Talk:Toni Sant

From M3P
Jump to navigation Jump to search

01. MINN FEJN SE NIBDA?

Dan li ġej huwa mnebbaħ minn sieħbi Immanuel Mifsud, li biex jaqta' xi ftit mill-għejja tad-dwejjaq ta' nies li jsegwi fuq il-Facebook għażel li jibda jirrakkonta aneddoti u tifkiriet tal-"mixja mużikali" tiegħu. Qed nagħmel dan mhux għax in-nies li għandi fuq Facebook jien idejquni tant (forsi għax għandi settings differenti biex nagħżel x'nara u ma narax) imma għax għandi bżonn inrabbi aktar kuraġġ biex naffronta l-problema enormi ta' nuqqas ta' storjografija fil-qasam tal-wirt kulturali kontemporanju. Fi kliem aktar sempliċi, għandna nuqqas kbir fil-kitba tal-istorja moderna f'Malta apparti l-ġurnaliżmu u d-dominanza tal-klassi politika. L-eżempju jkaxkar, jgħidu.

Minn fejn se naqbad nibda? Bla ma naħsibha darbtejn, meta kont tifel żgħir kien hemm tlett oġġetti madwari kuljum li ħallew impatt kbir fuq il-gosti mużikali tiegħi. Fil-verità l-oġġetti kienu aktar minn tlieta, imma se ndawwar kollox magħhom, tal-anqas biex ikolli minn fejn nibda.

X'kienu dawn it-tlett oġġetti? Record player, tape recorder, u jukebox.

Ir-record player kien t'ommi. Akkwistatu "mingħand il-Maġġura", kienet tgħid. Din il-Maġġura kienet mara Ingliża li, għandi nifhem, kienet uffiċjal fis-servizzi Ingliżi stazzjonati Malta fis-snin sittin. Ommi u ziti kienu jaħdmu bħala sefturi ma' din is-sinjura li kienet tgħix f'dar kbira x'imkien bejn Ħ'Attard u Ħal-Balzan. Jekk niftakar sew, dan ir-record player kien spiċċa għand ommi meta din il-Maġġura spiċċat mill-perjodu ta' servizz tagħha f'Malta.

Ir-record player kien dejjem id-dar u kultant missieri kien joħorġu u jdoqq xi żewġ diski fuqu. Lil Ommi qatt ma naf li rajtha tużah. Kont għadni mmur l-iskola primarja meta kienu bdew iħalluni nilgħab bih. Missieri kien spegali kif jaħdem u niftakar li qalli biex noqgħod attent sew għal-labra li tmiss mad-diski. Kien oġġett relattivament robust u l-aktar li kienet taffaxxinani fih, apparti l-ħsejjes li joħorġu mid-diski, kienet ir-riħa tassew unika li kien jagħmel wara li jkun ilu mixgħul xi ftit minuti. Riħa li tixbaħ dik tal-ħobż mixwi frisk, imma aktar morra u fl-istess waqt ħafifa. Biż-żmien sirt naf li kienet ir-riħa tal-valvi fl-amplifier żgħir li kien inkorporat ma' dan ir-record player.

Diski kellna xi ftit id-dar. Kollha ta' missieri, naħseb. Niddubita kienx hemm diski li ġew mingħand il-Maġġura. Id-diski ta' missieri kienu jiġu primarjament mill-ħanut tax-xorb li diġà kellu għal xi snin qabel tfaċċat din ir-record player. Fil-ħanut kien hemm jukebox (aktar dwar dan darb' oħra -- u l-istess it-tape recorder, ma se ngħid xejn aktar dwarhom llum) u uħud mid-diski żejda għandi nifhem li kienu jispiċċaw f'din il-kollezzjoni żgħira li kellna d-dar. Naħseb kien hemm xi diski oħra ukoll, imma kont għadni żgħir wisq f'dak iż-żmien biex nifhem jew napprezza eżatt x'kien u ma kienx.

Li naf żgur huwa li l-kantanti favoriti ta' missieri u ommi kienu Frank Sinatra u Elvis, rispettivament. Dan spjegat ukoll mill-fatt li hemm differenza fl-età ta' xi 13-il sena bejniethom. L-aktar diska 45 rpm ta' 7 pulzieri, jew single (kif konna nsibuha) kienet waħda ta' Sinatra. Fuq naħa minnhom kellha diska popolari ferm tiegħu, jidhirli Strangers in the Night, iżda fuq in-naħa l-oħra kien hemm oħra b'ritmu differenti ferm mid-diski l-oħra kollha. Missieri kien jgħid li dan huwa r-ritmu favorit tiegħu: bossa nova.

Dik li aktarx kienet il-B side ta' din is-single mill-jukebox ta' missieri kienet diska li fetħitli bieb għal dinja ta' mużika differenti mill-ħsejjes dominanti ġejjin mid-diski l-oħra kollha Amerikani, Ingliżi, jew Taljani li konna nisimgħu regolarment. Kont iltqajt u tħabbibt mal-ħoss bellusi Brażiljan ta' Antonio Carlos Jobim.

Kull meta nisma' lil Jobim u l-bossa nova bqajt inxomm dejjem ir-riħa tal-valvi jixwu t-trab u l-fluff maqbud fir-record player li ommi akkwistat mingħand il-Maġġura.

https://www.youtube.com/watch?v=bwcmGSUWGw4

Toni Sant (talk) 04:59, 23 April 2020 (EDT)

02. VJAĠĠ BLA DESTINAZZJONI ĊARA

Apparti r-record player li ddeskrivejt fl-ewwel parti, missieri kellu tape recorder. Din kienet magna oħra tassew sinifikanti fil-vjaġġ mużikali tiegħi. Dan il-Philips 4-track reel-to-reel tape recorder kien inxtara mingħand Nani, li għal bosta snin apparti ħanut f'Triq Nofsinnhar il-Belt kellhom ieħor fi Triq it-Torri tas-Sliema. Sa ma wasalt jien fid-dinja, missieri kien diġa ilu juża dan it-tape recorder għal xi snin. Bih kien jirrekordja xi diski minn fuq mir-Rediffusion jew minn fuq it-television, l-aktar dak Taljan li f'dak iż-żmien effettivament kien biss stazzjoni wieħed tar-RAI, għalkemm xi ftit wara kien daħal ukoll l-hekk imsejjah secondo.

