Soċjeta Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa

From M3P
Revision as of 01:30, 26 August 2020 by Axiaqm (talk | contribs)
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

History

Soċjeta Filamonika Banda San Pietru B'Bugia A.D. 1990

Kien lejn tmiem is-sena ta l-1989 meta bdew isiru l-ewwel movimenti bl-iskop li titwaqqaf Banda ġdida f’Birżebbuġa, minn grupp ta’ żgħażagħ li kienu nvoluti sew fl-organizzazzjoni tal-festa, speċjalment f’dak li huwa armar. Huma dejjem ħolmu li xi darba, f’Birżebbuġa tibda ssir festa aktar xierqa bħalma jsiru f’diversi bliet u rħula oħra. L-ewwel pass sar nħar il-5 ta’ Diċembru 1989 minn Alex Caruana u Angelo Vella meta iddeċidew li biex isir xi ħaġa ta’ ġid għall-festa, kien hemm il-bżonn urġenti li titwaqqaf banda ġdida. Dakinħar stess ingħaqdu magħhom Joseph Caruana, Jason Vella, Michael Muscat u Ray Cutajar. Peress li dawn kienu kollha żgħażagħ, xtaqu li magħhom ikollhom persuna ta’esperjenza biex jiggwidhom u avvi`inaw lil Anthony Camilleri. Huwa avżhom li biex twaqqaf banda ġdida ġo Birzebbuga ma' kienx faċli u ssuġġerilhom biex jibdew ifittxu l-membri.

Fl-14 ta' Diċembru 1989, f’post privat fi Triq San Ġużepp, saret laqgħa ta’ Kumitat Proviżorju u f’qasir żmien ġie ifformulat Statut, instab Surmast Direttur, u bdew isiru l-preparamenti u l-arranġamenti kollha meħtieġa biex issir l-ewwel Laqgħa Ġenerali.

Il-ġurnata storika u tant mistennija waslet. Kien nħar il-Ħadd, 14 ta' Jannar 1990, meta ġewwa l-Lido Hall, fi Triq San Edwardu, twaqqfet l-Għaqda Mużikali Birżebbuġa, b’akklamazzjoni qawwija min numru kbir ta' dilettanti li ppakkjaw il-Lido Hall. Dakinħar inħatar l-ewwel Kumitat b’Anthony Camilleri President, Alex Caruana Segretarju, Jason Vella Kaxxier u Emanuel Axiaq, Emanuel Mangion, Patrick Gabaretta, Raymond Abdilla, Angelo Cutajar, Raymond Cutajar, Joseph Caruana, Grazio Pullicino, Thaddeo Agius, Kevin Camilleri, Josef Farrugia u Joseph Pace bħala membri. Mro. Michael Bugelli, minn Ħaż-Żabbar inħatar bħala Surmast Direttur u Dun Charles Carabott sar id-Direttur Spiritwali. Pero, peress li sadanittant kien sar xi tibdil fl-isem tal-Banda l-oħra ta Birżebbuġa, inqalgħu xi intoppi biex jinħarġu l-permessi meħtieġa. Għalhekk, fl-laqgħa Straordinarja li nżammet nħar id-29 t’April 1990, l-isem tal-banda l-ġdida ġie mibdul għal Soċjetá Filarmonika Birżebbuġa A.D. 1990. Inkomplu fuq l-isem, u nimxu lejn is-sena ta' l-1996, fejn waqt il-laqgħa Ġenerali Annwali li saret fil-Każin il-ġdid fl-14 ta' Jannar 1996, b’vot unanimu l-isem inbidel għall-Soċjetá Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D.1990, biex b’hekk, is-Soċjetá rabtet darba għal dejjem il-Patrun tagħha ma’ isimha.

