Difference between revisions of "Talk:Toni Sant"

From M3P
Jump to navigation Jump to search
(→‎31. X’AKTAR?: new section)
m (correction)
Line 691: Line 691:
Sa mill-ewwel darba li rajt l-Internet tard fis-snin 80, qabel ma biss kien għadu ġie ivvintat il-World Wide Web, intbaħt li dan kien se jkun il-mezz il-ġdid fid-dinja tal-medja. Ma kontx waħdi li għaraft fih dan il-potenzjal anke jekk ħafna abbli għadhom sal-lum jarawh bħala xi ħaġa separata.
Sa mill-ewwel darba li rajt l-Internet tard fis-snin 80, qabel ma biss kien għadu ġie ivvintat il-World Wide Web, intbaħt li dan kien se jkun il-mezz il-ġdid fid-dinja tal-medja. Ma kontx waħdi li għaraft fih dan il-potenzjal anke jekk ħafna abbli għadhom sal-lum jarawh bħala xi ħaġa separata.


Aktarx li waħda mill-aktar affarijiet li ġibduni lejn l-Internet kienet l-idea li m’hemmx bżonn aktar intermedjarju editorjali bejnek u bejn min trid twassal il-messaġġ tiegħu għandek. Kien dan, fost affarijiet oħra, li wassalni biex nirridirezzjonha l-interessi professjonali kif ukoll akkademiċi tiegħi – li wara ċertu żmien saru ħaġa waħda – lejn l-użu tal-Internet fil-qasam tal-kreattività u l-ispettaklu.
Aktarx li waħda mill-aktar affarijiet li ġibduni lejn l-Internet kienet l-idea li m’hemmx bżonn aktar intermedjarju editorjali bejnek u bejn min trid twassal il-messaġġ tiegħek għandu. Kien dan, fost affarijiet oħra, li wassalni biex nirridirezzjonha l-interessi professjonali kif ukoll akkademiċi tiegħi – li wara ċertu żmien saru ħaġa waħda – lejn l-użu tal-Internet fil-qasam tal-kreattività u l-ispettaklu.


Kont diġa ili naħdem fil-qasam tax-xandir għal aktar minn għaxar snin meta bdejt naħseb dwar kemm kien relattivament limitat il-mod kif setgħu jiżviluppaw l-affarijiet. Wara l-esperjenza tal-ħidma ma’ l-aħwa Joe u Godfrey Grima fuq il-ħolqien ta' Radio One Live u t-tluq minn Malta suppost "għal dejjem,” il-prospetti dehru anke anqas attrajenti. Propjament, għażla waħda kien hemm biex inkun nista’ nsib xi forma ta’ sodisfazzjon professjonali f’dak il-punt: li noħloq stazzjon tiegħi stess. L-aktar parti diffiċli ta’ dan kienet li la ridt noħloq wieħed tar-radju u wisq anqas għat-television.
Kont diġa ili naħdem fil-qasam tax-xandir għal aktar minn għaxar snin meta bdejt naħseb dwar kemm kien relattivament limitat il-mod kif setgħu jiżviluppaw l-affarijiet. Wara l-esperjenza tal-ħidma ma’ l-aħwa Joe u Godfrey Grima fuq il-ħolqien ta' Radio One Live u t-tluq minn Malta suppost "għal dejjem,” il-prospetti dehru anke anqas attrajenti. Propjament, għażla waħda kien hemm biex inkun nista’ nsib xi forma ta’ sodisfazzjon professjonali f’dak il-punt: li noħloq stazzjon tiegħi stess. L-aktar parti diffiċli ta’ dan kienet li la ridt noħloq wieħed tar-radju u wisq anqas għat-television.
Line 701: Line 701:
L-istorja tal-MaltaMedia jixirqilha ktieb sħiħ biex tingħad sew. Is-servizz tal-aħbarijiet li konna ħloqna taħt tit-tmexxija ta’ Martin Debattista għamel żmien twil l-unika wieħed regolari minn Malta qabel ma l-gazzetti ntebħu li dan il-mezz kien il-futur tal-intrapriża tagħhom. Għax konna stonkużi, konna noffru servizz bi-lingwi, tal-anqas f’dawk is-snin.  Eventalment qlibna għall-Ingliż biss. Fost in-numru mdaqqas ta’ nies li ħadmu magħha u kitbu rapporti fis-servizz tal-aħbarijiet ta’ MaltaMedia matul is-snin kien hemm Darrell Pace, Pierre J. Mejlak, Sandro Mangion, Immanuel Mifsud, Kristina Chetcuti, Coryse Borg, Alexia Conti, Robert Micallef, Ramona Portelli, Frederick Zammit, Lorraine Duca, kif ukoll il-mibkija għażiża tagħna Ruth Davies.
L-istorja tal-MaltaMedia jixirqilha ktieb sħiħ biex tingħad sew. Is-servizz tal-aħbarijiet li konna ħloqna taħt tit-tmexxija ta’ Martin Debattista għamel żmien twil l-unika wieħed regolari minn Malta qabel ma l-gazzetti ntebħu li dan il-mezz kien il-futur tal-intrapriża tagħhom. Għax konna stonkużi, konna noffru servizz bi-lingwi, tal-anqas f’dawk is-snin.  Eventalment qlibna għall-Ingliż biss. Fost in-numru mdaqqas ta’ nies li ħadmu magħha u kitbu rapporti fis-servizz tal-aħbarijiet ta’ MaltaMedia matul is-snin kien hemm Darrell Pace, Pierre J. Mejlak, Sandro Mangion, Immanuel Mifsud, Kristina Chetcuti, Coryse Borg, Alexia Conti, Robert Micallef, Ramona Portelli, Frederick Zammit, Lorraine Duca, kif ukoll il-mibkija għażiża tagħna Ruth Davies.


L-aktar servizz tal-MaltaMedia li kien għal qalbi kien aboutmalta.com, websajt żviluppata fuq is-sit pijunier li kien ħoloq Grazio Falzon xi ftit qabel bħala l-ewwel website dwar Malta. L-isem oriġinali kien Grazio’s Malta Virtwali. Dawk il-Maltin li kienu jużaw l-Internet f’dak iż-żmien żgur li jiftakruha. Il-Professur Falzon kien avdana biex niżviluppaw dan is-sit f’wieħed li jservi ta’ direttorju għall-preżenza Maltija onlajn, fis-snin ta’ qabel tfaċċa Google.
L-aktar servizz tal-MaltaMedia li kien għal qalbi kien aboutmalta.com, websajt żviluppata fuq is-sit pijunier li kien ħoloq Grazio Falzon xi ftit qabel bħala l-ewwel website dwar Malta. L-isem oriġinali kien Grazio’s Malta Virtwali. Dawk il-Maltin li kienu jużaw l-Internet f’dak iż-żmien żgur li jiftakruha. Il-Professur Falzon kien fdana biex niżviluppaw dan is-sit f’wieħed li jservi ta’ direttorju għall-preżenza Maltija onlajn, fis-snin ta’ qabel tfaċċa Google.


Fuq livell aktar personali, kont miġbud ferm lejn ix-xandiriet li konna nagħmlu msejħa webcasts. Uħud minn dawn saru f’kollaborazzjoni ma’ Radju Calypso (meta kien għadu stazzjon Għawdxi) u r-Radju tal-Università (sa ma sar Campus FM). Eventwalment bdejna nagħmlu minn dawn il-webcasts mingħajr kollaborazzjonijiet ma’ stazzjonijiet stabbiliti terrestrijalment. Dawn wasslu biex bdejt nikteb il-blog tiegħi, u miegħi kaxkart lil Pierre J. Mejlak, Immanuel Mifsud, Robert Micallef u oħrajt biex jagħmlu tagħhom ukoll.
Fuq livell aktar personali, kont miġbud ferm lejn ix-xandiriet li konna nagħmlu msejħa webcasts. Uħud minn dawn saru f’kollaborazzjoni ma’ Radju Calypso (meta kien għadu stazzjon Għawdxi) u r-Radju tal-Università (sa ma sar Campus FM). Eventwalment bdejna nagħmlu minn dawn il-webcasts mingħajr kollaborazzjonijiet ma’ stazzjonijiet stabbiliti terrestrijalment. Dawn wasslu biex bdejt nikteb il-blog tiegħi, u miegħi kaxkart lil Pierre J. Mejlak, Immanuel Mifsud, Robert Micallef u oħrajt biex jagħmlu tagħhom ukoll.


L-ewwel snin tal-blogosfera Maltija kien tassew żmien interessanti u eċitanti. Alex Grech kiteb it-teżi tad-dottorat tiegħu dwar din ix-xena u l-mod kif iddeterjorat sa ma waslet il-kwistjoni tad-divorzju f’Malta u l-partiti politiċi ntebħu bis-saħħa ta’ dan il-mezz ġdid ta’ kommunikazzjoni. Fil-blog tiegħi kont sibt dak li dejjem xtaqt: mezz ta’ kommunikazzjoni diretta u ħielsa minn kull intermedjarju. Fil-blog bdejt nikteb dwar il-mużika li kienet tinteressani. Din il-kitba wasslet biex nibda l-poddati (hekk insejħulhom podcasts bil-Malti) ta’ Mużika Mod Ieħor. Dwar dan se niddedika parti sħiħa minn din is-sensiela dalwaqt.
L-ewwel snin tal-blogosfera Maltija mill-2004 kien tassew żmien interessanti u eċitanti. Alex Grech kiteb it-teżi tad-dottorat tiegħu dwar din ix-xena u l-mod kif iddeterjorat sa ma waslet il-kwistjoni tad-divorzju f’Malta u l-partiti politiċi ntebħu bis-saħħa ta’ dan il-mezz ġdid ta’ kommunikazzjoni. Fil-blog tiegħi kont sibt dak li dejjem xtaqt: mezz ta’ kommunikazzjoni diretta u ħielsa minn kull intermedjarju. Fil-blog bdejt nikteb dwar il-mużika li kienet tinteressani. Din il-kitba wasslet biex nibda l-poddati (hekk insejħulhom podcasts bil-Malti) ta’ Mużika Mod Ieħor. Dwar dan se niddedika parti sħiħa minn din is-sensiela dalwaqt.


Qabel wasalt hemm reġà kelli ħafna mużika preżenti f’ħajti, tal-anqas bħala semmiegħ. Dan kien l-aktar bis-saħħa tal-Internet u l-introduzzjoni tal-files magħrufa bħala mp3. Kont insegwi wkoll partijiet mix-xena mużikali fi New York, li kienet indubjament tinkudi ukoll punti ta’ referenza qawwija fil-qasam tal-mużika alternattiva, jazz, u stili oħra li kienu jinżluli tajjeb qabel. L-opportunitàjiet biex nara kunċerti live kienu tassew abbundanti. L-unika darb’ oħra f’ħajti li segwejt daqstant mużika live tajba daqs dak iż-żmien kien meta kont student mal-BBC f’Londra, b’kunċerti fir-Royal Albert Hall u Hype Park imnaqqxa fil-memorja anke jekk biż-żmien uħud minn dawk il-memorji qed jintfew ukoll.  
Qabel wasalt hemm, reġà kelli ħafna mużika preżenti f’ħajti, tal-anqas bħala semmiegħ. Dan kien l-aktar bis-saħħa tal-Internet u l-introduzzjoni tal-files magħrufa bħala mp3. Kont insegwi wkoll partijiet mix-xena mużikali fi New York, li kienet indubjament tinkudi ukoll punti ta’ referenza qawwija fil-qasam tal-mużika alternattiva, jazz, u stili oħra li kienu jinżluli tajjeb qabel. L-opportunitàjiet biex nara kunċerti live kienu tassew abbundanti. L-unika darb’ oħra f’ħajti li segwejt daqstant mużika live tajba kien meta kont student mal-BBC f’Londra, b’kunċerti fir-Royal Albert Hall u Hyde Park imnaqqxa fil-memorja anke jekk biż-żmien uħud minn dawk il-memorji qed jintfew ukoll.  