Apparti mużika mill-programmi mxandra, missieri kien jirrekordja ukoll lil sħabu li kienu jiġu jdoqqu regolarment bil-kitarri u l-mandolini fil-ħanut tax-xorb li kellu bejn il-knisja ta' San Girgor u l-iskola tal-gvern ta' tas-Sliema bejn l-1954 u l-1979. Fost dawn id-daqqaqa kien hemm Ġianmari tal-Ħamrun, Wiġi Demicoli, Joe Lepre, u ċertu Ġiljan, fost oħrajn, kollha mużiċisti ħbieb ta' missieri. Dawn ir-recordings introduċewni mhux biss ma għażla varjata ta' mużika melodjuża, imma ukoll mal-fernomenu ta' kif żigarella kannella tinħakk ma' rukkell speċjali kienet tiripproduċi ħsejjes li kienet semgħet qabel. Dwar dan ċertament li se jkolli xi ngħid aktar darb' oħra, għax indubjament dan kien l-ewwel pass li wassalni għall-karriera tiegħi fix-xandir fis-snin 80.

Fost il-programmi mxandra li kien iħobb jirrekordja missieri, kien hemm il-festival ta' San Remo. Hawn qed insemmu l-festival kif kien fis-snin sittin u fil-bidu tas-snin 70, qabel ma l-mużika popolari taljana xorbot fiha l-influssi Amerikani u Ingliżi li ħakmu ħafna mill-mużika popolari madwar id-dinja minn dawk is-snin 'l hawn. Fost l-ewwel kanzunetti li niftakar minn dak iż-żmien kien hemm waħda miktuba mill-kantawtur Sergio Endrigo, li sa llum għadni nemmen li hija kanzunetta sofistikata għat-tfal dwar l-ekoloġija u l-ambjent. Din kienet l-L'arca di Noè, interpretata minn Iva Zannichi. F'San Remo tal-1970 din il-kanzunetta kienet ġiet it-tielet. Din Zannichi anke f'xi waħda mill-poeżiji tal-Moviment Qawmien Letterarju kienet daħlet tiżfen dak iż-żmien. Fittxuha f'Linji Ġodda.

Din li jirrekordjaw il-kanzunetti tal-festival ta' San Remo permezz ta' tape recorder (u eventwalment cassette) qabel ma daħlu l-video recorders, mid-dehra kienet xi ħaġa li mhux missieri biss kien jagħmilha. Fil-bijografija tal-kantant Sammy Bartolo, xi membri tal-grupp New Cuorey jirrakkontaw li huma kienu jagħmlu l-istess ħaġa biex l-għada jdoqqu uħud minn dawn l-istess kanzunetti fir-repertorju tagħhom filgħaxija fil-Mellieħa Bay Hotel.

Ftit qabel għalaqt tlett snin u kont ili ftit xhur li bdejt nitkellem, missieri ddeċieda li tkun idea tajba jirrekordja konverżazzjoni miegħi fuq it-tape recorder tiegħu. Talabni nirrakkonta x'konna qed nagħmlu u flimkien kantajna biċċa minn L'arca di Noè, fost affarjiet oħra.

Dan it-tape konna nisimgħuh minn żmien għal żmien meta kont qed nikber. Jidherli li fil-bidu tas-snin 80 konna anke qlibnih fuq cassette, għax it-tape recorder ma konnix għadna nużawh daqs qabel. Però wara dak iż-żmien ma smajtu qatt aktar. Ma nafx x'sar mill-cassette. It-tape oriġinali għadu għand missieri, imma wisq naħseb li qdiem tali li mhux f'kundizzjoni li jindaqq aktar faċilment.

Ridt ngħid ukoll li dan it-tape recorder ukoll kellu riħa simili għal tar-record player meta jkun mixgħul. Mar-riħa tax-xiwi tal-valvi kien hemm ukoll ir-riħa żejtnija tat-tapes li għalkemm ħafna forsi jaħsbu li m'għandhomx riħa, għalija kapaċi jqanqlu memorji emottivi kbar bir-riħa biss.

https://www.youtube.com/watch?v=C3zBNp5TRjo

--Toni Sant (talk) 10:17, 23 April 2020 (EDT)

03. REVERSE NOSTALGIA

Għalkemm dawn ir-reminixxenzi faċli jistgħu jiġu nterpretati bħala vjaġġ nostalġiku, dan mhux l-iskop tiegħi. Irrid ngħid, jien u n-nostalġija ma tantx aħna ħbieb. Jiena nemmen li n-nostalġija hija speċi ta' marda li biha naħsbu li l-imgħoddi kien aħjar. Mhux għax ma kienx hemm mumenti meta l-imgħoddi kien aħjar, imma tajjeb ma ninsewx li l-imgħoddi mhux dejjem kien isbaħ...jew tal-anqas mhux għal kulħadd kien isbaħ.

Ma rridx niddevja wisq minn dak li huwa l-qofol ta' dawn il-posts: l-iżvilupp tal-gosti mużikali tiegħi. Fl-istess waqt, illum se nintroduċi it-tielet minn dawk it-tlett oġġetti li kellhom rwol sinifikanti ferm għalija fl-iżvilupp tal-apprezzament mużikali. Wara r-record player t'ommi u t-tape recorder ta' missieri, issa jmiss il-jukebox.