Nerġgħu lura għall-ewwel jiem tal-Banda, fejn insibu li l-ewwel kumitat beda għaddej bit-tiftix ta’post adekwat biex jiffunzjona bħala Każin, liema post kellu jkun il-fond numru 77, Triq Birżebbuga fil-Bajja ta’San Ġorġ, magħruf aktar bħala l-Morning Star. Numru ta’ voluntiera bdew jaħdmu mmedjatament biex jirrinovaw dan il-post u x-xogħol tant mexxa li fil-11 ta Frar 1990 saret laqgħa għall-ġenituri ta’dawk l-allievi li kienu nteressati jibdew jitgħallmu l-mużika. Minn l-għada stess is-Surmast Direttur Mro. Michael Bugelli u l-Assistent Surmast Joe Vella bdew bit-tagħlim tal-Mużika.

Il-laqgħa ta' l-allievi tal-11 ta Frar 1989 kienet l-ewwel pass biex tifforma l-Banda. Bis-saħħa ta' numru ta’ benefatturi bdiet tinxtara l-istrumentatura. Mro Michael Bugelli kiteb l-Innu tal-Banda Birżebbuga u l-Innu Marċ Lill-Ġawhra ta' l-Iljuni. Dawn l-Innijiet flimkien ma' l-Innu Popolari Lil San Pietru ta’ Mro Carmelo Pace u diversi marċi oħrajn, ġew irrekordjati fuq cassette, f’recording storiku li sar ġewwa l-Lucky Hall nħar is-Sibt, 19 ta’ Mejju 1990. Il-Festa bdiet toqrob ġmiela. Il-Bord Editorjali ħa ħsieb il-pubblikażżjoni tal-programm tal-festa li ngħata l-isem ta' Minn Qalb l-Iljuni. Il-Banda ħarġet ukoll l-ewwel bandisti tal-post tagħha. Dawn kienu Rocco Zahra, Spiridione Camilleri, Alex Caruana, Johan Polidano, Felicienne Paris, Eman Camilleri u Vincent Mifsud.

Waslet ukoll dik il-ġurnata li l-banda l-ġdida tagħmel l-ewwel dehra tagħha. Kien il-Ħamis, 2 t’Awwissu 1990, it-Tieni Jum tat-Tridu tal-Festa ta’San Pietru, meta fit-8.00 pm is-Soċjetá’ Filarmonika Birżebbuga bdiet marċ minn Triq il-Borok. Il-marċ għadda minn diversi toroq sakemm il-banda daħlet f’Misraħ il-Knisja u baqgħet tiela sa fuq iż-żuntier, akkumpanjata minn folla kbira ta' partitarji.

Hemmhekk kien hemm jistenniha il-Kappillan Dun Ġużepp Farrugia li bierek il-Banda. Wara, l-banda daqqet ghall-ewwel darba l-Innu tagħha fil-pubbliku. F’dik il-festa il-Banda daqqet ukoll il-Ġimgħa, 3 ta’Awwissu 1990, is-Sibt 4 ta’Awwissu 1990, u l-Ħadd filgħodu sar għal l-ewwel darba il-Marċ il-Kbir ta' l-Iljun. Is-sena ta’ wara, is-Soċjetá reġet ħadet sehem bil-kbir fil-festa ta' San Pietru, fejn għall-ewwel darba sar ukoll Programm Mużikali fil-Bajja s-Sabiħa nħar is-Sibt 3 t’Awwissu 1991.

Sa mill-ewwel sena, il-Kumitat inkoraġġixxa it-twaqqif ta’diversi Sotto Kumitati biex bix-xogħol attribwit lilhom, ikunu ta' għajnuna lejn il-Kumitat Eżekuttiv. L-ewwel Sotto Kumitat kien dak taż-Żgħażagħ, li ġie mwaqqaf nħar il-Festa tal-Kattedra ta' San Pietru, 22 ta Frar 1990 u fis-sena 2000 is-Sotto Kumitat Żgħażagħ sar Seżżjoni Żgħażagħ Iljuni. Fil-25 ta’ Ġunju 1990 twaqqaf is-Sotto Kumitat Nisa li fis-sena 2000 huma saru magħrufa bħala Seżżjoni Nisa Petrini. Fl-4 ta’Settembru 1990 ġie ffurmat is-Sotto Kumitat tan-Nar bl-iskop li jieħu ħsieb il-ħruq tan-Nar li jkollna fil-festa ta’ San Pietru. Illum il-ġurnata nistgħu niftaħru li l-festa ħadet spinta l-quddiem f’dak li jirrigwarda n-Nar, speċjalment bl-ispettaklu tan-Nar ta' l-Art ta' lejliet il-festa. Fis-Sena 2000 l-isem inbidel għall-Kummissjoni Nar u fl-2004 l-isem sar Għaqda tan-Nar 22 ta’Frar.