Mill-kuntatti li kont żviluppajt fi New York, kien hemm perjodu fejn kelli x-xorti nattendi regolarment sensiela ta’ recordings ta’ serje televiżiva msejħa Sessions at West 54th li kienu jsiru fl-studios ta’ Sony Music, propju f’West 54th Street f’Manhattan. Hekk rajt lil Patti Smith live għall-ewwel minn tlett darbiet, il-Kronos Quartet, Rufus Wainwright, Ottmar Liebert, Branford Marsallis, Chris Isaak, Cranberries, Neville Brothers, u Diana Krall.  
Mill-kuntatti li kont żviluppajt fi New York, kien hemm perjodu fejn kelli x-xorti nattendi regolarment sensiela ta’ recordings ta’ serje televiżiva msejħa Sessions at West 54th li kienu jsiru fl-studios ta’ Sony Music, propju f’West 54th Street f’Manhattan. Hekk rajt lil Patti Smith live għall-ewwel minn tlett darbiet, il-Kronos Quartet, Rufus Wainwright, Ottmar Liebert, Branford Marsallis, Chris Isaak, The Cranberries, in-Neville Brothers, u Diana Krall.  


https://www.youtube.com/watch?v=vj_pEWq4bu0  
https://www.youtube.com/watch?v=vj_pEWq4bu0


—[[User:Tonisant|Toni Sant]] ([[User talk:Tonisant|talk]]) 16:24, 27 May 2020 (EDT)
—[[User:Tonisant|Toni Sant]] ([[User talk:Tonisant|talk]]) 16:27, 27 May 2020 (EDT)

Revision as of 16:27, 27 May 2020

01. MINN FEJN SE NIBDA?

Dan li ġej huwa mnebbaħ minn sieħbi Immanuel Mifsud, li biex jaqta' xi ftit mill-għejja tad-dwejjaq ta' nies li jsegwi fuq il-Facebook għażel li jibda jirrakkonta aneddoti u tifkiriet tal-"mixja mużikali" tiegħu. Qed nagħmel dan mhux għax in-nies li għandi fuq Facebook jien idejquni tant (forsi għax għandi settings differenti biex nagħżel x'nara u ma narax) imma għax għandi bżonn inrabbi aktar kuraġġ biex naffronta l-problema enormi ta' nuqqas ta' storjografija fil-qasam tal-wirt kulturali kontemporanju. Fi kliem aktar sempliċi, għandna nuqqas kbir fil-kitba tal-istorja moderna f'Malta apparti l-ġurnaliżmu u d-dominanza tal-klassi politika. L-eżempju jkaxkar, jgħidu.

Minn fejn se naqbad nibda? Bla ma naħsibha darbtejn, meta kont tifel żgħir kien hemm tlett oġġetti madwari kuljum li ħallew impatt kbir fuq il-gosti mużikali tiegħi. Fil-verità l-oġġetti kienu aktar minn tlieta, imma se ndawwar kollox magħhom, tal-anqas biex ikolli minn fejn nibda.

X'kienu dawn it-tlett oġġetti? Record player, tape recorder, u jukebox.

Ir-record player kien t'ommi. Akkwistatu "mingħand il-Maġġura", kienet tgħid. Din il-Maġġura kienet mara Ingliża li, għandi nifhem, kienet uffiċjal fis-servizzi Ingliżi stazzjonati Malta fis-snin sittin. Ommi u ziti kienu jaħdmu bħala sefturi ma' din is-sinjura li kienet tgħix f'dar kbira x'imkien bejn Ħ'Attard u Ħal-Balzan. Jekk niftakar sew, dan ir-record player kien spiċċa għand ommi meta din il-Maġġura spiċċat mill-perjodu ta' servizz tagħha f'Malta.

Ir-record player kien dejjem id-dar u kultant missieri kien joħorġu u jdoqq xi żewġ diski fuqu. Lil Ommi qatt ma naf li rajtha tużah. Kont għadni mmur l-iskola primarja meta kienu bdew iħalluni nilgħab bih. Missieri kien spegali kif jaħdem u niftakar li qalli biex noqgħod attent sew għal-labra li tmiss mad-diski. Kien oġġett relattivament robust u l-aktar li kienet taffaxxinani fih, apparti l-ħsejjes li joħorġu mid-diski, kienet ir-riħa tassew unika li kien jagħmel wara li jkun ilu mixgħul xi ftit minuti. Riħa li tixbaħ dik tal-ħobż mixwi frisk, imma aktar morra u fl-istess waqt ħafifa. Biż-żmien sirt naf li kienet ir-riħa tal-valvi fl-amplifier żgħir li kien inkorporat ma' dan ir-record player.

Diski kellna xi ftit id-dar. Kollha ta' missieri, naħseb. Niddubita kienx hemm diski li ġew mingħand il-Maġġura. Id-diski ta' missieri kienu jiġu primarjament mill-ħanut tax-xorb li diġà kellu għal xi snin qabel tfaċċat din ir-record player. Fil-ħanut kien hemm jukebox (aktar dwar dan darb' oħra -- u l-istess it-tape recorder, ma se ngħid xejn aktar dwarhom llum) u uħud mid-diski żejda għandi nifhem li kienu jispiċċaw f'din il-kollezzjoni żgħira li kellna d-dar. Naħseb kien hemm xi diski oħra ukoll, imma kont għadni żgħir wisq f'dak iż-żmien biex nifhem jew napprezza eżatt x'kien u ma kienx.

Li naf żgur huwa li l-kantanti favoriti ta' missieri u ommi kienu Frank Sinatra u Elvis, rispettivament. Dan spjegat ukoll mill-fatt li hemm differenza fl-età ta' xi 13-il sena bejniethom. L-aktar diska 45 rpm ta' 7 pulzieri, jew single (kif konna nsibuha) kienet waħda ta' Sinatra. Fuq naħa minnhom kellha diska popolari ferm tiegħu, jidhirli Strangers in the Night, iżda fuq in-naħa l-oħra kien hemm oħra b'ritmu differenti ferm mid-diski l-oħra kollha. Missieri kien jgħid li dan huwa r-ritmu favorit tiegħu: bossa nova.

Dik li aktarx kienet il-B side ta' din is-single mill-jukebox ta' missieri kienet diska li fetħitli bieb għal dinja ta' mużika differenti mill-ħsejjes dominanti ġejjin mid-diski l-oħra kollha Amerikani, Ingliżi, jew Taljani li konna nisimgħu regolarment. Kont iltqajt u tħabbibt mal-ħoss bellusi Brażiljan ta' Antonio Carlos Jobim.

Kull meta nisma' lil Jobim u l-bossa nova bqajt inxomm dejjem ir-riħa tal-valvi jixwu t-trab u l-fluff maqbud fir-record player li ommi akkwistat mingħand il-Maġġura.

https://www.youtube.com/watch?v=bwcmGSUWGw4

Toni Sant (talk) 04:59, 23 April 2020 (EDT)

02. VJAĠĠ BLA DESTINAZZJONI ĊARA

Apparti r-record player li ddeskrivejt fl-ewwel parti, missieri kellu tape recorder. Din kienet magna oħra tassew sinifikanti fil-vjaġġ mużikali tiegħi. Dan il-Philips 4-track reel-to-reel tape recorder kien inxtara mingħand Nani, li għal bosta snin apparti ħanut f'Triq Nofsinnhar il-Belt kellhom ieħor fi Triq it-Torri tas-Sliema. Sa ma wasalt jien fid-dinja, missieri kien diġa ilu juża dan it-tape recorder għal xi snin. Bih kien jirrekordja xi diski minn fuq mir-Rediffusion jew minn fuq it-television, l-aktar dak Taljan li f'dak iż-żmien effettivament kien biss stazzjoni wieħed tar-RAI, għalkemm xi ftit wara kien daħal ukoll l-hekk imsejjah secondo.

Apparti mużika mill-programmi mxandra, missieri kien jirrekordja ukoll lil sħabu li kienu jiġu jdoqqu regolarment bil-kitarri u l-mandolini fil-ħanut tax-xorb li kellu bejn il-knisja ta' San Girgor u l-iskola tal-gvern ta' tas-Sliema bejn l-1954 u l-1979. Fost dawn id-daqqaqa kien hemm Ġianmari tal-Ħamrun, Wiġi Demicoli, Joe Lepre, u ċertu Ġiljan, fost oħrajn, kollha mużiċisti ħbieb ta' missieri. Dawn ir-recordings introduċewni mhux biss ma għażla varjata ta' mużika melodjuża, imma ukoll mal-fernomenu ta' kif żigarella kannella tinħakk ma' rukkell speċjali kienet tiripproduċi ħsejjes li kienet semgħet qabel. Dwar dan ċertament li se jkolli xi ngħid aktar darb' oħra, għax indubjament dan kien l-ewwel pass li wassalni għall-karriera tiegħi fix-xandir fis-snin 80.

Fost il-programmi mxandra li kien iħobb jirrekordja missieri, kien hemm il-festival ta' San Remo. Hawn qed insemmu l-festival kif kien fis-snin sittin u fil-bidu tas-snin 70, qabel ma l-mużika popolari taljana xorbot fiha l-influssi Amerikani u Ingliżi li ħakmu ħafna mill-mużika popolari madwar id-dinja minn dawk is-snin 'l hawn. Fost l-ewwel kanzunetti li niftakar minn dak iż-żmien kien hemm waħda miktuba mill-kantawtur Sergio Endrigo, li sa llum għadni nemmen li hija kanzunetta sofistikata għat-tfal dwar l-ekoloġija u l-ambjent. Din kienet l-L'arca di Noè, interpretata minn Iva Zannichi. F'San Remo tal-1970 din il-kanzunetta kienet ġiet it-tielet. Din Zannichi anke f'xi waħda mill-poeżiji tal-Moviment Qawmien Letterarju kienet daħlet tiżfen dak iż-żmien. Fittxuha f'Linji Ġodda.

Din li jirrekordjaw il-kanzunetti tal-festival ta' San Remo permezz ta' tape recorder (u eventwalment cassette) qabel ma daħlu l-video recorders, mid-dehra kienet xi ħaġa li mhux missieri biss kien jagħmilha. Fil-bijografija tal-kantant Sammy Bartolo, xi membri tal-grupp New Cuorey jirrakkontaw li huma kienu jagħmlu l-istess ħaġa biex l-għada jdoqqu uħud minn dawn l-istess kanzunetti fir-repertorju tagħhom filgħaxija fil-Mellieħa Bay Hotel.

Ftit qabel għalaqt tlett snin u kont ili ftit xhur li bdejt nitkellem, missieri ddeċieda li tkun idea tajba jirrekordja konverżazzjoni miegħi fuq it-tape recorder tiegħu. Talabni nirrakkonta x'konna qed nagħmlu u flimkien kantajna biċċa minn L'arca di Noè, fost affarjiet oħra.

Dan it-tape konna nisimgħuh minn żmien għal żmien meta kont qed nikber. Jidherli li fil-bidu tas-snin 80 konna anke qlibnih fuq cassette, għax it-tape recorder ma konnix għadna nużawh daqs qabel. Però wara dak iż-żmien ma smajtu qatt aktar. Ma nafx x'sar mill-cassette. It-tape oriġinali għadu għand missieri, imma wisq naħseb li qdiem tali li mhux f'kundizzjoni li jindaqq aktar faċilment.

Ridt ngħid ukoll li dan it-tape recorder ukoll kellu riħa simili għal tar-record player meta jkun mixgħul. Mar-riħa tax-xiwi tal-valvi kien hemm ukoll ir-riħa żejtnija tat-tapes li għalkemm ħafna forsi jaħsbu li m'għandhomx riħa, għalija kapaċi jqanqlu memorji emottivi kbar bir-riħa biss.

https://www.youtube.com/watch?v=C3zBNp5TRjo

--Toni Sant (talk) 10:17, 23 April 2020 (EDT)

03. REVERSE NOSTALGIA

Għalkemm dawn ir-reminixxenzi faċli jistgħu jiġu nterpretati bħala vjaġġ nostalġiku, dan mhux l-iskop tiegħi. Irrid ngħid, jien u n-nostalġija ma tantx aħna ħbieb. Jiena nemmen li n-nostalġija hija speċi ta' marda li biha naħsbu li l-imgħoddi kien aħjar. Mhux għax ma kienx hemm mumenti meta l-imgħoddi kien aħjar, imma tajjeb ma ninsewx li l-imgħoddi mhux dejjem kien isbaħ...jew tal-anqas mhux għal kulħadd kien isbaħ.

Ma rridx niddevja wisq minn dak li huwa l-qofol ta' dawn il-posts: l-iżvilupp tal-gosti mużikali tiegħi. Fl-istess waqt, illum se nintroduċi it-tielet minn dawk it-tlett oġġetti li kellhom rwol sinifikanti ferm għalija fl-iżvilupp tal-apprezzament mużikali. Wara r-record player t'ommi u t-tape recorder ta' missieri, issa jmiss il-jukebox.

Ħafna minn tfuliti kienet f'bar f'Tas-Sliema. Fil-bar dejjem kien hemm jukebox, sa fejn naf jien. Għall-ewwel snin ta' ħajti, l-istess agent li kien iforni l-jukeboxes fil-ħwienet tax-xorb, każini, u postijiet simili, kien ukoll iġib il-magni tal-logħob. Skond ma jgħidu, għax propjament ma niftakarhomx sew, fil-bar tagħna kien hemm waħda minn dawn il-magni tal-logħob magħrufa bħala flipper, u li meta kont twaddab munita ta' 3 soldi fiha kont mhux biss tista' toqgħod tara l-ballun tiegħek jaħbat ma' labirint ta' oġġetti kkuluriti li jagħmlu ħsejjes varji hekk kif tiġbor il-punti, imma fil-aħħar mill-aħħar anke l-possibilità li tirbaħ aktar mit-3 soldi li tkun waddabt fil-magna.