Ħafna minn tfuliti kienet f'bar f'Tas-Sliema. Fil-bar dejjem kien hemm jukebox, sa fejn naf jien. Għall-ewwel snin ta' ħajti, l-istess agent li kien iforni l-jukeboxes fil-ħwienet tax-xorb, każini, u postijiet simili, kien ukoll iġib il-magni tal-logħob. Skond ma jgħidu, għax propjament ma niftakarhomx sew, fil-bar tagħna kien hemm waħda minn dawn il-magni tal-logħob magħrufa bħala flipper, u li meta kont twaddab munita ta' 3 soldi fiha kont mhux biss tista' toqgħod tara l-ballun tiegħek jaħbat ma' labirint ta' oġġetti kkuluriti li jagħmlu ħsejjes varji hekk kif tiġbor il-punti, imma fil-aħħar mill-aħħar anke l-possibilità li tirbaħ aktar mit-3 soldi li tkun waddabt fil-magna.

Naħseb li l-ħsejjes u l-kuluri tal-flipper kienu esperjenza stupefaċenti għal tifel li kien għadu bil-kemm beda jmur l-iskola. Jgħidu li kont iffissat fuq din il-magna tal-logħob. Ċertament mhux għax kont nifhem kif jaħdmu l-flus jew għax ridt nilgħab biex nirbaħ. Kont għadni żgħir wisq għal dan kollu. Madwar l-1973, il-Prim Ministru Mintoff kien iddeċieda li jirregolarizza l-logħob tal-azzard. Nemmen li din tiegħu kienet intenzjoni tajba għax dan il-logħob bil-flus verament jaf ikun ir-rovina ta' familji sħaħ. Sfortunatament fil-proċess ipprojbixxa wkoll magni bħal din tal-flipper li kellna fil-bar tagħna.

It-tneħħija ta' dawn il-magni tal-logħob miċ-ċirkolazzjoni fissret li f'daqqa waħda l-jukebox kienet l-unika magna mdawla b'ħafna kuluri li tagħmel il-ħoss fil-bar. Tajjeb niftakru li f'dawk iż-żminijiet it-television mhux biss ma kienx bil-kulur imma kien ixandar biss f'ħinijiet partikolari u mhux il-ġurnata kollha. Allura kien hekk li l-jukebox ħadet dimensjoni akbar u aktar ċentrali f'ħajti. Il-magni tal-logħob damu diversi snin sa ma reġgħu tfaċċaw "for entertainment purposes only" bil-possibilità ta' rebħ ta' flus imneħħija minnhom.

Insomma, hekk kien li l-attenzjoni tiegħi daret lejn il-jukebox. Fil-ġranet li ġejjin se nikteb dwar uħud mid-diski li ltqajt magħhom fil-jukebox. Hemm ħafna stejjer iżda ħafna minnhom mhux marbuta tal-ġosti mużikali, allura forsi nħallihom barra. Stejjer oħra marbuta indirettament mal-jukebox.

Per eżempju, illum qed niftakar f'rock opera (jew ossija musical) li kien tfaċċa fis-swali taċ-ċinema madwar dak iż-żmien. Qed nirreferi għal Tommy ta' Pete Townshend mill-grupp The Who, bil-film eċċezzjonali ta' Ken Russell. Mingħajr ma ngħid wisq aktar dwar l-aspett personali marbut ma' dan Tommy, ngħidilkom li dan il-film ifisser affarijiet differenti ferm għalija u għal missieri. Dan apparti l-fatt li hu rah meta ħareġ filwaqt li jien kelli nistenna diversi snin qabel ma rajtu fuq it-television għall-ewwel darba. Apparti hekk, hemm ukoll il-fatt li qatt ma kont xi fan ta' Elton John għalkemm kelli poster tan-Nigel Olsson Band iffirmat mill-membri kollha; Olsson kien id-drummer ta' Elton John għal ħafna snin. Ma nafx eżatt kif kien sab ruħu għandi dan il-poster.

L-ewwel darba li ltqajt mal-mużika ta' Elton John kien permezz tal-jukebox. Benny & the Jets kienet il-B side ta' Candle in the Wind. Kellhom jgħaddu ħafna snin qabel smajt sew il-mużika tiegħu, anke jekk mill-ewwel ippreferejt siltiet oħra minn dawk l-aktar popolari tiegħu. Barra minn hekk, kelli kuġin li kien (u għadu) xi għaxar snin akbar minni li kellu diversi mill-LPs bikrin tiegħu bħal Madman Across the Water, Don't Shoot Me I'm Only the Piano Player, Goodbye Yellow Brick Road u Captain Fantastic and the Brown Dirt Cowboy, imma dawn domt ferm ma bdejt napprezzhom sew, speċjalment 'l hinn mis-suċċessi kummerċjali tas-singles li smajt mill-jukebox.

Ma nistax ma ngħidx kelmtejn ukoll dwar The Who. Filwaqt li l-gruppi l-kbar tas-snin preċedenti kienu l-Beatles u, hemm min jgħid, ir-Rolling Stones, jien inġbidt l-ewwel lejn The Who. Kont niddejjaq meta nara t-tkissir tal-kitarra u t-tnabar jisplodu - qatt ma ħabbejt il-vjolenza u ma kelli ebda idea li din kienet forma ta' arti mnebbħa minn Gustav Metzger. Kienet il-mużika li ġibditni l-aktar. Fiha rajt li kien hemm xi ħaġa tassew differenti u mhux biss xi forma ta' kontinwità mal-ħsejjes ta' dawk li ġew qabel. Eventwalment dan sibtu ukoll f'oħrajn, sintendi, u bdejt infittxu sew aktar ma kbirt.

https://www.youtube.com/watch?v=joxyFDmh_LY

--Toni Sant (talk) 04:11, 25 April 2020 (EDT)

04. MILL-JUKEBOX: DIFFERENZA

Fil-jukebox kien hemm ħafna diski. L-iskop tal-jukebox huwa li toffri lill-parruċċjani tal-lokal fejn tkun l-opportunità li jisimgħu l-mużika favorità tagħhom waqt li jixorbu xi tazza tè jew xi flixkun birra. Għalhekk id-diski li kont issib fil-jukebox kienu jkunu dawk l-aktar popolari mal-pubbliku, inkluż dawk l-aktar diski li jindaqqu fuq ir-radju.

