Sammy Murgo: Oral History

From M3P
Jump to: navigation, search

Sammy Murgo was interviewed by Joe Julian Farrugia for M3P:Oral History on the 11 May 2016 at the St James Cavalier Centre for Creativity.

Listen to Oral History HERE




Following is the interview's transcript:

11 ta’ Mejju 2016

JJF: Sammy, nibdew minn dan ir-ritratt partikolari. Għidtilna li hemm missierek. Qed naraw qisha Mickey Mouse Dance Band.

Murgo: Dak fin-1936 għax wara r-ritratt hemm l-annu. Dan is-Silver Eagle il-Furjana.

JJF: Jiġifieri d-dar fejn illum tgħix il-familja Galea.

Murgo: Iva. In-nies huma: il-papa tiegħi bil-wieqfa bil-vjolin fuq il-lemin, Mike Spiteri ngħidulu Bidittu fuq il-pjanu, Charles Ciangura fuq id-drums fin-nofs, bis-saxaphone huwa Brown insejt x'jismu u Pirrone bit-trumpet.

JJF: In-nies ta' wara huma l-kor?

Murgo: Le, dawk hemm ic-chocolate boy, dak li jbiegħ sigaretti u affarijiet oħra, kien ikun imjegat tal-post, u l-oħrajn wejters u barmen. Hemm qabel kienu jsiru dances u shows...

JJF: Jiġifieri din hi s-sala l-kbira ta' Galea llum, għax il-kobor tagħha hekk juri.

Murgo: Iva mela. U jien naħseb, la naf li fuq il-kbira, għax naħseb fejn hemm ir-recording studio ta' Lito.

JJF: Tiftakru miftuħ is-Silver Eagle?

Murgo: Le ma niftakrux. Kien hemm bieb in-naħa tal-Gotti, mhux minn fejn jidħlu ta' Galea, u nsejt x'jisimha, kienet għamlet bar żgħir, dak biss niftakar jien.

JJF: Tiftakarhom jgħidu minbarra dances x'kienu jagħmlu hemm?

Murgo: Nismagħhom jgħidu, qatt ma niftakar, jgħidu li fi żmien il-gwerra kienu jiġu nisa boxers, itellgħu baħrin jiġġieldu magħhom... hekk is-Silver Eagle, kien hemm dancers' revue, kantanti.

JJF: Ejja nibdew fuqek... twelidt 13 ta' Awwissu 1936, l-istess sena tar-ritratt. Għidilna xi ħaġa dwarek...

Murgo: Twelidt il-Furjana, Balzunetta twelidt, faċċata fejn joqgħod Sammy Galea. Imbagħad morna Conservatory Street, it-triq ta' warajha, morna f'żewġ postijiet, darba naħa u darba n-naħa l-oħra, imbagħad morna noqgħodu quddiem il-Mall meta tfarfart... dejjem Balzunetta. Meta konna żgħar, konna nilgħabu futbol, suldati, boċċi, cowboys dak iż-żmien, il-Mall kien imfarrak. Kien magħluq b'ħajt imma kien immermer, u kienu waqqgħuh u rranġawh ma nafx f'liema sena. Konna mmorru xi talkies...

JJF: Kien hemm talkies Conservatory Street...

Murgo: Crystal Palace. Issa ngħidlek storja fuq hemm. Kien hemm ċertu Ċisju li kien Pulizija mill-Ħamrun, mingħalija, kien m'għola hawn. Konna naqtgħu, ta' tfal li konna, ngħidulu "Sur Ċisju, għandna xelin biss. Daħħalna tlieta." "Ejja għax jekk jiġi tal-kontroll jarrestani!" Dak kien sar garaxx u llum ma nafx eżatt hux magħluq jew għadu garaxx.

JJF: Mela filgħodu kontu tilgħabu, filgħaxija Balzunetta kienet tinbidel. X'kienet l-atmosfera Balzunetta fil-pasat?

Murgo: Kien hemm il-bars. Fl-ewwel kantuniera kien hemm il-British Empire, il-Palladium u l-Flagship, b'restaurant ukoll għax tal-istess familja. Imbagħad it-tieni kantuniera kien hemm il-Klondyke u l-Follies, kollha quddiem il-Mall. Taqsam u tibqa' sejjer u l-blokk l-ieħor kien hemm il-Coal Box. Imbagħad quddiem ix-Xagħra kien hemm Salvo's Bar, Salvu Grima kien jilgħab il-futbol. Quddiem il-Gotti kien l-Old Brown Jug u dak il-bar li għdtlek tas-Silver Eagle. Dawk kollha Balzunetta. Issa jien meta bdejt il-vjolin, kont żgħir bdejtu ma' missieri. Kien jistudja d-dar, kont naqbad żewġ injamiet u noqgħod nilgħab u qalli ngħallmek il-vjolin. Għidtlu iva. Xtrali vjolin żgħir mingħand is-surmast li kien jgħallmu, Agostino Camilleri u beda jgħallimni. Bdejtu meta kelli 9 snin. miet u bqajt xi 6 xhur indoqq waħdi. Imbagħad ġie s-surmast Agostino u qal lin-nanna biex immur ħa jarani. Qalilha li se jagħtini l-lezzjonijiet senza interessi, ma riedx flus. U bqajt għand is-surmast Camilleri. Kien jgħallimni Strada Magazzini l-Furjana. Meta kelli 13-il sena bdejt indoqq fil-knejjes. Ġie ċertu Salvu Mercieca li kien idoqq il-kuntrabaxx, qalli "Trid tiġi magħna għall-quddiesa tal-Milied?" Mort mad-djaknu Ħaż-Żebbuġ. Morna bil-private mal-mużiċisti kollha, kien hemm xi 3 mill-Furjana... Imbagħad bdejt nisma' l-jazz, Stefan Cappelli, Joe Venuti u oħrajn, u għidt kemm hu sabiħ dan l-istil.