Naħseb li l-ħsejjes u l-kuluri tal-flipper kienu esperjenza stupefaċenti għal tifel li kien għadu bil-kemm beda jmur l-iskola. Jgħidu li kont iffissat fuq din il-magna tal-logħob. Ċertament mhux għax kont nifhem kif jaħdmu l-flus jew għax ridt nilgħab biex nirbaħ. Kont għadni żgħir wisq għal dan kollu. Madwar l-1973, il-Prim Ministru Mintoff kien iddeċieda li jirregolarizza l-logħob tal-azzard. Nemmen li din tiegħu kienet intenzjoni tajba għax dan il-logħob bil-flus verament jaf ikun ir-rovina ta' familji sħaħ. Sfortunatament fil-proċess ipprojbixxa wkoll magni bħal din tal-flipper li kellna fil-bar tagħna.

It-tneħħija ta' dawn il-magni tal-logħob miċ-ċirkolazzjoni fissret li f'daqqa waħda l-jukebox kienet l-unika magna mdawla b'ħafna kuluri li tagħmel il-ħoss fil-bar. Tajjeb niftakru li f'dawk iż-żminijiet it-television mhux biss ma kienx bil-kulur imma kien ixandar biss f'ħinijiet partikolari u mhux il-ġurnata kollha. Allura kien hekk li l-jukebox ħadet dimensjoni akbar u aktar ċentrali f'ħajti. Il-magni tal-logħob damu diversi snin sa ma reġgħu tfaċċaw "for entertainment purposes only" bil-possibilità ta' rebħ ta' flus imneħħija minnhom.

Insomma, hekk kien li l-attenzjoni tiegħi daret lejn il-jukebox. Fil-ġranet li ġejjin se nikteb dwar uħud mid-diski li ltqajt magħhom fil-jukebox. Hemm ħafna stejjer iżda ħafna minnhom mhux marbuta tal-ġosti mużikali, allura forsi nħallihom barra. Stejjer oħra marbuta indirettament mal-jukebox.

Per eżempju, illum qed niftakar f'rock opera (jew ossija musical) li kien tfaċċa fis-swali taċ-ċinema madwar dak iż-żmien. Qed nirreferi għal Tommy ta' Pete Townshend mill-grupp The Who, bil-film eċċezzjonali ta' Ken Russell. Mingħajr ma ngħid wisq aktar dwar l-aspett personali marbut ma' dan Tommy, ngħidilkom li dan il-film ifisser affarijiet differenti ferm għalija u għal missieri. Dan apparti l-fatt li hu rah meta ħareġ filwaqt li jien kelli nistenna diversi snin qabel ma rajtu fuq it-television għall-ewwel darba. Apparti hekk, hemm ukoll il-fatt li qatt ma kont xi fan ta' Elton John għalkemm kelli poster tan-Nigel Olsson Band iffirmat mill-membri kollha; Olsson kien id-drummer ta' Elton John għal ħafna snin. Ma nafx eżatt kif kien sab ruħu għandi dan il-poster.

L-ewwel darba li ltqajt mal-mużika ta' Elton John kien permezz tal-jukebox. Benny & the Jets kienet il-B side ta' Candle in the Wind. Kellhom jgħaddu ħafna snin qabel smajt sew il-mużika tiegħu, anke jekk mill-ewwel ippreferejt siltiet oħra minn dawk l-aktar popolari tiegħu. Barra minn hekk, kelli kuġin li kien (u għadu) xi għaxar snin akbar minni li kellu diversi mill-LPs bikrin tiegħu bħal Madman Across the Water, Don't Shoot Me I'm Only the Piano Player, Goodbye Yellow Brick Road u Captain Fantastic and the Brown Dirt Cowboy, imma dawn domt ferm ma bdejt napprezzhom sew, speċjalment 'l hinn mis-suċċessi kummerċjali tas-singles li smajt mill-jukebox.

Ma nistax ma ngħidx kelmtejn ukoll dwar The Who. Filwaqt li l-gruppi l-kbar tas-snin preċedenti kienu l-Beatles u, hemm min jgħid, ir-Rolling Stones, jien inġbidt l-ewwel lejn The Who. Kont niddejjaq meta nara t-tkissir tal-kitarra u t-tnabar jisplodu - qatt ma ħabbejt il-vjolenza u ma kelli ebda idea li din kienet forma ta' arti mnebbħa minn Gustav Metzger. Kienet il-mużika li ġibditni l-aktar. Fiha rajt li kien hemm xi ħaġa tassew differenti u mhux biss xi forma ta' kontinwità mal-ħsejjes ta' dawk li ġew qabel. Eventwalment dan sibtu ukoll f'oħrajn, sintendi, u bdejt infittxu sew aktar ma kbirt.

https://www.youtube.com/watch?v=joxyFDmh_LY

--Toni Sant (talk) 04:11, 25 April 2020 (EDT)

04. MILL-JUKEBOX: DIFFERENZA

Fil-jukebox kien hemm ħafna diski. L-iskop tal-jukebox huwa li toffri lill-parruċċjani tal-lokal fejn tkun l-opportunità li jisimgħu l-mużika favorità tagħhom waqt li jixorbu xi tazza tè jew xi flixkun birra. Għalhekk id-diski li kont issib fil-jukebox kienu jkunu dawk l-aktar popolari mal-pubbliku, inkluż dawk l-aktar diski li jindaqqu fuq ir-radju.

Fil-jukebox tal-bar fejn għext sa ma kelli xi 10 snin, diski t'Elvis kien hemm kemm trid. Diski tal-Beatles kien hemm ukoll, flimkien ma' diski ta' Tom Jones, Englebert Humperdink, Jim Reeves, Shirley Bassey u l-aktar kantanti popolari fix-xena Ingliża ta' dak iż-żmien. Kultant xi diski taljani, fosthom. ta' Domenico Modugno, Adriano Celentano, u Mina. Anke diski Maltin kien hemm iduru fil-jukebox. Fost l-aktar popolari dawk ta' Freddie Abela l-Bamboċċu, b'Taxi Mary fost l-aktar mitluba. Niftakar ukoll L-Ewwel Tfajla li Ħabbejt tal-Malta Bums, u l-Bajja tal-Mellieħa tan-New Courey, kif ukoll xi diski tal-Black Train. Dwar dawn tal-aħħar nikteb darb' oħra għax aktar nassoċjhom mar-radju; ir-raba' oġġett wara t-trijumverat tar-record player, it-tape recorder, u l-jukebox.

Fil-jukebox kien hemm żewġ diski ta' kantant li kienu popolari u jindaqqu regolarment imma li għal widnejja kienu jinstemgħu differenti mill-oħrajn. Waħda kienet odisseja fl-ispazju bi kliem li qajla kont nifhem ta' tifel żgħir li kont. L-oħra kienet aktar mexxejja u l-kliem tagħha relattivament sempliċi imma differenti minn tal-oħrajn. Fost l-aktar li niftakar, hekk kif bdejt nifhem xi ftit aktar bl-Ingliż kien hemm dawn il-frammenti: "got your mother in a whirl / She's not sure if you're a boy or a girl" u "you've torn your dress" kif ukoll "your hair is a mess". Differenti mill-kliem t'imħabba u jew fil-vojt li kont issib fid-diski l-oħra kważi kollha.

Ta' tfajel pre-pubixxenti li kont, dan kien kliem provokanti minn kantant li għalija kien jinħass differenti mill-oħrajn kollha. Dan ikkonfermajtu meta rajt ritratt tiegħu fuq il-qoxra ta' waħda tad-diski tiegħu li kellna fl-jukebox. Kont rajt ukoll xi ritratti oħra tiegħu f'xi wieħed mill-magazines Ingliżi li kien ħalla xi ħadd fil-bar meta ħabbru li kien miet il-kantant Marc Bolan wara li l-Mini tiegħu daħlet ġo siġra.

Maż-żmien David Bowie sar il-kantant favorit tiegħi bl-istess mod li Sintara u Elvis kienu l-favoriti tal-ġenituri tiegħi. Fejn missieri aktarx li kien isib lil Sinatra sofistikat u sottili, filwaqt li ommi inġibdet lejn Elvis għax kien seduttiv b'mod li kważi ħadd qablu ma kien, għalija Bowie kien kreattura differenti u ambigwa. Din id-differenza laqtitni b'mod partikolari ħafna, speċjalment aktar ma bdejt nitfarfar. Apparti l-logħob bl-identità personali, differenza oħra ta' Bowie kienet li ħafna mid-diski tiegħu kien jiktibhom hu stess.

Bowie qatt ma ddiżappuntanti, speċjalment meta kultant żmien kien jerġa' jitfaċċa b'xi ħoss u dehra differenti minn ta' qabel. Kien teatrli mingħajr ma kien jinħass artifiċjali. Dik is-sofisitkazzjoni sottili ta' Sinatra kienet għaddiet għand Bowie li għamila tiegħu meta ltaqgħet mar-raġġiera sesswali li kellu madwaru Elvis u l-biżibilju imitaturi tiegħu. Bowie ma kien qisu jimita lil ħadd. Biż-żmien sirt naf dwar l-influenzi kreattivi tiegħu, iżda minn kif kienu jidhru l-affarijiet, ħaddieħor kien jimita lil Bowie, mhux hu lil ħaddieħor.

Mhux l-intenzjoni tiegħi nikteb eloġju għal Bowie. Ridt biss indaħħal lil Bowie fl-istorja b'mod li nuri ċar kemm, sa minn kmieni, kien figura mużikali u kulturali sinifikanti f'ħajti minħabba li kien differenti mill-kumplament. Biex inkun sinċier, qatt ma kont iffissat fuqu, imma dejjem kien preżenti b'xi mod jew ieħor. Għalkemm qatt ma mort xi kunċert tiegħu, jew ġemmajt id-diski kollha li ħareġ, xorta naħseb li smajt aktar minn darba kull ħaġa li rrekordja...u f'ċertu każi diversi drabi ukoll, sintendi. Hawn mhux qed ngħid għall-ovvju, bħas-singles jew xi album bħal Blackstar meta miet, imma aktar u aktar għall-albums tas-snin 70 u 80, anke jekk dawn tal-aħħar huwa meqjus bħala l-anqas perjodu tajjeb tiegħu, kif ukoll il-ħsejjes ġodda li introduċa fir-repertorju tiegħu mis-snin 90 'l hinn.

Jingħad ukoll li Bowie kien deher ikanta f'Malta qabel sar famuż. Tajjeb imma b'daqshekk din ma tbiddel xejn wisq. Jingħad ukoll li għal xi żmien kien jiġi regolarment Għawdex għax kellu xi dar hemm. Allura? Dawn il-laqtiet lokali qajla jbiddlu – la jżidu u anqas inaqqsu – minn kemm Bowie kien differenti minn kważi kull ħaddieħor li kien hemm fix-xena mużikali internazzjonali fl-istess żmien tiegħu.

https://www.youtube.com/watch?v=FA25s6Nn-IQ

--Toni Sant (talk) 07:06, 26 April 2020 (EDT)

05. MILL-JUKEBOX: BOGĦOD MILL-PUNK

Waħda mill-aktar affarjiet influenti li seħħew fis-snin 70 fix-xena tal-mużika internazzjonali indubjament li kienet l-isplużżjoni tal-mużika u l-kultura punk. Aktar minn kollox, din kienet reazzjoni għal dak li kien għaddej fid-dinja dak iż-żmien, b'mod partikolari fir-Renju Unit, fejn il-kultura punk daħlet ftit tas-snin wara li din kienet diġa tfaċċat fl-Amerika.

Id-dominanza kulturali tal-Ingliżi u l-Amerikani ironikament kompliet titkattar bil-punk, anke jekk dan aktarx li verament kien moviment li kellu dimenzjonijiet internazzjonali 'l hinn mill-interessi kummerċjali ta' uħud li għarfu jisfruttawh għall-għanijiet finanzjarji tagħhom ukoll. Per eżempju, f'Malta konna mmorru nixtru "punk shoes" li ma nafx x'kellhom x'jaqsmu mal-punk estetikament jew politikament. Il-punk ta' veru kien bogħod ħafna mill-kultura mainstream f'Malta u r-rock kien għadu ġdid u underground wisq biex jinqala' 'l barra mill-punk

Għalkemm il-punk, speċjalment dak Ingliż, kien reazzjoni għal gruppi bħall-Pink Floyd u oħrajn mix-xena progressiva, din il-mużika kienet tidher u tinħass diametrikament opposta fil-kultura tagħha mill-pop. Il-progressivi kienu bdew jintelletwalizzaw il-mużika rock b'mod tassew straordinajru f'anqas minn għaxar snin mill-ewwel esperimenti progressivi minn esponenti tal-mużika popolari bħall-Beatles u l-Beach Boys. Il-mużika disco, li daħlet in voga dak iż-żmien ukoll, kienet malgħajr inbidlet minn xi ħaġa reazzjonarja u underground tax-xena gay fl-Istati Unti għal xi ħaġa mill-aktar kummerċjali u kummerċjabbli.

