mill-kamra tan-nar San Mikiel.

1955-2006

50 sena mit-twaqqif tal-Każin

Is-sena ta’ wara, fl-1955, ħabat il-ġublew tad-deheb minn mindu twaqqaf il-każin tal-banda, li ġie ċċelebrat b’festa xierqa fil-każin, u b’marċi u programmi mużikali fit-triqat tar-raħal u ħdejn il-każin. Saret ukoll quddiesa għall-mistrieħ ta’ ruħ is-soċji mejtin.

Meta fl-1956 il-kappillan Dun Innoċenz Borg ħa ħsieb li l-knisja ta’ San Andrija jibdilha f’Sala Parrokkjali, il-kumpanija tat-teatrin tal-każin tal-banda bdiet tagħti il-wirjiet tagħha f’dan il-post. Minħabba f’hekk il-palk tal-każin ġie żarmat u x-xenarju kollu ġie meħud fis-Sala Parrokkjali. Il-films ukoll ma’ baqgħux jintwerew fil-każin, u flok il-palk intrama l-billiard. Issa li n-nies ta’ Ħal Lija kellhom Sala Parrokkjali, is-sala tal-każin ma’ baqgħetx tintuża għan-nies bħal qabel. Iżda ġara li fl-1957 f’Malta daħal televixin. Għall-ewwel mhux kulħadd mar jixtri sett ta’ dan l-oġġett ġdid.

Il-Maltin kienu qed jirċievu f’Malta programmi diretti mill-Italja. Il-każin tal-banda kien fost l-ewwel f’Ħal Lija li xtara sett tat-TV u n-nies reġgħu bdew jimlew is-sala ħalli jaraw il-programmi. Filgħaxija u l-iktar kull nhar ta’ Ħadd kont tara nies deħlin ħalli jqattgħu xi sagħtejn mehdijin b’din l-invenzjoni l-ġdida. Intant, iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, in-nies kienu bdew jixtru sett tat-TV sabiex jarawh id-dar, u b’hekk is-sala tal-każin ma’ baqgħetx tkun mimlija bħal qabel.

Is-sala issa l-iktar li kompliet isservi kien sabiex fiha jsiru l-kunċerti tal-banda. Matul is-sena, il-banda San Pio X kompliet twettaq bosta programmi fl-irħula u fil-bliet ma’ Malta kollha. Matul iż-żmien bdiet tinħass il-ħtieġa li l-banda taqleb mis-sistema ta’ koristica vecchia għal dik normali. Għalhekk fl-1960 kienu nxtraw tnax-il klarinett u kwartin ġodda li qamu s-somma ta’ £262-29-0. Dawn ġew imbierka minn Mons Arċisqof Mikiel Gonzi fil-5 ta’ Awissu 1960 lejliet il-Festa tas-Salvatur. Ritratt ta din iċ-ċerimonja jinsab fis-sala tal-każin.

Il-banda baqgħet tiġi mmexxija mis-surmast Antonio Sammut u taħt dan is-surmast imxiet ferm ’il quddiem. Is-suċċess tal-banda kompla jikber ukoll minħabba d-dedikazzjoni tal-Assistent Surmast Salvu Tanti A.Mus L.C.M. li b’paċenzja kbira għallem ’il-allievi ġodda tal-banda. Kull sena bdew joħorġu bandisti ġodda li komplew isaħħu ’l-banda.

Fis-sena 1962, il-President is-Sur Alfons Ebejer irriżenja u minfloku reġa’ ġie magħżul is-Sur John Portelli li baqa’ jmexxi ’l-banda għal bosta snin. Dun Ġużepp Xerri, id-direttur spiritwali tal-każin ġie onorat bit-titlu ta’ kamrier sigriet tal-Papa. Il-każin kien laqa’ dan l-unur tal-kappillan tiegħu b’sodisfazzjon kbir. Ġara iżda li Mons. Xerri ma damx igawdi dan it-titlu għaliex, f’Settembru 1963, ħalla dan il-wied tad-dmugħ sabiex imur jieħu premju bil-wisq akbar f’dinja aħjar.