JJF: Differenti mill-daqqejt il-knisja.

Murgo: Dażgur, imma la jkollok il-fil iddoqq kollox u abbli ddoqq aħjar. Imbagħad bdejt immur f'xi bar, ma' Eddie Herrera, Ġużeppi, Speditu, mal-Mickey... kollha kont indoqq magħhom. Kont nisswingja ħafna.

JJF: Kont tmur f'xi bara għax zijuk kellu bar?

Murgo: Iz-ziju kellu bar imma mhux għandu bdejt. Bdejt għand il-Britsh Empire. Kien hemm Herrera jdoqq u bdejt miegħu. Wara mort il-Follies, Balzunetta, kien għand iz-ziju u daqqqjet hemm ma' wieħed Speditu. Iz-ziju mbagħad telaq hemm, ħadu ħaddieħor. Mort erġajt il-British Empire, mort il-Flagship... kollha dorthom. Mort ma' Bidittu l-Palladium, kien bar. Kollha bars bil-mużika u ż-żfin. Kienu kbar, tintilef fihom, swali kbar. Imbagħad iz-ziju Minku ħa l-Klondyke u sadattant konna ndoqqu jien u l-kuġin Sammy Galea id-dar tiegħu, kienu joqgħodu Conservatory Street, u konna ndoqqu kull nhar ta' Ħadd, xi sinfoniji, xi Taljani...

JJF: Intom 3 kuġini bl-istess isem..

Murgo: 4 qegħdin! Konna 2 Murgo, wieħed miet Lino, kien parrukkier, kien Salvino wkoll bħali, għax mhux Sammy, aħna kollha Salvino minħabba l-istage. Imbagħad hemm Salvino Galea u Salvino Messina. Jdoqq il-pjanu wkoll.

JJF: Messina kien idoqq magħkom?

Murgo: Fil-bidu konna ndoqqu jien u S Galea biss, indoqqu Torna Surriento, Santa Lucia u dawn l-affarijiet. Imbagħad Salvino Galea mar Ruma jistudja u sadattant bdejt indoqq ma' pjanisti oħrajn, imbagħġad meta ġie erġajna ltqajna u mar l-Ingilterra. Kien għand Stan Tracey, pjanist kbir u Bill Lasage. Meta ġie, kien mod ieħor, stil li kont inħobb jien. Dak iż-żmien Malta pjanist kien idoqq stride, mhux chords bħal-lum. L-ewwel li daqqejna kienet Blue Moon. Meta bdejt invarja bil-vjolin bdejt nieħu pjaċir nisma' l-chords, wara xi sena u nofs qalli "Għax ma taqbadx is-saxaphone?" Għidtlu le! Għamilna żmien twil indoqqu għand iz-ziju, jien Sammy Galea u Ciangura fil-Klondyke. Ġara li kont qed indoqq u l-papa kellu ħabib sassofonist kbir Amerikan Juice Wilson, kien iswed, kien jitħaddet oħxon u qalli "Murgu change to saxophone". Għidtlu "It's too hard!" Qalli "Saxophone is easier than violin"

JJF: Is-saxophone kien għadu xi ħaġa ġdida għal Malta dak iż-żmien?

Murgo: Le, kien ilu Malta. Qabel kienu jordnaw vjolin bħala frontman.

JJF: Strada Stretta u Balzunetta iktar kien ikun hemm vjolini jew saxophones?

Murgo: Vjolini l-iktar. Mhux kulħadd! Kulħadd kien iqabbad pjanu u drums. Jien kont immur b'xejn, kienu jħalluni mmur. Peress li kont żgħir kienu jgħidu "Ġej tal-biċċa", jiġifieri l-pulizija. Kont naqbad il-vjolin u nistaħba għax kont taħt l-età. Ma tistax hemm. Ma kellix badge għax under 18. Allura naqbad il-vjolin u nistaħba. Meta konna l-Klondyke, warajna kien hemm tieqa tiġi għal ġnien. Kemm-il darba naqbeż fil-ġnien u jnewluli l-vjolin, biex ma jaqbadnix il-pulizija. Issa ħalliha li s-surġent kien jaf, imma kien jagħlaq għajn waħda.

JJF: Ġieli daqqejt Strada Stretta?

Murgo: Iva. bis-saxophone. Daqqejt il-Lucky Wheel, l-iSplendid, u daqqejt ftit il-Follies Berges, kien ta' 3 aħwa, wieħed fil-bar, Wiġi bil-vjolin u ħuh Gużeppi bil-pjanu. U qabel bdejt jien kien għall-uffiċjali biss.

JJF: L-atmosfera ta' filgħaxija Strada Stretta kif kienet?

Murgo: Baħrin, suldati...

JJF: Kienu jinqabdu artisti kbar bil-lieva hawn?

Murgo: Kienu jiġu baħrin u suldati u ġieli tinzerta artisti li ġaw hawn, imma mhux se jiġu Strada Stretta. Kien hemm Frankie Vaughan. Dak minn Malta beda, kien tela' l-Premier, mar barra u kien top fis-60's u 50's.

JJF: Naraw ir-ritratti? F'dan ir-ritratt, hemm fejn?

Murgo: Hemm il-Kenner, South Street faċċata tat-Teatru Rjal. Kien l-uniku night club fejn konna ndoqqu l-jazz. Early 60's hemm, konna jien, Joe Curmi l-Pusè, Frankie Camilleri l-Bibi u bejniethom Jack Freaney. Ma nafx x'sar minnu, mar l-Ingilterra, kien drummer tajjeb ħafna.

