Difference between revisions of "Talk:Toni Sant"

From M3P
Jump to navigation Jump to search
m (typo)
m (typo)
Line 1: Line 1:
== 01. MINN FEJN SE NIBDA? ==
== 01. MINN FEJN SE NIBDA? ==

Dan li ġej huwa mnebbaħ minn sieħbi Immanuel Mifsud, li biex jaqta' xi ftit mill-għejja tad-dwejjaq ta' nies li jsegwi fuq il-Facebook għażel li jibda jirrakkonta aneddoti u tifkiriet tal-"mixja mużikali" tiegħu.  Qed nagħmel dan mhux għax in-nies li għandi fuq Facebook jien idejquni tant (forsi għax għandi settings differenti biex nagħżel x'nara u ma narax) imma għax għandi bżonn inrabbi aktar kuraġġ biex naffronta l-problema enormi ta' nuqqas ta' storjografija fil-qasam tal-wirt kulturali kontemporanju. Fi kliem aktar sempliċi, għandna nuqqas kbir fil-kitba tal-istorja moderna f'Malta apparti l-ġurnaliżmu u d-dominanza tal-klassi politika. L-eżempju jakxar, jgħidu.
Dan li ġej huwa mnebbaħ minn sieħbi Immanuel Mifsud, li biex jaqta' xi ftit mill-għejja tad-dwejjaq ta' nies li jsegwi fuq il-Facebook għażel li jibda jirrakkonta aneddoti u tifkiriet tal-"mixja mużikali" tiegħu.  Qed nagħmel dan mhux għax in-nies li għandi fuq Facebook jien idejquni tant (forsi għax għandi settings differenti biex nagħżel x'nara u ma narax) imma għax għandi bżonn inrabbi aktar kuraġġ biex naffronta l-problema enormi ta' nuqqas ta' storjografija fil-qasam tal-wirt kulturali kontemporanju. Fi kliem aktar sempliċi, għandna nuqqas kbir fil-kitba tal-istorja moderna f'Malta apparti l-ġurnaliżmu u d-dominanza tal-klassi politika. L-eżempju jkaxkar, jgħidu.

Minn fejn se naqbad nibda? Bla ma naħsibha darbtejn, meta kont tifel żgħir kien hemm tlett oġġetti madwari kuljum li ħallew impatt kbir fuq il-gosti mużikali tiegħi. Fil-verità l-oġġetti kienu aktar minn tlieta, imma se ndawwar kollox magħhom, tal-anqas biex ikolli minn fejn nibda.  

Revision as of 05:54, 23 April 2020

01. MINN FEJN SE NIBDA?

X'kienu dawn it-tlett oġġetti? Record player, tape recorder, u jukebox.

Ir-record player kien t'ommi. Akkwistatu "mingħand il-Maġġura", kienet tgħid. Din il-Maġġura kienet mara Ingliża li, għandi nifhem, kienet uffiċjal fis-servizzi Ingliżi stazzjonati Malta fis-snin sittin. Ommi u ziti kienu jaħdmu bħala sefturi ma' din is-sinjura li kienet tgħix f'dar kbira x'imkien bejn Ħ'Attard u Ħal-Balzan. Jekk niftakar sew, dan ir-record player kien spiċċa għand ommi meta din il-Maġġura spiċċat mill-perjodu ta' servizz tagħha f'Malta.

Ir-record player kien dejjem id-dar u kultant missieri kien joħorġu u jdoqq xi żewġ diski fuqu. Lil Ommi qatt ma naf li rajtha tużah. Kont għadni mmur l-iskola primarja meta kienu bdew iħalluni nilgħab bih. Missieri kien spegali kif jaħdemu u niftakar li qalli biex noqgħod attent sew għal-labra li tmiss mad-diski. Kien oġġett relattivament robust u l-aktar li kienet taffaxxinani fih, apparti l-ħsejjes li joħorġu mid-diski, kienet ir-riħa tassew unika li kien jagħmel wara li jkun ilu mixgħul xi ftit minuti. Riha li tixbaħ dik tal-ħobż mixwi frisk, imma aktar morra u fl-istess waqt ħafifa. Biż-żmien sirt naf li kienet ir-riħa tal-valvi fl-amplifier żgħir li kien inkorporat ma' dan ir-record player.

Diski kellna xi ftit id-dar. Kollha ta' missieri, naħseb. Niddubita kienx hemm diski li ġew mingħand il-Maġġura. Id-diski ta' missieri kienu jiġu primarjament mill-ħanut tax-xorb li diġà kellu għal xi snin qabel tfaċċat din ir-record player. Fil-ħanut kien hemm jukebok (aktar dwar dan darb' oħra -- u l-istess it-tape recorder, ma se ngħid xejn aktar dwarhom llum) u uħud mid-diski żejda għandi nifhem li kienu jispiċċaw f'din il-kollezzjoni żgħira li kellna d-dar. Naħseb kien hemm xi diski oħra ukoll, imma kont għadni żgħir wisq f'dak iż-żmien biex nifhem jew napprezza eżatt x'kien u ma kienx.

Li naf żgur huwa li l-kantanti favoriti ta' missieri u ommi kienu Frank Sinatra u Elvis, rispettivament. Dan spjegat ukoll mill-fatt li hemm differenza fl-età ta' xi 13-il sena bejniethom. L-aktar diska 45 rpm ta' 7 pulzieri, jew single (kif konna nsibuha) kienet waħda ta' Sinatra. Fuq naħa minnhom kellha diska popolari ferm tiegħu, jidhirli Strangers in the Night, iżda fuq in-naħa l-oħra kien hemm oħra b'ritmu differenti ferm mid-diski l-oħra kollha. Missieri kien jgħid li dan huwa r-ritmu favorit tiegħu: bossa nova.

Dik li aktarx kienet il-B side ta' din is-single mill-jukebox ta' missieri kienet diska li fetħitli bieb għal dinja ta' mużika differenti mill-ħsejjes dominanti ġejjin mid-diski l-oħra kollha Amerikani, Ingliżi, jew Taljani li konna nisimgħu regolarment. Kont iltqajt u tħabbibt mal-ħoss bellusi Brażiljan ta' Antonio Carlos Jobim.

Kull meta nisma' lil Jobim u l-bossa nova bqajt inxomm dejjem ir-riħa tal-valvi jixwu t-trab u l-fluff maqbud fir-record player li ommi akkwistat mingħand il-Maġġura.

https://www.youtube.com/watch?v=bwcmGSUWGw4

Toni Sant (talk) 04:59, 23 April 2020 (EDT)