Warajh, bħala direttur spiritwali tal-każin, ġie magħżul Dun Anton Ebejer. Fl-4 ta’ Awissu tal-1964, il-każin San Pio X kellu sehem kbir fil-preżentazzjoni ta’ kwadru tal-pittura tal-Kappillan Dun Karm Lia. Dan il-Kappillan kien wieħed mill-aktar Kappillani li minnu n-nies tar-raħal raw ġid kbir. Għalhekk kien jixraq li, bl-inizjattiva tal-każin tal-banda u tal-każin San Andrija u nies oħra, dan ir-ritratt jiġi mbierek pubblikament fuq iz-zuntier quddiem il-bieb il-kbir tal-knisja. Dakinhar Patri Salv Portelli OSA minn Ħal Lija faħħar lill-Kappillan Lia b’kelmtejn tal-okkażjoni. Dan il-kwadru tpoġġa fis-sagristija tal-knisja.

Meta fl-1965 is-Sur John Portelli rriżenja minn President minfloku laħaq is-Sur Joseph Agius. Dan baqa’ jokkupa din il-kariga sakemm irriżenja fl-1971. Warajh laħaq is-Sur Salv Sammut u dan dam President sakemm miet fl-1973. Warajh reġa’ ġie elett is-Sur Joseph Agius sakemm baqa’ jokkupa din il-kariga sal-1981.

Il-Banda San Pio X barra minn Xtutna

Paġna oħra tad-deheb li nkitbet fl-istorja glorjuża tal-każin tal-banda San Pio X kienet meta din il-banda ġiet mistiedna sabiex iddoqq fi Biancavilla f' Katanja, fl-okkażjoni tal-festi li jsiru f’ġieħ il-Madonna tal-Karità u San Plaċidu. Dan seħħ wara l-kuntatti li saru bejn il-Kappillan ta’ Ħal Lija, Dun Anton Muscat, u l-Provostu Sac. Giosue Calancima. Il-banda ġiet mistiedna sabiex tmur iddoqq fi Biancavilla. Wara, kemm dan il-Monsinjur kif ukoll is-Sindku tal-post ġew Malta sabiex jiftiehmu mal-kumitat.

Is-surmast tal-banda Anthony Sammut ħadem kemm felaħ u rsista ferm biex ilaqqa’ u jħarreġ il-banda li b’kollox kien fiha sebgħin bandist. Is-Sibt 2 ta’ Ottubru 1965, fid-9 ta’ filgħaxija il-ġemgħa telqet għal Sqallija fuq il-vapur Città di Alessandria fost it-tixjir tal-qraba li marru jwassluhom ix-xatt tal-Belt. Il-Ħadd wara nofsinhar il-banda daħlet iddoqq ġo Biancavilla fost iċ-ċapċip tan-nies tal-post. Għall tlett ijiem wara xulxin il-banda esegwiet programmi ta’ bċejjeċ operistiċi u tant daqqet tajjeb li n-nies kemm-il darba infaqgħet iċċapċap għal ħin twil.

Nhar is-6 ta’ Ottubru l-banda u n-nies minn Ħal Lija mxew wara l-istandard Malti sa fejn il-monument tal-gwerra. Hawnhekk is-segretarju tal-każin Fonzu Ebejer poġġa kuruna kbira tar-rand fuq dan il-monument f’isem is-soċjetà u kull min kien preżenti. Bħala rikordju ta’ din il-mawra f’Katanja, il-banda ġiet mogħtija Amfora tal-fidda u tal-kina l-ġmiel tagħha.

Il-Banda reġgħet lura Malta nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Ottubru fuq il-vapur Citta’ Livorno.

Fl-istess post insibu Leopard ibbalzmat li qabel kien ta’ Mons Ġużeppi Scerri.

Rigali oħra li nsibu ħuma wkoll l-istandarti mill-isbaħ li għandu l-każin u li narawhom jieħdu sehem quddiem il-banda.