JJF: Kien bniedem tas-servizz?

Murgo: Le, pajżan Malti. Missieru Ingliż naħseb. Amerikani l-aktar li kien ikollna. Kien qisu night club tagħhom, tinzel 3 tarġiet. Illum hemm ħanut tal-ħwejjeġ. Kien ikun mimli minn filgħodu sa filgħaxija.

JJF: It-tieni ritratt il-Kenner ukoll.

Murgo: Dawk John Bonnet fuq il-bass, jien, Frankie Camilleri u Frans Ciantar "Chico" il-Kumeta. Kien għamlilna uniformi imma hemm storja fuqha insomma...

JJF: Ritratt ieħor, il-ftuħ tal-istudio tar-Rediffusion 1963.

Murgo: Tat-trumpet kien Amerikan, Bud konna ngħidulu; jien bis-saxophone, Victor Miggiani bil-bass, Chico il-Kumeta u Frankie l-Bibi. Dak ftaħnih aħna bħala radio, mhux fejn hemm it-televixin. Kien hemm sala u kien hemm ħafna min jaħdem hemm, Tony Agius tal-kitarra għax kien jaħdem hemm, ċertu Bonello jaħdem hemm, ħafna nies... Sammy Nicholl...

JJF: Ritratt ieħor, hawn il-Metro, Triq l-Arċisqof kantuniera ma' Strada Stretta, ftit 'l isfel miċ-Ċivil...

Murgo: Dan ġew grupp ta' Buddy featherstone. Kienu jdoqqu bla pjanu. Ġew hemm u mort narahom; jien, Xercarm, Vinny, Victor Aquilina arahom jidhru.

JJF: U tal-lemin Twanny Chircop.

Murgo: Iva. Il-Metro kien dance hall, biss kien magħluq u fetħuh għal dakinhar. Kien għalaq, imbagħad tawh permess għal dakinhar. Għamel bar malajr u morna hemmhekk. Tat-tenur baqa' jikitibli, dan ta' lil hawn, imma ma ktibtlux lura, jiust 1 letter u daqshekk.

JJF: Ħa mmorru l-Argotti

Murgo: Hawn qiegħed ma' Laurie London. Kien ikanta He's Got The Whole World, ħareġ top fuqha. Qegħdin; jien, trap bil-baritone, tenur hemm il-Ginger, u l-alto ma nafx min kien. Kien ġabu ċertu Piju mill-Belt biex jagħmel show. Kien diġa popolari. Kien lejn l-Italja u ġabuh hawn.

JJF: Nimmaġina kien hemm ħafna nies...

Murgo: Uhhh dażgur! U konna ma nafx kemm-il mużikant hemm.

JJF: Se mmorru fi Pjazza San Ġorġ, fejn illum hemm Mark's and Spencer. Fil-passat kien ċinema u wara ħaduh Oscar Lucas u Jimmy tal-Irish u semmewh Las Vegas. Hemm 1968...

Murgo: Hemm jien u dak Eric Xuereb.

JJF: Anki dan il-Las Vegas...

Murgo: ma' Frank il-Bibi...

JJF: Il-Las Vegas kien isfel biss?

Murgo: Iva titla' t-tarag u kien hemm sala, kien hemm parti bar u kamra oħra kienet dance floor u kellu sala oħra ġewwa. Konna nużawha fin-NYE għax ikollu ħafna nies u fil-karnival.

JJF: Ħa mmorru r-Rabat

Murgo: Dan storiku. Kien fis-70 il-Grotto. L-owner tiegħu ilu 3 xhur mejjet. Hemm Joe Arnaud li jiġi iben Paul Arnaud, u dak Johnny Dankworth, mużiċist u sassofonist Ingliż. Ħalliena xi 3 snin ilu. Hemm ukoll Frank il-Bibi. Hemm kien restorant u bar. Fejn qeed indoqqu kien bar. Tinżel bit-taraġ, hemm il-bar imbagħad ir-restorant qiegħed imdawwar. Faċċata tal-knisja ta' San Pawl.

JJF: Il-grotto kien darba ġablek tifel Salvu Giordmaina biex tgħidlu hux tajjeb.

Murgo: Iva, hemm storja. Salvu, missier Paul Giordmaina, qalli nagħmillu pjaċir it-tifel hux tajjeb jew le. Kien għadu żgħir. Għdtlu jdoqq xi ħaġa u daqq Summertime. Għidtlu naħseb jekk jistudja u jisma' jiġi tajjeb, u llum wieħed mit-tajbin.Għamel żmien miegħi...

JJF: The Grotto ukoll hawn...

Murgo: Dawk kienu jiġu jisimgħuna, ma nafx min huma.

JJF: Hemm Joe Cutajar...

Murgo: Jista' jkun. Dak kien jiġi jdoqq id-drums. Darba, meta kien ġie t-tieni darba Johnny Dankworth, is-City kien id-drummer propja. Konna jien, Joe Arnaud, Edward Briffa u Toni Barbara bil-bass. imma mbagħad l-mużiċisti ġieli kienu jinbidlu.

JJF: La wasalna fis-snin 70, dak iż-żmien bdiet issir popolari l-jukebox. Kienet ta' theddida għall-mużiċisti?

Murgo: Ħafna. F'ċerti bars bilfors riedu mużiċisti. jekk ikun bar kbir mhux se tixħet jukebox, għax qisek dħalt ġo kannierja. Imma xorta baqgħu iżommu daqsxejn mużiċisti. Li bgħatna lura r-radju l-iżjed. Għax bdew id-discos u bgħatuna lura.

JJF: Imma fejn daħlet il-jukebox xi darba kien hemm il-mużiċisti?

