Mario Azzopardi interview in Ir-Realtá

From M3P
Jump to navigation Jump to search

The following is a transcript of an interview carried out by Fabio D'Amato with Mario Azzopardi (known as il-Mulej) for the student newspaper Ir-Realtá in 2007.

Transcript

Dan l-aħħar ippubblikajt ktieb għall-adolexxenti – Alicia, ġieli tħajjart tippubblika proża għal udjenza aktar matura, li bla dubju tasal għand il-poplu aktar mill-poeżija?

Fil-fatt, minħabba n-natura ta' dawn l-istejjer, li għandhom sfond soċjali qawwi (u għal Malta anki riskjuż - għax dan il-pajjiż għad għandu l-mentalità tad-dinosawri) il-ktieb qed jimxi wkoll fost l-adulti. It-temi huma provokatorji, u jinkludu anki l-abbuż sesswali u r-realtà tas-separazzjonijiet u l-arranġamenti tal-konvivenza, fl-assenza tad-divorzju. Forsi minħabba dawn il-materji, kont imgħarraf mill-pubblikaturi li kif ħasbu huma, il-ktieb qed jappella anki lil pubbliku adult. Kien għalhekk ukoll li Merlin Library ħarġu żewġ verżjonijiet tal-qoxra - waħda li suppost tappella għaż-żgħażagħ u l-oħra biex taqbad aktar lill-adulti. Imma l-ktieb inkiteb espressament għaż-żgħażagħ. Ried jipprova jippenetra d-dinja tagħhom, bl-ansjetajiet kollha tagħhom, bid-dubji, bis-suspetti, bl-aljenazzjoni skemata, bl-isfiduċji tagħhom kontra l-kostruzzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet ta' qabilhom. Wara Alicia ktibt sett ieħor ta' stejjer riflessivi, li għandhom joħorġu s-sena d-dieħla.

Kif kienet l-atmosfera fis-sittinijiet? Il-poplu inġenerali kif kien iħares lejn il-Moviment Qawmien Letterarju? Għandek xi esperjenzi partikolari?

Din mistoqsija li biex titwieġeb trid ktieb sħiħ. Ħalli ngħidu biss li kienet epoka ta' tiftix sfrenat għal forom ġodda ta' identità, l-aktar fil-kamp tal-letteratura u ta’ l-arti, meta konna diġa bdejna nħossu sew ir-rippressjoni ta' pajjiż li (għadu sal-lum) ma jagħrafx id-distinzjoni bejn l-affarijiet ta' l-istat u l-affarijiet reliġjużi. Dan biex nagħti eżempju wieħed li kien, bażikament, il-bażi ta' ħafna mill-kunflitti mentali li eżistew fis-Sittinijiet. Dawk kienu żminijiet ta' protesta, ta' liberazzjoni sesswali, tal-wasla tal-femminiżmu, tas-sustanzi alluċinoġeniċi, tal-Beatles, tar-Rolling Stones u tal-letteratura sovversiva. Mhux l-awturi kollha kellhom il-kuraġġ li jilqgħu dawk l-isfidi. Bosta minnhom għamlu kompromessi ħfief ma' l-Establishment jew mal-forom ta' l-arti tradizzjonali. Anki fil-Moviment Qawmien Letterarju kien hemm kategoriji differenti: kien hemm il-kompromessi u kien hemm min ried ikarkar b'formalitajiet li jien kont allerġiku ħafna għalihom. Kien għalhekk, minħabba dawk il-kompromessi li jien kont tlaqt mill-Moviment. Jekk niftakar sew, domt naħdem fil-Moviment minn mindu twaqqaf fl-1967 sas-sena 1972.

Minn fejn ġie l-laqam “il-Mulej”?

Iktar minn laqam kien mod ta' kif kien isejjaħli kulħadd. Rari kienu jsejħuli b'ismi proprju. Fil-Kulleġġ ta' l-Għalliema kellna ħafna xogħol, ħafna impenji, u ridna nlaħħqu wkoll ma' l-istudju. Bħala ċajta, kont ngħid li s-Sistema qed issallabna, ġabitna sew - u għalhekk kont noħloq speċi ta' kant ritwalistiku, ibbażat fuq "is-salmi", u dejjem kont nitlob lil sħabi jirrepetu l-mantra. Il-mantra dejjem kienet tispiċċa bi frażijiet bħal "Kemm ġabna tajjeb il-Mulej", jew "Ngħollu ħarsitna lejn il-Mulej". Dawk ir-ritwali nissluli t-titlu. U kien hemm ħaġa oħra. Jien kelli d-daqna, kont inżomm xagħri twil, kelli wiċċi pjuttost mixrub, u jidher li l-fiżjonomija tiegħi kompliet affermat il-laqam.

