Soċjeta Mużikali tal-Karmnu, Balluta

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Lis-Storja tas-Soċjeta Mużikali tal-Karmnu, Balluta

(1987 – 2022) - 35 Sena ta’ Ħidma - AD MULTOS ANNOS

Il-Bidu

Il-bidu tas-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta kien fid-data tas-26 ta’ Lulju 1987. Il-ġurnata kienet il-Ħadd u dakinhar bdiet tiġi diskussa l-possibilità ta’ twaqqif ta’ banda fil-lokalità tal-Balluta. Saru bosta laqgħat f ’żewġ residenzi privati u kien hawn li l-fundaturi tas-Soċjetà: Enzo Abela, Joseph Bayliss, Joseph Bonnici, Michael Borg, Adrian Busuttil, Patri Raymond Calleja O.Carm, l-aħwa Carmel Camenzuli u Mario Camenzuli, Joseph Cuschieri u Julian Grima, qablu li kellu jinstab post biex iservi bħala każin.

Jinstab Post bħal Każin

F’Awwissu tal-1987, ġie akkwistat il-fond numru 12, Triq Sant’Elena u fid-29 ta’ Settembru 1987, f ’dan ilkażin inżammet l-ewwel seduta tal- Kumitat Proviżorju. B’din is-seduta, rajt il-ħolma tal-fundaturi titwettaq: IT-TWELID TA’ BANDA FIL-BALLUTA; U DIN ĠIET MOGĦTIJA L-ISEM TA’ “SOĊJETÀ MUŻIKALI TAL-KARMNU BALLUTA.

Fit-18 ta’ Ottubru, fil-każin inżammet għall-ewwel darba s-seduta ġenerali, fejn is-soċi preżenti approvaw unanimament l-istatut; u ġie elett il-Kumitat għas-sena 1987 u 1988 u l-ewwel President, kien Rev. Patri Raymond Calleja O.Carm.

Kien għall-festi tal-Milied, fit-23 ta’ Diċembru ta’ din l-istess sena tal-1987, meta taħt it-tmexxija tas-Surmast Direttur, Michael Borg, il-banda ħarġet iddoqq għall-ewwel darba fit-toroq tal-Parroċċa. Fl-1 ta’ Ottubru 1987, l-istess Surmast beda t-tagħlim tal-mużika lil 17-il alljiev.

Jinfetaħ Uffiċċjalment il-Każin

Il-ftuħ uffiċjali tal-ewwel każin u l-inawgurazzjoni tal-banda twettqu mill-ewwel President tas-Soċjetà, Rev. Patri Raymond Calleja O.Carm, fit-23 ta’ Lulju 1988. Rev. Patri Leonard Mahoney O.Carm, li dak iż-żmien kien il-Provinċjal tal-Patrijiet Karmelitani, wettaq ittberik tal-irħama kommemorattiva.

Fil-festa tal-istess sena, f ’Lulju tal-1988, il-banda ħadet sehem għall-ewwel darba fil-festa tal-Madonna talKarmnu tal-Balluta; dan ukoll billi fil-Pjazza tal-Balluta, il-banda esegwiet programm vokali u strumentali taħt id-direzzjoni tal-ewwel direttur tagħha, Maestro Michael Borg, wieħed mill-fundaturi tas-Soċjetà.

Fid-29 ta’ Novembru 1988, is-Soċjetà ġiet ikkonsagrata lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u ta’ Marija. Kien f ’dan l-istess jum, li ġew imbierka diversi strumenti mużikali.

Jinxtara Każin Ġdid

Il-Kumitat elett għas-sena 1988-1989 u 1989-1990 iddiskutew diversi drabi l-possibilità ta’ xiri ta’ każin ġdid; proposta li ħarġet waqt diskussjoni waqt il-laqgħa numru 16 tal-Kumitat, li ġġib id-data tas-17 t’ Awwissu 1989. Kien għalhekk li l-Ħadd 11 ta’ Frar 1990, fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Parroċċa tal-Balluta, inżammet Seduta Ġenerali Straordinarja, fejn il-Kumitat ħass id-dmir kif ukoll ir-responsabbiltà li jressaq għall-approvazzjoni emenda fl-istatut dwar il-finanzi tas-Soċjetà, biex din l-emenda twassal għal xiri ta’ każin ġdid. Is-soċi preżenti, unanimament, approvaw.