Murgo: Meta bdew il-jukeboxes, f'bars żgħar, fejn kien hemm pjanista biss, neħħewh u ġabu jukebox. Imma bars kbar fis-70's still konna ndoqqu.

JJF: Jiġifieri l-baħrin kienu jippreferu l-live xorta?

Murgo: Iva. F'bar ta' 4mwejjed iva, imma bar kbir b'juke box ma kienx biżżejjed. Li ġara bdew inaqqsu l-ġranet flok sebat ijiem idaħħluna 4 jiem, inaqqsulna. Imma meta kienu jiġu l-Amerikani konna nidħlu minn wara nofsinhar indoqqu minbarra filgħaxija. Nidħlu fis-14.30 u nispiċċaw fis-18.00. Immorru nieħdu xi ħaġa u nerġgħu nibdew fis-19.00.

JJF: Balzunetta u Strada Stretta?

Murgo: Iva t-tnejn li huma. Anki Strada Stretta, anki n-nisa kollha rouge wara nofsinhar lesti għall-Amerikani. Kienu jidħlu filgħodu u wara nofsinhar joħorġu bil-leave. Allura l-karozzini u t-taxis... l-aktar fis-68, 69...

JJF: F'Malta kattolika iktar mill-Papa kien hemm stigma fuq Strada Stretta u Balzunetta?

Murgo: Min kien kap tal-knisja dak iż-żmien kien wisq strett...

JJF: Imma n-nies?

Murgo: Veru, kont issib min jgħid, timxix minn dik il-bankina, imxi mill-oħra. Injoranza għax kulħadd kellu x-xogħol tiegħu. Allura jekk ħaddiem jaħdem hemm? Jien ngħidlek, in-nies ta' Strada Stretta, il-barmaids, il-wejters u l-owners ma kienx hawn nies aħjar minnhom.

JJF: Finanzjarjament?

Murgo: U għajnuna. Jekk kont tmur fuq wejter jew barmaid tgħidilhom "m'għandix flus, tini xi ħaġa". Jgħidulek "hawn hi... mur!" Kienu jiġu t-tallaba. L-ewwel nies huma kienu jagħtuh lit-tallab wara l-ħanut. Illum inqatgħu it-tallaba. Fis-60's u 50's, u l-50's l-agħar, kont tarahom jagħtu l-flus. U d-drinks kienu jħallsu qisu qed iħallas raġel. Fix-xalata iħallsu daqs qed iħallsu raġel.

JJF: Qed issemmi x-xalata. Għidli dwar ix-xalata ta' San Publju...

Murgo: Waħda mill-kbar għax ngħidlek kien ikun hawn il-kowċis, mingħajr tinda. Il-barmaids kienu jilbsu l-jeans jew qalziet...

JJF: Dak iż-żmien in-nisa ħadd ma kien jilbes hekk...

Murgo: U l-kap tal-knisja ta' dak iż-żmien ħadha bi kbira għax jilbsu l-qalziet. U qata' l-kowċis. B'hekk spiċċat ix-xalata. Konna fis-7 jew 8 am, inkunu f'titotla ta' Masu u nibdew indoqqu minn hemm. Kont għadni bil-vjolin. Eddie Herrera bl-accordion, ċertu Anġlu bis-saxophone u jew Charlie Ciangura jew kien hemm ieħor Mikiel mill-Ħamrun bid-drums. Ġieli għamlu kowċ bil-kantanti. Iz-ziju Minku kien ikanta songs ta' dak iż-żmien u Taljani u hekk. Ġieli tellgħu il-janu u kitarra fuq il-kowċ, imbagħad is-seats ta' quddiem meħudin kollha batteries...

JJF: Għall-amplifiers?

Murgo: Mela! Kien ikun hemm xi 5 kowċis u xi 5 jew 6 privates għax-xjuħ, joqgħodu jgħidu r-rużarju imma ħna konna żgħażagħ konna ndoqqu u nkantaw, xalata sħiħa. Kienet tkun sabiħa. Fit-8am konna nqajmu lil kulħadd. Konna mmorru l-Buskett, wara mmorru Għajn Tuffieħa, għall-Armier u l-Mellieħa, Birżebbuġa... u nduru. Konna nlestu għax-xalata minn 3 jiem qabel. Trid tibbukkja seat minn qabel. Jien kont nitla' b'xejn għax indoqq b'xejn. Eddie Herrera tal-accordion kien jgħidlu "Biż-żaqq jew bla żaqq?" jiġifieri bl-ikel? Kienu jagħtuna biċċa ħobż fl-10am bil-perżut jew kunserva jew tadam imbagħad xi ftit fenek l-Armier f'12.00. Jgħidlu "Biż-żaqq," jgħidlu mela 2 liri u nofs.

JJF: Naraw ieħor; il-Buskett Roadhouse 1972.

Murgo: Dak jiena, Victor Fenech tal-bass, Louis Borg u Ray Agius u l-kantant Joe Burrows.

JJF: Ir-Roadhouse x'kien?

Murgo: Bdejt hemm fl-1972. Kien spiċċa Pawlu Arnaud u qalli nidħol floku. Irranġajt mal-imgħallem u bgħatt il-grupp tiegħi u bdejna hemm u għamilt 4 snin u nofs jew 5.

JJF: Dar-ritratt għandu storja, Sammy.