Taħseb li l-linji ġodda tas-sittinijiet kienu vera linji ġodda? U llum għadhom b’saħħithom dawn il-linji ġodda? X’taħseb dwar kittieba u poeti Maltin kontemporanji bħal Immanuel Mifsud, Ġuże Stagno, Karl Schembri, Adrian Grima u l-bella kumpanija?

Kienu ġodda għal Malta, mhux għall-Ewropa jew ghall-iStati Uniti. Infatti, ħafna mill-kitba tagħna f'dawk iż-żminijiet kienet influwenzata, direttament jew indirettament mil-letteratura kontemporanja barranija. Illum ħafna minn dawk il-versi jidhru "innoċenti wisq", anki jekk it-temi kienu ħafna drabi, temi ribelli. Imma kien hemm materjal awtentiku, li jirrifletti l-ansjetajiet ta' l-epoka. Uħud minnhom għadhom jgħoddu sal-lum. Ngħidu aħna s-sistema tribali politika għadha magħna; l-ipokrezija u l-bigottiżmu għadhom magħna; l-esplojtazzjoni taż-żgħir u ta' min m’għandux leħen għadhom magħna wkoll. Imbagħad hemm l-istil: l-istil kien ġdid u fil-fatt, lanqas illum m'huma jkunu esplorati stili ġodda. Il-ġenerazzjoni ta' l-awturi tal-lum hi ġenerazzjoni aktar ipplakata u ma jidhirx li għandha sfida, la tematiċi u lanqas stilistiċi, x'taffronta. Barra minn hekk, l-awturi tas-Sittinijiet għadhom attivi ħafna. Ma jfissirx li huma involuti bħala awturi b'leħen li jippenetra jew jinfluwenza l-isfera pubblika, imma għadhom attivi ħafna.

Int involut sew fit-teatru, taħseb li t-tip ta’ teatru li għandek x’taqsam miegħu għandu biżżejjed promozzjoni?

Ironikament, l-aktar li għandu promozzjoni hu barra minn Malta. Jien immexxi ħafna workshops fl-Ewropa, dejjem konnessi ma' teatru favur l-emarġinati jew favur gruppi vulnerabbli. Ix-xogħol li mmexxi jien barra minn Malta huwa konsistentement issapportjat minn skemi ta' l-Unjoni Ewropea, li kif taf, għandha politika partikolari u aċċentwata dwar il-koeżjoni soċjali. F'Malta dak it-teatru naħdmuh ukoll, imma fin-natura tiegħu, donnu li ma jaffordjax wisq pubblicità għax jinvolvi gruppi bħall-eks drogati, ħabsin, nisa abbużati, eċċ. Dwar dawn il-gruppi trid toqgħod attent: trid tipproteġilhom l-identità tagħhom. Imma xogħol f'dan is-sens qed isir f'Malta wkoll. Fiċ-Ċentru tad-Drama li nieħu ħsieb it-tmexxija tiegħu, introduċejt kors apposta fit-Teatru Komunitarju. U studenti minn dak il-kors diġà ppreżentaw diversi proġetti f'pajjiżi oħrajn jew flimkien ma' partners Ewropej.

Int titkellem ħafna kontra l-midja f'Malta għaliex temmen li qiegħda tintuża b'mod anti-demokratiku għall-interessi ta' ċerti nies partikolari. Jekk temmen hekk għala tippubblika kotba u artikli f'mezzi ta' komunikazzjoni li huma kontrollati minn monopolji kbar (bhal gazzetti konservattivi) li għandhom ħafna interessi poltiċi u kummerċjali?

Għalija l-importanti hu li jkolli pjattaforma demokratika, fejn nista' nwassal dak li rrid ngħid bil-libertà kollha, mingħajr ma nkun iċċensurat. L-edituri tiegħi jafu li jekk jiċċensurawni b'xi mod, nitlaq. Ironikament, dejjem kienu l-edituri "xellugin" (jew missni ngħid "psewdo-xellugin") li ċċensurawni, li ħolquli l-problemi, li ma ttollerawx l-operat tiegħi jew li, addirittura, ippruvaw jassassinawli l-karattru.

Id-dinja tal-lum hi meqjusa stabbli minn ħafna nies, madanakollu xorta fiha ħafna kontradizzjonijiet. X’taħseb fuq temi bħall-kriminalità u d-droga?

Ma naħsibx li d-dinja tal-lum hi meqjusa bħala stabbli. Anki fl-iStati Uniti, il-perċimes li tippromwovi lilha nfisha bħala pajjiż liberu, hemm ħafna gruppi dissidenti. Il-globalizzazzjoni reġgħet instigat il-protesti ta' miljuni ta' studenti u żgħażagħ oħra, ibda minn Seattle sal-lum, meta jiltaqgħu l-irjus tal-G8. Ħafna jirrikonoxxu l-instabbiltà mondjali u fenomeni bħad-droga u l-kriminalità (li m'humiex xi ħaġa tal-lum biss) huma ftit mill-effetti ta' dik l-instabbiltà.