Għalhekk, dan wassal biex quddiem in-Nutar Dr. Patrick Critien LL.D, il-Ħadd 10 ta’ Mejju 1990, sar l-att tal-konvenju fuq fond numru 7, Triq Sant’Elena, Tas-Sliema; u t-Tnejn 14 ta’ Ġunju 1990, sar att ieħor ta’ konvenju fuq il-fond numru 8, fl-istess triq.

Il-każin il-ġdid ġie miftuħ għas-soċi u l-ħbieb tas-Soċjetà, għalkemm mhux uffiċjalment, fil-15 ta’ Lulju 1990.

Is-Soċjeta idoqq għall-ewwel darba barra mill-Balluta

Il-banda ġiet mistiedna mill-Prokuratur tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta biex iddoqq waqt il-festa. Kien għalhekk li fit-13 ta’ Lulju 1990, is-Soċjetà ħarġet iddoqq għall-ewwel darba f ’festa barra mill-Balluta. Fl-okkażjoni tal-5 anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà, il-Ħadd 19 ta’ Lulju 1992, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, l-Eċċ. Tiegħu Dr. Ċensu Tabone, ġiet imtellgħa mill-banda, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Michael Borg, Akkademja Mużikali u Letterarja. Indaqq xogħol ta’ Maestro Michael Borg, li ġie rregalat lis-Soċjetà. Dan kien il-Kantata Mater Decòr Carmeli, li hija mqassma fuq tliet partijiet. Dan ix-xogħol, is-Surmast Michael Borg, kien bdieh fl-1990 fuq il-lirika ta’ Dun Frans Camilleri. Ta’ kull sena, lejlet il-festa, din il-Kantata baqgħet tindaqq fejn in-nies; speċjalment tal-Parroċċa tal-Balluta, jkunu qegħdin jistennewha biex jisimgħu l-melodija sabiħa u l-lirika, li jsebbħu lil Ommna Marija tal-Karmelu.

Bandalora Ġdida

Is-Sibt 27 ta’ Lulju 1992, dehret għall-ewwel darba fil-pubbliku, ħierġa minn ġol-każin tas-Soċjetà, il-bandalora li ġiet mogħtija lis-Soċjetà minn Chev. Alfred Borg. Il-bandalora, akkumpanjata mill-banda, twasslet sal-Pjazza tal-Balluta, fejn ġiet ippreżentata lill-President ta’ dak iż-żmien, Dr. Joseph Filletti. Is-16 ta’ Ġunju 1994 kien l-20 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Balluta u għalhekk, n]ar il-Ħadd 24 ta’ Lulju, 1994 fil-Knisja Parrokkjali tal-Balluta, ġiet imtellgħa mis-Soċjetà t-Tieni Akkademja Mużikali u Letterarja, din id-darba taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, l-Eċċ. Tiegħu, Dr. Ugo Mifsud Bonnici. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni ta’ Meastro Michael Borg.

L-Ewwwel Safra tal-Banda f’Italja

Bejn il-25 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju 1996, il-banda, il-Kumitat, soċi u ħbieb tas-Soċjetà (110 persuni), għamlu mawra ġewwa Ruma fl-Italja. Il-Banda tas-Soċjetà, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Michael Borg, ħadet sehem u rebħet il-Konkors Bandistiku 5 “Rassegna Musicale Internazionale, Raduno Bandistico” f ’Marcellina, Provinċja ta’ Ruma fl-Italja. Iċ-ċertifikati tar-rebħa jinsabu fil-każin. Il-programm ġewwa l-Pjazza ta’ Marcellina ġie preżentat mill-President tas-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta, is-Sur Alexander Pace Gouder. F’dan il-konkors ħadu sehem sitt baned oħra: erbgħa mill-Italja, waħda minn Franza u oħra mill-Ġermanja. Waqt din iż-żjara, kien ukoll sar ġemellaġġ mal-Banda ta’ Marcellina, banda li kienet ukoll żaret Malta u għamlet wirjiet ġewwa l-Balluta u l-Belt Kapitali Valletta.

Il-Banda tintaqgħa u iddoqq quddiem il-Papa

L-Erbgħa, 26 ta’ Ġunju 1996, is-Soċjetà kellha laqgħa storika mal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II, fis-Sala Nervi. Jum li jibqa’ memorja u ġrajja li se tibqa’ minquxa b’ittri tad-deheb fl-istorja tas-Soċjetà. Din iż-żjara kellha l-koperazzjoni tal-mibki Dr. Alexander Cachia Zammit, li dak iż-żmien kien l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede. Il-banda daqqet diversi marċi kif ukoll l-Ave Maria. Il-banda, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Michael Borg, daqqet fanfarra u wara l-Innu Pontifiċju. Insellem lill-banda u l-grupp Malti; din kienet it-tislima bil-lingwa Maltija tal-Qdusija Tiegħu, il-Papa San Ġwanni Pawlu II; lill-banda; lill-uffiċjali, fosthom id-delegat tal-banda s-Sur Adrian Busuttil u partitarji tas-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta.