Murgo: Dak il-Buskett Roadhouse qed indoqqu barra. Dak kienu jiġu t-turisti bil-privates, ġieli ġew 2 jew 3 privates, barra hemm. Kien hemm waħda li kienet tour operator, dakinhar ikkraxxjat bil-karozza u mietet. Ma nafx tidhirx hawn. Dak fis-72. Dan l-istess ir-roadhouse u dik Carmen Xerri, toqgħod l-Italja, kienet tkanta ta' Pavone. Dak Victor Fenech, Louis Borg u Ray Agius. Kien ikollna show qawwi. Kien ikollna Revue ta' nisa; kellna Jazz Scandals, kellna magicians, kienu jiġu ħafna artisti, u nies, female impersonators... Ġieli jkunu 12-il mara jiżfnu. Fir-Revue ġieli jkunu bit-tape imma ċerti numbers irrid nidħol jien bil-live. Per eżempju kellhom waħda Fly Me to the Moon. kont indoqqha jien bis-saxophone mat-tape. L-aħħar wieħed flok Ray u Victor kelli lil Lino Cauchi u daqqa Henry Spiteri u ċertu Joe Cutajar bil-bass. Ġie revue darba u ġabulna l-mużika, kif suppost. Lil-leader għidtlu "Din min kitibha l-mużika?" Qalli "I've got an arranger!" Għidtlu "He likes the saxophone. Hard work!" Fl-aħħar qalli "I'm the arranger!" lol

JJF: Ħa mmorru l-Preluna...

Murgo: Hawn l-iSkyroom. Hemm bagħat għalija s-Sur Joe Preca, qalli "Tagħmel spot?" Ried spot u ndoqq ftit ieħor magħom. Hemm Joe George Micallef, ħuh, ċertu Joe u mingħalija Adrian Galea drums.

JJF: L-aħħar ritratt, Black Rose

Murgo: Dak kien fetħu s-Sur Ġorġ Fenech RIP, kont indoqq fuq, qalli li se jiftaħ isfel, night club, top. Ried kwartett u singer. Għidtlu se jqumlek, qalli ma jimpurtax. Dak daqqejtlu t-tieġ, ġie għalija u daqqejtlu. U ftaħnieh; jien, Dominic Galea, Mario Aquilina l-Cocker u kien hemm Tony Bartolo l-Gigu, kien ikanta wkoll. Konna grupp tajjeb.

JJF: Int kont iddoqq ukoll Ħal Far. X'kien isir hemm?

Murgo: Hemm kien hemm l-Amerikani fis-60's, fil-base tagħhom. Il-Ħadd konna nitilgħu jien, Ċikku, l-Bibi u lanqas kellna bass. Konna trio u konna mmorru kull nhar ta' Ħadd. Imbagħad mar Oscar warajna, imbagħad erġajna bdejna aħna.

JJF: Jiġifieri Strada Stretta, Balzunetta u Ħal Far il-klieneti kienu barranin tas-servizz. Maltin kienu jmorru?

Murgo: Ħal Far le. Hemm jekk baħri jkollu girlfriend Maltija jdaħħalha, imma int ma tistax għax kien għalihom...

JJF: Imma Strada Stretta u Balzunetta?

Murgo: Hemm iva. Għand iz-ziju ġew ċerti nies Maltin sikwit, jieħdu pjaċir bix-show, ikunu friendly...

JJF: Tiftakar xi ġlieda?

Murgo: Mhux waħda... miljun. Hekk kienet tispiċċa. Tal-karozzini kienu jipparkjaw Balzunetta, wieħed quddiem il-Coal Box, ieħor quddiem il-Follies, ieħor quddiem il-Klondyke, ieħor quddiem il-British Empire, tul it-triq, u l-oħrajn bil-kju tul il-Mall in-naħa tax-Xagħra biex kif imur wieħed isuq l-ieħor. Allura kienu jaraw xi wieħed bid-daqna u jgħidulu "Cabby? Cabby?" No iwieġeb. "Take it to the barber, Sir!" u malajr tinqala' ġlieda. Il-ġlied ma kienx spiss Balzunetta, Strada Stretta iktar. Kien hemm iktar ħwienet tal-barmaids, imma l-Furjana inqala' nkwiet imma bejniethom milli mal-Maltin. Jekk ikun hemm l-Amerikani u l-Ingliżi malajr tinqala' ġlieda. Jgħidlu "You're English" u jaqbduha. Darba z-ziju siefer u ħalla lili nieħu ħsieb intellagħhoim għax-show. Kien hawn ta' New Zealand. Kien hemm il-gwerra tas-Suez. Ta' New Zealand kienu ġganti. Kien hemm waħda Frances u għidtilha "Aħseb għax-show." Kienet tkanta u tiżfen. U dan ħaseb li għidtilha biex tqum minn miegħu biex tmur fejn ħaddieħor. Qalli "she's going to stay." Għidtlu "No, it's time for the show" jiena. Beda jsabbatu jien għidtilha biex tgħidlu u dik qaltlu "No he's like the bos" Qalilha "I don't care" u ġie jiġri warajja. Jien tlaqt niġri. Id-dar tagħna kienet kważi ħdejn il-Klondyke. Dak ma jafhiex il-Furjana, dortlu mal-kantuniera u dħalt id-dar u mill-gallarija rajtu jdur 'l hemm u 'l hawn. Ma mortx lura. Kien hemm wieħed minnhom ta' New Zealand, refa' tapp ta' fossa minn tal-Furjana, ġebla, tellagħha fuq rasu, inqasmet, waqgħet fuqu u miet. Iz-ziju biex ma jaqilgħux ġlied, kien iqabbad tnejn minnhom, jagħtihom birra b'xejn biex jieħdu ħsieb. Għax qabel fil-ħwienet, kull faċċata kien hemm mirja kbar, mal-ħitan kollha, tar-reklami, kbar u sbieħ. Biex wieħed jaqbad flixkun u jkissirhielek ma jrid xejn. Kien jgħidlu "You can drink if you take care of them." "Ok boss." U birra b'xejn u jieħdu ħsieb. Idea tajba, għax sakemm jiġu tagħhom ifarrku ħanut.

