Għaqda Mużikali Madonna tad-Duttrina Ħal Tarxien

From M3P
Jump to navigation Jump to search
STUB

This page is a stub

Stub pages are like acorns. The first seed has been planted, but you can help them grow! There may, for example, also be other M3P resources linking to it. You can help by expanding this page.

Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Lis-Storja tal-Għaqda Mużikali Madonna tad-Duttrina Ħal Tarxien

Il-Bidu

Fis-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, il-festa tal-Madonna tad-Duttrina reġgħet sabet saqajha. Dan wara r-rinaxximent li kienet għaddiet minnu fis-snin sebgħin. Sa dak iż-żmien kollox kien miġbur taħt il-kappa tal-Fratellanza iżda kulma jmur beda jinħass il-bżonn li jkun hemm xi forma ta’ organizzazzjoni li tiffoka fuq il-festa esterna biss. Ġara li fl-1996 Twanny Dalli u Joe Schembri krew ir-remissa Nru.64 fi Triq il-kbira biex fiha jkun jista’ jibda jinħadem xi xogħol għall-festa u b’hekk issa li d-Duttrinisti kellhom post fejn jiltaqgħu, it-twaqqif ta’ xi forma t’organizazzjoni sar aktar possibbli.

Kien proprju fil-laqgħa tal-Fratellanza tat-28 ta’ Novembru tal-1996 li John Massa ppropona li jitwaqqaf kumitat li jieħu ħsieb il-festa ta’ barra. Ma’ din il-proposta kien hemm qbil unanimu u din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ nhar l-10 ta’ Jannar 1997, meta saret l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Festa Esterna Madonna tad-Duttrina fir-remissa ta’ Triq il-Kbira li bdiet tissejjaħ maħżen. Kif kien xieraq, il-laqgħa bdiet b’diskors mis-Segretarju tal-Fratellanza - Karmenu Massa, li spjega l-għanijiet li għalihom kien qed jitwaqqaf il-kumitat. Dritt warajh tkellem Renzo Gauci li ppropona li l-kumitat ikun taħt is-sorveljanza tal-Fratellanza, iżda waqt li l-membri (li kienu kollha fratelli) qablu li jkun hemm koperazzjoni sħiħa mal-Fratellanza, m’aċċettawx li l-kumitat ikun jirrispondi għaliha. Dan jikkonferma li s-Soċjeta’ tagħna hija wild dirett tal-Fratellanza iżda sa minn twelidha kienet indipendenti minnha. Imbagħad inħatru l-uffiċjali u twaqqfet kummissjoni temporanja biex tħejji statut u l-kummissjonijiet permanenti tal-banda, n-nar u l-armar.

Il-kumitat beda jitlaqqa’ spiss, fil-fatt ġimgħa wara saret laqgħa oħra li din id-darba kien preżenti għaliha l-Kappillan Dun Karm Mercieca li attenda wkoll xi ftit laqgħat oħra wara. Dan sar peress li l-kumitat ried isib soluzzjoni għall-kwistjonijiet li sena wara l-oħra kienu qed jinqalgħu dwar is-sehem tal-banda tal-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata Ħal Tarxien A.D. 1862 fil-festa tagħna, u l-Kappillan kien qed jipprova jservi ta’ medjatur bejn iż-żewġ naħat. Is-soluzzjoni mixtieqa nstabet ftit wara l-festa ta’ dik is-sena meta ġie deċiż li l-kumitat seta’ jibda jġib il-banda li jixtieq. Minbarra din il-kwistjoni, il-kumitat sa mill-bidu kien impenjat li jniedi proġetti ġodda għall-festa. Fil-fatt, l-ewwel proġett li daħal għalih kien l-istatwa tal-Madonna tad-Duttrina u l-kolonna tagħha li llum tittella’ f’nofs Misraħ ir-Repubblika. Wara l-festa ta’ dik is-sena l-kumitat ikkummissjona innu marċ ġdid u għal wieħed saru tnejn; wieħed b’mużika ta’ Mro. Paul Portelli u ieħor b’mużika ta’ Mro. Ugo Buhagiar. Fost il-proġetti li daħal għalihom il-kumitat fl-ewwel snin tiegħu ta’ min insemmi l-pavaljuni ġodda li saru għal Vjal Simmons u Triq Birżebbuġa, l-istendard tal-marċ u l-armar ta’ parti minn Triq il-Kbira għall-Milied. Ma’ dawn żdiedu wkoll bosta inizjattivi bl-iskop ta’ ġbir ta’ fondi.