Is-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta hija L-EWWEL BANDA MALTIJA LI DAQQET WAQT UDJENZA MAL-PAPA FIL-BELT TAL-VATIKAN. Kif kiteb is-Segretarju ta’ dak iż-żmien, is-Sur Mario Camenzuli, Lejn tmiem l-udjenza, il-Qdusija Tiegħu l-Papa, fost in-noti tal-banda, resaq lejna. Jien kelli l-unur u l-privileġġ, għan-nom tas-Soċjetà, nippreżentalu r-rigal: kwadru tal-fidda bir-ritratt tal-vara titulari tal-Madonna tal-Karmnu tal-Balluta, u wara rċevejt kuruna li tinżamm b’għożża kbira fil-każin.

Fl-okkażjoni tal-15-il anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà, il-Q.T., il-Papa Ġwanni Pawlu II, nħar id-29 ta’ Settembru 2002, bagħat il-Barka Appostolika tiegħu lis-Soċjetà. Din tinsab fis-sala tal-każin.

Jitwaqqa il-bini tal-Każin u jibda tiela ieħor Ġdid

Fil-festa tal-2002, ġie mwiegħed li dalwaqt kien sejjer jibda xogħol fuq il-bini ta’ każin ġdid. Kienet il-ġurnata tat-Tnejn 4 t’Ottubru 2002, li fis-7:15 ta’ filgħodu, beda x-xogħol tat-twaqqigħ tal-każin, taż-żewġ terranni f ’numru 7 u 8 fi Triq Sant’Elena tas-Sliema, li għal 12-il sena serva bħala sede tas-Soċjetà. Dan ix-xogħol baqa’ sejjer għal ġimgħa sħiħa u wara l-post ġie mnaddaf. Fil-15 ta’ Novembru 2002, tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-każin il-ġdid. Il-pjanta tal-każin kienet tal-Perit Marvic Ellul. Il-każin il-ġdid beda jintuża għall-festa tal-2003.

Fit-13 ta’ Ottubru 2003, permezz ta’ ittra lin-Nunzju Appostoliku tas-Santa Sede għal Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Arċisqof Felix Del Brano Pieto, ġie mitlub jinforma lill-Qdusija Tiegħu, il-Papa Emeritus Benedittu XVI, li s-Sede tas-Soċjetà ser tissemma KAŻIN PAPA ĠWANNI PAWLU II. B’rikonoxximent, il-Papa Benedittu XVI bagħat lis-Soċjetà ritratt bil-firma tiegħu u midalja kommemorattiva t’għeluq il-25 sena mill-pontifikat tal-Papa Ġwanni Pawlu II.

Fil-25 u 26 ta’ Ġunju 2006, is-Soċjetà fakkret l-10 Anniversarju tal-laqgħa fil-Vatikan mal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II. Il-Ħadd, 25 ta’ Ġunju 2006, quddiem il-każin, li issa kien iġib l-isem Papa Ġwanni Pawlu II, sar kunċert mill-banda, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Michael Borg, u taħt il-patroċinju tal-Eċċ. Tiegħu, Mons. Isqof Francesco Adeodato Micallef, Karmelitan Tereżjan, Vigarju Appostoliku Emeritus tal-Kuwajt. It-Tnejn, 26 ta’ Ġunju 2006, fis-sala tal-każin, il-President tas-Soċjetà, is-Sur Adrian Busuttil flimkien mal-Eċċ. Tiegħu, Mons. Isqof Francesco Adeodato Micallef, inawguraw bust tal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II, li tbierek mill-istess Isqof.

Is-Sibt, 28 ta’ Lulju 2007, waqt il-programm ta’ lejlet il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, il-mibki Dott. Alexander Cachia Zammit, dak iż-żmien Ambaxxatur Emeritus ta’ Malta għas-Santa Sede, irregala lill-President tas-Soċjetà standard ta’ kulur ikħal bl-Istemma Pontifiċija, TOTUS TUUS tal-Papa Ġwanni Pawlu II.