JJF: Strada Stretta kien hemm 2 għases. Fil-Furjana d-Depot kien diġa tal-pulizija?

Murgo: Le, kienu għadhom Santa Venera...

JJF: Kien hemm preżenza ta' pulizija Balzunetta?

Murgo: Iva mela. Kien hemm għassa fejn il-Klondyke. il-Mall. Imma b'dawk in-nies kollha, 3 pulizija!

JJF: Kien hemm Shore Patrol u Red Caps?

Murgo: Iva mela. L-Amerikani kellhom tagħhom u l-Ingliżi wkoll.

JJF: Kellimni dwar bandmasters li daqqejt magħhom.

Murgo: Jien daqqejt ma' Pawlu Arnaud fil-karnival

JJF: Fil-karnival biss?

Murgo: Għax dak kien jgħix barra. Kien jiġi u jgħidli itla' doqq 4, mhux għal flus. Ballijiet l-Ambassadior, l-Embassy... Ma' Oscar daqqejt, ma Jimmy Dowling għamilt żmien ukoll, imma l-aktar li daqqejt f'night clubs u barss. Imbagħad iltqajt mat-tifel tyal-kuġin, Dominic u morna fil-hotels. Għamilt żmien ma' Jimmy Dowling fil-hotel u kien hemm Sammy Galea wkoll, imma mbagħad meta tfarfar Dominic bdejt indoqq miegħu: Corinthia, u daqqejna ħafna postijiet.

JJF: Il-Premier ġieli daqqejt?

Murgo: Iva daqqejt ma' Jojo, ma' Oscar, ma' Vinny... Il-Premier qabel kien bl-imwejjed u kien ta' Kruċ Bonaci, l-area li hemm illum imma kollha mwejjed. Kien iservi ġelati, ħelu, birra. Nhar ta' Sibt kien ikun mimli. In-nies jistennew taħt il-loġoġ biex jieħdu mejda. Kif tqum mejda jiġġieldu min joħodha. Is-Sibt daqqa jmiss lil Vinny, daqqa Oscar, daqqa Valente... għax is-Sibt ġieli jkollok xi tieġ. Issa dak iż-żmien it-tiġijiet iktar kienu l-Ħdud milli l-Ġimgħa u s-Sibt bħal-lum.

JJF: Fi żmien meta amplifikazzjoni ma kienx hemm bħal-lum, f'post kbir x'kien jiġri?

Murgo: Amplifier Meazzi, żewġ speakers daqshekk u dak kollox. Il-Phoenicia, mhix kbira, microphone biss imma hemm akustika kbira. Meta tkun mimli bin-nies, xi dance tal-Karnival u tkun solista agħar. Bilkemm tifhimna.

JJF: Il-Premier kien iktar Maltin minn Strada Stretta?

Murgo: Il-ġimgħa kollha Maltin imma ġieli kien ikun hemm xi Ingliżi. Dak iż-żmien kien hawn il-kantanti, Mary Spiteri, Enzo Gusman, dawk kollha kienu żgħar.

JJF: Tiftakar kantanti kbar li ġew il-Premier?

Murgo: Ma tantx, iktar lil dawn il-Maltin. Darba għamlu jamboree hemm, l-iktar li għamel ħoss kien Juice Wilson, werwer lil kulħadd. Qabel kien hawn mużiċisti kbar. Kien hawn George Borg sassafonist u jkanta, kien il-Vernon, fejn hemm is-Central Bank issa. Kien ikanta jħoll in-nies għas-songs ta' dak iż-żmien, standards. Kellu grupp , Darmanin pjanista llum l-Amerika, kellu wieħed Naxxari... Flok is-Central Bank kien night club għall-Ingliżi. Il-Maltin setgħu jidħlu imma l-Ingliżi setghu anki jidħlu hemm, ibiddlu l-uniformi u jiġu pajżana.Kellhom bħal quarters tagħhom, imma dak iż-żmien il-mużiċist kien stmat, avolja bi ftit flus...

JJF: Kemm kontu titħallsu?

Murgo: Ghax kont solista ma' Jimmy kelli lira u nofs ta' serata.

JJF: Paga normali kemm kienet dak iż-żmien?

Murgo: Il-posta jien kelli 24 lira fix-xahar

JJF: Jigifieri inqas minn lira kuljum, u solista kellek lira u nofs

Murgo: Fil-57 qed ngħidlek. JIen dejjem b'lira u nofs kont. Il-Kenner kelli 12-il lira fil-ġimgħa, tajjeb,. imbagħad morna Palm Beach, Baħar iċ-Ċagħaq, ħmistax-il lira plus il-bonus.

JJF: Il-bonus għal xiex kien?

Murgo: Skont kemm taħdem. Konna jien, Frank Camilleri l-Bibi, VInce Fiteni, Charlie Lucas u Joe Cutajar ikanta, imbagħad kien hemm Max Stevens bil-kitarra u Mr Stuart. Meta kien jagħtina l-boinus ċekk, meta konna mmorru lura d-dar ġo vann magħluq, iid-driver għajnejh ħamra... allura "Kemm tak?" Ma ngġidux kemm tana. Darba lil Max ħsadtu, għidtlu "I know somebody is getting more than myself". Qalli "Sammy, I tell you, you're the best"

JJF: Lilek kien iħallas l-aktar!

Murgo: He, he... dak anki vjolin kont indoqq miegħu, tal-cowboys. Kien iħobbni ħafna.

JJF: Ġieli kellek ħajra terġa' lura għall-vjolin?