X’jidhirlek mill-attitudni ta’ l-istudenti tal-lum meta mqabbla ma’ dawk tas-sittinijiet u sebgħinijiet?

Huma aktar imfissdin, aktar protetti u aktar passivi. Għandhom opportunitajiet inkredibbli, wisq aktar minn qabel, imma jidhru li huma ixxamplati, m'għandhomx l-istint kumbattiv. Forsi waslilhom kollox fuq platt u ma jarawx dwar xiex għandhom jiġġieldu. Forsi huma aktar makakki wkoll - għas-sopravivenza, jagħmlu fattihom minn taħt, imma ma jippreżentawx ruħhom fil-front line. Fejn imbagħad għandek il-militanza "politika", din hi militanza li taġixxi taħt l-umbrella tal-partiti. Jiġifieri kważi dejjem għandek "safety net". L-awtonomi u r-radikali huma ftit ferm. Fis-sittinijiet/sebgħinijiet kien hemm aktar konfronti diretti, kien hemm aktar għalxiex tiġġieled, aktar drittijiet li riedu jkunu affermati, bħad-dritt tal-libertà fl-istampa u fix-xandir, id-drittijiet ta' l-omosesswali, drittijiet għan-nisa, id-dritt tas-sekularizzazzjoni, id-dritt tal-libertà politika miftuqa mill-politika, id-dritt għal-libertà tal-kuxjenza (ma stajtx issir għalliem, eż. jekk jimblukkak il-kappillan) u ħwejjeġ bħal dawn. Taħt forom oħra, aktar sottili, dawk l-oppressjonijiet għadhom hemm, imma b'mod ħafna aktar sottili.

Fl-1998 kont membru tal-policy unit tal-ministeru ta’ l-edukazzjoni u kultura, tħoss li kien sar xi ġid għall-kultura f’Malta f’dak il-perjodu?

Inħolqot il-Politika Kulturali ta' Malta, dokument approvat mill-Kabinett u mill-Kunsill ta' l-Ewropa. Hemm min għadu lanqas jirrikonoxxi li l-Gvern preżenti ħareġ Politika Kulturali Nazzjonali fl-2001. Minn dik il-Politika Kulturali, b'effett dirett, inħoloq id-Direttorat ta' St. James Cavalier, twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-Kunsill Nazzjonali Lingwistiku u wkoll istituzzjonijiet oħra li bħalissa m'humiex jiġu f'moħħi. Imma hemm għadd kbir ta' proposti li għadhom ma ġewx implimentati. Fi ftit kliem, Malta għandha Politika Kulturali imma jonqos, u jonqos b'mod gravi, l-azzjoni. Mingħajr azzjoni, kull "policy" hi biss dokument fuq il-karta, eżercizzju kożmetiku biss. Fuq id-dokument tal-Politika Kulturali ta' l-2001, is-sena ta' wara, il-Kunsill ta' l-Ewropa kien elenka mas-60 proposta tiegħu, fosthom li Malta jkollha, per eżempju, il-formazzjoni nazzjonali għat-teatru tagħha. Aħna l-uniku pajjiż fid-dinja li m'għandux struttura teatrali nazzjonali. Anki l-Iraq u l-Palestina għandhom formazzjoni teatrali nazzjonali. Imma aħna, le.

Taħseb li l-gvern u kumpaniji għandhom interess li jxerrdu l-kultura mingħajr ma japprofittaw minnha?

Il-kultura hi arma li tista' taqta' minn żewġ naħat. Tista' timplika lill-poplu f'att kreattiv kollettiv u tista' tintuża biex tkun esplojtata. Ħares, ngħidu aħna, lejn x'qed isir fix-xandir pubbliku, li hu legalment marbut li jipprovdi programmi edukattivi, kreattivi u kulturalment ta' valur. Ix-xandir inħataf minn interessi kummerċjali li għandhom aġenda fissa, jiġifieri dik li jxerrdu populiżmu sensazzjonali u jibbanalizzaw kollox. Fi kliem iehor, ix-xandir statali safa’ maħtuf, Hijacked.

Taħseb li jagħmel sens li nibqgħu niġġieldu s-sistema meta din hija b’saħħitha ferm aktar mill-individwi?

Mingħajr individwi m'għandekx Sistema. Is-Sistema hi kostruzzjoni ta' l-individwi, jekk l-individwi jobrogaw il-poter kollettiv, ikunu qed jaċċertaw Sistema oppressiva li taħtafhom fi tnalja. Irid ikun att ta' ribelljoni, imbagħad, biex teħles minn dik is-Sistema. U kull pajjiż għandu s-Sistema li tixraqlu.