Fil-jukebox tal-bar fejn għext sa ma kelli xi 10 snin, diski t'Elvis kien hemm kemm trid. Diski tal-Beatles kien hemm ukoll, flimkien ma' diski ta' Tom Jones, Englebert Humperdink, Jim Reeves, Shirley Bassey u l-aktar kantanti popolari fix-xena Ingliża ta' dak iż-żmien. Kultant xi diski taljani, fosthom. ta' Domenico Modugno, Adriano Celentano, u Mina. Anke diski Maltin kien hemm iduru fil-jukebox. Fost l-aktar popolari dawk ta' Freddie Abela l-Bamboċċu, b'Taxi Mary fost l-aktar mitluba. Niftakar ukoll L-Ewwel Tfajla li Ħabbejt tal-Malta Bums, u l-Bajja tal-Mellieħa tan-New Courey, kif ukoll xi diski tal-Black Train. Dwar dawn tal-aħħar nikteb darb' oħra għax aktar nassoċjhom mar-radju; ir-raba' oġġett wara t-trijumverat tar-record player, it-tape recorder, u l-jukebox.

Fil-jukebox kien hemm żewġ diski ta' kantant li kienu popolari u jindaqqu regolarment imma li għal widnejja kienu jinstemgħu differenti mill-oħrajn. Waħda kienet odisseja fl-ispazju bi kliem li qajla kont nifhem ta' tifel żgħir li kont. L-oħra kienet aktar mexxejja u l-kliem tagħha relattivament sempliċi imma differenti minn tal-oħrajn. Fost l-aktar li niftakar, hekk kif bdejt nifhem xi ftit aktar bl-Ingliż kien hemm dawn il-frammenti: "got your mother in a whirl / She's not sure if you're a boy or a girl" u "you've torn your dress" kif ukoll "your hair is a mess". Differenti mill-kliem t'imħabba u jew fil-vojt li kont issib fid-diski l-oħra kważi kollha.

Ta' tfajel pre-pubixxenti li kont, dan kien kliem provokanti minn kantant li għalija kien jinħass differenti mill-oħrajn kollha. Dan ikkonfermajtu meta rajt ritratt tiegħu fuq il-qoxra ta' waħda tad-diski tiegħu li kellna fl-jukebox. Kont rajt ukoll xi ritratti oħra tiegħu f'xi wieħed mill-magazines Ingliżi li kien ħalla xi ħadd fil-bar meta ħabbru li kien miet il-kantant Marc Bolan wara li l-Mini tiegħu daħlet ġo siġra.

Maż-żmien David Bowie sar il-kantant favorit tiegħi bl-istess mod li Sintara u Elvis kienu l-favoriti tal-ġenituri tiegħi. Fejn missieri aktarx li kien isib lil Sinatra sofistikat u sottili, filwaqt li ommi inġibdet lejn Elvis għax kien seduttiv b'mod li kważi ħadd qablu ma kien, għalija Bowie kien kreattura differenti u ambigwa. Din id-differenza laqtitni b'mod partikolari ħafna, speċjalment aktar ma bdejt nitfarfar. Apparti l-logħob bl-identità personali, differenza oħra ta' Bowie kienet li ħafna mid-diski tiegħu kien jiktibhom hu stess.

Bowie qatt ma ddiżappuntanti, speċjalment meta kultant żmien kien jerġa' jitfaċċa b'xi ħoss u dehra differenti minn ta' qabel. Kien teatrli mingħajr ma kien jinħass artifiċjali. Dik is-sofisitkazzjoni sottili ta' Sinatra kienet għaddiet għand Bowie li għamila tiegħu meta ltaqgħet mar-raġġiera sesswali li kellu madwaru Elvis u l-biżibilju imitaturi tiegħu. Bowie ma kien qisu jimita lil ħadd. Biż-żmien sirt naf dwar l-influenzi kreattivi tiegħu, iżda minn kif kienu jidhru l-affarijiet, ħaddieħor kien jimita lil Bowie, mhux hu lil ħaddieħor.

Mhux l-intenzjoni tiegħi nikteb eloġju għal Bowie. Ridt biss indaħħal lil Bowie fl-istorja b'mod li nuri ċar kemm, sa minn kmieni, kien figura mużikali u kulturali sinifikanti f'ħajti minħabba li kien differenti mill-kumplament. Biex inkun sinċier, qatt ma kont iffissat fuqu, imma dejjem kien preżenti b'xi mod jew ieħor. Għalkemm qatt ma mort xi kunċert tiegħu, jew ġemmajt id-diski kollha li ħareġ, xorta naħseb li smajt aktar minn darba kull ħaġa li rrekordja...u f'ċertu każi diversi drabi ukoll, sintendi. Hawn mhux qed ngħid għall-ovvju, bħas-singles jew xi album bħal Blackstar meta miet, imma aktar u aktar għall-albums tas-snin 70 u 80, anke jekk dawn tal-aħħar huwa meqjus bħala l-anqas perjodu tajjeb tiegħu, kif ukoll il-ħsejjes ġodda li introduċa fir-repertorju tiegħu mis-snin 90 'l hinn.