Fl-okkażjoni tal-20 sena anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà, is-Sibt 29 ta’ Settembru 2007, ġie esegwiet programm vokali u strumentali, dejjem taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Michael Borg, fit-Teatru tal-Patrijiet tas-Salesjani f ’Tas-Sliema, taħt il-patroċinju tal-Eċċ. Tiegħu, Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritus. Ħadu sehem il-Mezzo Sopran, Marie Therese Vassallo, u l-kor ta’ Marie Therese.

Fl-okkażjoni tal-20 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà, il-Q.T., il-Papa Benedittu XVI, bagħat kuruna tar-Rużarju kif ukoll il-Barka Appostolika tiegħu.

Fit-23 ta’ Marzu 2008, għall-ewwel darba, ittella’ kunċert vokali u strumentali fl-okkażjoni tal-festa tal-Għid. Dan il-kunċert inżamm ġewwa t-Teatru tas-Salesjani ġewwa Tas-Sliema.

Fl-14 ta’ Marzu 2009, is-Soċjetà żammet l-appuntament tagħha, issa ta’ kull sena, billi ppreżentat il-kunċert annwali tagħha fit-Teatru tas-Salesjani. Il-kunċert inżamm taħt il-patroċinju tal-Onorevoli Dolores Cristina, dak iż-żmien Ministru tal-Edukazjoni, Kultura u Sport.

Is-sena 2009 hija sena oħra li ġiet immarkata b’ittri tad-deheb fl-istorja tas-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta. Fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Ċeċilja, Patruna tal-Mużika u tal-Mużiċisti, li kienet qed tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd 22 ta’ Novembru 2009, l-Għaqda Każini tal-Banda għażlet lis-Soċjeta` Mużikali tal-Karmnu Balluta A.D. 1987, biex tagħmel kunċert sinfoniku. Il-kunċert sar fit-Teatru Manoel il-Belt Valletta, nhar it-Tlieta 24 ta’ Novembru 2009, taħt il-patroċinju tal-Eċċ. Tiegħu Dott. George Abela, President ta’ Malta. Impenn li rnexxa u li s-Soċjetà ħarġet bl-unuri kollha. Ħidma li bdiet permezz tal-Banda tas-Soċjetà, li kellha l-aktar rwol importanti f ’dan il-kunċert, fejn is-Surmast Direttur, Maestro Michael Borg, mexxa lill-banda b’tant serjetà.

Għall-ewwel darba, fis-sena 2010, il-Banda tas-Soċjetà ħadet sehem waqt pageant tal-Ġimgħa l-Kbira, li kien organizzat mis-Società Filarmonica Nazionale La Valette, tal-Belt Valletta. Il-banda daqqet xelta ta’ marċi funebri ma’ erba’ baned oħra. Il-Ħadd, 24 ta’ Jannar 2010, il-Kumitat tas-Soċjeta Filarmonika Sliema

attenda għal-laqgħa soċjali u bibita fil-Każin Papa Ġwanni Pawlu II, fejn il-President tas-Soċjeta Filarmonika Sliema, is-Sur Jesmond Vella, ippreżenta frame bl-istatwa tal-Madonna tas-Sacro Cuor, meqjuma fil-Knisja Parrokkjali tas-Sacro Cuor Tas-Sliema, lill-President tas-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta, is-Sur Adrian Busuttil. Il-Ħadd, 14 ta’ Marzu 2010, saret żjara reċiproka fis-sede tas-Soċjeta Filarmonika Sliema. Waqt din iż-żjara, li ġiet deskritta bħala bejn il-ħbieb, il-President tas-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta, is-Sur Adrian Busuttil, ippreżenta frame bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Patruna tal Parroċċa tal-Balluta.

Fl-istess sena 2010, fi ħdan is-Soċjetà, twaqqfet il-Kummissjoni Żgħażagħ Banda Balluta A.D. 2010. Din il-kummissjoni mill-ewwel ġurnata bdiet turi l-frott tagħha, b’organizzazzjoni t’attivitajiet diversi.

Is-Sibt, 24 ta’ Lulju 2010, is-Soċjeta Mużikali tal-Karmnu Balluta, waqt il-programm vokali u strumentali ta’ lejlet il-festa, irċeviet bħala rigal mill-Eċċ. Tiegħu Dott. Alexander Cachia Zammit, leġiju tal-ġewż u kewba, u fuqu l-iskultura bil-kewba bajda bl-istilel indurati bid-deheb, xogħol ta’ Joe Busuttil.