Wara l-festa ta' l-1990, il-Kumitat għamel talba mal-Awtoritajiet ekklezjastiċi biex il-banda l-ġdida tkun tista tuża’ ukoll l-Istatwa ta’ San Pietru tal-Marċ tal-Ġimgħa, li hija propjeta’ tal-Parroċċa. Wara diversi laqgħat li rriżultaw fin-negattiv, is-Soċjetá’ ġiet imċaħda għall-dejjem, milli tagħmel marċ fl-aħħar Jum tat-Tridu bl-Istatwa ta’ San Pietru. Ma kienx fadal triq oħra ħlief li tiġi ordnata statwa ġdida ta’ San Pietru. Kien it-Tlieta, 6 ta Novembru 1990, meta ġiet ordnata Statwa ta’ San Pietru għand l-Iskultur famuż Kav. Alfred Camilleri Cauchi. Inħadem pedestall minn Alex Caruana u Joe Cutajar. L-istess persuni ħadmu wkoll il-bradella u l-kolonna biex fuqha tibda tittellgħa l-istatwa. L-istatwa li iżżanżnet nħar il-Ġimgħa, 2 t’ Awwissu 1991 meta nġiebet bil-baħar minn Marsaxlokk akkumpanjata minn għadd ta’ dgħajjes u tniżżlet Wied il-Buni. Wara saret manifestażżjoni grandjuza mat-toroq tar-raħal, sakemm l-istatwa ittellgħet fuq il-kolonna li kienet armat fil-bidu ta’ Triq Żaren Dalli. Mil-festa ta'l-1995 bdiet tintuża kolonna oħra li nħadmet mill-aħwa Joe, Angelo u Ray Cutajar. Mill-1996 din bdiet tintrama fil-bajja s-Sabiħa. Fl-1999 iżżanżnet bradella ġdida, li nħadmet minn Mastru Ġużeppi Galea ta’ Ħal Luqa. Għall festa ta' l-2003, l-Istatwa ta' San Pietru ġiet indurata mill-Kav. Alfred Camilleri Cauchi, fejn saret ukoll alterazzjoni fl-id ta’ l-Istatwa.

Is-Soċjetá’ Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuga A.D. 1990 għamlet diversi servizzi kemm f’Bir zebbuga kif ukoll barra mir-raħal. Bla dubju l-ikbar sehem dejjem ingħata fil-Festa Titulari ta’ San Pietru fejn mill-1990 sal-festa tas-sena l-oħra il-banda għamlet numru kbir ta’ servizzi. Barra minhekk ġew mistiedna diversi baned barranin. Il-Banda Birzebbuga ġiet mistiedna biex tagħmel servizzi f’diversi lokalitajiet differenti u dan juri li f’qasir żmien il-banda stabbilit isimha f’pajjiżna. Saru numru ta' servizzi oħra f’Birzebbuga f’okkażżjonijiet u avvenimenti differenti. Fost dawn insemmu il-Programm Mużikali Annwali “Mill-Bandisti għall-Membri” li ilu isir mill-1996. Is-Soċjetá’ għamlet ukoll servizzi barra minn xtutna meta waqt żjara ġewwa t-Tunezija saru servizzi mużikali fid-19, 20 u 21 ta' Marzu 2004.

