Tony Cassar Darien
The text on this page is in Maltese. Essential elements from it, if not the whole page, must be translated into English. The Maltese text that appears here needs to be migrated to the appropriate name space. This note is also intended to mark this page for the attention of M3P administrators and advanced editors who can act on it.
Tony Cassar Darien twieled il-Gżira fl-1946. Kienu ħafna l-aspetti tal-arti performattiva li huwa mess magħhom b’mod dirett; fosthom ir-reċtar, il-kitba, il-kritika, u l-produzzjoni għall-palk, ir-radju u t-televiżjoni. Madankollu, nistgħu ngħidu li Cassar Darien huwa sinonimu l-aktar mal-immaniġġjar u d-direzzjoni artistika. Dan narawh minn żewġ tappi partikolari fil-karriera tiegħu. Fl-1981 Cassar Darien sar il-Prinċipal tal-Manoel Theatre Acadamy of Dramatic Arts (MTADA), fejn għafas fuq il-kuntatt regolari tal-istudenti mal-pubbliku. Bejn l-1993 u 2007 Cassar Darien imbagħad serva bħala l-ewwel Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel, snin li kienu kkaratterizzati minn serje ta’ inizjattivi ġodda, fosthom Loġġa Palk u Poeżija Plus.
Cassar Darien kien ukoll responsabbli għal inizjattivi mmirati biex jiġbdu lejn il-Manoel kemm artisti ta’ fama internazzjonali, kif ukoll udjenzi barranin. Dan għen biex it-Teatru jitpoġġa fuq il-mappa internazzjonali. Fost dawn l-inizjattivi, insibu żewġ edizzjonijiet tal-Manoel Baroque Festival (2000 u 2002) organizzati flimkien ma’ Petra Bianchi u Peter Serracino Inglott, kif ukoll it-tmien edizzjonijiet tal-BOV Opera Festival. B’riżultat ta’ dawn, Malta għenet biex titwaqqaf l-Assoċjazzjoni tat-Teatri Qodma fl-Ewropa. Din tat lok għall-bidu ta’ produzzjonijet konġunti mal-Opera Laboratorio tal-Opera ta’ Palermo, Ateni u Ċipru. Cassar Darien jagħti wkoll importanza lix-xogħol fi ħdan il-Kumpanija Nazzjonali tad-Drama. Din il-kumpanija pproduċiet numru ta’ xogħlijiet importanti – Il-Borġ Pisani (Anthony Portelli), Id-Disklu (Stephen Florian), 1919 (Ġuże Chetcuti), u Il-Ġaħan ta’ Binġemma (Francis Ebejer). F’dawn il-produzzjonijiet spikkat ix-xewqa li jinħadem teatru li mhux biss joffri divertiment, iżda li jistimula wkoll il-ħsieb fl-udjenzi tiegħu.