Fix-xibka tad-disco kienu nqabdu kważi dawk l-esponenti mużikali popolari kollha li ma kienux strettament jidentifikaw ruħhom bħala rockers. Naħseb li l-aktar eżempju ovvju ta' dan huwa dak li ġara mal-Bee Gees, per eżempju, permezz ta' Saturday Night Fever. Fl-istess waqt, għalkemm mhux parti mill-moviment tad-disco, imma ċertament li parti minn dik il-mewġa ta' kummerċjalizmu, kien hemm l-Abba.

Mill-1974 'l hinn, l-Abba kienu omnipreżenti fil-jukebox li kellna fil-bar tagħna. Ibda minn Waterloo li biha rebhu l-Eurovision Song Contest ta' dik is-sena u kompli b'suċċessi kbar bħal Fernando, Money Money Money, u Mamma Mia, u spiċċa b'I Have a Dream, li ħarġet fl-1979 meta tlaqna mill-bar.

Għalkemm kienu jkantaw bl-Ingliż, l-Abba grupp Żvediż. F'nofs is-snin 70, din kienet xi ħaġa tassew affaxxinanti għal dawk il-Malti li bdew jiltaqgħu aktar regolarment ma' nies minn dan il-pajjiż f'Malta, hekk kif infetaħ is-suq tat-turiżmu mill-iSkandinavja. L-Iżvedizi ġabu magħhom f'Malta ċertu ideat liberali li l-Ingliżi ma kellhomx, jew tal-anqas il-biċċa l-kbira minnhom ma' kellhomx. Dan kien l-aktar evidenti fost iż-żgħażagħ ta' dak iż-żmien li li kienu jiffrekwentaw il-bara tagħna; għalkemm kienu dawk il-ftit snin akbar minni, xorta kienu jitkellmu liberalment quddiemi dwarhom u dwar dan kollu.

F'nofs dan kollu kien hemm diska tal-Abba li biż-żmien sibt li hi waħda mill-aqwa diski tal-mużika pop li qatt ġew irrekordjati. Biha stajt napprezza kemm kienu kompożituri prolifiċi Björn Ulvaeus u Benny Andersson tal-Abba. Dancing Queen fiha bosta livelli ta' produzzjoni mużikali li ftit issib bħalhom fil-mużika pop apparti minn xi kompożizzjonijiet tal-Beatles, jew il-produzzjonijiet bil-ħajt tal-ħoss ta' Phil Specter.

Faċli għal min hu snob mużikali li jwarrab il-materjal kollu tal-Abba bħala imbarazz kummerċjali bħall-ħafna mużika hekk imsejħa bubblegum li ħarġet f'dawk iż-żminijiet. Il-films/musicals ta' Mamma Mia! li tfaċċaw f'dawn l-aħħar snin m'għenux wisq f'dan il-(pre)ġudizzju anqas. Skond jien, però trid tkun tassew mużikalment injorant biex ma jirnexxilekx tapprezza l-ġmiel intrinsiku li fiha Dancing Queen, speċjalment jekk jirnexxielek tifridha mill-kummerċjaliżu assoċjat magħha. Apparti din l-opinjoni, forsi anke xi ftit kontroversjali, tassew niddubita hawnx xi ħadd li ma jafx imqar diska waħda tal-Abba.

https://www.youtube.com/watch?v=xFrGuyw1V8s

06. DOQQLI WAĦDA TA' ELVIS

Għalkemm fil-jukebox kellna ħafna diski ta' Elvis, illum mhux se nikkonċentra daqstant fuq id-diski tiegħu li trabbejt nisma' b'dak il-mod biss. Elvis kien wieħed minn ftit li marru mir-record player t'ommi għat-tape recorder ta' missieri meta ċertu Neville li kien iffissat fuqu kien sellifna xi LPs tiegħu. Tajjeb ngħid mill-ewwel però li qatt ma kont fan ta' Elvis anke jekk sibt partijiet varji mill-ħajja tiegħu interessanti u wħud mid-diski tiegħu huma fost dawk li nemmen li huma sinifikanti fl-istorja tal-mużika popolari tas-seklu l-ieħor. Per eżempju, Heartbreak Hotel jew Jailhouse Rock juru biċ-ċar li dak il-ħoss tas-snin 50 kien xi ħaġa verament differenti minn kull ma ġie qabel u li ħalla impatt fuq ħafna oħrajn li ġew warah.

Rajt ħafna mill-films li fihom jidher Elvis ukoll. Apparti King Creole, li għalija huwa ġawrha ċinematografika, l-oħrajn kollha kważi qishom kollha film wieħed bl-istess karattru; skuża biex naraw lil Elvis ikanta fl-era qabel tfaċċaw il-music videos. Elvis żgur li ma kienx attur tal-kalibru ta' Sinatra. Il-vantaġġ prinċipali ta' Elvis naħseb li dejjem kien id-dehra tassew fotoġenika tiegħu.

Id-dehra ta' Elvis fenomenu kumpless ħafna. Kien diffiċli ferm għalija, ta' tifel żgħir li kont fl-aħħar snin ta' ħajtu, nifhem kif dak ir-raġel oħxon li bil-kemm jiflaħ jiċċaqlaq, li konna naraw fuq it-television jew f'xi ritratt fil-gazzetta minn żmien għal żmien fis-snin 70, kien l-istess wieħed li ġennen tant nies fil-films tiegħu fl-għoxrin sena ta' qabel.

Ftit wara li miet kien tfaċċa f'idejja ktieb jismu Elvis - What Happened? miktub minn tliet bodyguards – kif kienu jissejħu s-security dak iż-żmien – li ħadmu miegħu matul ħafna mill-karriera tiegħu. F'dan il-ktieb jirrakkontaw diversi stejjer xokkanti li jispjegaw sew mhux biss kif Elvis inbidel fid-dehra fiżika tiegħu fl-aħħar snin, imma ukoll x'wasal għal mewt tiegħu fl-età ta' 42 sena. Naħseb dan il-ktieb kien l-ewwel wieħed li qatt qrajt dwar xi kantant jew esponent ieħor mid-dinja tal-ispettaklu, anke jekk ma nimmaġinax li fhimt kull ma kont qed narqra fih. Kien ktieb maħruġ ftit ġimgħat wara li miet Elvis f'Awwissu tal-1977 biex jikkapitalizza fuq l-interess kbir li jqum madwar xi ċelebrità meta jħalli din id-dinja. B'dan il-ktieb bdejt nifhem li hemm dinja oħra fil-qasam tal-ispettaklu 'l hinn mid-dwal u x-xinxili li jidhru quddiem in-nies.

Meta mort ngħix l-Amerika fis-snin 90, iltqajt m'Elvis hemm ukoll, sintendi. Dan ħassejtu anke jekk ma żortx Graceland, id-dar fejn kien jgħix fl-aħħar snin ta' ħajtu u fejn huwa midfun, kif għamlet ommi ma' missieri l-ewwel darba li ġew jarawni fis-snin li kont ngħix l-Amerika. Eżempju mill-aktar ċar ta' dan huwa show li kont mort nara fil-belt ta' Richmond fl-istat ta' Virginia lejn nofs is-snin 90. Dan kien minn grupp jismu Mojo Nixon and the Toad Lickers. L-istil mużikali tagħhom jissejjaħ psycobilly - varjazzjoni kontemporanja fuq ir-rockabilly li minnu ħareġ Elvis fis-snin 50. Mill-ewwel bsart li Elvis ma kienx bogħod wisq waqt dan il-kunċert. Kif appena spiċċaw l-ewwel silta tagħhom, Mojo Nixon dawwar il-kitarra tiegħu biex jurina żaqqha u fuqha kien hemm miktub "Dean Martin is My God". Xi ftit wara wasalna għal kanzunetta jisimha Elvis Is Everywhere, u l-sala li konna fiha spoldiet tkanta kollha f'daqqa.

Każ ieħor f'dawn l-istess żminijiet kien dak tal-grupp Dread Zeppelin magħrufa sew fl-Istati Uniti bħala grupp li jinterpreta d-diski tal-Led Zeppelin f'arrangamenti reggae, esegwiti minn kantant jismu Tortelvis li huwa verżjoni sofistikata ta' dawk li jissejħu Elvis impersonators. Il-mashup ta' Heartbreaker ma' Heartbreak Hotel huwa tassew sublimi.

Insomma, Elvis kien u sa ċertu punt għadu dejjem f'ħajti, b'xi mod jew ieħor. naturalment ma jgħinx il-fatt li ma niddejjaqx nisma' d-diski ta' Mojo Nixon u Dread Zeppelin meta jkolli aptit xi ħaġa differenti mingħajr ma niddevja wisq mill-imperjaliżmu kulturali Anglo-sassonu jew Amerikan.

https://www.youtube.com/watch?v=mpb4ZAAP6Z4

07. TURUFNAMENT

Dom Mintoff kien isejjaħ l-emigrazzjoni tal-Maltin lejn artijiet oħra turufnament. It-tifsira ta' din il-kelma aktarx li tingħaraf aktar, speċjalment fost il-ġenerazzjonijiet iżgħar minni, fil-verżjoni l-oħra kif użata fil-Malti: eżilju. Li titlaq minn Malta f'ċertu żminijiet fl-istorja ta' pajjiżna ċertament li ma kienetx għażla ħafifa. Irrid ngħid, għalkemm illum fost ir-raġunijiet li nitilqu minn Malta għad hemm l-idea li nsibu xi forma ta' futur aħjar minn dak li qatt jista' jkollna f'Malta, fi żminijiet oħra l-emigrazzjoni kienet xi ħaġa marbuta ma' ħarba mill-faqar materjali u min-nuqqas ta' xogħol.

Lil titlaq minn Malta għal xi wħud kien jinħass ukoll bħala forma ta' falliment. Qed titwarrab minn fejn twelidt. Qed tersaq lejn it-tarf tal-univers li fih trabbiet ir-razza u r-radika li kont ġej minnha. L-emigrazzjoni mhux dejjem kienet għal kollox - dak li l-Ingliżi b'mod stramb għalmuna ngħidu "for good". What's so good about being exiled? Sa minn żmien Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika, jekk mhux qabel ukoll, kien hemm parti mill-istorja kienet tinvolvi lil dawk li jiġu lura minn barra wara li jkunu għamlu ftit flus sew. Xi drabi oħra kienu jiġu għal raġunjiet anqas feliċi ukoll.

Fuq iż-żewġ naħat tal-familja tiegħi għandi każi ta' turufnament minħabba l-emigrazzjoni. Sa fejn naf jien, m'hemmx stejjer interessanti biżżejjed li fuqhom issejjes xi rumanz, imqar jekk wieħed irħis; jew forsi l-gosti tiegħi naqra limitati. Niesi kienu nies mill-aktar ordinarji li marru f'artijiet oħra jfittxu ħajja aħjar minn dik li emmnu li seta jkollhom f'Malta jew Għawdex. Anke qabel il-gwerra għandna stejjer ta' avventuri barra minn Malta fil-familja, imma l-biċċa l-kbira huma ta' zijiet li marru lejn l-Awstralja. U kważi kollha baqgħu hemm ukoll.

Niddubita hawnx xi ħadd f'Malta li m'għandu assolutament ħadd f'ħajtu li b'għażla personal jew le kien iturufnat lejn xi art oħra għal dejjem, jew tal-anqas għal numru ta' snin. Jekk int m'għandekx għidli ħalli nikkoreġi din l-impressjoni żbaljata.

Dan kollu jorbot ukoll mal-vjaġġ mużikali li qed nagħmel f'din is-sensiela, sintendi. Fis-snin 50, ħu missieri kien emigra mal-familja tiegħu l-ewwel lejn l-Ingilterra u aktar tard lejn il-Kanada. Hu biss ġie lura Malta fil-bidu tas-snin 70 u miegħu, flimkien ma' ħafna stejjer, ġab miegħu ukoll għad ta' cassettes b'mużika li kienet popolari fil-Kanada fis-snin sittin. Kien permezz ta' dawn il-cassettes li smajt sew għall-ewwel darba l-Beatles. Biex inkun aktar preċiż, irrid ngħid, smajt aktar minn dak li kien jindaqq fuq ir-radju jew fil-jukebox. Niftakar li l-ewwel diska "ġdida" tagħhom li kont smajt fuq dawn il-cassettes kienet Glass Onion. Mid-dehra kien cassette tal-album l-abjad tagħhom, u Back in the USSR kont diġà nafha mill-jukebox filwaqt li Dear Prudence, għal xi raġuni, kienet maqbuża. Glass Onion għandha ħoss differenti ħafna, speċjalment meta tqis li warajha eżatt fl-istess album hemm Ob-la-di Ob-la-da, oħra li kont naf diġà mill-jukebox fil-verzjoni tal-Marmalade.