Il-progress beda jinħass ġmielu u miegħu beda jġib ħtiġijiet ġodda. Insibu kif fil-laqgħa tal-15 ta’ Frar 1999 issemmiet għall-ewwel darba l-idea li jsir każin. F’dik il-laqgħa ġiet maħtura kummissjoni għal dan il-għan. Din kienet biċċa xogħol diffiċli ħafna għax ma kienx hemm flus kbar imġemmgħin, għalhekk biex isir dan il-pass ried bilfors jinstab xi ħadd li jagħmel tajjeb. Kien hemm diversi postijiet li l-kumitat kien tefa’ għajnejh fuqhom iżda minħabba n-nuqqas ta’ finanzi u l-bsaten fir-roti, din ix-xewqa kellha ddum erba’ snin biex timmaterjalizza. Fil-laqgħa tal-1 ta’ Settembru 1999 tressqet il-proposta li l-kumitat jinbidel f’soċjetà, iżda dan il-pass ukoll kellu jistenna sakemm jinstab sit xieraq li kellu jservi ta’ każin. Sadanittant, il-kumitat beda jħoss li biex iwettaq dan kollu, kellu bżonn aktar persuni ta’ stoffa li setgħu jagħtu gwida tajba dwar kif għandhom isiru dawn l-affarijiet. Kien Ġużeppi Agius stess (l-ewwel President) li fis-26 ta’ Settembru 2001 innomina lil Ġużi Barbara biex joħodlu postu f’din il-kariga.

Ix-xewqa tal-każin kellha tibda timmaterjalizza ftit aktar minn sena wara. Meta Martin Agius waqt li nzerta għaddej mill-pjazza ra raġel iwaħħal tabella għall-bejgħ mal-post ta’ Karmni taz-Zakak. Kif ra hekk, baqa’ sejjer il-maħżen fejn sab lil Twanny Dalli u qallu b’kollox. Dawn ma ħasbuhiex darbtejn u dak il-ħin stess marru fuqhu u qalulu biex jaqla’ t-tabella għax il-post kienu se jixtruh huma. Dan wassal biex fil-5 ta’ Marzu 2003 il-kumitat beda bit-tħejjijiet għal statut ġdid biex seta’ jieħu l-forma ta’ Soċjetà waqt li xahar wara nħatret kummissjoni biex tieħu ħsieb ix-xiri, it-twaqqigħ u l-bini tal-każin. Eventwalment, l-istatut il-ġdid ġie approvat fis-27 ta’ Novembru 2003 meta x-xogħol fuq il-każin kien għadu fl-ewwel fażi tiegħu.

Il-Bini tal-Każin

Il-ħolma li jsir Il-każin hemm kienet sa mill-bidu, il-ħeġġa wkoll, iżda finanzi ma kienx hemm. Aktar u Aktar meta tqis li kumitat beda jħares lejn proprjetà li bilfors kellha titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid. Iżda l-pożizzjoni fejn tinsab – eżatt bi dritt il-bieb maġġur tal-knisja Parrokkjali, wasslet lill-kumitat biex iqawwi qalbu quddiem dawn l-isfidi. Dwar l-ispiża kapitali għax-xiri intlaħaq ftehim ma’ Martin Agius li jixtri l-post hu, imbagħad il-kumitat iħallsu ftit ftit u hekk jerġa’ jixtrih mingħandu. Il-konvenju sar fid-29 t’Awwissu 2003 waqt li l-kuntratt finali ġie ffirmat fit- 30 ta’ Mejju 2004. Minn hemm bdiet il-ħidma fuq il-pjanti u l-permessi biex il-proġett tat-twaqqigħ u l-bini seta’ jibda mill-aktar fis. Il-kumitat qabbad lill-perit Robert Borg Hayman biex iħejji d-disinji meħtieġa waqt li l-membri kkommettew ruħhom li x-xogħol kollu jagħmluh huma b’mod volontarju.