Fis-sala l-kbira li għandu il-każin fis-sular ta’ fuq, insibu ritratti ta’ bosta personalitajiet li b’xi mod jew ieħor kellhom x’jaqsmu mas-soċjetà tal-banda. Fil-vetrini tal-ħġieġ mimlija tazzi u trofej tal-fidda naraw l-istima li dejjem kellha l-banda f’qalb in-nies. Wieħed minn dawn t-trofej, kbir u sabiħ, ġie mogħti mis-sur Mabbli Borg minn Ħal Lija li kien joqgħod il-Kanada. Dan ġie ippreżentat lejliet il-festa tas-Salvatur fl-1970. Bejn l-1972 u l-1973 kienu żminijiet meta il-banda ħadet sehem fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl ġewwa in-Nadur, Għawdex. Fl-1976, is-sur Lorry Cuschieri ippreżenta bandiera kbira u sabiħa lill-każin, sabiex tittella’ fuq l-arblu. Meta ġiet ippreżentata, il-banda daqqet marċi brijużi mar-raħal u wara sar riċeviment fil-każin. Ftit wara s-sur Joe M. Barbara ħa ħsieb sabiex jirregala antiporta sabiħa tal-kewba lill-każin u s-Sur Joe Portelli irregala l-ħġieġ tagħha. Ma’ dan ukoll is-Sur Portelli ta lill-każin salott u vetrina kbira tal-kewba.

Festi f’Għeluq il-75 sena

Fl-1980 il-każin għalaq 75 sena. F’din is-sena kienu saru festi kbar biex dan l-anniversarju jibqa’ mfakkar. F’dawn il-festi kien sar programm mużikali fil-pjazza. Dan sar il-Ħamis, 31 ta’ Lulju u kien sar taħt it-tmexxija ta’ Mro. Anthony Sammut, surmast tal-banda, flimkien mal-kor Tabor li kien taħt id-direzzjoni tas-Sinjura Eileen Micallef Fenech.

Fis-sena 1982, wara li rtira is-sur Joseph Agius minn president tal-banda, laħaq is-sur Joseph Portelli.

Fil-25 ta’ April 1987, miet il-president tal-każin is-Sur Joseph Portelli. Il-banda akkumpanjat il-korteo mid-dar sal-knisja u mill-knisja saċ-ċimiterju. Wara l-mewt tal-president, is-Sur Joseph Portelli, fl-1988, laħaq president tas-soċjetà is-sur Louis Caruana li għadu jokkupa din il-kariga sal-ġurnata tal-lum. Fi żmien dan il-president, il-każin tbiddel mil-lejl għan-nhar. Wara 45 sena surmast direttur tal-banda tagħna, Mro. Anthony Sammut tana l-bxara li minħabba l-età ma kienx ser ikompli. Il-kumitat kien ħatar lill-Mro. Ronnie Debattista fejn kellu miegħu bħala assistent lill-Mro. Salvu Tanti.

Tibdil strutturali fil-każin

Fil-21 ta’ April 1991 sar festin żgħir fejn fis-swali ta’ fuq inkixef bust tal-bronż biex jibqa’ mfakkar il-President, is-Sur Joseph Portelli. Fis-6 ta’ Ottubru 1991 ħalla din id-dinja Mro. Anthony Sammut, li kien surmast tas-soċjetà, fl-età ta’ 69 sena. Il-banda ħadet sehem fil-funeral.

Bejn is-sena 1992 u 1994 il-każin għadda minn tibdil strutturali kbir. Dan ġara wara li ġie deċiż li s-saqaf tal-bitħa jitwaqqa’ u jiġi msaqqaf mill-ġdid, issir sala ġdida oħra fuqu u jitwaqqgħu s-soqfa tas-swali ta’ fuq għax kienu f’kundizzjoni ħażina ħafna. Saret pjanta mis-Segretarju ta’ dak iż-żmien Michael Saliba u taħt is-superviżjoni tal-Perit Franco Montesin A.&C.E beda x-xogħol.

Bħala bennej inkariga ruħu il-membru anzjan tas-soċjetà Carmelo Borg magħruf bħala l-Ħla fejn fost affarijiet oħra saru żewġ arkati kbar bil-lavur madwarhom. Dawn kienu riinforzati bi travi kbar li ġew moħbija wara l-istess arkati biex jistgħu jerfgħu l-planki. Dawn il-planki ngħataw lis-soċjetà bħala donazzjoni.