Min-naħa l-oħra tal-familja għandi memorji vagi ta' żjarat fil-Port il-Kbir biex naraw xi vapur jew ieħor ħiereġ bl-emigranti, inkluż xi wieħed minn ħut ommi sejjer lejn l-Awstralja. Il-mużika hawn marbuta aktar ma' diska li f'dak iż-żmien kienet tindaqq ħafna fuq ir-Radju ta' Malta, kif kien jismu dak li llum nafuh bħala Radju Malta, li kien għadu kemm jiftah. Wieħed mill-ewwel suċċessi kbar ta' Freddie Portelli mal-Black Train kienet propju diska dwar it-turufnament tal-emgrazzjoni maħruġa fuq it-tikketta tar-Record Centre. Fuq din it-tikketta ħarġu ħafna diski popolari Maltin tas-snin 70; fosthom, Imħabba f'Kemmuna ta' Frank O'Neill, Żepp u Grezz ta' Enzo Gusman, oħrajn tal-kantanti John Laus (inluż Tiġrija Bejn Żewġ Muturi) u Renald Abela (bħal Ajjut u Ħruq), kif ukoll Ninni La Tibkix Iżjed għal żmien il-Milied, u l-innu tal-Ħamrun Spartans ta' Tony Agius u Spiru Zammit.

Din id-diska twassalni ukoll għall-ewwel memorji tar-radju fis-snin 70, li se jiftaħ kapitlu ġdid f'dan il-vjaġġ għada, aktarx b'xi nofs tużżana posts oħra minn dawn. Dan jifrex mill-faxxinu għall-ħsejjes ta' daqq u vuċijiet ħerġin minn ġo kaxxa sa dik li eventwalment kienet l-ewwel parti tal-karriera professjonali tiegħi bħala xandar, li tispiċċa bit-turufnament tiegħi ukoll fil-bidu tas-snin 90.

https://www.youtube.com/watch?v=Hfyz_neqI68

08. IR-RADJU MHUX IR-REDIFFUSION

Għalkemm xi ħames snin ilu ktibt ktieb dwar ir-Rediffusion f'Malta naħseb li għadni qatt ma stqarrejt pubblikament li aħna ma kellnix set tar-Rediffusion id-dar. Missieri kellu wieħed fil-bar li semmejt diġà imma dan ma damx hemm meta daħlet ommi fl-istorja. Sa ma twelidt u bdejt nitfarar jien ġa kien ilu sew li tneħħa. Kien hemm dawk it-tlett oġġetti li ktibt dwarhom diġà jikkumpensaw għalih: ir-record player, it-tape recorder, u l-jukebox. Dan biex ma nsemmux ukoll it-television, li għalkemm kien limitat ħafna fin-numru ta' siegħat li kien ixandar, biex ma nsemmux n-numru limita ħafna ta' stazzjonijiet li konna naqbdu fuqu, kien ukoll oġġett li nistħgu ninkluduh mat-tlieta l-oħra.

Madankollu kien hemm ukoll oġġett ieħor li s'issa ftit li xejn għandi semmejt, anke jekk eventwalment sar element ċentrali fil-karriera professjonali bikrija tiegħi: ir-radju. Dan kien xi ħaġa differenti ferm mir-Rediffusion li kien joffri biss żewġ kanali waqt li marbut bil-fil mal-binja li fiha kien ikun installat. Ir-radju li kellu missieri anqas ma kien bħar-radju tan-nannu, li effettivament kien biċċa għamara li kienet baqgħet fid-dar tan-nanna anke snin twal wara li miet hu u ma baqgħetx tgħix hemm hi. Ir-radju ta' missieri kien 2 band transistor radio tad-ditta Sharp importat mill-Ġappun, li kien jaħdem b'batterija ċatta ta' 9V. Ir-radju kien jinżam f'baskett żgħir tal-ġilda kannella ddisinjat apposta biex jinġarr fih. Hekk naħseb li ltqajt mar-riħa tal-ġilda għall-ewwel darba f'ħajti

Fuqu kont taqbad ukoll numru kbir ta' stazzjonijiet jew bil-medium wave inkella bis-shortwave. Kellu aerial teleskopiku twil li kont trid tifthu biex tisma' sew dak li tkun qed tirċievi, speċjalment fuq is-short wave. Ma nafx eżatt x'kienet l-istorja ta' kif dan ir-radju daħal f'ħajjitna, imma naf ċert li kien parti integrali minn tfuliti għax apparti li rari kien ikun bogħod minn missieri, konna noħduh magħna ukoll fil-karozza u allura kien ikollna l-mużika u xandiriet oħra magħhna, kull fejn immorru. Fil-karozzi ta' Malta ma kienx ikun hemm radju mwaħħal fiss dak iż-żmien; dak beda dieħel ftit tas-snin wara.

M'għandix dubju li l-ftuħ tar-Radju ta' Malta fuq 999 KHz MW fl-1973 kien parti essenzjali mir-rwol li ħa r-radju f'ħajti. Niftakarni nisma' l-ewwel programmi mxandra minn Norman Hamilton. Meta kont inkun ma' missieri wara l-iskola kont nisma' xi biċċa mill-programm tiegħu Antenna li mid-dehra kien popolari ħafna. Meta għal xi raġuni jew oħra kont nibqa' l-iskola minflok immur id-dar, is-soru kienet tixgħel ir-Rediffusion li kellna fil-klassi. Hemm flok Norman Hamilton u d-diski pop li kien idoqq hu kont nispiċċa nisma' l-Kyrie mill-Missa Luba li kienet tintroduċi xi programm religjuż li niftakar bil-vuċi ta' Charles Arrigo. Ma nifakarx sew x'kien.

Ir-radju fetaħli dinja ġdida ta' ħsejjes, anke jekk fl-istess waqt ir-Rediffision fil-klassi tal-iskola xorta kien joffrili ħsejjes differenti minn dawk li kont nisma' fuq ir-radju ta' missieri, jew xi wieħed minn dawk it-tlett oġġetti mużikali li bihom introduċejt din is-sensiela. Il-Kyrie mill-Missa Luba tal-Congo aktarx li kienet l-ewwel biċċa mużika li tħabbibt magħha li ma kienetx mid-dinja tal-mużika popolari jew klassika, u 'l hinn mid-dominanza kulturali Anglo-Amerikana jew Taljana.

Naf li bosta snin wara dan kollu, meta kont naħdem Xandir Malta u Charles Arrigo kien l-imgħallem tiegħi, kont staqsejtu dwar l-użu tal-Kyrie mill-Missa Luba tal-Congo imma ma niftakarx li t-tweġiba tiegħi kienet impressjonati biżżejjed biex nibqa' niftakarha. Kienet x'kienet pero, tal-anqas f'moħħi kienet tgħin biex timmarka d-differenza bejn ir-Rediffusion konservattiv b'tendenzi kolonjali u r-Radju ta' Malta bil-frivolità u sens ta' ferħ li ġġib magħha il-mużika pop.

https://www.youtube.com/watch?v=ToNb-02n3KY

--Toni Sant (talk) 15:34, 30 April 2020 (EDT)

09. L-EWWEL KONVERĠENZA

Fil-posts kollha li ktibt s'issa f'din is-sensiela, kien hemm dejjem oġġett li ppreżentajt bħala l-protagonist tal-istorja li qed nirrakkonta. Kienx ir-record player t'ommi jew it-tape recorder ta' missieri, inkella l-jukebox jew it-television fil-bar, jew anke r-radju u r-Rediffusion li daħlu fl-aħħar parti tal-storja, l-oġġett dejjem kellu funzjoni waħda prinċipali.

Illum fil-but kważi kulħadd għandu oġġett li jġib dawn il-funzjonijiet kollha flimkien. Qed nirreferi għall-hekk imsejħa smart phones li minnhom nirċievu dak kollu li qabel kien jasal għandna minn dawn l-oġġetti separati kollha. Fid-dinja tat-teknoloġija din tissejjaħ konverġenza, anke jekk din mhux kelma komuni fl-ilsien Malti.

Dak ir-radju żgħir li kellu missieri għadda minn ħafna avventuri. Waħda mill-kbar kienet meta spiċċa niżel żewġ sulari f'daqqa minn fuq il-bejt tad-dar tagħna għat-triq. Dan ġara wara li ommi ma ntebħitx li missieri kien ħalla r-radju fil-friex meta ħarġet biex tfarfarhom waħda qabel tpoġġihom fil-magna tal-ħasil. Għalkemm dan ir-radju żgħir kien ħa daqqa tajba u nkiser f'xi partijiet, missieri kien sewwih xi ftit u baqa' jaħdem għandu għal numru ta' snin wara dan l-inċident.

Jidher li kien ftit wara din il-biċċa li tfaċċa l-ewwel radio cassette mono li kellna d-dar. F'nofs is-snin 70, kienu popolari ferm dawn il-kaxxi mhux goffi li bihom stajt mhux biss tisma' l-cassette tapes jew ir-radju imma anke tirrekordja r-radju għal fuq cassettes vojta. Għax diġa kelli ftit prattika sew nirrekorja minn fuq ir-radju bit-tape recorder l-antik, meta wasal ir-radio cassette recorder ma domtx ma sirt espert ta' kif l-aħjar tirrekodrja d-diski minn fuq ir-radju. Xi preżentaturi fuq ir-radju kienu aħjar minn oħrajn għax bil-kemm kienu jiftħu ħalqhom kif appena tibda d-diska u jħalluha għaddejja sal-aħħar qabel jerġgħu jitkellmu. Konna nemnu li ċertu disk jockeys (kif kienu jissejħu d-DJs dak iż-żmien) kienu jitkellmu fuq id-diski propju apposta biex tellfu lil xi pirata bħali li jkun lest b'subgħajh fuq il-buttuni tal-play u r-record jistenna d-diski li jrid iżomm fuq cassette.

Issa li stajt anke aktar faċliment nisma' l-istess diski ripetutament skoprejt żewġ affarijiet li sa ċertu punt, imma mhux kompletament, huma marbutin ma' xulxin. Il-kliem tal-kanzunetti mhux dejjem kien paroli fil-vojt dwar l-imħabba jew xi tbaqqbila bla sens, imma kultant kien qisu xi forma ta' poeżija sublimi. Il-mużika minn xi daqqiet kien ikollha ritmi li jvarjaw waqt l-istess silta jew inkella kienu jkunu kompletament differenti mill-biċċa l-kbira tad-diski l-oħra li kienu jindaqqu fuq ir-radju bl-istess stil t'orkestrazzjoni.

Ta' tifel li kont, ħadd għalija ma kien iġib dawn iż-żewġ affarjiet flimkien b'mod aħjar minn Angelo Branduardi. Alla fiera del'est kienet waħda mill-ewwel diski li ħkimt minn fuq ir-radju għal fuq il-cassette. Kienet hi li ntroduċietni għal tant diski sbieħ tiegħu, speċjalment minn dak il-perjodu, li wara għożżejt anke aktar fl-albums sħaħ bħal La pulce d'acqua u Cogli la prima mela.

Alla fiera del'est hija tip ta' kanzunetta li ssibha f'ħafna kulturi - għalkemm ma nafx għandnix xi waħda hekk bil-Malti. Old MacDonald Had A Farm bl-Ingliż u Alouette bil-Franciż huma preċiżament żewġ eżempi ta' dawn il-kanzunetti b'sejjer kumulattivi. Oħra hija tal-Milied: the 12 Days of Christmas. Aktarx li l-eqdem waħda minn dawn li għadha titkanta sal-lum hija Chad Gadya. Din il-kanzunetta mill-kultura Lhudija tirrakkonta l-istorja ta' missier li xtara gidja (għalhekk chad gadya!) b'żewġ soldi, li ttieklet minn qattus li ngidem minn kelb li dabbar xebgħa b'żokk...insomma, xi ftit jew wisq l-istess storja li jirrakkonta Branduardi dwar ġurdien fid-diska tiegħu.