Ix-xogħol tat-twaqqigħ tal-post l-antik inbeda fis-6 t’Ottubru 2004 mill-kuntrattur Vella Group Ltd li għamel din il-biċċa xogħol metikoluża mingħajr ħlas. Il-bini nnifsu malajr beda tiela’ u hawn dehret id-dedikazzjoni tal-membri li volontarjament kienu jiltaqgħu kuljum wara l-ħin tax-xogħol u fi tmiem il-ġimgħa biex jibnu l-każin. Il-bennej responsabbli kien Joe Massa li ħadem ukoll il-ġmiel ta’ lavur u skultura li żżejjen il-faċċata. Kif kien xieraq l-ewwel ġebla poġġiha hu fit-28 ta’ Diċembru 2004. L-entużjażmu ġab miegħu aktar ħidma, hekk li sa Mejju 2005 l-ewwel sular kien lest mill-bini biex jinfetaħ il-bar għall-pubbliku. Iżda, kien jonqos il-permessi biex il-post seta’ jopera bħala każin bil-bar parti minnu. Peress li kienet riesqa l-festa titulari, il-pulizija bdew ikaxkru saqajhom biex joħorġu l-permessi minħabba l-biża’ li seta’ jinqala’ l-inkwiet. Iżda, l-kumitat kien determinat li l-Ħadd 22 ta’ Mejju l-bar tal-każin ikun miftuħ għall-pubbliku. Ġara li l-Ħadd u t-Tnejn il-każin infetaħ bla problemi iżda kien hawn min telagħlu d-deni u mar jagħmel il-ħsara mal-awtoritajiet, hekk li t-Tlieta 24 ta’ Mejju tard filgħaxija ġew il-pulizija u ordnaw li jingħalaq il-każin. Wieħed jista’ biss jimmaġina r-reazzjoni ta’ dak il-ħin, iżda fortunatment din ir-reazzjoni ma ssarfitx fi ġlied kif wieħed kien jistenna, iżda ssarfet f’ħidma kbira b’kull mezz possibbli biex sal-Ħamis fl-4.00pm il-permessi kienu kollha f’posthom u l-każin reġa’ nfetaħ b’sodisfazzjon akbar minn qabel.

Wara l-festa tal-2005 tkompla x-xogħol fuq it-tieni sular li kien komplut bis-servizzi, kisi, madum u aperturi sar-rebbiegħa tal-2006 hekk li sal-festa tal-istess sena, ix-xogħol fuq it-tielet sular kien diġa’ mexa ġmielu u kien lest sa tmiem l-istess sena. Meta nbnew is-sulari ta’ fuq, il-bini seta’ jibda jservi l-iskop ta’ każin li sar għalih. Fil-fatt mit-23 ta’ Ġunju 2006 ‘il quddiem, il-laqgħat ma baqgħux isiru fil-maħżen ta’ Triq il-Kbira iżda fil-każin. Għal xi żmien wara li tlesta t-tielet sular, ix-xogħol tal-kostruzzjoni waqaf iżda kompla x-xogħol fuq it-tagħmir tal-każin fuq ġewwa li wkoll kien jirrikjedi ħafna spejjeż. Fis-sena 2009, il-kumitat avviċina lil Renzo Gauci biex iħejji abbozz għall-istatwa tal-Madonna tad-Duttrina li kellha titpoġġa fil-faċċata tal-każin. L-istatwa ġiet maħduma fl-irħam Eġizzjan għand il-fabbrika Stoneking Sculpture taċ-Ċina. Din waslet Malta fid-29 ta’ Settembru 2011. L-aħħar biċċa xogħol li tlestiet kienet il-frontispizju li nħadem minn Joe Massa u sab postu jinkuruna l-faċċata tal-każin fl-2012. B’hekk il-faċċata kienet lesta biex tiġi inawgurata, kif fil-fatt sar nhar il-Ħamis 5 ta’ Lulju 2012 waqt programm mużikali mtella’ għall-okkażjoni bis-sehem tal-Banda tas-Soċjeta Mużikali Banda Marija Reġina ta il-Marsa. Sadanittant, fl-2007 meta s-Soċjetà bdiet tirkupra daqsxejn mill-ispejjeż tal-każin, Michael Cauchi ċ-Ċikli ressaq proposta lill-kumitat biex jinxtara maħżen kbir bi prezz tajjeb li hu u żewġ ħutu kellhom fi Triq Santa Marija. Il-problema tal-irfigħ tal-armar imxerred fid-djar tal-membri kienet ilha tinħass imma, dan il-pass xejn ma kien faċli għax finanzi għal spiża kapitali oħra ma kienx hemm, iżda b’kompromess dwar il-metodu tal-ħlas mal-aħwa Cauchi, li tassew riedu jgħinu lis-Soċjetà, il-kumitat wasal biex aċċetta li jidħol għal dan ix-xiri. Il-kuntratt sar fis-27 ta’ Novembru 2007 u hekk ġiet solvuta waħda mill-akbar problemi li kienet ilha tkarkar snin.