Fl-1992 ġie iffurmat il-kumitat taż-żgħażagħ. Dan il-kumitat jaħdem ħafna u jorganizza attivitajiet li jolqtu liż-żgħażagħ, jarma u jieħu ħsieb il-briju fil-festa tas-Salvatur. Fl-1994 il-każin tal-banda ħa sehem f’marċi li kienu saru kemm fir-rebħ tal-promozzjoni ta’ Lija Athletic fit-tieni diviżjoni kif ukoll fil-festi ċentinarji tal-parroċċa.

90 Sena Anniversarju

Fl-1995, il-banda għalqet 90 sena. Il-kumitat ma qagħadx lura u għamel festi kbar biex ifakkar dan l-avveniment. Għall-okkażjoni kien sar arblu ġdid ta’ 60 pied kif ukoll bandiera ġdida. Din kienet tbierket fit-30 ta’ Lulju mill-kappillan tal-Parroċċa ta’ dakinhar, Dun Nazzaren Caruana, u ttellgħet mill-president tal-każin is-sur Louis Caruana. Wara sar festin għas-soċji fil-każin. Dan kollu sar il-Ħadd qabel il-festa titulari. Bħala tifkira tal-okkażjoni l-kumitat ippubblika ktieb.

Fil-11 ta’ Marzu 1996, il-banda għaddiet minn taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Ronnie Debattista għal għand Mro. Raymond Fenech. Dan is-surmast qiegħed jagħmel ħafna xogħol siewi fi ħdan il-banda. Kellu bħala assistent lil Mro. Paul Busuttil. Fl-25 ta’ Diċembru, 1999, laħaq bħala assistent surmast Mro. Reno Busuttil. Fit-28 ta’ Awwissu 1996 miet l-assistent surmast Mro. Salvu Tanti. Il-banda ħadet sehem fil-korteo li sar fid-29 ta’ Awwissu.

Akkademja Mużiko-Letterarja

Il-kumitat ħass il-ħtieġa li fil-ġranet tal-Ġimgħa l-Kbira jibda jsir kunċert u għall-ewwel darba, fl-20 ta’ Marzu 1999, saret l-ewwel Akkademja Mużiko-Letterarja ġewwa l-knisja tas-Salvatur il-Qadim. Dan il-kunċert issa daħal fil-kalendarju tas-soċjetà u l-attendenza qiegħda tkun numeruża. Fid-29 ta’ Ottubru il-banda ħadet sehem fil-pussess tal-kappillan il-ġdid, Dun David Gauci.

Il-Planċier il-Ġdid

Fl-20 ta’ Marzu 1997 intweriet għall-ewwel darba l-pjanta tal-planċier il-ġdid u f’Awwissu ta’ l-istess sena beda jinxtara l-materjal biex ix-xogħol tal-planċier jinbeda. Bis-saħħa ta’ dan il-proġett issa għandna planċier li jixraq lill-banda tagħna.

2001 – Xiri tal-Każin u l-ftuħ tas-Sala l-Ġdida

Deċiżjoni li ttieħdet fil-laqgħa ġenerali li saret f’Novembru tas-sena 2000 mill-membri preżenti tat permess lill-kumitat, li kien għadu kif twaqqaf, biex jibda taħdidiet mas-sidien tal-każin ħalli l-każin jinxtara mis-soċjetà tagħna. Bejn Novembru tas-sena 2000 u Ottubru 2001 il-kumitat, immexxi mill-president is-sur Louis Caruana, ħadem kemm felaħ ħalli d-deċiżjoni li ttieħdet fil-laqgħa ġenerali tiġi osservata.

