Nazzareno Mifsud

From M3P
Revision as of 13:17, 14 July 2023 by Axiaqm (talk | contribs) (Included Page: Nazzareno Mifsud)
(diff) ← Older revision | Latest revision (diff) | Newer revision → (diff)
Jump to navigation Jump to search

Mro. Nazzareno Mifsud L. (MUS.) L.C.M., F .L.C.M. Twieled iż-Żurrieq fil-15 ta' Awwissu 1928 minn Ġiovanni u Ursola nee’ Polidano. Huwa ġie mgħammed fil-Knisja Matriċi u Arċipretali ta' Santa Katarina mill-Arċipriet Ġiovanni Battista Ghigo fid-19 ta' Awissu 1928 u mogħti l-ismijiet ta' Nazzareno, Carmelo u Andrea. Huwa kien ir-raba' wieħed fost sebat aħwa.

Nazzareno ħa l-edukazzjoni reliġjuża tiegħu mill-M.U.S.E.U.M. Huwa attenda l-Iskola Primarja tal-Gvern ta' raħal twelidu u kompla jistudja fil-Kulleġġ De La Salle, il-Kottonera. Nazzareno beda jitgħallem il-mużika fil-Każin tal-Banda Santa Katarina illum magħrufa bħala Soċjeta Mużikali Santa Katarina għand is-Surmast Espedito Deguara A. (Mus.) L.C.M. u ħareġ idoqq il-klarinett ma' l-istess banda. Huwa kien il-klarinett solista għal xi żmien, u bejn is-snin 1949 u 1952 ġie magħżul bħala Ass. Surmast ta’ l-istess banda.

Fil-31 ta' Lulju 1949 Nazzareno żżewweġ lil Carmela nee’ Callus mill-Qrendi u kellhom ħames ulied li huma Dr. Joe Mifsud, Sally, Miriam, John u Annette. Huwa kompla jipperfezzjona l-istudju tal-klarinett għand is-Sur Manwel Debattista, u beda l-istudju tal-pjanu, teorija u armonija għand is-Surmast Joseph Casa Pinta L. (Mus.) L.C.M., F.L.C.M. fejn ħa l-ewwel Diploma ta' A. Mus. L.C.M. fil-31 ta' Diċembru 1955. Peress li Mro. Casa Pinta kien emigra lejn il-Kanada, Nazzareno kompla l-istudju fil-kontra punt u fuga għand is-Surmast Carmelo Pace L.R.S.M., F.L.C.M. fejn ħa d-Diplomi ta' L. (Mus.)L.C.M. fis-17 ta' Lulju 1965 u F.L.C.M. fl-4 ta' Awissu 1967.

Fis-sena 1958 Mro. Nazzareno Mifsud beda bħala Ass. Surmast tal-Għaqda Mużikali San Gejtanu Ħamrun. Fl1973 huwa ġie maħtur Surmast Direttur ta' din il-Banda fejn baqa' sas-sena 1985. Ma’ Għaqda Mużikali San Gejtanu Ħamrun kellu bosta kompożizzjonijiet li indaqqu taħt id-direzzjoni tiegħu.

==Inħatar Surmast ta’ Soċjeta Filarmonika Lourdes Qrendi A.D. 1895== F' Awwissu 1964 Mro. Carmelo Scicluna, li kien ilu jokkupa l-kariga ta' Surmast Direttur tas-Soċjeta Filarmonika Lourdes Qrendi A.D. 1895 għal madwar sbatax-il sena, irriżenja minn Surmast Direttur, u l-Kumitat, f'Seduta li nżammet il-Ħamis 13 ta' Awwissu 1964 Il-Kumitat kien ħatru Surmast Onorarju tal-Banda. Peress li dak iż-żmien l-Assistent Surmast tal-Banda Lourdes kien Nazzareno Mifsud, il-Kumitat kien offra l-kariga ta' Surmast Direttur lilu u ġie konfermat fis-Seduta li nżammet il-Ġimgħa 21 ta' Awwissu 1964. L-ewwel dehra pubblika tas-Surmast Nazzareno Mifsud kien eżatt xahar wara fil-Festi ta' l-Indipendenza meta l-Banda tas-Soċjeta Filarmonika Lourdes Qrendi A.D. 1895 esegwiet marċ mat-toroq prinċipali tal-Qrendi, il-Ħadd 20 ta' Settembru 1964.

Għal din il-banda huwa ikkompona bosta marċi brijużi, fosthom ta' min isemmi Focker, Mancy, John, Il-Festa tal-Qrendin, Sandro, Il-Festa Tagħna, u l-Innu Marċ li għadu jindaqq sa llum. Fl-1968 fil-Qrendi kienu saru festi kbar sabiex jitfakkar għeluq it-350 Anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa tal-Qrendi. Is-Soċjeta Filarmonika Lourdes Qrendi A.D. 1895, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro. Nazzareno Mifsud, kienet esegwiet Programm Vokali / Strumentali mill-isbaħ, nħar il-Ħadd 11 ta' Frar 1968. Dak inħar għall-ewwel darba ndaqq l-Innu tal-Qrendi, kompożizzjoni ta' Mro. Nazzareno Mifsud innifsu, fuq versi tas-Sur Paul Zammit.