Fis-sena 2011, is-Soċjeta Mużikali tal-Karmnu Balluta, fakkret żewġ anniversarji importanti fl-istorja tagħha. L-ewwel anniversarju kien il-mawra fil-Belt tal-Vatikan nħar l-Erbgħa 26 ta’ Ġunju 1996, fejn kienet l-ewwel banda Maltija li qatt daqqet fil-preżenza ta’ Papa waqt udjenza, u r-rebħ tal-konkors tal-Baned 5 Rassegna Musicale Internazionale, Raduno Bandistico ġewwa Marcellina Provinċja ta’ Ruma, fil-25 ta’ Ġunju 1996.

Dawn iż-żewġ anniversarji tfakkru waqt kunċert sinfoniku, li sar il-Ħadd 20 ta’ Marzu 2011, fit-Teatru Salesjan f’ Tas-Sliema. Dan il-kunċert ġie wkoll imnaqqax b’ittri tad-deheb fl-istorja tas-Soċjetà. Għal dan il-kunċert ġiet mistiedna l-Għaqda Mużikali San Ġużepp (Għajnsielem) ta’ Għawdex, u waqt il-kunċert iż-żewġ baned iffirmaw ġemellaġġ mużikali. Dan il-kunċert sar taħt il-patroċinju distint tal-Eċċ. Tiegħu, Ambaxxatur Emeritus għas-Santa Sede, Dott. Alexander Cachia Zammit. Kif qal il-President tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp (Għajnsielem) Għawdex, is-Sur Gino Cauchi, Dan kien kunċert memorabbli għalina għax kien l-ewwel darba li daqqejna f ’sala f ’Malta. Kunċert li fetaħ it-triq għaż-żewġ għaqdiet tagħna, biex inkomplu nxerrdu din il-parti kulturali li hi tant għażiża għal pajjiżna, u biex insaħħu r-rabtiet ta’ bejnietna.

Għall-ewwel darba, is-Soċjetà ġiet mistedna mill-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta, biex tagħmel il-marċ tal-aħħar tat-Tridu, il-Ġimgħa 8 ta’ Frar 2011, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pawl fil-Belt Valletta.

Is-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta daqqet mal-Għaqda Mużikali Beland ta' Iż-Żejtun.

Bħal diversi snin fl-imgħoddi, il-Banda tas-Soċjetà ħadet sehem fl-ewwel festa tal-istaġun sajfi, dik ta’ San Publju, Patrun ta’ Malta u tal-Floriana. Il-Ħadd 8 ta’ Mejju, 2011, jum il-festa, il-Banda tas-Soċjetà laqgħet l-istatwa ta’ San Publju, bl-Innu Popolari waqt il-ħruġ mill-Knisja Parrokkjali. Wara għamlet marċ madwar it-toroq tal-Floriana, u wara, esegwiet programm fuq il-planċier quddiem il-Knisja Arċipretali.

Kull sena, is-Soċjetà tippreżenta serati kulturali ta’ kant u żfin. Fis-sena 2011, din saret fil-Pjazza tal-Balluta, fl-24 ta’ Lulju 2011.

Sena 2012 - 25 sena anniversarjumit-twaqqif tas-Soċjetà

Sabiex ifakkar dan l-anniversarju, il-Kumitat ħaseb biex jorganizza diversi avvenimenti, u għalhekk ġiet imwaqqfa Kummissjoni Festi 25. Il-Kummissjoni kienet immexxija minn Chev. Alfred Borg, eks President u President Onorarju tas-Soċjetà.

Iċ-ċelebrazzjonijiet bdew is-Sibt, 15 ta’ Jannar 2012, b’quddiesa bis-sehem tal-banda fil-Knisja Parrokkjali. Il-quddiesa kienet konċelebrata mill-Wisq Rev. Provinċjal tal-Karmelitani, Patri Michael Farrugia O.Carm, Direttur Spiritwali tal-każin. Attività oħra li saret fil-Knisja Parrokkjali, fil-5 ta’ Mejju 2012, kienet l-Oratorju Tislima lill-Madonna tal-Karmnu, b’lirika tal-Prof. Oliver Friggieri u mużika tas-Surmast tal-banda, Maestro Michael Borg.

Fil-25 ta’ Mejju 2012, infetħet l-esebizzjoni Mater Mitis. Diversi oġġetti Karmelitani ġew esebiti waqt din il-wirja, li saret fil-Kunvent tal-Patrijiet Karmelitani tal-Balluta.