Fl-okkażżjoni ta'l-10 Anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetá’ saru festi kbar sabiex jikkomemoraw din il-ġurnata memorabbli fejn il-qofol kien Programm Korali u Strumentali li sar nħar is-Sibt, 19 ta’ Frar 2000 fit-Teatru Sir Temi Zammit ta’ l-Universita’. Dakinhar il-Banda, li kienet taht id-Direzzjoni ta Mro Michael Bugelli daqqet ghall-ewwel darba l-Innu l-Kbir Tu Es Petrus.

Nhar is-Sibt 5 t’Awissu 2000 gie mzanzan plancier gdid tal-banda li gie regalat lis-Soċjetá mis-Sur Ronnie Galea. Dakinħar ġie esegwit fuqu Programm Korali u Strumentali f’Misraħ il-Knisja, fejn għall-ewwel darba indaqq l-Innu l-Kbir Tu Es Petrus ġewwa Birżebbuga. Fis-sena 2009 dan il-planċier għadda minn renovazzjoni estensiva biex ikun jista’ jakkomda aħjar lill-bandisti, lis-surmast, u l-Kor Xmun Pietru, li twaqqaf f’Jannar tal-2006 taht id-direżżjoni tal- Mro. Felicienne Paris B.Ed (Hons), L.Mus. T.C.L., A.Mus. L.C.M.

Kif qed naraw, is-Soċjetá bdiet tikber b’ritmu tassew mgħaġġel , u kull ma' jmur bdiet tinħass il-ħtieġa ta’ każin akbar. Għalhekk , bl-approvazzjoni tal-membri, fl-1991, bdew il-proċeduri biex il-Kumitat iffittex post li seta jservi bħala Każin. Kien hemm diversi proposti iżda l-Kumitat tefa’ għajnejħ fuq il-fond 11/12 Triq Birżebbuga, it-triq prinċipali li mill-Bajja s-Sabiħa twasslek sa Misraħ il-Knisja. Wara ħafna xogħol u riċerki, intlaħaq ftehim ma’ sid il-post u nħar is-16 ta’ Mejju 1992, gie ffirmat il-konvenju. Fl-Laqgħa Ġenerali Straordinarja li nżammet nħar il-Ħadd 24 ta’ Mejju 1992, il-membri approvaw b’mod unanimu ix-xiri tal-post u kollox ġie ffinalizzat nħar il-15 ta’ Settembru 1992 meta dakinħar ġie ffirmat il-Kuntratt. ċ Kif il-Kumitat akkwista ċ-ċwievet tal-post bdew il-pjanijiet kif il-post seta jiġi alterat u rikostruwit biex jinagħta statura ta’ każin tal-banda. Iżda nħar it-8 ta’ Novembru 1992 Sunny Bonnici (ta’ Farfar) u Peter Camilleri (il-Pajju), issuġġerew li l-aħjar ħaġa kienet li l-post jinħatt kompletament u jiġi ppjanat mill-ġdid, u fil-fatt hekk ġie deċiż. Fil-kesħa ta' Diċembru 1992 il-post beda jinħatt. Kienu ġranet u ljieli ta’ sagriffiċċji kbar fl-eqqel tax-xitwa. Kif kien komplut it-twaqqieħ, nħar is-27 ta’ Marzu 1993 beda jinbena l-Każin il-ġdid mill-pedamenti. Ix-xogħol sar taħt supervizjoni ta’ l-Onorevoli Perit Karmenu Vella u l-Perit Michael Schembri., filwaqt li x-xogħol tal-bini kien immexxi minn Sunny Bonnici, Peter Camilleri, Victor Schembri u Pietru Camilleri (is-Sigarr). Dawn ta' kuljum kienu jkunu mgħejjuna minn għadd ta' volontiera, ħafna minnhom żgħażagħ. Il-Kumitat ma waqafx hawn u fit-22 ta’ Novembru 1994, giet akkwistata bicca propjeta ohra, ir-remissa li hemm biswit il-Kazin. Din ir-remissa giet imhallsa kompletament f’Dicembru 1999. Ic-cwievet tar-remissa gew moghddija lis-Soċjetá’ nħar is-17 t’Awwissu 2004 u fil-Milied ta' l-2004, itellgħet wirja ta' presepju mekkanizzat ġewwa r-remissa, wirja li baqgħet tittellgħa kull Milied sussegwenti.

