In Catania - 1903

From M3P
Jump to navigation Jump to search

Tal-Palma’s Il-fama tajba li kellha l-Banda tal-Palma f’Catania baqgħet konsistenti fis-snin li ġew wara. Fis-sajf tal-1903, reġgħet, ġiet mistiedna biex titla’ tagħmel programmi f’dik il-belt. L-istedina kienet waslet qrib il-festa ta’ San Lawrenz u kien hemm diversi diffikultajiet li riedu jintgħelbu. Fost dawn kien hemm dik li ma kienx hemm żmien biżżejjed ħlief għal erba’ kunċerti, għax l-istedina kienet għall-aħħar ġimgħa t’ Awissu. Iżda l-kumitat u l-bandisti daħlu għall-isfida u bdew minnufih il-preparamenti meħtieġa.

Il-fondi għal mawra bħal din kienu ta’ uġiegħ ta’ ras ukoll. Minħabba li ż-żmien kien daħal, kien hemm il-biża’ ta’ nuqqas ta’ konkorrenza min-nies. Din kienet importanti għax minn hemm riedu jiġu parti mill-ispejjeż. Iżda għal dan kienu daħlu żewġ ammiraturi tal-Banda, li għamlu tajjeb biex il-vapur tal-passiġġieri seta’ jinkera kmieni. Ma’ sbieħ is-Sibt 22 ta’ Awissu, id-Duke of Edinburgh, imsieħba minn numru t’ ammiraturi, kienet fi triqitha lejn Catania.

Fuq il-moll ta’ Catania inġemgħet folla kbira tistenna l-wasla tal banda Maltija. Kif il-vapur ittrakka mal-art, id-Duke of Edinburgh sellmet lill-folla bl-Innu Nazzjonali Taljan. ġest li ntlaqa’ b’applawsi kbar. Wara, il-Maltin u l-Isqallin tħalltu flimkien wara l-Banda li, fi triqitha lejn il-Palazz tal-Muniċipju, allegrathom b’marċi brijużi. Mal-wasla fil-Muniċipju, intlaqgħu mill-Awtoritajiet ta’ Catania u ngħataw merħba permezz ta’ riċeviment.

Il-Ħadd il-banda għamlet programm fuq iz-zuntier tal-Katidral ta’ Sant’Agata. Filgħaxija, il-bandisti kienu għal-lest fuq il-planċier ġo Villa Bellini biex jibda l-programm prinċipali, li għalih il-banda kienet ġiet mistiedna. Billi dan il-programm mill-banda Maltija kien ingħata prominenza mill-ġurnali Kataniżi, madwar il-planċier inġabret folla kbira. Il-Banda bdiet bis-sinfonija Ricordo a Bellini ta’ Mercadante, segwita minn kompożizzjonijiet oħra tas-Surmast Grech. Dawn intlaqgħu b’applawsi kbar. Xogħlijiet is-surmast Grech kienu ntlaqgħu tajjeb ħafna, tant li waqt din iż-żjara kien inħatar Membro Accademico Circolo Real Bellini.

Wara dawn kien imiss Selezzjoni mill-Mefistofele ta’ Boito. Il-banda Vittoriosana kompliet il-programm bil-Preghiera alla Beata Vergine. Wara l-Preghiera kien imiss Selezzjoni mill-opra Faust. L-interpretazzjoni tas-Serenata The Warbles ta’ Hume kienet intgħoġbot ferm mill-Kataniżi u ġiet deskritta bħala impekkabbli. Dan kien aktarx dovut għall-fatt li, f’parti minnha xi wħud mill-bandisti kienu jwarrbu l-istrumenti tagħhom u minflok jibdew isaffru. Hu magħruf li, għall-mod stupend li bih kienu jsaffru, dan il-passaġġ kien ikun mistenni ħafna. Kif din intemmet, il-folla preżenti nfexxet iċċapċap bla waqfien, kontinwament jitolbu l-bis. Minkejja li kien sar il-ħin, is-surmast Grech ikkuntentahom u din id-darba, mal-applawżi żdied il-ħruq ta’ suffarelli u l-mixegħla ta’ gassijiet kuluriti. Il-programm intemm bl-Innu Nazzjonali Taljan u, billi konna għadna kolonja Ingliża u l-Innu Malti kien għadu ‘l bogħod, indaqq il-God Save.

Għalkemm il-lejl kien daħal ġmielu, il-Banda mmarċjat tul it-triq kemmxejn twila lejn il-port iddoqq il-marċi, li l-Isqallin tant kienu jħobbu. Il-banda u l-ammiraturi tagħha waslu lura Malta it-Tnejn filgħodu u ngħataw merħba kbira mill-għadd kbir ta’ qraba li nizlu jistennewhom ix-Xatt ta’ San Lawrenz.