Is-Sezzjoni Armar

Meta ssemmi s-Soċjetà tagħna ma tistax ma ssemmix il-festa tal-Madonna tad-Duttrina, li b’unur iġġib isimHa u hija l-iskop li għalih twaqqfet. Għaldaqstant, ma setax ikun li s-Soċjetà twettaq din il-ħidma kollha iżda tabbanduna l-festa. Bis-saħħa tax-xiri tal-maħżen, setgħet tingħata spinta lill-armar li f’dawk is-snin kien iffukat biss fuq il-ħjata tal-pavaljuni peress li ma kienx hemm fejn jintrefa’ armar ikbar. Appena nfetaħ il-maħżen inbeda proġett ta’ sitt kolonni u sitt statwi ta’ Renzo Gauci għa-zuntier. Dan il-proġett ġie miġbur kollu minn Frans Dalli u beda jinħasad il-frott tiegħu fl-2010 meta żżanżnu l-anġli bil-kolonni tagħhom.

Il-fatt li fl-2011 in-nar tal-art beda jinħaraq fi Triq Palma kompla żied il-bżonn li din it-triq tkun armata sew. Għaldaqstant, dik is-sena nbeda proġett li kien jikkonsisti f’arbli, fustumi, liedna u bandalori ġodda għal din it-triq. Dawn il-bandalori bħall-bqija tad-drapp l-ieħor sa dak iż-żmien, saru fuq disinn ta’ Renzo Gauci u ħjata ta’ Twanny Agius. Kien fis-sena 2012 meta s-sezzjonijiet tal-armar u taż-żgħażagħ ingħaqdu biex inbeda x-xogħol fuq il-pavaljuni ta’ Triq Birbixkilla li għall-ewwel darba saru fuq disinn ta’ persuna mhux mir-raħal – Jremy Cachia min Iż-Żurrieq. Ix-xogħol ta’ dan l-artist tant intgħoġob li fl-2016 ġie kkummissjonat id-disinn tal-pavaljun ta’ Triq Palma u l-kolonni tal-anġli ta’ taħt il-kuruna. Mill-banda l-oħra fl-istess żmien Renzo Gauci ġie fdat b’disinn ġdid għall-pavaljuni ta’ Triq il-Kbira. Sfortunatament dan, kellu jkun l-aħħar disinn ta’ Renzo għall-festa tagħna qabel ħalliena.

Minbarra x-xogħol fuq l-armar innifsu u t-tiżjin tar-raħal fil-jiem ta’ qabel il-festa, din is-sezzjoni spiss ġiet mistiedna f’attivitajiet fuq skala Nazzjonali u oħrajn iżgħar li fihom irrapreżentat lis-Soċjetà u lil Ħal Tarxien. Fost dawn insibu li n-Notte Bianca fil-Belt Valletta, Lejl f’Casal Fornaro Ħal Qormi, Epoka f’Ħal Tarxien, Il-Festi Vetrina tagħna l-Maltin f’Montecristo u wirjiet f’każini ta’ soċjetajiet oħra.

Is-Sezzjoni Nar

Jekk hawn ħaġa li s-Soċjeta u l-festa tagħna huma magħrufin għaliha, bla dubju hija n-nar. Matul is-snin li fihom kien qed jinbena l-każin, il-membri ta’ din is-sezzjoni kienu kollha nvoluti. Mdankollu, xorta baqgħu impenjati bil-produzzjoni tan-nar għall-festa tagħna u festi oħra. Barra minn hekk, fl-2007 sar għall-ewwel darba l-Festival tal-logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat fuq il-fosos tal-Furjana u din is-sezzjoni ħadet sehem fih biex hekk kienet l-unika waħda li rrapreżentat lil Ħal Tarxien. Dan baqgħet tagħmlu sena wara l-oħra sakemm fl-2009 rebħet il-kategorija tal-oriġinalità u hekk inkiseb l-ewwel unur fil-qasam tal-pirotekniku għar-raħal tagħna.