Meta kollox kien lest biex is-Soċjetá’ tibdel is-Sede tagħha, nħar is-17 ta’April 1996 is-Soċjetá’ imxiet fil-Każin il-ġdid li ngħata l-isem ta’ Ġawhra ta' San Pietru. Fit-2 ta’Awwissu 1997 tqiegħdet simbolikament l-aħħar ħebla tal-Każin mil-President is-Sur Anthony Camilleri. L-għada, qabel il-marċ ta’ filgħodu, l-istess President tella’ għall-ewwel darba bandiera Maltija ma’ l-arblu tal-każin. Fis-16 ta’ Settembru 1997 saru festi kbar biex nikkomemoraw il-ġurnata li fiha il-Każin sar propjeta tas-Soċjetá’ u ġie kkonsagrat għall-Qalb ta’ Ġesu u ta’ Marija.

Ix-xogħol fil-każin ma' waqaf qatt u fis-7 t’April 2000 tlesta it-tqegħid tal-granit fit-taraġ u sar poġġaman tal-ferrobattuto. Saru diversi xogħolijiet oħra ta’ tisbieħ bħal suffetti, purtieri u għamara. Ftit ġimgħat qabel il-Festa ta' l-2002 ġie mwaħħal il-bieb prinċipali tal-Każin u nħar il-Ħadd, 28 ta' Lulju 2002, il-President is-Sur Simon Micallef tella għall-ewwel darba il-bandiera l-maġġura ma' l-arblu tal-każin. F’Ottubru ta’ l-2003 ġew mibdula is-sitt bibien tal-faċċata li saru ta'l-eroko. Nħar il-Ħadd, 25 ta' Lulju 2004, Is-Sur Simon Micallef President tas-Soċjetá’, flimkien mas-Sur Robert Baldacchino, President tas-Seżżjoni Żgħażagh Iljuni, inawguraw il-faċċata tal-Każin wara li din ħiet dekorata bl-irħam u b’żewġ kolonni taz-zonqor, xogħol tal-marmista Ronnie Pisani. Din il-faċċata ġiet iffinanzjata mis-Sezzjoni Żgħażagħ iljuni. Din is-sena kienet ukoll l-ewwel sena li fiha bdiet tiġi ċċelebrata l-Ġimgha Mqaddsa fil-każin tagħna, bl-għajnuna ta’ bosta voluntiera.

Pass iehor storiku seħħ nħar il-Ġimgħa, 30 ta’ Lulju 2004, meta l-uffiċċjali tal-Każin li kienu jokkupaw il-kariga dak iż-żmien, is-Sur Simon Micallef – President, is-Sur Johan Briffa - Segretarju u s-Sur Walter Pace - Kaxxier, għamlu l-konvenju li permezz tiegħu is-Soċjetá’ akkwistat l-ispiżerija ta’ maġenb il-każin.

Is-sena 2005 rat is-Soċjetá’ tikseb suċċessi fejn jidħol tiżjin tal-Milied – it-tieni post minn Malta kollha fil-kompetizzjoni tal-Presepji kif ukoll għat-Tizjin tat-Triq. Il-banda wkoll kellha sena ta’ suċċess – il-banda tas-Soċjetá’ rebħet il-Gara Mużikali tas-sena 2005, bil-ħila u l-kapaċita’ tal-bandisti tal-post – ħolma oħra li saret realta’ wara ħafna snin ta’ hidma. Dan is-suċċess ġie ċċelebrat bi programm mużikali fit-22 ta’ Frar tas-sena ta’ wara, fis-sala tal-iskola primarja ta’ Birżebbuga, u għalih attendew il-Kumitat Amministrattiv tal-Malta Band Association kif ukoll għaqdiet oħra mir-raħal u minn irħula oħra.