Murgo: Meta ħadt grazzja mas-saxaphone, imbagħad il-vjolin xtaqtu. Meta bdejt ma' Sammy Galea ndoqqu She's Funny That Way, l-ewwel darba bis-saxophone.Imbagħad indoqq bil-vjolin, imbagħad indoqq bis-saxophone, u għoġobni s-saxophone. Jiddispajiċini li tlaqt il-vjolin. Kieku llum nista' ndoqq il-vjolin ukoll.

JJF: Imma l-Maltin jafuk bis-saxophone

Murgo: Għax ħriġt barra. Bil-vjolin kont biss fil-knejjes u xi bars antiki.

JJF: Taħseb li bil-vjolin stajt tagħmel li għamilt bis-saxophone?

Murgo: Ma nafx. Imma kieku kont indoqq tnejn bil-vjolin ukoll. Imma professur fuq strument wieħed! Tant ħadt grazzja mas-saxophone li Joe il-Puse qalli naqbad il-bass, imma għidtlu le. Għdtlu dak ma niżvugax bih jien.

JJF: Minbarra l-imħabba tas-saxophone kellek imħabba oħra. Il-mara...

Murgo: Dik mill-Belt, kontrina. Kont indoqq il-Kenner kien u darba l-Ħadd kont off, ta' Rafel Dowling kien hemm, u kien hemm missierha, kien ħabib tiegħi. Ħabib tiegħi kien jaħdem l-Imperial. Qalli "Sammy tiela' l-Imperial?" Qalli "Ħu paċenzja niżżilli t-tifla" Għidtlu ok. Iltqajt xi 4 darbiet maghom sadattant. Għidtilha li bgħatni missierha għaliha. U ħriġtha daqsxejn, morna għand Eddie's Bar, ħadna 7up u bqajna sejrin. Imma jien wassalthielu mimlija, għax xorbot u tajtha tiekol hehehe. Imbagħad iżżewwiġna wara sejtejn u nofs. Iżżewwiġna San Ġakbu l-Belt u għamilna t-tieġ fejn kienet taħdem; l-Imperial. Il-General Manager taha s-sala b'xejn u kelli mużiċisti iktar milli jkollu l-President. Kelli lil Paul Arnaud, Sammy Galea, Valerio Valente, Lucas... kollha. Għidtilhom għall-flus imma daqqew b'xejn. Kelli ndoqq jien ukoll! Morna noqgħodu l-Furjana. Il-mara taf nies mill-Furjana iktar minni. Jien naf ħafna mill-Belt.ċ

JJF: X'jisimha s-Sinjura?

Murgo: Elizabeth, kienet Zahra. Murgo huwa Spanjol skont l-istorja. Kienu tferrxu u n-naħa ta' missieri Sqalli u n-naħa ta' ommi minn Napli. Ommi xebba Bichiello. Żewġ familji ġew Malta fil-gwerra u baqgħu hawn. Tfal għandi erbgħa, Patrick il-kbir, Cynthia, Claire u Keith. Ħadd minnhom ma jdoqq. Ma ridtx ngħallimhom.

JJF: Ma kienux jinteressaw ruħhom jarawk iddoqq?

Murgo: Keith iva, kien imħajjar għall-pjanu. Għidt lil Dominic li se nibgħatu. Krejtlu pjanu mingħand Nani u beda jiġi ir-raġel tat-tifla, idoqq fuqu. Kien ikun qed jistudja, nistaqsih fiex inhu, u sibt li kien qed jaħdem bl-udit. M'għamilna xejn.

JJF: Iddoqq id-dar? Ma tħajrux jarawk iddoqq?

Murgo: Le, ħajjarthom għall-iskola biss. Fi żmieni kien mod ieħor. Kien hawn il-faqar ta' wara l-gwerra allura n-nies jaħdmu jridu mhux jistudjaw. Jien tlift lil missieri żgħir. Kelli 9 snin. 15 ta' Mejju, se jagħlaq 80 sena mejjet. Bilfors ridt tfittex biex taħdem, imma llum differenti. Jekk lit-tifel tgħidlu jitgħallem i-pjanu u ma jridx, xi trid tagħmel? Allura tgħallmu l-iskola u ma jiddispjaċihomx. Il-kbir tajjeb ħafna, iż-żgħir pilot, l-oħrajn għandhom jobs tajbin ukoll. Jien nannu ta' sitta u ħadd minnhom m'hu mħajjar għall-mużika. It-tifla tat-tifel bdiet il-pjanu u marret tajjeb imma mbagħad marret lura. U taż-żgħir moħħha biex tkanta u tiżfen.

JJF: Ġioeli rġajtu ltqajtu ddoqqu int, Sammy Galea u Messina?

Murgo: Ma' Messina le.

JJF: Messina fejn qiegħed?

Murgo: L-Ingilterra. Imma dak jaħdem Bermuda, hemm hotel ilu żmien hemm. Idoqq il-pjanu. Bħala jazz imma Sammy Galea. Messina fuq klassiku. Kapaċi imma aħjar ma' Sammy fuq jazz. Illum nippreferi ma' Dominic milli ma' Sammy. Għax Sammy dara jdoqq waħdu.

JJF: Ġieli kkomponejt?

Murgo: Le. Kif naqbad pinna jitgħali San Filep u Dominic jgħidli, "Int tagħmel improvisation, ma tagħmilx song?" Ħeqq...

JJF: Hobbies għandek?

Murgo: Le, l-aktar nara xi futbol, insajjar, għax meta spiċċajt mill-Posta ħsibt li se noqgħod kemm irrid fuq is-sodda, imma kif għadda xahar bdiet tagħtini ferneżija. Għidt lill-mara biex nibda nsajjar jien. Dik għoġbitha wara 40 sena!

JJF: Kieku kellek tibda l-karriera inti llum, issir mużiċist?

