In Palermo and Messina - 1904

From M3P
Jump to navigation Jump to search

F’nofs l-1904, l-banda kienet ġiet mistiedna biex tagħmel programmi f’Messina u Palermo, tnejn mill-akbar bliet ta’ Sqallija. Din il-mawra tal-Banda f’dawn iż-żewġt ibliet importanti ngħatat prominenza ġmielha fl-istampa lokali. Il-Banda Duke of Edinburgh, flimkien ma’ għadd t’ ammiraturi, ħalliet Malta fil-21 ta’ Lulju u waslu Palermo l-għada. Fuq il-moll sabu tistenniehom il-Banda Muniċipali ta’ Palermo. Minn fuq il-gverta tal-vapur, il-banda Vittoriosana sellmitilha bl-Innu Nazzjonali Taljan. L-Isqallin irreċiprokaw bil-God Save.

Il-Bandalora mogħtija lill-Banda f'Palermo

Wara l-iżbark, iż-żewġ baned immarċjaw idoqqu marċi brijjużi flimkien għal fejn jinstab midfun il-Konti Ruġġieru, fost iċ-ċapċip tal-folla li nġabret. Mal-wasla fil-katidral, intlaqgħu minn Mons. Mazzola. Mill-knisja, il-Banda Vittoriosana kienet mistiedna fil-Palazz Muniċipali, fejn ingħatat merħba mill-Pro Sindaco. L-għada, il-Banda Duke of Edinburgh, taħt id-direzzjoni tas-surmast tagħha Gaetano Grech, għamlet programm fit-Teatro Biondo. Waqt l-intervall, wara indirizz mill-Professur Enrico Scala ġiet ippreżentata lill-Banda bandalora bl-istemma ta’ Palermo b’iskrizzjoni b’ħajt tad-deheb:

Impresa del Teatro Biondo e Cavalier Pierantoni alla Filarmonica Duke of Edinburgh – Luglio 1904 L-għada, il-Banda daqqet programm ieħor, din id-darba, fi Piazza Foro Umberto. Ma’ tmiem il-programm, il-kontinġent irħielha lejn Messina. Hemmhekk sabu tilqagħhom il-Banda tal-Muniċipju, li wasslithom sad-Duomo famuż ta’ dik il-belt biex jattendu għaċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa. Fl-aħħar jum tal-kontinġent Vittoriosan fi Sqallija, il-Banda għamlet programm ta’ siegħa u nofs, sa ma wasal ħin l-imbark. Programm li ntemm b’applawsi kbar u l-għajjat ta’ “Viva l-Maltin” mill-folla kbira li nġabret madwarhom. Impressjonati bil-laqgħa sabiħa li kellhom fi Sqallija, il-banda u l-ammiraturi tagħha ħallew Messina lura lejn Malta sodisfatti li servew t’ ambaxxaturi denji ta’ pajjiżhom billi wrew b’mod innegabbli l-livell għoli li kienu laħqu l-baned Maltin fl-arti mużikali.