Fil-Laqgħa Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2005, il-maġġoranza tal-membri qablu li jkomplu in-negozjati biex tinxtara il-propjeta’ biswit il-każin. Fi Frar 2006 tlestew il-pjanti tal-każin biex tiħi sottomessa l-applikazzjoni lill-MEPA biex nirregolarizzaw il-propjeta’ tal-każin. U fl-aħħar wasal is-26 ta’ Mejju; u s-Soċjetá’ uffiċċjalment akkwistat ispizerija. Twaqqfet l-iskema Tkabbir tal-Każin – bl-għan li l-membri joffru għajnuna finanzjarja fit-tkabbir tal-każin.

Mbaghad fis-sena 2006 bdiet iniżjattiva oħra – fil-Karnival is-Soċjetá’ tagħna bdiet tieħu ħsieb li torganizza attivita’ biex ir-raħal kollu jiċċelebra din l-okkazjoni – sar daqq ta’ marċi minn ħdejn il-venda sa ħdejn il-każin, mbagħad wara ttellgħet serata ta’ żfin u divertiment. Għal Ġimgħa 6 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, għal-ewwel darba l-Għaqda 22 ta’ Frar ħadet ħsieb li tipprepara spettaklu sabiħ ta’ nar bl-isem is-Sema mimlija bil-Kuluri, bl-għajnuna tas-Sur Godfrey Zammit il-Lupsi, liema spettaklu ttella’ minn fuq il-Bajja s-Sabiħa dakinħar li San Pietru ġie miġjub minn fuq il-baħar. L-aħwa Anġlu u Raymond Cutajar ħadu ħsiebu li jlestu u jippreparaw il-kolonna li fuqha tintrama l-istatwa artistika ta’ San Pietru li tiġi armata quddiem l-għassa tar-raħal.

Din is-sena rat progress kbir fejn jidħol komunikażżjoni. F’din is-sena l-Bord Editorjali beda jieħu ħsieb li jippublika newsletter bl-għan li jżomm lill-Birżebbugin infurmati b’dak li kien qed jiġri fis-Soċjetá’, publikażżjoni li niżlet tajjeb ħafna man-nies tal-lokal. Dan ovvjament minbarra l-publikażżjonijiet li l-Bord joħroħ ta’ kull sena, bħal ma huma l-kalendarju u l-ktieb tal-festa.

Is-sena 2007 kienet is-sena li fih l-E.T Mons. Arċisqof Patri Pawl Cremona OP għoġbu jagħmel żjara ġewwa s-sede tagħna li saret fis-27 ta’ Lulju, 2007. liema żjara ġiet akkumpanjata minn ħafna entużażzmu min-nies, li ltaqgħu kollha fit-toroq biex jilqgħu lill-Eċċellenża tiegħu.

L-2008 rat proċċess ta’ manutenzjoni fit-tielet sular tal-każin, fejn intrama arkivju temporanju fis-sala tal-kunċerti biex b’hekk il-mużika issa hija kollha merfugħa fis-sede tagħna. Intramat b’għamara moderna wkoll il-kamra tas-segretarju. Din is-sena wkoll inħasset il-ħtieġa li jinbidel l-arblu l-maġġur u għalhekk bidet ħidma fuq l-arblu l-ġdid, liema arblu ġie iffinanzjat mill-Onor. Dr. Marlene Pullicino. Nħar il-Ħadd 20 ta’Lulju 2008, dan l-arblu sab postu fuq il-bejt tas-Soċjetá’, fost ħafna ċapċip u entużjazmu.

Is-sena 2009 hija mmarkata mill-anniversarju tal-miġja tal-vara ta’ San Pietru f’Malta. Anniversarju li ser jingħata l-prominenza li jixraqlu, b’ħafna sorprizi għal festa ta’ din is-sena, fosthom l-Innu ġdid. B’hekk barra l-Innu Popolari tas-surmast Carmelo Pace, is-Soċjeta’ issa se jkollha innu popolari ieħor kollu kemm hu tagħha, l-innu Nħobbuk bħalma niesna ħabbewk’; b’muŻika ta’ Mro. Raymond Sciberras F.L.C.M, u versi tal-Professur Oliver Friggieri. Minn naħa l-oħra din is-sena saru wkoll alterażżjonijiet sinifikanti fil-planċier, biex issa sar iktar denju ta’ Soċjetá’ li qiegħda dejjem tikber.