It-taħdidiet bdew immedjatament fejn il-president, flimkien mad-delegat tal-banda is-Sur Frans Portelli, iltaqgħu mas-sidien tal-post u s-somma ta’ Lm37,000 ġiet milħuqa bejn iż-żewġ naħat. Kien fadal biss l-approvazzjoni tal-kumitat. Għalhekk, il-president u d-delegat tal-banda resqu quddiem il-kumitat is-somma li ġiet miftiehma u wara ħafna taħdidiet u diskussjonijiet mal-kaxxier, is-sur Michael Cassar, ġie deċiż li l-kumitat jaċċetta u jagħmel l-ikbar pass fl-istorja tas-soċjetà, dak li jibda l-proċess ħalli fl-aħħar naslu biex nixtru il-każin. Fis-sena 2000 ġie ffurmat il-kumitat tan-nisa. Dan qiegħed jaħdem ħafna fejn jidħol ix-xogħol ta’ fund-raising u tindif. Nhar is-27 ta’ Marzu, 2001, sar il-konvenju fejn għall-każin tal-banda dehru quddiem in-nutar tas-soċjetà Gerard Spiteri Maempel – il-president, is-segretarju u l-kaxxier. Kien imiss issa l-aħħar pass, il-kuntratt tax-xiri, biex ħolma li ħafna soċji xtaqu isseħħ. Dan il-pass seħħ il-Ħadd, 28 ta’ Ottubru 2001. Quddiem in-nutar tas-soċjetà, flimkien mas-sidien tal-każin, sar l-iffirmar tal-kuntratt. Għall-każin tal-banda dehru il-president, is-Sur Louis Caruana, is-segretarju, s-Sur Salvu Borg, il-kaxxier, is-Sur Michael Cassar flimkien max-xhieda li kienu l-eks kaxxier u l-bandist onorarju s-Sur Salvu Muscat, flimkien mal-president onorarju, s-Sur Joe Azzopardi. Wara sar riċeviment żgħir għas-soċji.

Waqt din l-attività ħolma oħra li kellu l-president u oħrajn saret realtà. Din kienet il-ftuħ tas-sala l-ġdida fis-sular ta’ fuq. Sala li saret bis-saħħa tas-soċji u bl-għajnuna tal-benefatturi tas-soċjetà. Is-sala l-ġdida ssemmiet Sala Luiġi Caruana għall-president preżenti. Din id-deċiżjoni ttieħdet fil-laqgħa tal-kumitat, fejn il-kumitat, bħala ringrazzjament tax-xogħol li jwettaq fil-każin, xtaq li jkun hemm sala imsemmija għal dan il-president li jaħdem u jistinka biex is-soċjetà tagħna tikber u tagħmel suċċess. Il-qtugħ taż-żigarella sar mill-president. Id-direttur spiritwali tas-soċjetà Dun Anton Ebejer bierek is-sala flimkiem mal-kappillan tal-parroċċa Dun David Gauci. Il-kxif tal-irħama sar mill-president onorarju u benefattur kbir tas-soċjetà s-Sur Joe Fenech. Waqt il-ftuħ tas-sala l-Għaqda tan-Nar San Mikiel ħarqet murtali biex tfakkar dawn iż–żewġ okkażjonijiet kbar li seħħew.

Fil-15 ta’ Lulju 2002, is-soċjetà tal-banda San Pio X inħasdet bl-aħbar tal-mewt tad-direttur spiritwali Dun Anton Ebejer, li kien ilu jokkupa din il-kariga għal 38 sena. Il-President u l-kumitat ħassu li għandhom jagħtu l-aħħar tislima lil Dun Anton billi wara l-quddiesa praesente cadavere konċelebrata mill-kappillan u l-kleru, il-banda San Pio X twassal l-korteo funebri mill-knisja parrokkjali saċ-ċimiterju. Wara l-mewt ta’ Dun Anton il-familjari tiegħu rregalaw lis-soċjeta’ kalċi li Dun Anton kellu u dan qiegħed merfugħ b’għożża kbira fis-sala prinċipali tal-każin. F’Novembru tal-istess sena Patri Diego Theuma OFM Cap, inħatar direttur spiritwali u għadu jokkupa din il-kariga.

Fis-17 ta’ Novembru 2003 nbeda proġett ieħor fil-każin. Dan huwa l-faċċata tal-każin fejn fiha sar tibdil ta’ ġebel li maż-żmien kien tmermer. Fl-2004 bdew il-preparazzjonijiet għall- festi tal-100 sena fejn fl-ewwel proġett wara l-faċċata kien it-tibdil tal-gallarija li maż-żmien kienet qdiemet. Komplew jittranġaw is-swali tas-sular ta’ fuq. Fit-22 ta’ Mejju 2005, bis-saħħa tal-kumitat tan-nisa ġie inawgurat arkivju ġdid li tpoġġa f’waħda mis-swali ta’ fuq. Qed ngħid bis-saħħa tal-kumitat tan-nisa għax dan sar mill-attivitajiet kollha li organizzaw in-nisa u l-lotteriji li ħadu ħsieb huma. Opra sabiħa li ser tkompli iżżid mar-rikkezzi li għandu dan il-każin.