Fit-30 ta’ Settembru 2012, ittella’ kunċert sinfoniku fl-Istitut Kattoliku. Ix-xogħol li twettaq ta l-frott tiegħu għax kien kunċert mill-aqwa li matulu l-bandisti, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Michael Borg, esegwew b’mod mill-aqwa d-diversi brani mużikali. Għall-programm, fost il-ħafna nies li attendew, kien hemm il-Komunità Karmelitana, Membri Parlamentari, Sindki u Kunsilliera, kif ukoll l-Assistent Direttur tal-Caritas Malta, Mons. Carmelo Farrugia; dan peress illi d-dħul minn dan il kunċert mar b’risq il-Caritas, għall-ħidma li tagħmel hawn Malta.

Wirja tal-25 sena tas-Soċjeta

Ittellgħet wirja fis-sala tal-każin, fis-sular ta’ isfel. F’din il-wirja ġew esebiti bosta ritratti li fakkru l-istorja tul il-25 sena tas-Soċjetà. Fil-ftuħ ta’ din il-wirja, inawgurata mis-Sindku ta’ tas-Sliema, is-Sur Anthony Chircop, fis-sala ta’ fuq, il-President tas-Soċjetà, s-Sur Adrian Busuttil, wara li għamel diskors kixef l-irħama kommemorattiva li bi kliem imnaqqax u ndurat bid-deheb tgħid IS-SOĊJETÀ MUŻIKALI TAL-KARMNU BALLUTA TIFRAĦ U TFAKKAR LILL-FUNDATURI U LILL MEMBRI F’GĦELUQ IL-25 SENA MIT-TWAQQIF TAGĦHA 1987-2012. Tbierket mill-Provinċjal, Patri Michael Farrugia O.Carm.

Il-Ħadd, 9 ta’ Dicembru 2012, fil-Knisja Parrokkjali, saret il-quddiesa ta’ radd il-ħajr tal-25 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà. Qaddes l-Eċċ. Tiegħu, Mons. Arcisqof Pawlu Cremona u kkonċelebraw il-Wisq Rev. Provinċjal, Patri Michael Farrugia O.Carm, il-Wisq Rev. Kappillan Patri Maurice Abela O.Carm, flimkien mal-Komunità Karmelitana, u magħhom ingħaqad il-Wisq Rev. Kappillan tal-Parroċċa tas-Sacro Cuor, Patri Richard Grech OFM. Ħadu sehem il-banda, taħt it-tmexxija tas-Surmast Michael Borg, u l-kor ta’ Marie Therese Voice Studio.

Is-Sibt, 27 ta’ Lulju 2013, quddiem udjenza tajba, il Banda tal-Karmnu taħt id-Direttur Maestro Michael Borg, ħarġet bl-unuri b’kunċert li t-tema tiegħu kienet 25 Years in Concert; u dan bir-raġun għax dan kien il-25 kunċert ta’ lejlet il-festa li l-Banda tal-Karmnu tellgħet fl-okkażjoni tal-festa titulari ad unur is-Sultana tal-Karmelu.

Il-Ħamis, 3 ta’ April 2014, waqt il-vista pastorali fil Parroċċa tal-Balluta, mill-Eċċ. Tiegħu, Mons. Arċisqof Pawlu Cremona, inżammet laqgħa mal-membri tas-Soċjetà Ċivili fil-Parroċċa tal-Balluta, fejn is-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta kienet rappreżentata mill-President u mill-Kumitat.

Is-Sibt, 21 ta’ Frar 2015, ittella’ għat-tieni darba fil-Knisja Parrokkjali tal-Balluta, l-Oratorju Tislima lill-Madonna tal-Karmnu b’risq il-Community Chest Fund, taħt il-patroċinju distint tal-Eċċellenza Tagħha s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta. Il-lirika tal-Oratorju hija xogħol ta’wieħed mill-aqwa poeti Maltin, il-Professur Oliver Friggieri, awtur u kritiku letterarju tal-ogħla livell u ta’ fama internazzjonali. Dan l-Oratorju huwa kompożizzjoni kumplessa li kienet titlob dedikazzjoni u professjonalità kbira min-naħa tal-kompożitur mużikali, Maestro Michael Borg.

Is-Sibt, 25 ta’ Lulju 2015, għal sena oħra ttella’ l-kunċert ta’ lejlet il-festa bl-isem Voices in Concert.

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Lulju 2016, il-Banda tas-Soċjetà għamlet il-marċ ta’ filgħodu fl-okkażjoni tal-festa tal Madonna tal-Karmnu tal-Belt.