Peress li s-Soċjetà tagħna m’għandhiex kamra tan-nar tagħha, il-membri dejjem kellhom jaħdmu fi kmamar tan-nar ta’ rħula oħra. Fost dawn insemmi tal-Unjoni ta’ Ħal luqa u ta’ L-Imqabba li, kienet splodiet f’April tal-2004 bil-konsegwenza li f’xahrejn kellu jerġa’ jinħadem in-nar kollu tal-festa waqt li kienu għaddejin il-preparamenti għall-bini tal-każin. Illum il-ġurnata n-nar jinħadem fil-Kamra tan-Nar 25 ta’ Novembru taż-Żejtun. Ġara li f’Mejju tal-2010 seħħ inċident fil-post tan-nar taż-Żejtun li ħalla vittma lil Ġanni Abela, licencee tal-istess kamra. Dan wassal biex dik is-sena l-festa saret bla nar. Din il-waqfa ġabet magħha bidu ġdid, hekk kif mis-sena 2011 in-nar tal-art ma baqax jinħaraq fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja fejn kien ilu jsir għal aktar minn mitt sena, iżda beda jinħaraq f’tarf Triq Palma. Dan il-pass ġab miegħu sfidi u opprtunitajiet ġodda għaliex il-wisa’ kbira ta’ dak il-post daqskemm kienet ta’ sfida biex timliha kienet ukoll ta’ opprtunità għal ħolqien ta’ ideat ġodda. Fil-fatt fl-2013 saret ferrovija taħdem bin-nar u li permezz tagħha nġieb unur mill-Malta records. Sentejn wara reġa’ nkiser rekord ieħor, din id-darba bl-akbar dragster li jaħdem bin-nar. Hekk is-suċċessi baqgħu jinbnew wieħed fuq l-ieħor.

Mas-suċċessi kien hemm ukoll xi dispjaċiri. Fl-2017 il-festa kienet qed issir b’mod normali għalkemm ġimgħa tard aktar mis-soltu. Dik kienet l-aħħar sena li l-ispettakli tan-nar tal-art u tal-ajru saru nhar il-festa u kollox kien għaddej bħas-soltu sakemm dar ir-riħ u l-ġamar tan-nar beda jaqa’ fuq it-tiben tar-razzett li hemm fit-Triq tal-Gudja. Dan wassal għal ħuġġieġa kbira li kkawżat ħsarat kbar. Fortunatament, dakinhar ma’ weġġa’ ħadd, però s-Soċjetà tressqet il-qorti minkejja li kien hemm l-insurance u kollox skont il-liġi. Il-kawża damet għaddejja sentejn sakemm inqatgħet kontra s-Soċjetà f’Novembru tal-2019 u hekk kellha tħallas id-danni kollha.

Is-Sezzjoni Żgħażagħ u Partitarji

Fl-2002 xi żgħażagħ li kienu jiffrekwentaw il-maħżen talbu lill-kumitat ċentrali biex iwaqqaf sezzjoni għalihom ħalli l-ħidma li diġa’ kienu qed jagħmlu ssir aktar strutturata. Din it-talba ma damitx ma ntlaqgħet u O’Ryan Agius inħatar l-ewwel segretarju ta’ din is-sezzjoni li kien jirrapreżentaha fil-kumitat ċentrali. Sa mit-twaqqif tagħha s-Sezzjoni Żgħażagħ kienet l-organizzatur ewlieni tal-attivitajiet li jżommu lis-Soċjetà ħajja s-sena kollha. Minbarra l-ikliet, il-ħarġiet kulturali, il-bejgħ ta’ affarijiet, il-wirjiet, is-serati tal-għana eċċ... tul is-snin iż-żagħagħ ħarġu b’diversi inizjattivi relatati mal-promozzjoni tal-festa waqt li taw kull għajnuna possibbli lis-sezzjonijiet l-oħra. Ma setax jonqos li l-organizazzjoni tal-briju fil-festa sar wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ din is-sezzjoni. Dan għamlitu b’metodi differenti, fosthom b’sorpriża waqt il-marċ, ħruġ ta’ cd’s bil-marċi u merchandising tal-festa modern minn żmien għal żmien. Fost l-aktar inizjattivi li baqgħet tissemma’ kienet is-cd b’kanzunetti Duttrinisti li saret fl-2008. Għal din is-cd kienu nkitbu kanzunetti oriġinali minn Joe Julian Farrugia fuq mużika oriġinali ta’ Andrew Zammit waqt li l-kant sar minn Gabriella Massa, li kienet membru tal-istess sezzjoni. Suċċess ieħor inkiseb minn din is-sezzjoni fl-2014 meta ħadet sehem f’attività tal-Malta Records fejn kisbet rekord Nazzjonali tal-akbar kollezzjoni ta’ għodda antika tal-piroteknika u kklasifikat fit-tielet post għall-isbaħ preżentazzjoni li kienet għamlet dakinhar.

Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, il-qasam taż-żgħażagħ beda jingħata importanza fuq bażi nazzjonali. Għalhekk bdew jiżdiedu d-drabi li fihom din is-sezzjoni rrapreżentat lis-Soċjetà f’laqgħat, attivitajiet u working groups differenti. Fost dawn insibu li bejn l-2009 u l-2011 żewġ membri ta’ din is-sezzjoni kienu jirrapreżentawha fil-Kummissjoni Parrokkjali Żgħażagħ. Barra minn hekk, din is-sezzjoni bdiet tieħu diversi inizjattivi filantropiċi bħalma huma l-ġbir ta’ donazzjonijiet għall-Istrina u għal dawk il-membri li jisfaw fil-bżonn, ġbir ta’ oġġetti għat-tfal tal-istituti u s-sehem f’attivitajiet Nazzjonali bħalma huma l-fun run tal-President.

Ma setax jonqos li matul dawn l-għoxrin sena kemm ilha mwaqqfa, din is-sezzjoni għaddiet mit-tlajja’ u l-inżul tagħha. Hekk insibu li min-numru żgħir ta’ seba’ membri li bdiet bih, fl-2009 kibret tant li nħass il-bżonn li titwaqqaf il-fergħa tal-partitarji bl-iskop li tinkludi dawk il-persuni li bdew juru interess fil-ħidma tagħha iżda kien għad ma kellhomx l-età biex jissieħbu fiha. Dan wassal biex din is-sezzjoni bdiet toffri formazzjoni lill-istess żgħażagħ u adoloxxenti membri fiha u hekk swiet ta’ ġid għall-membri nfushom u għas-Soċjetà. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li nofs il-kumitat ċentrali, llum huwa magħmul minn membri li trawmu f’din is-sezzjoni. Iżda, minħabba l-fatt li mis-Sezzjoni Żgħażagħ ħarġu daqstant nies validi, ġie żmien ukoll meta n-numru tal-membri naqas, għalhekk fis-sajf tal-2021 twaqqaf il-grupp teens bl-għan li jattira demm ġdid lejn din is-sezzjoni u lejn is-Soċjetà. Dan sar fi żmien il-pandemija li matulha għall-bosta xhur kellna l-każin magħluq iżda s-Soċjeta’ baqgħet ħajja permezz tal-attivitajiet li baqgħet torganizza din is-sezzjoni.

It-twaqqif tal-Banda

Mat-twelid tal-kumitat, twieldet ukoll is-Sezzjoni Banda bl-iskop li tieħu ħsieb dan l-element tant importanti fil-festa. L-ewwel pass importanti sar fl-1998 meta l-Kumitat ingħata l-fakultà li għall-festa seta’ jistieden il-banda li jixtieq iżda minn dakinhar sal-2016 ftit li xejn seta’ jagħmel iktar minħabba restrizzjonijiet inġusti li bihom fil-festa setgħet iddoqq banda waħda biss il-Ħadd. Matul is-snin kienu bosta t-tentattivi biex din is-sitwazzjoni assurda tinbidel, hekk li bejn is-snin 2007 u 2009 kienet tiġi ffurmata assembled band biex iddoqq fil-kazin lejlet il-festa. Aktar tard, fl-2012 kellha tiġi inawgurata l-faċċata tal-każin u għal din l-okkażjoni ġiet mistiedna l-Banda tas-Soċjeta Mużikali Banda Marija Reġina tal-Marsa li għamlet programm li tant intgħoġob li baqa’ jsir kull sena Sibt qabel il-festa. Sakemm wara ħidma kbira, fl-2017 il-programm sar lejlet il-festa minn assembled band taħt id-direzzjoni tas-Surmast Mario Testa. Il-jum ta’ lejlet il-festa kompla jissaħħaħ is-sena ta’ wara meta l-ispettakli tal-logħob tan-nar tal-ajru u tal-art bdew isiru s-Sibt ukoll.