Xiri ta’ Maħżen

It-Tnejn 25 ta’ April itellgħet il-bandiera fuq l-arblu tas-soċjetà dan għaliex dakinhar fit-8.30 ta’ filgħodu ġewwa l-każin kien qed iseħħ avveniment importanti ieħor fl-istorja ta’ din is-soċjetà – il-kuntratt ta’ maħżen.

Il-kumitat imexxi mill-ħabrieki President Louis Caruana beda jfittex maħżen addattat biex il-planċier u xi armar ieħor tas-soċjetà ikollu fejn jitpoġġa u ma jsirlux ħsara. Dan ġie deċiż wara li armar bħal planċier fil-każin m’hemmx fejn jitpoġġa u kienet tkun ħasra li dan il-planċier artistiku isirlu xi ħsara. Għalhekk ġie deċiż li nsibu post li jekk jista jkun, ikun ġo Ħal Lija, u ma jkunx taħt l-art minħabba l-umdità. Wara ħafna ġiri u taħbit biex insibu maħżen li jilħaq dawn il-kriterji, il-president sab post ħdejn il-bandli u li huwa ċentrali. Għalhekk wara taħdidiet mas-sid il-maħżen, il-Ġimgħa, 12 ta’ Novembru 2004 sar il-konvenju. Fit-8 ta’ Marzu beda x-xogħol fuq dan il-maħżen billi tnaddfet l-art u ġiet invellata. Fit-12 ta’ Marzu l-membri tal-kumitat bdew jgħattu l-art bil-konkos. Il-materjal ġie provdut mis-soltu kumpanija Blockrete. Minn hawn nixtieq nerġa’ nirringrazzja lid-diretturi ta’ din il-kumpanija. Bis-saħħa t’hekk ġew iffrankata mijiet ta’ liri. Għalhekk il-mument tant mistenni wasal fil-25 ta’ April 2005. Meta quddiem in-nutar tal-każin Dr Gerald Spiteri Maempel sar il-kuntratt ta’ dan il-maħżen biex issa nistgħu ngħidu li barra l-propjetà tal-każin li issa ilha propjeta tagħna għall dawn l-aħħar 4 snin, is-soċjetà għandha propjetà oħra dik ta’ maħżen.

Sehem il-Banda

Ta’ kull sena l-banda tieħu sehem fil-festa tal-ewwel tqarbina tat-tfal, fil-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u fil-purċissjoni tal-Milied organizzata mis-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M.. Il-banda kienet tieħu sehem f’ħafna festi barra r-raħal u f’Novembru kienet tagħti tislima lill-mejtin li għexu fir-raħal permezz ta’ marċi funebri.

Il-banda ħadet sehem ukoll f’okkażjonijiet ta’ swied il-qalb fosthom fil-funerali tal-presidenti tas-soċjetà, tas-surmastrijiet u diretturi spiritwali tas-soċjetà u ta’ membri tal-Għaqda tan-Nar San Mikiel, li tilfu ħajjithom b’xi disgrazzja tan-nar.

Il-każin jorganizza wkoll attivitajiet kulturali u soċjali għall-membri u l-familji tagħhom kif ukoll xi ġiti.

Fil-festi tal-Milied kien isir il-presepju ħaj u għalih kienu jiġu ħafna nies. Kull sena għadu jsir il-party tal-Milied għat-tfal tas-soċji tal-każin. Fil-każin jeżistu klassijiet tal-mużika b’xejn għal kulħadd.

Minn fost il-ħafna standardi li s-soċjetà għandha, insemmu dak tar-reliġjon miġjub minn Ruma mis-Sinjuri F. Sċerri, J. Cutajar u E Cutajar, imbierek personalment mill-Papa Piju XII, dak ta’ Santa Ċeċilja protettura tal-mużika u tal-banda San Pio X, u l-Amerikan mogħti mis-Sur Salv Cutajar tal-Amerika. Mill-Membri tal-kumitat li damu għal żmien twil iservu fil-kumitat, ta’ min isemmi lis-sur Salvu Muscat li dam għal madwar 40 sena bħala kaxxier u anke lis-sur Michael Saliba li dam għal 30 sena sħaħ bħala segretarju.