Il-verżjoni li qed naqsam magħkom illum hija dik ta' Branduardi jkanta bl-Ingliż, bit-traduzzjoni ta' Peter Sinfield. Dan il-kittieb Ingliż nafuh ukoll bħala l-awtur tal-kliem tal-kanzunetti fuq l-albums bikrin tal-King Crimson u dawk bl-Ingliż tal-Premiata Forneria Marconi (PFM). Alla fiera del'est f'idejn Sinfield saret Highdown Fair. Għal min jinteressawh dawn l-affarijiet, Sinfield kiteb ukoll il-kliem għall-album sħiħ La pulce d'acqua ta' Branduardi li nħareġ bħala Fables and Fantasies fl-1980.

https://www.youtube.com/watch?v=CgSyRyPuD_k

--Toni Sant (talk) 11:53, 1 May 2020 (EDT)

10. X'SE NURU

Jien u nerġa naqra dak li ktibt s'issa f'din is-sensiela bdejt nintebaħ li aktarx mhux qed nagħti biżżejjed attenzjoni lill-mużika li skoprejt permezz tat-television. Qed ngħid dan l-aktar għax hemm tipi ta' mużika li ma ltqajtx magħhon permezz tar-record player jew it-tape recorder, u wisq anqas fil-jukebox jew fuq ir-radju. Il-genru l-aktar ovvju għalija li jidħol kexxun f'din il-kategorija huwa l-jazz.

Il-mużika jazz ilha teżisti mill-anqas nofs seklu aktar mir-rock u għalhekk fis-snin 70 l-istazzjonijiet tar-radju aktarx li kienu jsibuha komda jużawha bħala bażi strumentali meta l-mużika orkestrali forsi ma kienetx tinħass li tista' twassal ħoss modern. Kien hemm ukoll l-ewwel esperimenti bil-mużika elettronika madwar dan iż-żmien, imma naħseb li dawk aktar wasslu biex qarrbu l-pop mar-rock, speċjalment fis-snin 80. F'dik il-kategorija hemm ħsejjes ta' nies bħal Vangelis jew Jean Michelle Jarre, fost oħrajn.

Il-jazz għandu storja vasta u s-sotto-generi fi ħdanu huma bosta, uħudu minnhom diverġenti ferm minn dak li kienu jsejħu jazz fl-antik. Il-jazz popolari infiltra f'oqsma oħra li kelli aċċess għalihom jien meta kont tifel matul is-snin li kont għadni qed niskopri l-mużika. Allura tista' tgħid li minħabba l-elementi tas-swing u l-blues fil-mużika popolari li wasslet għar-rock 'n roll, xorta kont espost għal ħafna idjomi tal-jazz. Apparti xi gruppi popolari tal-jazz rock fis-snin 70 bħal Chicago jew Blood, Sweat & Tears.

Hu x'inhu però, il-jazz kien ġeneru li rari konna niltaqgħu miegħu regolarment f'Malta qabel is-snin 90. Programm ta' mużika jazz, imħallat b'xi qari ta' poeziji, li kien jipproduċi Albert Marshall fuq it-television lejn nofs is-snin 70, ċertament li kien l-ewwel darba li rnexxieli nara esponenti lokali jdoqqu din it-tip ta' mużika. Sammy Murgo fuq is-sax, Tony Agius fuq il-kitarra, u Charles Gatt is-City fuq il-vibes, kienu mpressjonawni mhux ftit. Apparti hekk pero, ma niftakar qatt aktar mużika jazz fuq l-istazzjon nazzjonali tat-television, tal-anqas sas-snin 80 meta donni niftakar xi xandira straordinaja ta' jam sessions mill-Mystique tal-Markiż Scicluna fil-Madliena, b'uħud mill-istess mużiċisti li kont rajt fil-programmi televiżivi Maltin tas-snin 70.

Fuq ir-RAI il-jazz kien jindaqq aktar spiss. Mhux biss għax kien hemm anke aktar jazz imdaħħal b'mod inċidentali kif għedt fil-bidu, imma anke għax kien ikun hemm shows ta' mużika jazz live fl-istudios tar-RAI jew inkella xi filmati ta' xi kunċert minn hawn jew minn hemm. Wieħed mill-aktar li kien jaffaxxinani f'dawk l-istess żminijiet kien Dizzy Gillespie.

Aktarx li laqtitni mhux biss il-mużika imma id-dehra tiegħu ukoll. Apparti l-wiċċ famuż li jintefah qisu ta' żrinġ meta jonfoħ fit-trumbetta tiegħu, l-istrument tiegħu kellu għamla unika. It-tromba tat-trumbetta ta' Gillespie ma kienitx dritta bħall-oħrajn kollha imma mdawra xi 45 grad 'l fuq biex tipponta lejn is-saqaf. Dan id-disinn straordinarju tat-trumbetta kien itiha ħoss partikolari li biż-żmien sirt napprezza li kien jixraq sew għat-tip ta' jazz li żviluppa hu flimkien ma' Charlie Parker magħruf bħala bebop.

Biż-żmien bdejt insib aktar jazz fuq ir-radju, speċjalment fuq stazzjonijiet minn barra minn Malta. Sirt naraf il-ħoss ta' Miles Davis kmieni ħafna, anke għax dan kien differenti minn ta' kullħadd ieħor, speċalment f'dawk iż-żminijiet. Bdejt nitgħallem l-ismijiet ta' mużiċisti bħal John Coltraine, Charlie Mingus, Herbie Hancock, Chick Corea, u Keith Jarrett u kont inqajjem widenejja sew kull meta kont ninżerta l-mużika tagħhom fuq xi wieħed minn dawn l-istazzjonijiet tar-radju. Il-jazz tagħhom kien xi ftit differenti minn dak ta' Louis Armstrong li kien diġà jinħass kważi tradizzjonali f'dak iż-żmien.

Ara ma taħsbux li kont sirt xi aficionado tal-jazz. Naħseb li r-raġuni li ġbidt lejn il-jazz kienet mill-ġdid id-differenza. Ħsejjes li mhux ta' kuljum. Mużika li tinstema' dejjem differenti kull darba li tisma' imqar l-istess silta minnha, speċjalment meta tkun esegwita live. Il-jazz hija mużika li biex iddoqqha trid verament ikollok sens ta' kontroll fuq l-istrument tiegħek. Allura hija ukoll mużika li, tal-anqas f'dak iż-żmien, ma kontx tara tfal jew żgħażagħ idoqquha.

Għalina t-tfal fuq it-television kien hemm programmi tassew sbieħ fuq kull stazzjoni - mhux diffiċli meta tqis li kien hemm biss żewġ stazzjonijiet, tlieta l-aktar, b'kollox. Fost l-aktar favoriti tiegħi kien hemm il-Muppet Show. F'kull edizzjoni kien ikun hemm mistieden speċjali. L-biċċa l-kbira kienu jkunu kantanti popolari jew atturi komiċi. Kienet tassew xi ħaġa mill-isbaħ allura għal kull min kien jixtieq jara aktar jazz, meta fil-Muppet Show il-mistieden speċjali kien Dizzy Gillespie. Ma nafx kellhomx jazzisti oħra mistiedna fil-Muppet Show apparti Gillespie u Buddy Rich, li aktarx jerġa' jitfaċċa fir-rakkonti tiegħi xi darb' oħra. It-tnejn li huma kellhom fuq is-sittin sena meta dehru f'din is-sensiela u wisq naħseb li għamlu dan l-aktar biex jagħtu gost lit-tfal tat-tfal tagħhom milli għax ħassew li din kienet xi mossa kruċjali fil-karriera tagħhom bħala mużiċisti tal-jazz.

https://www.youtube.com/watch?v=TwXIveqEgj0

--Toni Sant (talk) 10:18, 3 May 2020 (EDT)

11. WAĦDA TAL-AĦĦAR MILL-JUKEBOX

Ikun tajjeb jekk nieqaf naħseb dwar il-jukebox wara llum. Il-jukebox li kellna fil-bar tal-ġenituri tiegħi ma kienetx l-unika waħda sinifikanti f'ħajti. Kien hemm oħra li tfaċċat fis-sajf ta' meta kelli xi 14 jew 15-il sena; dwar din forsi nikteb xi ħaġa aktar 'l quddiem. Fil-granet li għaddew il-jukebox daħlet fl-istorja diversi drabi. Naħseb li issa wasal il-waqt li ngħid xi ħaġa tal-aħħar dwarha, tal-anqas għalissa, u ngħaddu għal xi ħaġa oħra f'dan il-vjaġġ bla destinazzjoni. L-għan tiegħi jibqa xi forma ta' għarfien, imqar miegħi nnifsi, dwar kif żviluppajt il-ġosti mużikali tiegħi matul is-snin. La rrid nibqa niftakar biss memorji minn tfuliti u wisq anqas ma rrid nimxi biss b'mod kronoloġiku.

Fl-post ta' qabel din bdejt nitkellem dwar il-jazz. Fil-jukebox ma nafx li qatt kellna jazz. Dan anke għax il-ġeneru tal-jazz ftit li xejn joħorġu singles minnu. Jekk mhux f'għamla ta' single li ddur b'45 rpm qajla kien hemm ċans li xi forma ta' mużika jew oħra tidħol f'jukebox, sa ma l-format inbidel f'dak ta' CDs fis-snin 90 meta anke ma' jukeboxes b'siltiet operistiċi ltqajt. Fil-jukebox tal-45 rpm l-eċċezjonijiet kienu jkunu jew xi diski ta' jazz standards minn xi Ella Fitzgerald, jew it-taħlit tal-jazz mar-rock melodjuż, kif semmejna fil-mużika ta' gruppi bħal Chicago u Blood, Sweat & Tears, inkella f'xi silta smooth jazz qabel ma' Kenny G tellifni l-gost ta' dan l-istil ta' jazz ħafif darba għal dejjem.

Tispikka mis-snin tal-jukebox id-diska If You Leave Me Now taċ-Chicago li niftakar ċar qisu l-bieraħ lil Philip Fenech (magħruf l-aktar bħala diriġent tal-BJs u/jew fil-GRTU) li kien parruċċjan regolari fil-bar tagħna jagħżel din id-diska regolarment għal bosta ġimgħat fuq il-jukebox. Philip il-Faggy, kif konna nsibuh dak iż-żmien, kien wieħed mill-bosta karattri kkuluriti li kienu jiġu fil-bar tagħna regolarment. Ma kienx l-unika wieħed li kellu gosti mużikali partikolari, imma huwa wieħed minn ftit li għandi f'kuntatt magħhom sal-lum. Meta ftit ilu, m'ilux wisq però, intervistah Noel D'Anastas fuq ir-radju waqt il-programm tiegħu Tfuliti u Żgħożiti, Philip għażel li jsemmi l-bar tagħna bħala punt ta' referenza importanti għalih f'dik li kienet it-trobbija tiegħu. Għandi nifhem li kien qed jgħid b'mod partikolari għat-tfassil tas-sensibilità kulturali tiegħu b'mod ġenerali.

Esponent ieħor tal-jazz li jispikka minn dawk is-snin tal-jukebox huwa George Benson. Dan aktarx li wasal fil-jukebox wara li missieri kien akkwista cassette tal-album tiegħu Weekend in L.A. mingħand Antoine Bonnici Soler, mużiċist prim li kellu effett sinifikanti fuqi b'mod li nista' niddiskrevih biss bħala kważi subliminali. Hu u missieri t-tnejn kienu jħobbu l-bossa nova u allura permezz t'Antoine tkattar ukoll l-aċċess li kelli għal mużika ta' Jobim u oħrajn 'l hinn minn dak li kellu diġà missieri d-dar.

Mhux ċert 100% minn dan li se ngħid issa, imma għandi l-impressjoni li fil-jukebox kienet tfaċċat is-single On Broadway ta' George Benson ftit qabel ma tlaqna mill-bar darba għal dejjem fl-1979. Niftakarni nisma' din id-diska diversi drabi. Kienet ukoll fuq wieħed mill-cassettes li kellna d-dar, imma jidhirli li kienet fil-jukebox ukoll. Ma nistkantax jekk qed inħawwad. Fl-aħħar mill-aħħar qed nitkellmu dwar memorji ta' aktar minn 40 sena ilu li qatt qabel illum ma ndenjajt ruħi nipprova niktibhom.

Il-memorja xi ħaġa stramba. Għandha tendenza tqarraq bina. Bosta drabi niftakru ċertu affarijiet isbaħ milli fil-fatt kienu jew forsi anke agħar milli forsi kienu. Għalhekk intenni li jien u n-nostaġija ma tantx aħna ħbieb. Jien u l-memorja apparti n-nostalġija, storja oħra. Mal-memorja għandi relazzjoni kumplessa li xi drabi hija eżaltanti u minn xi daqqiet oħra tassew frustranti.

https://www.youtube.com/watch?v=x0cQH9dvNl4

--Toni Sant (talk) 13:16, 4 May 2020 (EDT)

12. ORJENTALIŻMI

Iż-żgħożija tiegħi kienet differenti sew mit-tfulija tiegħi. Dan mhux biss għar-raġunijiet ovvji li jgħaddi kulħadd minnhom. Ibda' biex kont bdejt immur l-iskola r-Rabat fil-Kunvent ta' Sant' Agata, jew aħjar fil-Kulleġġ Missjunarju ta' San Pawl. Dwar dan hemm ħafna xi ngħidu, pero mhux għalissa, anke għax kif għedt dawn ir-rakkonti mhux qed nippreżenthom b'mod kronoloġiku u l-akbar attenzjoni qed intiha lill-mużika aktar minn kollox.