Ġara li fl-2020 minħabba l-pandemija, fil-festa sar pellegrinaġġ biss li f’pajjiżna kien l-uniku wieħed akkumpanjat minn banda barranija – dik tas-Soċjeta Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa , hekk kif il-pellegrinaġġi kollha kienu akkumpanjati mill-baned tal-post. Din is-sitwazzjoni flimkien mad-diffikultajiet li kumitat kien qed iħabbat wiċċu magħhom sena wara l-oħra biex jagħmel il-festa bil-baned barranin, wasslet biex fil-laqgħa ġenerali annwali tas-26 ta’ Settembru 2021 il-membri ivvutaw għal riżoluzzjoni li biha taw il-fakultà lill-kumitat iwaqqaf il-banda meta jħoss li jkun il-mument opportun. Il-prova tan-nar waslet fil-festa tal-2022, meta ħabta u sabta f’Marzu ħarġet l-aħbar li l-festi setgħu jsiru b’mod normali u s-Soċjetà kienet qed tiċċelebra l-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Għalhekk, riedet tagħmel festa akbar iżda d-diffikultajiet bil-baned kienu akbar ukoll. Ġie deċiż li fl-okkażjoni tal-anniversarju ssir l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-każin mill-President ta’ Malta l-E.T. Dr. George Vella fl-24 ta’ Ġunju, 2022. Għal din l-okkażjoni importanti li Soċjetajiet oħra jiċċelebrawha bil-banda tagħhom, ġiet mistiedna l-Banda tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp (Ħal Għaxaq).

Il-kumitat kien iddeterminat ukoll li għall-ewwel darba fil-festa tal-2022 isir il-marċ tal-Ġimgħa. Wara diversi tentattivi li fallew ma’ kuntratturi tal-baned, il-membri ħabrieka Daniel Agius u Ian Massa daħlu għall-biċċa xogħol iebsa li għaqqdu assembled band u l-marċ sar b’suċċess. Dan kompla jżid il-kuraġġ tal-kumitat li f’Settembru 2022, iddeċieda li jimmaterjalizza r-riżoluzzjoni tal-membri billi kiteb lill-kummissarju biex jinfurmah li s-Soċjetà kienet qed tifforma l-banda tagħha u li minn dakinhar ‘il quddiem kellha tiġi meqjusa formalment bħala każin tal-banda. Il-permess tal-pulizija nħareġ fit-18 ta’ Jannar 2023 u minn dakinhar l-isem uffiċjali tas-Soċjetà sar Għaqda Mużikali Madonna tad-Duttrina Ħal Tarxien A.D.1997.

Sadanittant, bdew jitħejjew l-emendi fl-istatut li ġew approvati unanimament mill-membri fil-laqgħat ġenerali ta’ Frar u April 2023. Bdiet ukoll il-ħidma biex jinstab surmast li jmexxi din il-banda l-ġdida, għalhekk wara diversi kuntatti u laqgħat ġie magħżul Mro. Justin Martin bħala l-ewwel surmast direttur. Biex il-banda setgħet iddoqq bdew jinxtraw diversi marċi kif ukoll strumenti mużikali biex jintużaw waqt it-tagħlim. Il-Banda Madonna tad-Duttrina daqqet għall-ewwel darba bħala piccola banda fil-festa tat-tfal li saret għall-ewwel darba nhar l-Erbgħa 12 ta’ Lulju 2023 iżda l-ewwel dehra uffiċjali tagħha bħala banda sħiħa għamiltha nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Lulju 2023 meta għamlet il-marċ tad-dimostrazzjoni bl-istatwa tal-Madonna tad-Duttrina.