Kxif ta' bust tal-Madonna tal-Karmnu

It-Tnejn, 26 ta’ Lulju 2016, fis-sede tas-Soċjetà ġewwa Triq Sant’Elena, sar il-kxif ta’ bust tal-Madonna tal-Karmnu, maħdum mill-artist Andrew Bugeja. Irregalat u inawgurat mis-Sur Joe Mizzi, u mbierek mill-Arċisqof Emeritus Mons. Pawlu Cremona.

Bejn it-12 u l-15 ta’ Mejju 2018, il-Banda tas-Soċjetà ġiet mistiedna mill-Eċċellenza Tiegħu Joseph Cuschieri, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Greċja flimkien mal-Ambaxxata Maltija fil-Greċja, għall-mawra f ’Ateni fl okkażjoni taċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.

Il-Ħadd, 13 ta’ Mejju 2018, il-Banda tas-Soċjetà taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro. Nicholas Vella, għamlet marċ flimkien mas-City of Athens Philharmonic Band tal-Greċja mat-toroq ta’ Ateni. Il-marċ beda bid daqq tal-Innijiet Nazzjonali u l-Innu tal-Unjoni Ewropea fi Pjazza Syntagma.

It-Tnejn, 14 ta’ Mejju 2018, il-Banda tas-Soċjetà taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro. Nicholas Vella, esegwiet programm ta’ mużika Maltija u Griega fi Pjazza Kotzias f ’Ateni. Dan il-programm sar taħt il-patroċinju tas-Sindku ta’ Ateni Georgios Kaminis. Għal dan il kunċert onoratna bil-preżenza tagħha l-Ministru tal Kultura u Sports fil-Greċja, Lydia Koniordou.

Is-Sibt, 14 ta’ Lulju 2018, fis-Sala Prinċipali tal-Każin sar kxif ta’ rħama kommemorattiva li tfakkar il-mawra tas-Soċjetà fil-Greċja mill-Eċċellenza Tiegħu Joseph Cuschieri, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Greċja u mill-Eċċellenza Tagħha Chryssoula Karykopoulou Vlavianou l-Ambaxxatriċi tal-Greċja għal Malta. L-irħama ġiet imbierka mill-Wisq Rev. Kappillan Patri Joe Saliba O.Carm.

Tmexxija tas-Soċjeta

Il-Presidenti tas-Soċjetà matul dawn il-35 sena kienu sitta, kif ġejjin: 1987-1990: Patri Raymond Calleja O.Carm (l-ewwel President u fundatur tas-Soċjetà) 1990-1992: L-Onor. Imħallef Emeritu Dott. Joseph Filletti 1992-1994: Chev. Alfred Borg 1995-2001: Is-Sur Alexander Pace Gouder 2002-2006: Is-Sur Mario Avallone President tas-Soċjetà mis-sena 2007: Is-Sur Adrian Busuttil (fundatur tas-Soċjetà)

Direzzjoni tal-Banda

Is-Surmastrijiet tas-Soċjetà matul dawn il-35 sena kienu tnejn, kif ġejjin: 1987-2017: Mro Michael Borg Surmast Direttur mis-sena 2018: Mro Nicholas Vella A.mus.L.C.M

L-għan ewlieni li għalih ġiet imwaqqfa s-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta kien u għadu, biex permezz tal-banda, twassal il-ferħ kull fejn iddoqq, speċjalment fil-jiem tal-festa tal-Parroċċa tagħna. Jinżammu diversi attivitajiet ta’ natura kulturali. Kien għalhekk li fis-sena 1988 ġie organizzat għall-ewwel darba l-Balluta Song Festival, fis-sala tas-Salesjani ġewwa Tas-Sliema. Dan baqa’ jinżamm sas-sena 2007, kemm f ’teatri (fix-xhur tax-xitwa), kif ukoll fil-Pjazza tal-Balluta (matul ix-xhur tas-sajf ). Fil-Pjazza tal-Balluta kienet tinżamm ukoll il-Lejla Maltija Ballutija. Għal numru ta’ snin, kienu jiġu armati diversi stands bl-ikel tradizzjonali Malti, mill-membri ħabrieka tas-Soċjetà. Dawn is-serati ta’ divertiment issa qed jinżammu fil-wesgħa ta’ quddiem il-kunvent u qed jissejħu Balluta Fest jew Festa Kick Off.