Hawnhekk tajna ħarsa biss lejn l-iktar mumenti sinifikanti tas-Soċjetá’. Ma ninsewx ix-xogħol bla waqfien li jibqa’ għaddej matul sena, u li jsir kull sena; l-attivitajiet li jieħdu ħsieb jorganizzaw il-Kummissjonijiet (kemm bħala ġbir ta’ fondi, kif ukoll l-attivitajiet tal-Milied, tal-Karnival eċċ), il-publikażżjonijiet kollha tal-Bord, is-sagriffiċju li l-Għaqda 22 ta’ Frar tagħmel matul is-sena, ix-xogħol kontinwu tal-Kumitat – barra x-xogħol fiżiku u l-ħin li dan iqatta’ ġewwa l-każin, ma ninsewx il-laqgħat u diskussjonijiet twal li jsiru – dejjem bil-għan li s-Soċjetá’ tagħna tkompli tagħmel il-progress. Barra minn dan-nies kollha, hemm dawk il-membri u persuni li jagħtu daqqa t’id kull meta jkun hemm bżonn, u ovvjament, ma' nistgħux ma' napprezzawx il-kontribużżjonijet finanzjarji, li sfortunatament huma importantissimi għal każin.

Iżda ikun żbaljat min jaħseb li forsi lħaqna s-sema b’idejna! It-triq quddiemna hija twila, u x-xogħol huwa iebes. Iżda il-futur għall-din il-Banda huwa wieħed sabiħ u f'ċert. Xhieda ta’ dan huwa n-numru sabiħ ta żgħażagħh li jiffrekwentaw il-każin u jgħinu lis-Soċjetá. Iżda bla dubju ta' xejn, is-suċċess enormi li kisbet is-Soċjetá’ Filarmonika San Pietru Banda Birzebbuga A.D. 1990 tul dawn is-snin, tafhom lid-diversi benefatturi u volontiera li taw sehmhom f’din il-miexja glorjuza. Minn qalbna – grazzi.

Organisation

Band Masters

No Band Master From Until
01 Michael Bugelli A.T.C.L. 1990

Presidents

No Presidents From Until
01 Anthony Camilleri 1990 1999
02 Simon Micallef 1999 2005
03 Jason Vella 2005 2013
04 Emanuel Zammit 2013 2014
05 Chev.Alex Caruana 2014

Secretaries

Treasurers

Band Commissions

Band Activities Overseas

Historical Events in which the Band participated

Song Festivals, Events or Drama Activies

Annual Concerts

Annual Musical Activities

Recorded releases (LPs, Cassettes and CDs)

Cassettes

No Name of Cassettes Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijjużi Mis-Soċjeta Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa (1990) (Vol.1) 1990 *
02 Festive Marches - Marċi Brijjużi Mis-Soċjeta Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa (1992) (Vol.2) 1992 *
03 Festive Marches - Marċi Brijjużi Mis-Soċjeta Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa (1994) (Vol.3) 1994 *
04 Festive Marches - Marċi Brijjużi Mis-Soċjeta Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa (1996) (Vol.4) 1996 *
05 Festive Marches - Marċi Brijjużi Mis-Soċjeta Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa (1998) (Vol.5) 1998 *
06 Festive Marches - Marċi Brijjużi Mis-Soċjeta Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa (2000) (Vol.6) 2000 *

Cd's

No Name of Cd's Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Mis-Soċjeta Filarmonika San Pietru Birżebbuġa (2002) (Vol.7) 2002 *
02 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Mis-Soċjeta Filarmonika San Pietru Birżebbuġa (2004) (Vol.8) 2004 *

Programmes and Publications

Memorials

External links