Jingħad ukoll li Bowie kien deher ikanta f'Malta qabel sar famuż. Tajjeb imma b'daqshekk din ma tbiddel xejn wisq. Jingħad ukoll li għal xi żmien kien jiġi regolarment Għawdex għax kellu xi dar hemm. Allura? Dawn il-laqtiet lokali qajla jbiddlu – la jżidu u anqas inaqqsu – minn kemm Bowie kien differenti minn kważi kull ħaddieħor li kien hemm fix-xena mużikali internazzjonali fl-istess żmien tiegħu.

https://www.youtube.com/watch?v=FA25s6Nn-IQ

--Toni Sant (talk) 07:06, 26 April 2020 (EDT)

05. MILL-JUKEBOX: BOGĦOD MILL-PUNK

Waħda mill-aktar affarjiet influenti li seħħew fis-snin 70 fix-xena tal-mużika internazzjonali indubjament li kienet l-isplużżjoni tal-mużika u l-kultura punk. Aktar minn kollox, din kienet reazzjoni għal dak li kien għaddej fid-dinja dak iż-żmien, b'mod partikolari fir-Renju Unit, fejn il-kultura punk daħlet ftit tas-snin wara li din kienet diġa tfaċċat fl-Amerika.

Id-dominanza kulturali tal-Ingliżi u l-Amerikani ironikament kompliet titkattar bil-punk, anke jekk dan aktarx li verament kien moviment li kellu dimenzjonijiet internazzjonali 'l hinn mill-interessi kummerċjali ta' uħud li għarfu jisfruttawh għall-għanijiet finanzjarji tagħhom ukoll. Per eżempju, f'Malta konna mmorru nixtru "punk shoes" li ma nafx x'kellhom x'jaqsmu mal-punk estetikament jew politikament. Il-punk ta' veru kien bogħod ħafna mill-kultura mainstream f'Malta u r-rock kien għadu ġdid u underground wisq biex jinqala' 'l barra mill-punk

Għalkemm il-punk, speċjalment dak Ingliż, kien reazzjoni għal gruppi bħall-Pink Floyd u oħrajn mix-xena progressiva, din il-mużika kienet tidher u tinħass diametrikament opposta fil-kultura tagħha mill-pop. Il-progressivi kienu bdew jintelletwalizzaw il-mużika rock b'mod tassew straordinajru f'anqas minn għaxar snin mill-ewwel esperimenti progressivi minn esponenti tal-mużika popolari bħall-Beatles u l-Beach Boys. Il-mużika disco, li daħlet in voga dak iż-żmien ukoll, kienet malgħajr inbidlet minn xi ħaġa reazzjonarja u underground tax-xena gay fl-Istati Unti għal xi ħaġa mill-aktar kummerċjali u kummerċjabbli.

Fix-xibka tad-disco kienu nqabdu kważi dawk l-esponenti mużikali popolari kollha li ma kienux strettament jidentifikaw ruħhom bħala rockers. Naħseb li l-aktar eżempju ovvju ta' dan huwa dak li ġara mal-Bee Gees, per eżempju, permezz ta' Saturday Night Fever. Fl-istess waqt, għalkemm mhux parti mill-moviment tad-disco, imma ċertament li parti minn dik il-mewġa ta' kummerċjalizmu, kien hemm l-Abba.

Mill-1974 'l hinn, l-Abba kienu omnipreżenti fil-jukebox li kellna fil-bar tagħna. Ibda minn Waterloo li biha rebhu l-Eurovision Song Contest ta' dik is-sena u kompli b'suċċessi kbar bħal Fernando, Money Money Money, u Mamma Mia, u spiċċa b'I Have a Dream, li ħarġet fl-1979 meta tlaqna mill-bar.

Għalkemm kienu jkantaw bl-Ingliż, l-Abba grupp Żvediż. F'nofs is-snin 70, din kienet xi ħaġa tassew affaxxinanti għal dawk il-Malti li bdew jiltaqgħu aktar regolarment ma' nies minn dan il-pajjiż f'Malta, hekk kif infetaħ is-suq tat-turiżmu mill-iSkandinavja. L-Iżvedizi ġabu magħhom f'Malta ċertu ideat liberali li l-Ingliżi ma kellhomx, jew tal-anqas il-biċċa l-kbira minnhom ma' kellhomx. Dan kien l-aktar evidenti fost iż-żgħażagħ ta' dak iż-żmien li li kienu jiffrekwentaw il-bara tagħna; għalkemm kienu dawk il-ftit snin akbar minni, xorta kienu jitkellmu liberalment quddiemi dwarhom u dwar dan kollu.

F'nofs dan kollu kien hemm diska tal-Abba li biż-żmien sibt li hi waħda mill-aqwa diski tal-mużika pop li qatt ġew irrekordjati. Biha stajt napprezza kemm kienu kompożituri prolifiċi Björn Ulvaeus u Benny Andersson tal-Abba. Dancing Queen fiha bosta livelli ta' produzzjoni mużikali li ftit issib bħalhom fil-mużika pop apparti minn xi kompożizzjonijiet tal-Beatles, jew il-produzzjonijiet bil-ħajt tal-ħoss ta' Phil Specter.