100 sena Każin

Il-benefatturi tal-każin ma’ naqsu qatt u dak kollu li għandu l-każin illum huwa frott tal-imħabba li l-maġġoranza tas-soċji juru lejn il-każin tagħhom. Kif issa tafu l-każin tal-banda ta’ Ħal Lija għandu storja kbira. Każin li għadda minn taqlib kbir u nistgħu ngħidu li l-proġetti li saru speċjalment f’dawn l-aħħar snin kienu mirakli meta tara ċ-ċokon tar-raħal tagħna. F’dawn il-ġranet li qegħdin niċċelebraw il-100 sena minn mindu twaqqaf dan il-każin ma’ nistgħux ma’ nirringrazzjawx lil dawk in-nies li servew f’kumitati preċedenti u ħadu deċiżjonijiet biex illum qegħdin ingawdu każin bħal dan. Huwa evidenti li dawn l-individwi ħadmu u stinkaw biex iżommu lis-soċjetà tagħna fuq l-aqwa pedestal li jixirqilha, kif għadha tgawdi sal-ġurnata tal-lum. Wara mitt sena l-iskop li twaqqaf il-każin, dak li jkun każin tal-banda, għadu hemm u minn hawn inħeġġu biex iktar nies ikunu involuti f’dan il-każin ħalli dak li bnew ta’ qabilna ma jispiċċax fix-xejn. Illum il-ġurnata

Il-każin kompla jikber u jissaħħaħ. Illum tista’ tgħid li l-każin baqa’ jsirlu l-manutenzjoni fejn jidħlu swali u arranġamenti fil-bini. Tlesta r-restawr tal-Kappella tal-Qalb Imqaddsa mill-membri tal-Kumitat u fis-sena 2012 se jitlesta l-proġett tal-frontispizju li se jkabbar u jsebbaħ il-faċċata tal-każin maestuż tagħna. Fis-sens 2012 se jkollna wkoll websajt ġdida tas-Soċjetà Mużikali fejn kulħadd jista’ jidħol fiha, jikteb u jara l-attivitajiet li noħolqu kull sena għal-Lijani u għal kulħadd.

Din l-informazzjoni u tagħrif inġabret mis-Sur Mark Sciberras, is-Sur Carlston Grima, u mis-Sur Michael Saliba, li kien segretarju tas-soċjetà għal 30 sena u bl-għajnuna tal-ktieb ta’ Robert Mifsud Bonniċi, minn dokumenti li jeżistu fil-każin, mill-ktieb li ħareġ Dun Anton Ebejer fl-okkażjoni tal-75 sena soċjetà u mill-kotba tal-minuti tal-laqgħat tal-kumitat.

Organisation

Surmastrijiet

No Surmastrijiet Minn Sa
01 F.S.Pizzuto 1905 1906
02 Antonio Miruzzi 1906 1926
03 Carmelo Scicluna 1926 1940
04 Ġorġ Camenzuli 1940 1943
05 Ġużeppi Busuttil 1943 1944
06 Anthony Sammut 1944 1989
07 Ronnie Debattista 1989 1996
08 Raymond Fenech 1996 2014
08 Reno Busuttil 2014

Ass. Surmastrijiet

No Ass. Surmastrijiet Minn Sa
01 Mro. Luiġi Fenech 1924 1942
02 Mro. Emmanuel Morello 1953 1955
03 Mro. Joseph Vella 1944 1962
04 Mro. Salvu Tanti 1963 1996
05 Mro. Paul Busuttil 1993 1999
06 Mro. Reno Busuttil 1999 2014
07 Mro. Jesmond Agius 2014 2017
08 Mro. Andrea Cassar 2017

Presidenti

No Presidenti Minn Sa
01 John Ellis 1905 1910
02 R Vassallo La Rosa 1910 1911
03 Luiġi Agius 1911 1912
04 Louis Engerer 1912 1924
05 Dr. John Bugeja 1925 1946
06 Luigi Fenech 1946 1948
07 John Portelli 1949 1953
08 Alfons Ebejer 1954 1962
09 John Portelli 1963 1965
10 Joseph Agius 1966 1970
11 Joseph Agius 1972 1981
12 Salvu Sammut 1971 1972
13 Ġużeppi Portelli 1982 1987
14 Louis Caruana 1988 2012
15 Frans Portelli 2012