Bl-inizjattiva ta’ Maestro Michael Borg inħolqot il-Jazz Band tas-Soċjetà. Il-Jazz Band ħarġet iddoqq għall-ewwel darba fis-sena 2005, waqt Lejla Maltija fil-Pjazza tal-Balluta, b’repertorju ta’ kanzunetti Maltin, Taljani u Ingliżi. Din baqgħet iddoqq sas-sena 2007 fejn ħadet sehem fid-diversi Lejla Maltija Ballutija.

Ma nistax, għal darb’oħra, ma nsemmix il-programm vokali u strumentali li s-Soċjetà ttella’ lejlet il-festa fil Pjazza tal-Balluta, u dan l-aħħar fil-ġenb ta’ din l-istess Pjazza. Programm imżewwaq b’kull tip ta’ mużika. Il-qofol ta’ dan il-programm jintlaħaq kif ktibt aktar qabel bil-Kantata Mater Décor Carmeli, miktub mill-Maestro Michael Borg, bil-kliem ta’ Dun Frans Camilleri.

Matul is-snin inżammu diversi attivitajiet oħra kulturali

F’dawn il-35 sena tas-Soċjetà, il-Banda tal-Karmnu Balluta għamlet diversi servizzi fil-festi titulari ta’ bliet u rħula f ’Malta kif ukoll f ’Għawdex, fosthom il-Birgu, l-Isla, il-Belt Valletta, Il-Fgura, il-Furjana u x-Xagħra Għawdex.

Dan kollu twettaq speċjalment bl-għajnuna tal-ħafna li taw il-kontribut volontarju tagħhom matul dawn il-35 sena, speċjalment waqt il-bini u d-dekorazzjoni tal-intern tal-każin, b’mod partikolari fis-sala prinċipali. Fosthom hemm ukoll il-President, il-membri tal-Kumitati u membri oħra u familjari, li b’xi mod jew ieħor, għenu biex is-Soċjetà timxi ’l quddiem. Dan grazzi wkoll għall-ħidma u l-kontribut kbir tal-Maestro Michael Borg, Maestro Nicholas Vella u tal-bandisti kollha.

Grazzi wkoll lill-Kappillani, Pirjoli u l-Komunità Karmelitana tal-Balluta; lid-Diretturi Spiritwali tas-Soċjetà, li matul dawn il-35 sena dejjem taw is-sapport meħtieġ lis-Soċjetà jew dak mitlub minnha.

Minn qalbi, nawgura lis-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta, aktar xogħol fil-qasam tal-kultura, speċjalment fil-Parroċċa tagħna u fl-irħula u l-ibliet ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll barra minn pajjiżna.

Kitba u tagħrif miġbur minn Alexander Pace Gouder

Organisation

Surmastrijiet

No Surmastrijiet Minn Sa
01 Michael Borg 1987 2017
02 Nicholas Vella 2017

Presidenti

No Presidenti Minn Sa
01 Rev. Fr. Raymond Calleja O.Carm. 1987 1990
02 Hon. Judge Dr. Joseph A. Filletti B.A.. LL.D. A.R HIST. 1990 1992
03 Chev. Alfred Borg 1992 1994
04 Alexander Pace Gouder 1995 2001
05 Mario Avallone 2002 2006
06 Adrian Busuttil 2007

Segretarji

No Segretarji Minn Sa
01 [[ ]]

Teżoriera

No Teżoriera Minn Sa
01 [[ ]]

Band Commissions

Band Activities Overseas

Historical Events in which the Band participated

Song Festivals, Events or Drama Activies

Annual Concerts

Annual Musical Activities

Recorded releases (LPs, Cassettes and CDs)

Cassettes

No Name of Cassettes - Festive Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 *
02 *
03 Festive Marches - Marċi Brijuzi mis-Soċjeta Mużikali tal-Karmnu, Balluta (1992) (Vol. 03) 1992 *

Cd's

No Name of Cd's - Festive Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Lejn il-25 Sena Annivesarju (1987 - 2012) - Mis-Soċjeta Mużikali tal-Karmnu, Balluta 2012 *
02 35 Sena (1987-2022) - Soċjeta Mużikali tal-Karmnu Balluta 2022 *

Others

No Villages Band Clubs or Others Name of Cd's Date Issue Type
01 Sliema (Balluta) Soċjeta Mużikali tal-Karmnu, Balluta Ġabra ta' Innijiet lill-Patruna u Omm tagħna l-Madonna tal-Karmnu (2019) 16.07.2019 Hymn

Programmes and Publications

Memorials

External links