Murgo: Kieku nerġa' issa le. Għax in-nies illum moħħhom kemm tiċċaqlaq fuq l-istrument, kemm titkessaħ meta ddoqq. Hekk biss jaraw. Jien għamilt sentejn ma ndoqqx għax xi ħadd ħariġha li jien jazz biss naf indoqq. Naf min ħariġha. Darba kont dieħel tieġ, kien hemm manager ta' hotel, qalli mela int iddoqq pop ukoll? Għidtlu dażgur. Qalli għax qalu li jazz biss int. Qalli "Ejja kellimni". Ħsibtu qal hekk għax xorob. Imma ċempel u qabbadni.

JJF: Liem kien l-akbar dizappunt tal-karriera?

Murgo: Li għidtlek. In-nies injoranti. Jgħidu "Dak tajjeb, taf kif jaqbdu s-saxophone?". Mużiċist qatt ma ngħidlu ħażin. Bħal meta kienet tiġi t-tifla tgħidli "Dak jaf idoqq" ""Xi jdoqq" "Dak dj!" Iddoqq id-diska mhux hu!

JJF: Fis-snin sebgħin it-theddida kienet il-juke box. Illum għandkom ħadna theddid. X'inhu l-futur tal-mużiċist live f'Malta?

Murgo: Jekk ma tgħinx il-media, il-mużiċisti li hawn ftit kapaċi se nitilfuhom. Illum il-mentalita tal-poplu, il-media kissritulhom. Fis-60's ma kontx tisma' dat-twerziq u għajjat. Kont tisma' Big Bands... Għax morna lura?

JJF: Mhux il-mużika evolviet?

Murgo: Tħassret mis-60's 'l hawn. meta ħarġu l-Beatles. kellhom songs sbieħ imma llum marru avant garde. Fis- 60's jien daqqejt l-ewwel wieħed avant-garde, ma' Charles Camilleri, free form. Kont niddejjaq, 2 chords tvarja fuqhom biss. Mhux melodija u timporvizza fuqha, tagħmel melodija oħra fuqha. Illum ħafna ħsejjes... Ma qbiltx li hi jazz, aħseb u ara ta' llum. Fejn hi l-melodija?3 jew 4 chords l-iżjed! Staqsi mużiċisti kbar! Illum bumm bumm bumm... U l-media ħassret iżjed lill-mużiċist. Jien kontriha. Anki ċerti festivals ma nismagħhomx, naqbad l-earphones u nisma l-jazz. Dak jogħġobni u minnu nitgħallem.

JJF: Kemm għandek żmien?

Murgo: Se nagħlaq 80 f'Awwissu.

JJF: Wara l-kunċert ta' jumejn oħra, x'se jkun il-futur tiegħek?

Murgo: Ħsieb ta' xejn. Nirringrazzja lil Dominic Galea għax li ma kienx għalih, la s-cd u lanqas il-kunċert ma kont nagħmel. Kien ilu jgħidli. Darba għamilna cd u ġie Alex Manche għax jieħu pjaċir, u issa ħriġna das-cd, li ma kienx għalih u Noel Grech, xejn ma sar. Dominic l-aktar!

JJF: Qiegħed iddoqq xi mkien regolari bħalissa?

Murgo: Il-Ħass ġieli nkunu l-każin tal-Furjana ndoqqu l-jazz. Il-bqija daqqejt Mother's Day ma' Dominic... imma mkien residenti. Ma' Dominic nieħu pjaċir indoqq għax rasi mistrieħa... għax tisma' chords sbieħ u nieħu pajċir, mhux għall-flus biss, għas-sodisfazzjon għalija u għan-nies.

JJF: Xi tgħid dwar Manche? Ix-xiħ u t-tifel.. għidli...

Murgo: In-nannu ta' Alex Manche kien pjanist kunċertist. Sammy Galea kien jitgħallem għandu u kien jgħidli "Imxi miegħi" Dingli Street. Dak kellu orkestrina. Sammy qallu "Dan kuġin tiegħi, idoqq il-vjolin". Mart is-surmast kienet iddoqq il-vjolin ukoll. Mort xi 3 darbiet imma ma mortx iktar għax ridt immur tas-Sliema. Dak kien fil-50's. Snin wara, fl-1997, meta qabadni heart attack, mort l-isptar u ltqajt ma' t-tifel tat-tifel: Alex, fl-uffiċċju tiegħu. Kien qed jieħu ħsieb pazjenta u lil tabib Taljan qallu biex jaqdi lili. Jien staqsejt "Who's Mr Manchè?" Qalli Jien! Għidtlu li kont indoqq ma' missieru u qalli dak in-nannu! F'daqqa waħda qal lit-Taljan, "Take care of her" u kompla miegħi hu. Imbagħad qalli li għandi bżonn bypass, u ma ried xejn. Qalli "Issa trid iddoqq miegħi!" Kien għadu kif jgħidli li 98% fuq l-operazzjoni kien hemm ċans li tirnexxi l-operazzjoni u 2% riskju li tagħtini stroke. Għidtlu "Jekk jagħtini stroke ħallini nitlaq u la ndoqq miegħek u lanqas ma' ħaddieħor" Qalli "No, you'rer a strong man. Wara l-operazzjoni, suppost għamilt 6 ġimgħat id-dar. Iddejjaqt u bdejt nipprova s-saxophone. Għamiltha fil-25 ta' Jannar u fl-1 ta' Marzu ħriġt indoqq. Għidtlu li bdejt indoqq. Qalli "Is it true? Mela niltaqgħu!" Ili 19-il sena mmur għandu kull nhar ta' Tnejn, minbarra meta jsiefer, jew ikollna xi ħaġa.

JJF: Nirringrazzjak Sammy. Il-Bambin jagħtik 80 sena oħra.