Mal-Medda taż-Żmien

Bejn l-1997 u l-2005 is-Soċjetà kienet biss għad-Duttrinisti li permezz tagħha setgħu jaħdmu għall-festa li tant iħobbu. Iżda, mal-ftuħ tal-każin fl-2005 is-Soċjetà saret tar-raħal kollu. Dan juruh l-istess bibien tal-każin li ta’ kuljum jinfetħu għal kulħadd. Meta s-Soċjetà kisbet il-viżibiltà li għandha permezz tal-każin f’nofs il-pjazza, kisbet ukoll rikonoxximent mill-bqija tal-awtoritajiet u organizazzjonijiet fil-pajjiż. Hekk insibu li bdiet tkun mistiedna f’bosta avvenimenti li semmejt qabel u fl-2006 ħadet sehem għall-ewwel darba fil-korteo tal-pussess tal-kappillan Dun Reuben Deguara. Bdiet ukoll tiġi mistiedna fuq il-programmi tar-radju u t-televiżjoni bħal Soċjetajiet oħra biex tagħti tagħrif dwar il-festa u l-ħidma tagħha.

Il-ħajja tas-Soċjetà dejjem baqgħet għaddejja sakemm kellha tieqaf ħesrem f’Marzu tal-2020 meta faqqgħet il-pandemija tal-Covid 19. Għall-ewwel darba fi sbatax -il sena l-bibien tal-każin kellhom jingħalqu. Il-laqgħat tal-kumitat u s-sezzjonijiet bdew isiru online, waqt li s-Sezzjoni Żgħażagħ bdiet torganizza xi ikliet bit-take away. F’Ġunju tal-istess sena tħabbar li l-każini setgħu jerġgħu jiftħu skont protokolli maħruġa apposta. Għalhekk wara li saret ħidma apposta biex il-bar ġie jsegwi dawn ir-regoli, il-każin reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu fit-3 ta’ Ġunju 2020. F’Marzu tal-istess sena ħarġet l-aħbar li l-festi ma kinux se jsiru minħabba l-pandemija iżda wara l-ftuħ tal-każini sar magħruf li l-festi setgħu jsiru f’forma ridotta. B’hekk minn xejn, fl-2020 saret il-purċissjoni akkumpanjata mill-banda u n-nar. Nistgħu ngħidu li din kienet tassew xorti tajba, hekk kif ġimgħa u nofs biss wara l-festa reġgħu bdew tielgħin il-każijiet u ġew ikkanċellati l-festi kollha.

Is-sitwazzjoni tal-pandemija baqgħet sejra mill-ħażin għall-agħar, hekk li fid-29 t’Ottubru 2020 il-każini kollha kellhom jerġgħu jagħlqu. Din is-sitwazzjoni tawwlet seba’ xhur sħaħ, sakemm il-gvern ħabbar il-ftuħ mill-ġdid tal-każini fis-6 ta’ Ġunju 2021. Matul dan iż-żmien il-kumitat reġa’ kellu jmur għal-laqgħat online waqt li l-attivitajiet kellhom għal darb’oħra jiġu limitati għal sempliċi take away u bejgħ ta’ ħlewwiet. Mil-lat amministrattiv, fi żmien il-pandemija ssuktat il-ħidma fuq ir-reġistrazzjoni tas-Soċjetà bħala NGO, liema pass waslet għalih fit-30 ta’ Marzu 2021.

L-għeluq tal-każin minħabba l-pandemija offra opportunità tad-deheb biex saru xogħlijiet ta’ tisbiħ u ameljorament fil-binja kollha tal-każin. Dan kollu wassal għall-inawgurazzjoni tal-Każin fl-24 ta’ Ġunju 2022. Wara dan il-pass kien imiss it-twaqqif tal-banda li bdejna ngawdu l-frott tagħha fis-sena kurrenti 2023.

Surmastrijiet

No Surmastrijiet Minn Sa
01 Justin Martin 2022

Presidenti

No Presidenti Minn Sa
01 Ġużeppi Agius 1997 2001
02 Ġużeppi Barbara 2001 2018
03 Aurele Gafà 2018

Segretarji

No Segretarji Minn Sa
01 John Massa 1997 2005
02 Peter Agius 2005

Teżoriera

No Teżoriera Minn Sa
01 Twanny Dalli 1997 2008
02 Karmenu Buttigieg 2008 2018
03 Tyrone Agius 2018