Fil-kuntest ta' dak li qed nippreżenta f'din is-sensiela, l-akbar bidla kif bdejt ħiereġ mit-tfulija kienet fil-mod ta' kif bdejt naċċessa l-mużika. Ibda' biex, issa kelli radju żveljarin fuq is-sodda u allura l-mużika prattikament kienet nonstop f'kamarti. Dan ir-radju ħabibbni sew mal-idea tax-xandir bħala karriera; dwar hekk żgur li ngħid aktar f'siltiet oħra li għandhom ġejjin f'din is-sensiela.

Maż-żgħożija bdiet ukoll l-opportunità li l-ħbieb tiegħi jinfluenzaw il-gosti mużikali tiegħi b'mod dirett. Wieħed li ħalla effett qawwi fuqi fil-bidu tas-snin 80 huwa xi ħadd li għandni niltaqgħa miegħu regolarment anke issa, avolja l-ħbieberija tagħna m'għadix tali li niltaqgħu nisimgħu l-mużika flimkien. Illum il-ġeneru favorit tiegħu huwa d-Doom Metal u mill-ewwel nista' ngħid li dan il-ġeneru mhux xi wieħed li nfittxu jien, anke jekk ma niddejjaqx nisma' xi siltiet minnu kultant, b'mod partikolari minn esponenti Maltin.

Dan il-ħabib kien fan kbir ta' Deep Purple. Dan il-grupp kien infired f'dawk l-ewwel snin li konna niltaqgħu nisimgħu l-mużika tagħhom. Dan kien ftit snin biss wara li Ritchie Blackmore kien ħareġ bil-grupp Rainbow u tfaċċaw il-Whitesnake. Dawn iż-żewġ gruppi tal-aħħar ma tantx kienu għall-gosti tiegħi. Tajjeb ngħid li l-albums tad-Deep Purple favoriti tiegħi f'dak iż-żmien kienu dawk li ħarġu qabel l-1970, jiġifieri qabel ma' Ian Gillan beda jkanta u jwerżaq magħhom. Għalija Shades of Deep Purple, Book of Taliesyn, u Deep Purple III huma trioġija tajba ferm. Il-ħoss tad-Deep Purple f'dawk is-snin kien notevolment differenti minn dak li ħarġu bih minn Deep Purple in Rock 'l hinn. Dan apparti l-fatt li kienu jagħmlu numru ta' covers b'arranġamenti tassew partikolari, fosthom Help u We Can Work It Out tal-Beatles, kif ukoll Lalena ta' Donovan u River Deep Mountain High li konna nafuha aktar mingħand Ike u Tina Turner.

Dawn l-arranġamenti, ħafna drabi ta' Jon Lord, imma xi drabi ta' Blackmore ukoll, spiss kienu joħorġu mit-tradizzjoni tar-rock u l-pop u jmorru lejn aspetti ta' mużika klassika. F'xi passaġġi, kienu jespolra ukoll skajjel b'armonija doppja li għal xi widnejn Ewropej jistgħu jintemgħu orjentali. Dawn kienu s-siltiet fost l-aktar favoriti ta' dan il-ħabib tiegħi li ntroduċieni mhux biss għall-mużika tad-Deep Purple imma ukoll tal-Uriah Heep, Black Sabbath, u diversi oħra li kienu magħrufa l-aktar għal mużika rock qawwija fis-snin 70.

Din tal-ħsejjes orjentali pero kienet għal qalbna wisq. Ikolli ngħid li dak iż-żmien din il-kelma "orjentali" ma kontx insibha problematika meta użata biex tirreferi għal diversi kulturi mil-lvant tal-mappa msawra min-nies fil-punent. Kulturi Indjani, Ġħarab, Ottomani, Persjani, Ġappuniżi, Indonesżjani, u x'naf kien kienu kollha jissejħu orjentali, daqs li kieku kien hemm xi rabta bejniethom aktar min-nuqqas ta' għarfien li kellna aħna tagħhom.

L-għaxqa tagħna nqalbu fuq ir-radju, speċjalment bil-lejl meta konna nirċievu ferm aktar stazzjonijiet fuq il-medium wave, biex ninżertaw xi ħsejjes orjentali. Wieħed mill-istazzjon li konna nisimgħu regolarment, tal-anqas għal perjodu qasir ta' żmien, kien ir-radju tal-Kajr mill-Eġittu, jew bl-isem uffiċjali tiegħu إذاعة القاهرة, li għal min jaf jaqra bl-Għarbi jgħidlek li tinqara Iza'at al Qaahira. Għalina kien jinħass qisu ġej minn dinja oħra.

Fl-istess żmien, b'xi mod kont ħadt interess fil-mużika li ħarġet mill-kultura tas-surfing minn California matul is-snin 60. Dan aktarx li ġara għax kont rajt il-film Dead Man's Curve dwar l-istorja ta' Jan and Dean fuq it-television. Proabbilment kien l-ewwel biopic li qatt rajt dwar xi ħadd mix-xena mużikali apparti xi Al Jolson Story jew hekk. Anke fost l-ewwel LPs li qatt xtrajt, kien hemm Jan and Dean u l-Beach Boys filfatt. Hi x'inhi, fost l-iprem siltiet ta' dan il-ġeneru ta' mużika hemm il-famuża Misirlou ta' Dick Dale. Dik jafuha anke aktar nies bis-saħħa ta' Quentin Tarantino għax użha fil-ftuh tal-film tiegħu Pulp Fiction kif ukoll is-samples li hemm minnha f'Pump It tal-Black Eyed Peas li ħarġet xi 15-il sena ilu.

Li ftit jafu nies mill-punent huwa li Misirlou hija għanja qadima mil-lvant tal-mediterran li konna nisimgħu spiss f'xi verżjoni minn bosta bl-oud jew anke bil-bouzouki fuq xi wieħed minn dawk l-istazzjonijiet orjentali wara li nkunu xbajna mill-mużika tad-Deep Purple. Xi ftit tas-snin wara qrajt il-ktieb Orientalism ta' Edward Said għall-ewwel darba u bdejt nifhem bil-mod kemm il-preċezzjoni tagħna ta' dik il-parti tad-dinja hija storta mid-dominanza kummerċjali tal-punent.

https://www.youtube.com/watch?v=bsUYqF32EdU

--Toni Sant (talk) 17:06, 5 May 2020 (EDT)

13. BEJN L-EŻILERANZA U L-FRUSTRAZZJONI

Din il-ġimgħa tħabbret il-mewt ta' Dave Greenfield, mużiċist Inġliż magħruf unikament bħala t-tastierista tal-grupp The Stranglers. Għalkemm miet ftit wara li qabditu l-Covid-19 fl-età ta' 71 sena, dan ma kienx xi mużiċist li se jiġbed ħafna attenzjoni fuq Facebook u s-soltu kummenti ta' RIP każwali li xbajna naraw minnhom kull meta jmut xi ħadd li jkun xi naqra magħruf. Sabiħ li niċċelebraw il-ħajja ta' min iħallina. Għaliex le? Xorta jkolli ngħid però li meta jmut xi ħadd inħossni li nsib dawn it-tip ta' kummenti fuq l-hekk imsejħa media soċjali naqra vojta, speċjalment meta jkun ovvju li m'hemmx xi rabta sinifikanti, imqar kulturali, bejn min miet u min qed jikteb RIP.

Il-mewt ta' Greenfield fakkritni f'żewġ mumenti minn ħafna snin ilu meta l-mużika tiegħu messet, anke jekk bi żbrixx, mat-tip ta' memorji li qed nirrakkonta f'din is-sensiela. L-ewwel waħda qasira u sempliċi, aktarx b'riperkussjonijijet fit-tul aktar milli xtaqt. DJ popolari ferm daqq id-diska Golden Brown ta' The Stranglers miktuba propjament minn Dave Greenfield waqt il-programm tiegħu ta' kuljum fuq Radju Malta 2 fil-bidu tas-snin 80. "Golden Brown...bħat-toast, kif inħobbha jien!" qal dan id-DJ stabbilit għal bosta snin b'isem li f'Malta (kien) jafu kważi kulħadd, daqs li kienku ma kien xejn. Abbli tassew ma kien xejn, imma l-biċċa hi li din Golden Brown hija dwar l-eroina u dak huwa l-kulur ta' din id-droga meta tissajjar f'xi mgħarfa tal-metal. X'għandu x'jaqsam il-ħobż mixwi? Ħlift li nsir xandar, imma mhux DJ, biex inkun nista' nikkumbatti dawn it-tip ta' ċuċati fuq il-mezzi tax-xandir. Mur għidli li kont qed nitbaqbaq fuq xi ħaġa li kellha ssir agħar u mhux aħjar aktar m'għaddew is-snin.

It-tieni waħda tikka aktar twila u mhux daqshekk sempliċi, avolja naħseb li b'anqas impatt fit-tul mill-oħra. Il-grupp The Stranglers kien wieħed mill-aktar favoriti ta' barman li kien hemm f'lukanda li kienet faċċata tad-dar tagħna sa ftit tas-snin ilu meta ddeċidew li jagħmluha dar għall-anzjani; li għandi qed nipprova nifhem għaliex isejħulha "home" din it-tip ta' dar għall-anzjani. Fil-bar ta' din il-lukanda kont immur għax ftit kien hemm aktar postijiet fejn stajt immur daqstant viċin tad-dar meta bdejt nitfarfar. Dan il-barman, li ma kienx il-barman regolari imma wieħed li kien jidħol meta dak regolari jkollu l-ġurnata off tiegħu jew ikun bil-leave, kien xi ħames snin akbar minni. Kien dilettant kbir tal-mużika u sirna ħbieb sew tant li anke kont bdejt immur għandu d-dar, fejn kif tidħol aktarx li kont tiltaqa' ma' missieru qed jisma' xi opra jew oħra b'volum għoli. F'dan il-bar ma kienx hemm jukebox u l-cassettes li kienu jdoqqu fih kienu normalment aktar jappellaw għat-turisti Ingliżi li l-ġosti tagħhom kienu middle of the road wisq għal gosti tiegħi, speċjalment f'dawk is-snin, b'xi James Last jew xi non-stop party hits għaddej fl-isfond.

Dan il-ħabib kellu kollezzjoni ta' diski sostanzjali d-dar. Tista' tgħid li x-xiri tad-diski kien wieħed mill-passatempi prinċipali tiegħu u parti sostanzjali mill-paga tiegħu aktarx li kien jonfoqha biex jixtri xi nofs tużżana LPs fix-xahar, jekk mhux aktar. Ħafna esponenti magħrufa tal-mużika rock smajthom sew għall-ewwel darba bis-saħħa tiegħu, speċjalment dawk popolari bejn is-snin 70 u l-bidu tas-snin 80. Kien hu li dewwaqni l-mużika ta' The Stranglers meta sellifni l-ewwel ħames albums tagħhom: Rattus Norvegicus, No More Heroes, Black and White, The Raven, u The Gospel According to the Meninblack. Kellu album ieħor jismu La folie, imma dak kien għadu ħiereġ u qalli "mhux se nsellifulek għalissa, imma għamiltulek fuq cassette."

Kien propju f'dan La folie li kien hemm din is-silta Golden Brown, lejn l-aħħar tiegħu. Kienet differenti mill-biċċa l-kbira tas-siltiet l-oħra mhux biss fuq dan l-album imma anke fuq l-albums l-oħra. Il-grupp ma kienx laqatni wisq, anke jekk kien xi ftit differenti mill-biċċa l-kbira tal-gruppi l-oħra ta' dak iż-żmien. Qisu punk imma mhux punk. Qisu rock imma mhux qawwi wisq. Ir-ritmu ta' Goldern Brown kien qisu xi valz alternattiv, bl-um-pa-pa um-pa-pa kważi rock, imma mhux eżatt. Ċertament però li din kienet xi ħaġa differenti ferm flok it-taħbita ta' erbgħa b'erbgħa li ssib f'99% (jekk mhux aktar) tad-diski kollha pop jew rock f'dawn l-aħħar sittin sena. Tghġid kumbinazzjonli li l-video ta' din id-diska jorbot ukoll xi ftit mal-post ta' qabel din dwar ir-radju mill-Kajr u l-orjentaliżmu?