Faċli għal min hu snob mużikali li jwarrab il-materjal kollu tal-Abba bħala imbarazz kummerċjali bħall-ħafna mużika hekk imsejħa bubblegum li ħarġet f'dawk iż-żminijiet. Il-films/musicals ta' Mamma Mia! li tfaċċaw f'dawn l-aħħar snin m'għenux wisq f'dan il-(pre)ġudizzju anqas. Skond jien, però trid tkun tassew mużikalment injorant biex ma jirnexxilekx tapprezza l-ġmiel intrinsiku li fiha Dancing Queen, speċjalment jekk jirnexxielek tifridha mill-kummerċjaliżu assoċjat magħha. Apparti din l-opinjoni, forsi anke xi ftit kontroversjali, tassew niddubita hawnx xi ħadd li ma jafx imqar diska waħda tal-Abba.

https://www.youtube.com/watch?v=xFrGuyw1V8s

06. DOQQLI WAĦDA TA' ELVIS

Għalkemm fil-jukebox kellna ħafna diski ta' Elvis, illum mhux se nikkonċentra daqstant fuq id-diski tiegħu li trabbejt nisma' b'dak il-mod biss. Elvis kien wieħed minn ftit li marru mir-record player t'ommi għat-tape recorder ta' missieri meta ċertu Neville li kien iffissat fuqu kien sellifna xi LPs tiegħu. Tajjeb ngħid mill-ewwel però li qatt ma kont fan ta' Elvis anke jekk sibt partijiet varji mill-ħajja tiegħu interessanti u wħud mid-diski tiegħu huma fost dawk li nemmen li huma sinifikanti fl-istorja tal-mużika popolari tas-seklu l-ieħor. Per eżempju, Heartbreak Hotel jew Jailhouse Rock juru biċ-ċar li dak il-ħoss tas-snin 50 kien xi ħaġa verament differenti minn kull ma ġie qabel u li ħalla impatt fuq ħafna oħrajn li ġew warah.

Rajt ħafna mill-films li fihom jidher Elvis ukoll. Apparti King Creole, li għalija huwa ġawrha ċinematografika, l-oħrajn kollha kważi qishom kollha film wieħed bl-istess karattru; skuża biex naraw lil Elvis ikanta fl-era qabel tfaċċaw il-music videos. Elvis żgur li ma kienx attur tal-kalibru ta' Sinatra. Il-vantaġġ prinċipali ta' Elvis naħseb li dejjem kien id-dehra tassew fotoġenika tiegħu.

Id-dehra ta' Elvis fenomenu kumpless ħafna. Kien diffiċli ferm għalija, ta' tifel żgħir li kont fl-aħħar snin ta' ħajtu, nifhem kif dak ir-raġel oħxon li bil-kemm jiflaħ jiċċaqlaq, li konna naraw fuq it-television jew f'xi ritratt fil-gazzetta minn żmien għal żmien fis-snin 70, kien l-istess wieħed li ġennen tant nies fil-films tiegħu fl-għoxrin sena ta' qabel.

Ftit wara li miet kien tfaċċa f'idejja ktieb jismu Elvis - What Happened? miktub minn tliet bodyguards – kif kienu jissejħu s-security dak iż-żmien – li ħadmu miegħu matul ħafna mill-karriera tiegħu. F'dan il-ktieb jirrakkontaw diversi stejjer xokkanti li jispjegaw sew mhux biss kif Elvis inbidel fid-dehra fiżika tiegħu fl-aħħar snin, imma ukoll x'wasal għal mewt tiegħu fl-età ta' 42 sena. Naħseb dan il-ktieb kien l-ewwel wieħed li qatt qrajt dwar xi kantant jew esponent ieħor mid-dinja tal-ispettaklu, anke jekk ma nimmaġinax li fhimt kull ma kont qed narqra fih. Kien ktieb maħruġ ftit ġimgħat wara li miet Elvis f'Awwissu tal-1977 biex jikkapitalizza fuq l-interess kbir li jqum madwar xi ċelebrità meta jħalli din id-dinja. B'dan il-ktieb bdejt nifhem li hemm dinja oħra fil-qasam tal-ispettaklu 'l hinn mid-dwal u x-xinxili li jidhru quddiem in-nies.

Meta mort ngħix l-Amerika fis-snin 90, iltqajt m'Elvis hemm ukoll, sintendi. Dan ħassejtu anke jekk ma żortx Graceland, id-dar fejn kien jgħix fl-aħħar snin ta' ħajtu u fejn huwa midfun, kif għamlet ommi ma' missieri l-ewwel darba li ġew jarawni fis-snin li kont ngħix l-Amerika. Eżempju mill-aktar ċar ta' dan huwa show li kont mort nara fil-belt ta' Richmond fl-istat ta' Virginia lejn nofs is-snin 90. Dan kien minn grupp jismu Mojo Nixon and the Toad Lickers. L-istil mużikali tagħhom jissejjaħ psycobilly - varjazzjoni kontemporanja fuq ir-rockabilly li minnu ħareġ Elvis fis-snin 50. Mill-ewwel bsart li Elvis ma kienx bogħod wisq waqt dan il-kunċert. Kif appena spiċċaw l-ewwel silta tagħhom, Mojo Nixon dawwar il-kitarra tiegħu biex jurina żaqqha u fuqha kien hemm miktub "Dean Martin is My God". Xi ftit wara wasalna għal kanzunetta jisimha Elvis Is Everywhere, u l-sala li konna fiha spoldiet tkanta kollha f'daqqa.

Każ ieħor f'dawn l-istess żminijiet kien dak tal-grupp Dread Zeppelin magħrufa sew fl-Istati Uniti bħala grupp li jinterpreta d-diski tal-Led Zeppelin f'arrangamenti reggae, esegwiti minn kantant jismu Tortelvis li huwa verżjoni sofistikata ta' dawk li jissejħu Elvis impersonators. Il-mashup ta' Heartbreaker ma' Heartbreak Hotel huwa tassew sublimi.

