Talk:Toni Sant

From M3P
Jump to navigation Jump to search

01. MINN FEJN SE NIBDA?

Dan li ġej huwa mnebbaħ minn sieħbi Immanuel Mifsud, li biex jaqta' xi ftit mill-għejja tad-dwejjaq ta' nies li jsegwi fuq il-Facebook għażel li jibda jirrakkonta aneddoti u tifkiriet tal-"mixja mużikali" tiegħu. Qed nagħmel dan mhux għax in-nies li għandi fuq Facebook jien idejquni tant (forsi għax għandi settings differenti biex nagħżel x'nara u ma narax) imma għax għandi bżonn inrabbi aktar kuraġġ biex naffronta l-problema enormi ta' nuqqas ta' storjografija fil-qasam tal-wirt kulturali kontemporanju. Fi kliem aktar sempliċi, għandna nuqqas kbir fil-kitba tal-istorja moderna f'Malta apparti l-ġurnaliżmu u d-dominanza tal-klassi politika. L-eżempju jkaxkar, jgħidu.

Minn fejn se naqbad nibda? Bla ma naħsibha darbtejn, meta kont tifel żgħir kien hemm tlett oġġetti madwari kuljum li ħallew impatt kbir fuq il-gosti mużikali tiegħi. Fil-verità l-oġġetti kienu aktar minn tlieta, imma se ndawwar kollox magħhom, tal-anqas biex ikolli minn fejn nibda.

X'kienu dawn it-tlett oġġetti? Record player, tape recorder, u jukebox.

Ir-record player kien t'ommi. Akkwistatu "mingħand il-Maġġura", kienet tgħid. Din il-Maġġura kienet mara Ingliża li, għandi nifhem, kienet uffiċjal fis-servizzi Ingliżi stazzjonati Malta fis-snin sittin. Ommi u ziti kienu jaħdmu bħala sefturi ma' din is-sinjura li kienet tgħix f'dar kbira x'imkien bejn Ħ'Attard u Ħal-Balzan. Jekk niftakar sew, dan ir-record player kien spiċċa għand ommi meta din il-Maġġura spiċċat mill-perjodu ta' servizz tagħha f'Malta.

Ir-record player kien dejjem id-dar u kultant missieri kien joħorġu u jdoqq xi żewġ diski fuqu. Lil Ommi qatt ma naf li rajtha tużah. Kont għadni mmur l-iskola primarja meta kienu bdew iħalluni nilgħab bih. Missieri kien spegali kif jaħdem u niftakar li qalli biex noqgħod attent sew għal-labra li tmiss mad-diski. Kien oġġett relattivament robust u l-aktar li kienet taffaxxinani fih, apparti l-ħsejjes li joħorġu mid-diski, kienet ir-riħa tassew unika li kien jagħmel wara li jkun ilu mixgħul xi ftit minuti. Riħa li tixbaħ dik tal-ħobż mixwi frisk, imma aktar morra u fl-istess waqt ħafifa. Biż-żmien sirt naf li kienet ir-riħa tal-valvi fl-amplifier żgħir li kien inkorporat ma' dan ir-record player.

Diski kellna xi ftit id-dar. Kollha ta' missieri, naħseb. Niddubita kienx hemm diski li ġew mingħand il-Maġġura. Id-diski ta' missieri kienu jiġu primarjament mill-ħanut tax-xorb li diġà kellu għal xi snin qabel tfaċċat din ir-record player. Fil-ħanut kien hemm jukebox (aktar dwar dan darb' oħra -- u l-istess it-tape recorder, ma se ngħid xejn aktar dwarhom llum) u uħud mid-diski żejda għandi nifhem li kienu jispiċċaw f'din il-kollezzjoni żgħira li kellna d-dar. Naħseb kien hemm xi diski oħra ukoll, imma kont għadni żgħir wisq f'dak iż-żmien biex nifhem jew napprezza eżatt x'kien u ma kienx.

Li naf żgur huwa li l-kantanti favoriti ta' missieri u ommi kienu Frank Sinatra u Elvis, rispettivament. Dan spjegat ukoll mill-fatt li hemm differenza fl-età ta' xi 13-il sena bejniethom. L-aktar diska 45 rpm ta' 7 pulzieri, jew single (kif konna nsibuha) kienet waħda ta' Sinatra. Fuq naħa minnhom kellha diska popolari ferm tiegħu, jidhirli Strangers in the Night, iżda fuq in-naħa l-oħra kien hemm oħra b'ritmu differenti ferm mid-diski l-oħra kollha. Missieri kien jgħid li dan huwa r-ritmu favorit tiegħu: bossa nova.

Dik li aktarx kienet il-B side ta' din is-single mill-jukebox ta' missieri kienet diska li fetħitli bieb għal dinja ta' mużika differenti mill-ħsejjes dominanti ġejjin mid-diski l-oħra kollha Amerikani, Ingliżi, jew Taljani li konna nisimgħu regolarment. Kont iltqajt u tħabbibt mal-ħoss bellusi Brażiljan ta' Antonio Carlos Jobim.