Segretarji

No Segretarji Minn Sa
01 Louis Engerer 1905 1907
02 Carm Xerii 1908 1909
03 Louis Engerer 1909 1911
04 S.Grech 1912 1913
05 M.Gatt 1913 1914
06 L.Fenech 1915 1927
07 E.Micallef 1927 1931
08 Carm Cutajar 1931 1938
09 Alfons Ebejer 1938 1949
10 Salvu Mifsud 1949 1950
11 Alfons Ebejer 1950 1954
12 Salvu Muscat 1954 1956
13 S.Agius 1956 1961
14 Alfons Ebejer 1961 1966
15 Michael Saliba 1967 1996
16 Mark Sicberras 1996 1998
17 Salvu Borg 1998

Teżoriera

No Teżoriera Minn Sa
01 F.Xerri 1905 1906
02 G. Vella 1907 1907
03 M.Gatt 1908 1908
04 S.Caruana 1909 1911
05 G.Fenech 1912
06 Anthony Agius 1912
07 G.Grech 1912
08 S.Grech 1912 1913
09 C.Fenech 1913 1914
10 S.Mifsud 1914 1920
11 Anthony Agius 1921 1923
12 S. Mifsud 1924 1948
13 Carm Cutajar 1949 1953
14 J.Dingli 1954 1955
15 Salvu Muscat 1956 1975
16 John Borg 1976 1977
17 Salvu Muscat 1978 1995
18 Michael Cassar 1996 2006
19 Frans Portelli 2006 2012
20 Mark Sciberras 2012

Direttur Spiritwali

No Direttur Spiritwali Minn Sa
01 Fr. Pasquale Grech 1905 1932
02 Mons. G. Scerri 1932 1963
03 Fr. Anton Ebejer 1964 2002
04 Fr. Diegu Theuma 2002

Band Commissions

Band Activities Overseas

Historical Events in which the Band participated

Song Festivals, Events or Drama Activies

Annual Concerts

Annual Musical Activities

Recorded releases (LPs, Cassettes and CDs)

Cassettes

No Name of Cassettes Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Hymns and Festive Marches - Innijiet u Marċi Brijuzi - F'Għeluq it-43 sena bħala Surmast Direttur Mro. Anthony Sammut - Mis-Soċjeta Mużikali Każin Banda San Pio X Lija A.D. 1905 (1987) 1987 *
02 Festive Marches - Marċi Brijuzi - L-Għaqda Mużikali San Piju X Lija (1990) 1990 *
03 Festive Marches - Marċi Brijuzi - L-Għaqda Mużikali San Piju X Lija (1993) 1993 *
04 Festive Marches - Marċi Brijuzi - L-Għaqda Mużikali San Piju X Lija (1995) - Għeluq id-90 sena mit-twaqqif tal-Każin (1995) 1995 *
05 Festive Marches - Marċi Brijuzi - L-Għaqda Mużikali San Piju X Lija (1997) 1997 *
06 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Mis-Soċjeta Mużikali Każin Banda San Pio X Lija A.D. 1905 (2000) 2000 *

Cassettes

No Name of Cassettes - Funeral Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - L-Għaqda Mużikali San Piju X Lija - B'Dedika lil Mro. Anthony Sammut (1994) 1994 *

Cd's

No Name of Cd's Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - 100 Sena Anniversarju - Mis-Soċjeta Mużikali Każin Banda San Pio X Lija A.D. 1905 (2005) 2005 *
02 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Mis-Soċjeta Mużikali Każin Banda San Pio X Lija A.D. 1905 (2009) 2009 *
03 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Mis-Soċjeta Mużikali Każin Banda San Pio X Lija A.D. 1905 (2014) 2014 *

Programmes and Publications

Memorials

Contacts Information

  • Address:- 'Villa Lija Sir Ugo Mifsud Street, Lija LIA 1915 - AD 1905'
  • President - Frans Portelli
  • Secretary - Salvu Borg
  • Treauser - Mark Sciberras

External links