Insomma, Elvis kien u sa ċertu punt għadu dejjem f'ħajti, b'xi mod jew ieħor. naturalment ma jgħinx il-fatt li ma niddejjaqx nisma' d-diski ta' Mojo Nixon u Dread Zeppelin meta jkolli aptit xi ħaġa differenti mingħajr ma niddevja wisq mill-imperjaliżmu kulturali Anglo-sassonu jew Amerikan.

https://www.youtube.com/watch?v=mpb4ZAAP6Z4

07. TURUFNAMENT

Dom Mintoff kien isejjaħ l-emigrazzjoni tal-Maltin lejn artijiet oħra turufnament. It-tifsira ta' din il-kelma aktarx li tingħaraf aktar, speċjalment fost il-ġenerazzjonijiet iżgħar minni, fil-verżjoni l-oħra kif użata fil-Malti: eżilju. Li titlaq minn Malta f'ċertu żminijiet fl-istorja ta' pajjiżna ċertament li ma kienetx għażla ħafifa. Irrid ngħid, għalkemm illum fost ir-raġunijiet li nitilqu minn Malta għad hemm l-idea li nsibu xi forma ta' futur aħjar minn dak li qatt jista' jkollna f'Malta, fi żminijiet oħra l-emigrazzjoni kienet xi ħaġa marbuta ma' ħarba mill-faqar materjali u min-nuqqas ta' xogħol.

Lil titlaq minn Malta għal xi wħud kien jinħass ukoll bħala forma ta' falliment. Qed titwarrab minn fejn twelidt. Qed tersaq lejn it-tarf tal-univers li fih trabbiet ir-razza u r-radika li kont ġej minnha. L-emigrazzjoni mhux dejjem kienet għal kollox - dak li l-Ingliżi b'mod stramb għalmuna ngħidu "for good". What's so good about being exiled? Sa minn żmien Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika, jekk mhux qabel ukoll, kien hemm parti mill-istorja kienet tinvolvi lil dawk li jiġu lura minn barra wara li jkunu għamlu ftit flus sew. Xi drabi oħra kienu jiġu għal raġunjiet anqas feliċi ukoll.

Fuq iż-żewġ naħat tal-familja tiegħi għandi każi ta' turufnament minħabba l-emigrazzjoni. Sa fejn naf jien, m'hemmx stejjer interessanti biżżejjed li fuqhom issejjes xi rumanz, imqar jekk wieħed irħis; jew forsi l-gosti tiegħi naqra limitati. Niesi kienu nies mill-aktar ordinarji li marru f'artijiet oħra jfittxu ħajja aħjar minn dik li emmnu li seta jkollhom f'Malta jew Għawdex. Anke qabel il-gwerra għandna stejjer ta' avventuri barra minn Malta fil-familja, imma l-biċċa l-kbira huma ta' zijiet li marru lejn l-Awstralja. U kważi kollha baqgħu hemm ukoll.

Niddubita hawnx xi ħadd f'Malta li m'għandu assolutament ħadd f'ħajtu li b'għażla personal jew le kien iturufnat lejn xi art oħra għal dejjem, jew tal-anqas għal numru ta' snin. Jekk int m'għandekx għidli ħalli nikkoreġi din l-impressjoni żbaljata.

Dan kollu jorbot ukoll mal-vjaġġ mużikali li qed nagħmel f'din is-sensiela, sintendi. Fis-snin 50, ħu missieri kien emigra mal-familja tiegħu l-ewwel lejn l-Ingilterra u aktar tard lejn il-Kanada. Hu biss ġie lura Malta fil-bidu tas-snin 70 u miegħu, flimkien ma' ħafna stejjer, ġab miegħu ukoll għad ta' cassettes b'mużika li kienet popolari fil-Kanada fis-snin sittin. Kien permezz ta' dawn il-cassettes li smajt sew għall-ewwel darba l-Beatles. Biex inkun aktar preċiż, irrid ngħid, smajt aktar minn dak li kien jindaqq fuq ir-radju jew fil-jukebox. Niftakar li l-ewwel diska "ġdida" tagħhom li kont smajt fuq dawn il-cassettes kienet Glass Onion. Mid-dehra kien cassette tal-album l-abjad tagħhom, u Back in the USSR kont diġà nafha mill-jukebox filwaqt li Dear Prudence, għal xi raġuni, kienet maqbuża. Glass Onion għandha ħoss differenti ħafna, speċjalment meta tqis li warajha eżatt fl-istess album hemm Ob-la-di Ob-la-da, oħra li kont naf diġà mill-jukebox fil-verzjoni tal-Marmalade.

Min-naħa l-oħra tal-familja għandi memorji vagi ta' żjarat fil-Port il-Kbir biex naraw xi vapur jew ieħor ħiereġ bl-emigranti, inkluż xi wieħed minn ħut ommi sejjer lejn l-Awstralja. Il-mużika hawn marbuta aktar ma' diska li f'dak iż-żmien kienet tindaqq ħafna fuq ir-Radju ta' Malta, kif kien jismu dak li llum nafuh bħala Radju Malta, li kien għadu kemm jiftah. Wieħed mill-ewwel suċċessi kbar ta' Freddie Portelli mal-Black Train kienet propju diska dwar it-turufnament tal-emgrazzjoni maħruġa fuq it-tikketta tar-Record Centre. Fuq din it-tikketta ħarġu ħafna diski popolari Maltin tas-snin 70; fosthom, Imħabba f'Kemmuna ta' Frank O'Neill, Żepp u Grezz ta' Enzo Gusman, oħrajn tal-kantanti John Laus (inluż Tiġrija Bejn Żewġ Muturi) u Renald Abela (bħal Ajjut u Ħruq), kif ukoll Ninni La Tibkix Iżjed għal żmien il-Milied, u l-innu tal-Ħamrun Spartans ta' Tony Agius u Spiru Zammit.