Kull meta nisma' lil Jobim u l-bossa nova bqajt inxomm dejjem ir-riħa tal-valvi jixwu t-trab u l-fluff maqbud fir-record player li ommi akkwistat mingħand il-Maġġura.

https://www.youtube.com/watch?v=bwcmGSUWGw4

Toni Sant (talk) 04:59, 23 April 2020 (EDT)

02. VJAĠĠ BLA DESTINAZZJONI ĊARA

Apparti r-record player li ddeskrivejt fl-ewwel parti, missieri kellu tape recorder. Din kienet magna oħra tassew sinifikanti fil-vjaġġ mużikali tiegħi. Dan il-Philips 4-track reel-to-reel tape recorder kien inxtara mingħand Nani, li għal bosta snin apparti ħanut f'Triq Nofsinnhar il-Belt kellhom ieħor fi Triq it-Torri tas-Sliema. Sa ma wasalt jien fid-dinja, missieri kien diġa ilu juża dan it-tape recorder għal xi snin. Bih kien jirrekordja xi diski minn fuq mir-Rediffusion jew minn fuq it-television, l-aktar dak Taljan li f'dak iż-żmien effettivament kien biss stazzjoni wieħed tar-RAI, għalkemm xi ftit wara kien daħal ukoll l-hekk imsejjah secondo.

Apparti mużika mill-programmi mxandra, missieri kien jirrekordja ukoll lil sħabu li kienu jiġu jdoqqu regolarment bil-kitarri u l-mandolini fil-ħanut tax-xorb li kellu bejn il-knisja ta' San Girgor u l-iskola tal-gvern ta' tas-Sliema bejn l-1954 u l-1979. Fost dawn id-daqqaqa kien hemm Ġianmari tal-Ħamrun, Wiġi Demicoli, Joe Lepre, u ċertu Ġiljan, fost oħrajn, kollha mużiċisti ħbieb ta' missieri. Dawn ir-recordings introduċewni mhux biss ma għażla varjata ta' mużika melodjuża, imma ukoll mal-fernomenu ta' kif żigarella kannella tinħakk ma' rukkell speċjali kienet tiripproduċi ħsejjes li kienet semgħet qabel. Dwar dan ċertament li se jkolli xi ngħid aktar darb' oħra, għax indubjament dan kien l-ewwel pass li wassalni għall-karriera tiegħi fix-xandir fis-snin 80.

Fost il-programmi mxandra li kien iħobb jirrekordja missieri, kien hemm il-festival ta' San Remo. Hawn qed insemmu l-festival kif kien fis-snin sittin u fil-bidu tas-snin 70, qabel ma l-mużika popolari taljana xorbot fiha l-influssi Amerikani u Ingliżi li ħakmu ħafna mill-mużika popolari madwar id-dinja minn dawk is-snin 'l hawn. Fost l-ewwel kanzunetti li niftakar minn dak iż-żmien kien hemm waħda miktuba mill-kantawtur Sergio Endrigo, li sa llum għadni nemmen li hija kanzunetta sofistikata għat-tfal dwar l-ekoloġija u l-ambjent. Din kienet l-L'arca di Noè, interpretata minn Iva Zannichi. F'San Remo tal-1970 din il-kanzunetta kienet ġiet it-tielet. Din Zannichi anke f'xi waħda mill-poeżiji tal-Moviment Qawmien Letterarju kienet daħlet tiżfen dak iż-żmien. Fittxuha f'Linji Ġodda.

Din li jirrekordjaw il-kanzunetti tal-festival ta' San Remo permezz ta' tape recorder (u eventwalment cassette) qabel ma daħlu l-video recorders, mid-dehra kienet xi ħaġa li mhux missieri biss kien jagħmilha. Fil-bijografija tal-kantant Sammy Bartolo, xi membri tal-grupp New Cuorey jirrakkontaw li huma kienu jagħmlu l-istess ħaġa biex l-għada jdoqqu uħud minn dawn l-istess kanzunetti fir-repertorju tagħhom filgħaxija fil-Mellieħa Bay Hotel.

Ftit qabel għalaqt tlett snin u kont ili ftit xhur li bdejt nitkellem, missieri ddeċieda li tkun idea tajba jirrekordja konverżazzjoni miegħi fuq it-tape recorder tiegħu. Talabni nirrakkonta x'konna qed nagħmlu u flimkien kantajna biċċa minn L'arca di Noè, fost affarjiet oħra.

Dan it-tape konna nisimgħuh minn żmien għal żmien meta kont qed nikber. Jidherli li fil-bidu tas-snin 80 konna anke qlibnih fuq cassette, għax it-tape recorder ma konnix għadna nużawh daqs qabel. Però wara dak iż-żmien ma smajtu qatt aktar. Ma nafx x'sar mill-cassette. It-tape oriġinali għadu għand missieri, imma wisq naħseb li qdiem tali li mhux f'kundizzjoni li jindaqq aktar faċilment.

Ridt ngħid ukoll, li dan it-tape recorder ukoll kellu riħa simili għal tar-record player meta jkun mixgħul. Mar-riħa tax-xiwi tal-valvi kien hemm ukoll ir-riħa żejtnija tat-tapes li għalkemm ħafna forsi jaħsbu li m'għandhomx riħa, għalija kapaċi jqanqlu memorji emottivi kbar bir-riħa biss.

https://www.youtube.com/watch?v=C3zBNp5TRjo

--Toni Sant (talk) 10:17, 23 April 2020 (EDT)