Ta' min isemmi wkoll li l-Ħadd 18 ta' Frar 1968, bħala għeluq ta' dawn il-festi, kienet inżammet Akkademja Mużiko Letterarja, taħt il-presidenza ta' E.T. Mons. Emmanuel Gerada fis-sala ta' l-iskola. Il-Kor tal-Qrendi kien taħt it-tmexxija ta' Mro. Nazzareno Mifsud. Fost il-mużika li ġiet esegwita f’din l-Akkademja nsibu tliet kanzunetti, kompożizzjoni ta' Mro. Nazzareno Mifsud: Amore Mio, Questo Mio Ouor u Se tu Vieni Con Me.

Festi Ċentinarji tal-Fratellanza tal-Madonna ta' Lourdes

Fil-Festi Ċentinarji tal-Fratellanza tal-Madonna ta' Lourdes, fl-1978, il-Banda tas-Soċjeta Filarmonika Lourdes Qrendi A.D. 1895, taħt id-direzzjoni ta' Mro. Nazzareno Mifsud, kienet esegwiet Programm Vokali/Strumentali mill-aqwa, fejn kienu pparteċipaw is-Sopran Miriam Gauci u t-Tenur Joe Farrugia. Għall-ewwel darba f’dan il-Programm Vokali/Strumentali ndaqqet Rondo Solo għall-Flawt u l-Banda, li Mro. Nazzareno Mifsud ikkompona għal din l-okkażjoni speċjali, fejn is-solista tal-flawt kienet Laura Falzon, illum flawtista internazzjonali. Fost in-nies distinti li attendew għal din is-serata kommemorattiva, kienu preżenti l-E.T. Dr. Anton Buttigieg, President ta' Malta u l-E.T. Mons. Arċisqof Giuseppe Mercieca.

Bejn is-snin 1981u 1986 Mro. Nazzareno Mifsud idderieġa lill-Banda tas-Soċjeta Filarmonika Santa Venera. Għal din l-banda kiteb wkoll diversi marċi brijużi li ġew esegwiti taħt it-tmexxija tiegħu bħal Luisann, Santa Venera 1985, Carmen u Pax. Mro. Nazzareno Mifsud kien wkoll Surmast Direttur tal-Banda Soċjeta Filarmonika Stella Maris ta’ Tas-Sliema mill-1984 sa 1-1994. Matul dawn is-snin huwa kkompona l-parti l-kbira ta' dawn il-kompożizzjonijiet, u ndaqqu mill-istess Banda diretta minnhu.

Meta s-Surmast Nazzareno Mifsud lesta l-Overture Alpha fit-3 ta' Ottubru 1963, huwa kiteb fuq l-ispartit introduzzjoni fejn iddeskriva din il-kompożizzjoni. Huwa qal li l-istil huwa tradizzjonali tad-19-il seklu, u li kienet l-ewwel xogħol importanti tiegħu bħala kompożitur.

Is-Surmast Nazzareno Mifsud baqa' dejjem marbut mal-Banda tas-Soċjeta Mużikali Santa Katarina, fejn kien beda bħala Ass.Surmast. Dawn li qed jidhru hawn taħt, huma marċi brijużi li ġew miktuba minnhu u li ndaqqu minn din il-Banda taħt id-direzzjoni tas-Surmastrijiet Espedito Deguara A.(Mus.) L.C.M., u Francis Falzon L.(Mus.) L.C.M., L.R.S.M.

Mro. Mifsud ikkompona wkoll l-Innu Uffiċjali tal-General Workers' Union f'għeluq l-40 sena mit-twaqqif tagħha, u ġie mogħti Diploma. Huwa kien jgħallem il-pjanu lil ħafna studenti.

Kien is-Sibt, 28 ta' Frar 1998 meta tħabbret il-mewt tas-Surmast Nazzareno Mifsud li ġrat fl-Isptar Zammit Clapp, San Ġiljan fl-età ta' 69 sena.

Il-funeral sar il-Ħadd l ta' Marzu, 1998 għall-Parroċċa ta' Santa Katarina taż-Żurrieq. Wara l-katavru mxew il-familjari, ħbieb u rappreżentanza mill-Każini li huwa kien Surmast tal-baned tagħhom matul il-karriera tiegħu ta' Surmast Direttur. Il-Baned kienu dik tas-Soċjeta Mużikali Santa Katarina taż-Żurrieq, is-Soċjeta Filarmonika Lourdes Qrendi A.D. 1895, Għaqda Mużikali San Gejtanu Ħamrun, Soċjeta Filarmonika Stella Maris ta' Tas-Sliema u s-Soċjeta Filarmonika Santa Venera.

Fil-knisja ġiet iċċelebrata Quddiesa kantata bil-vuċijiet immexxija mill-organista Dun Mikiel D' Amato A. (Mus.) L.C.M., L.R.S.M. Il-konċelebranti kienu l-Arċipriet Dun Karm Farrugia li għamel Omelija, il-Kappillan Dun Karm Camilleri, Dun Manwel Agius, Dun Noel Camilleri, Dun Manwel Caruana u Patri Albert Micallef O.F.M.

Kif intemmet il-Quddiesa, il-katavru twassal saċ-ċimiterju ta' San Nikola tal-Qrendi u ġie midfun fil-qabar tal-familja.