Din id-diska twassalni ukoll għall-ewwel memorji tar-radju fis-snin 70, li se jiftaħ kapitlu ġdid f'dan il-vjaġġ għada, aktarx b'xi nofs tużżana posts oħra minn dawn. Dan jifrex mill-faxxinu għall-ħsejjes ta' daqq u vuċijiet ħerġin minn ġo kaxxa sa dik li eventwalment kienet l-ewwel parti tal-karriera professjonali tiegħi bħala xandar, li tispiċċa bit-turufnament tiegħi ukoll fil-bidu tas-snin 90.

https://www.youtube.com/watch?v=Hfyz_neqI68

08. IR-RADJU MHUX IR-REDIFFUSION

Għalkemm xi ħames snin ilu ktibt ktieb dwar ir-Rediffusion f'Malta naħseb li għadni qatt ma stqarrejt pubblikament li aħna ma kellnix set tar-Rediffusion id-dar. Missieri kellu wieħed fil-bar li semmejt diġà imma dan ma damx hemm meta daħlet ommi fl-istorja u sa ma twelidt u bdejt nitfarar jien ġa kien ilu sew li tneħħa. Kien hemm dawk it-tlett oġġetti li ktibt dwarhom diġà jkumpensaw għalih: ir-record player, it-tape recorder, u l-jukebox. Dan biex ma nsemmux ukoll it-television, li għalkemm kien limitat ħafna fin-numru ta' siegħat li kien ixandar, biex ma nsemmux n-numru limita ħafna ta' stazzjonijiet li konna naqbdu fuqu, kien ukoll oġġett li nistħgu ninkluduh mat-tlieta l-oħra.

Madankollu kien hemm ukoll oġġett ieħor li s'issa ftit li xejn għandi semmejt, anke jekk eventwalment sar element ċentrali fil-karriera professjonali bikrija tiegħi: ir-radju. Dan kien xi ħaġa differenti ferm mir-Rediffusion li kien joffri biss żewġ kanali waqt li marbut bil-fil mal-binja li fiha kien ikun installat. Ir-radju li kellu missieri anqas ma kien bħar-radju tan-nannu, li effettivament kien biċċa għamara li kienet baqgħet fid-dar tan-nanna anke snin twal wara li miet hu u ma baqgħetx tgħix hemm hi. Ir-radju ta' missieri kien 2 band transistor radio tad-ditta Sharp importat mill-Ġappun, li kien jaħdem b'batterija ċatta ta' 9V. Ir-radju kien jinżam f'baskett żgħir tal-ġilda kannella ddisinjat apposta biex jinġarr fih. Hekk naħseb li ltqajt mar-riħa tal-ġilda għall-ewwel darba f'ħajti

Fuqu kont taqbad ukoll numru kbir ta' stazzjonijiet jew bil-medium wave inkella bis-shortwave. Kellu aerial teleskopiku twil li kont trid tifthu biex tisma' sew dak li tkun qed tirċievi, speċjalment fuq is-short wave. Ma nafx eżatt x'kienet l-istorja ta' kif dan ir-radju daħal f'ħajjitna, imma naf ċert li kien parti integrali minn tfuliti għax apparti li rari kien ikun bogħod minn missieri, konna noħduh magħna ukoll fil-karozza u allura kien ikollna l-mużika u xandiriet oħra magħhna, kull fejn immorru. Fil-karozzi ta' Malta ma kienx ikun hemm radju mwaħħal fiss dak iż-żmien; dak beda dieħel ftit tas-snin wara.

M'għandix dubju li l-ftuħ tar-Radju ta' Malta fuq 999 KHz MW fl-1973 kien parti essenzjali mir-rwol li ħa r-radju f'ħajti. Niftakarni nisma' l-ewwel programmi mxandra minn Norman Hamilton. Meta kont inkun ma' missieri wara l-iskola kont nisma' xi biċċa mill-programm tiegħu Antenna li mid-dehra kien popolari ħafna. Meta għal xi raġuni jew oħra kont nibqa' l-iskola minflok immur id-dar, is-soru kienet tixgħel ir-Rediffusion li kellna fil-klassi. Hemm flok Norman Hamilton u d-diski pop li kien idoqq hu kont nispiċċa nisma' l-Kyrie mill-Missa Luba li kienet tintroduċi xi programm religjuż li niftakar bil-vuċi ta' Charles Arrigo. Ma nifakarx sew x'kien.

Ir-radju fetaħli dinja ġdida ta' ħsejjes, anke jekk fl-istess waqt ir-Rediffision fil-klassi tal-iskola xorta kien joffrili ħsejjes differenti minn dawk li kont nisma' fuq ir-radju ta' missieri, jew xi wieħed minn dawk it-tlett oġġetti mużikali li bihom introduċejt din is-sensiela. Il-Kyrie mill-Missa Luba tal-Congo aktarx li kienet l-ewwel biċċa mużika li tħabbibt magħha li ma kienetx mid-dinja tal-mużika popolari jew klassika, u 'l hinn mid-dominanza kulturali Anglo-Amerikana jew Taljana.

Naf li bosta snin wara dan kollu, meta kont naħdem Xandir Malta u Charles Arrigo kien l-imgħallem tiegħi, kont staqsejtu dwar l-użu tal-Kyrie mill-Missa Luba tal-Congo imma ma niftakarx li t-tweġiba tiegħi kienet impressjonati biżżejjed biex nibqa' niftakarha. Kienet x'kienet pero, tal-anqas f'moħħi kienet tgħin biex timmarka d-differenza bejn ir-Rediffision konservattiv b'tendenzi kolonjali u r-Radju ta' Malta bil-frivolità u sens ta' ferħ li ġġib magħha il-mużika pop.

https://www.youtube.com/watch?v=ToNb-02n3KY

--Toni Sant (talk) 15:34, 30 April 2020 (EDT)