Ftit wara dan il-ħabib u jien għaqqadna grupp (kif kien jissejħu l-bands dak iż-żmien) u anke daqqejna xi darbtejn flimkien ma' dak il-ħabib l-ieħor li ntroduċieni għad-Deep Purple u l-orjentaliżmu. Mingħajr qatt m'azzardajna noħorġu fil-pubbliku, wieħed mill-ismijiet li konna nużaw bejnietna għal dan il-grupp kien The Clockwork Wizards. Isem pretenzjuż misruq mill-film The Abominable Dr. Phibes bl-attur Vincent Price fil-parti prinċipali.

https://www.youtube.com/watch?v=z-GUjA67mdc

--Toni Sant (talk) 13:04, 6 May 2020 (EDT)

14. WALKMAN RIĦA TA' ĊIKKULATA

Min m'għex f'Malta fis-snin 80 aktarx li ma jemminx meta ngħidu li kien żmien tassew stramb fuq ħafna livelli. Aktar milli ma jemminx forsi ma jifhimx, għax li temmen mhux diffiċli daqs kemm li tifhem. Naturalment biż-żmien il-memorji tas-snin 80 jew sirna narawhom agħar milli kienu jew inkella nsejna kemm kienu tassew żminijiet diffiċli u bil-kemm ma ngħidux li konna ngħixu f'ġenna tal-art.

Kien l-ewwel deċenju li fih bdejna naraw u mmissu b'idejna x'jiġifieri Malta indipendenti, repubblika, u ħielsa. Mingħajr indħil barrani mingħand min għal snin twal kien ħakimna bħala kolonja, anke jekk xi drabi t-tmexxija imperjali kienet tinħass aħjar għal min jippreferi li jaħseb għalih ħaddieħor. Fortunatament f'Malta it-tmiem tal-kolonjaliżmu prattiku ma kellux l-impatt negattiv li esperjenzaw uħud mill-pajjiżi tal-hekk imsejjaħ commonwealth, li nħellsu xi ftit jew wisq fl-istess żmien ta' Malta.

Wieħed mill-episodji sintomatiċi li nħobb nispega s-sitwazzjoni f'Malta fil-bidu tas-snin 80 bih jien huwa dak ta' meta Mintoff iddeċieda li Malta ma timportax aktar ċertu prodotti minn barra, b'mod speċjali ċikkulata mir-Renju Unit. L-iskop kien li l-poplu jixtri l-prodotti Maltin, u li l-ekonomija Maltija ma jkollix ħafna aktar flus ħerġin mill-pajjiż għal prodotti barranin milli deħlin mill-kummerċ u t-turiżmu. Ir-raġunament teoretiku ma kienx ħażin. Stajt ma taqbilx miegħu politikament, imma finanzjarjament żgur li jagħmel sens dan it-tip ta' ppjanar ekonomiku għal pajjiż li kien qed jesperjenza l-ewwel bżonn ta' tmexxija li ma kienetx tiddependi mill-kiri ta' bażi militari navali sostanzjali fil-pajjiż.

Dan l-isfond qed noffrih hawn mhux biex inqanqal diskussjoni dwar il-merti politiċi tad-deċizzjonijiet ta' Mintof f'dak iż-żmien. Mhux għax m'hemmx lok ta' diskussjoni. Biss biss il-fatt li din kienet ippreżentata bħala deċizzjoni ta' Mintoff u mhux tal-gvern li kien imexxi hu, huwa fenomenu li fih innifsu jindika kemm kien qawwi l-kult tal-personalità li bih tmexxiet Malta għal tant snin; u dan mhux biss fi żmien Mintoff.

Dan l-isfond qed noffrih hawn aktar bħala kuntest għal kif spiċċajt akkwistajt l-ewwel walkman tiegħi; din is-sensiela dwar hekk, wara kollox. Fil-bidu tas-snin 80, il-walkman kien għadu xi ħaġa ġdida u l-idea li tista' ddoqq cassette u tisimgħu inti biss b'headphones ħfief b'kwalita tal-ħoss stereo relattivament tajjeb kienet tassew esperjenza innovattiva. Bil-walkman stajt tisma' sew dak li normalment ried ikollok sistema tal-hifi sofistikata biex tapprezza.

L-ewwel walkman tiegħi wasal meta ommi u missieri kien marru Sqallija għal ftit jiem. Staqsewni x'irrid minn hemm, għax ma kontx sejjer magħhom, u kważi b'forma ta' kuntratt biex noqgħod bilgħaqal waqt li jkunu hemm. "Walkman!" kienet it-tweġiba tiegħi bla tlaqlieq ta' xejn. "Ċikkulata ta' barra ma tridx?" Staqsietni ommi, anke għax bil-kemm kienet għadha taf x'inhu walkman. "Le! Walkman, u walkman biss, irrid." Dan anke għax kont naf li ċikkulata xorta se jġibu magħhom.

Bħal tant nies oħra f'Malta dak iż-żmien, ftit li xejn kienet tappellali ċ-ċikkulata tad-ditta lokali Desserta (mhux Deżerta, kif abbli naħsbu llum b'mod romantiċizzat), anke fl-għażla vasta ta' prodotti disponibbli. Kien hemm uħud mill-prodotti tad-Desserta li kienu verament straordinarji. Fost dawn niftakar l-aktar ħames tipi, jew togħmiet, ta' ċikkulata - jekk tista' ssejħilha hekk: banana, peppermint, lemon, pineapple, u bittersweet. Kienu bl-Ingliż għax Mintoff kien irranġa anke biex dawn jiġu esportati barra minn Malta, b'mod partikolari għal-Libja u xi żewġ pajjiżi oħra hekk imsejħa non-allinejati, bħal-Jugoslavja. Ma' dawn kien hemm Dairy Milk, Orange, White Chocolate, Milk & Nut, u Fruit & Nut, li kienu attentat ċar, anke jekk fqir, biex jimitaw prodotti b'ismijiet simili minn kumpaniji bħal Cadbury, Rowntree's, jew Nestlè.

Il-wasla tal-Maltin minn Sqallija b'kunsinja ċikkulata u prodotti oħra ta' barra li ma kienux għadhom jidħlu Malta kienet parti minn ritwal regolari fis-swali tad-dwana fl-ajruport u fil-port il-kbir matul dawk is-snin. Mhux se nkompli nidħol fid-dettalji ta' dan kollu għax personalment qatt m'esperjenzjat tassew x'kien jiġri meta l-Maltin kienu jaslu b'bagoll wara l-ieħor mimli ċikkulata ta' barra u prodotti oħra bħal toothpaste u x'naf jien. L-istejjer li smajt spiss kienu jkunu simili għal dik ta' Billy Hayes fil-Midnight Express, inkella sempliċi kwistjoni ta' naqra korruzzjoni istituzzjonalizzata, mhux differenti wisq minn kif jingħad li kont iddaħħal telefon jew television tal-kulur meta trid f'darek dak iż-żmien.

B'xi mod il-walkman wasal minn Sqallija. Kellu riħa ta' ċikkulata qawwija fuqu għall-ewwel ftit jiem. Tistgħu timmaġinaw kif ġara dan. Jekk le, allura ma narax il-punt li nispjega aktar dwar din il-ħaġa jien. Mill-ewwel bdejt nara kif indawwar bih cassettes irrekordjati b'mod stereo ċar biex nista' napprezza s-separazzjoni ta' dak li tisma' f'widnejk ix-xellugija minn dak li jasal fil-leminija. Fuq quddiem nett f'din il-kategorija kien hemm il-mużika tal-Pink Floyd. Kont sibt cassette originali ta' Relics tal-Pink Floyd bil-glorjuża Interstellar Overdrive fih u siltiet oħra ta' rock psikadeliku li verament kienu ideali biex tapprezza l-ġmiel ta' esperejenza li kien jista' joffrilek il-walkman meta tkun x'imkien għall-kwiet fejn normalment qatt, jew rari, ma kienet tindaqq dik it-tip ta' mużika li issa stajt tisma' int biss.

Tlaqna Dingli Cliffs naraw ix-xemx nieżla, ras? Ġib biċċa ċikkulata tajba miegħek. Jien inġib il-walkman miegħi.

https://www.youtube.com/watch?v=YH2T94XWqck

--Toni Sant (talk) 13:57, 7 May 2020 (EDT)

15. BEJN ISOUARD U CHOPIN MA' MISS ROSE

Għalkemm fl-aħħar żewġ posts ktibt dwar memorji ta' meta kont diġà dħalt fiż-żgħożija, ftakart li immedjatament qabel dan il-perjodu kont għaddejt minn fażi sinifikanti oħra fir-relazzjoni tiegħi mal-mużika. Kif jaf min sewgwa din is-sensiela mill-qrib, sa ma kelli madwar 10 snin il-mużika f'ħajti kienet preżenti ħafna permezz ta' diversi oġġetti li bihom in-nies normalment jisimgħu l-mużika. Minn daqshekk kont iffortunat ħafna, naħseb. Meta nieqaf naħseb aktar dwar hekk nara li kont iffortunat anke aktar għax il-ġenituri tiegħi kienu ddeċidew li jibgħatuni nitgħallem indoqq il-pjanu minn età żgħira ħafna.

Ommi tgħid li kelli 3 snin meta bdejt immur il-lezzjonijiet tal-pjanu. Aktarx li kelli xi ftit aktar, imma mhux wisq. Fost l-ewwel memorji vividi li għandi hemm dawn il-lezzjonijiet li kienet ittini ċertu Miss Rose Portelli fi Triq Isouard, tas-Sliema. Wara ġurnata tgħallem lit-tfal iż-żgħar fl-iskola tad-Dorotej, kif konna nsibu dik li formalment kienet il-primarja ta' St Dorothy's School fit-triq tagħna stess, Miss Rose kienet tati l-lezzjonijiet privati d-dar u mbagħad tmur iddoqq l-armonju fil-knisja ta' San Girgor kull filgħaxija.

Kellhom jgħaddu ħafna snin biex nintebah li Triq Isouard ma kienetx imsemmija mhux għal xi żmiel famuż tat-tlielaq, kif kien hemm xi ħadd li qalli meta kont tifel, imma għall kompożitur Franċiż Nicolò Isouard li twieled Malta xi mitejn sena qabel. Fil-fehma tiegħi, ftit li xejn napprezzaw lil Isouard bħala poplu Malti. Veru li hemm din it-triq imsemmija għalih, u anke oħra fil-Marsa. Fil-Mosta hemm każin tal-banda, jew aħjar Soċjetà Filarmonika, b'ismu kif ukoll bust tal-bronż f'kantuniera fil-qrib quddiem GasanMamo Insurance. Kien hemm sala tal-mużika msemmija għalih fil-Belt Valletta ukoll, bieb ma' bieb mat-Teatru Manoel, imma din sparixxiet fl-aħħar snin.

Attentati uffiċjali biex jitkattar ismu kellna matul is-snin, anke jekk mhux wisq riċenti. Ma nafx xi jrid isir biex immorru 'l hinn mill-apprezzament formali għal dak forsi aktar popolari. Veru li dan Isouard ma kienx tal-kalibru ta' xi Mozart jew Beethoven, anke jekk kien prolifiku sew. Illum il-mużika tiegħu la hi magħrufa sew u wisq anqas iċċelebrata. Għiduli intom kemm smajna mużika ta' dan il-kompożitur Franċiż imwieled f'Malta matul is-sena 2018. Dik is-sena mhux biss kellna skoss fondi mill-Unjoni Ewropeja biex niċċelebraw il-Kapitali Ewropeja tal-Kultura imma wkoll għeluq il-mitejn sena mill-mewt tiegħu. Jien naf li t-tweġiba hi "kien hemm xi ħaġa," però hu x'inhu t-twiġiba vera hija "mhux biżżejjed!" Dan parti minn argument sħun u ferm aktar kumpless, u allura forsi jkun aħjar li nħalli din il-linja ta' ħsieb għal darb' oħra, b'Isouard b'kollox.

Lura għall-memorji minn tfuliti f'Tas-Sliema: fl-istess żmien kont rajt ukoll il-film Mary Poppins għall-ewwel darba waqt xi attività tal-Leġjun ta' Marija. Ta' tifel innoċenti/konfuż li kont, għal xi żmien kont konvint lil din Miss Rose kienet Mary Poppins, jew tal-anqas xi ħadd bħalha ħafna. Apparti għal-lezzjonijiet regolari tal-pjanu u t-teorija tal-mużika, kont immur għandha ukoll biex nitgħallem il-kaligrafija, għax il-kitba tiegħi kienet qisha tħarbix ta' xadina. Filgħaxija kont narha l-knisja ddoqq l-armonju kuljum, u apparti hekk meta dħalt inkanta mal-kor tat-tfal tal-parroċċa ta' San Girgor hi kienet takkumpanjana fil-kant tagħna, mill-ġdid fuq l-armonju, taħt id-direzzjoni tas-surmast Carmelo Zammit.

Illum dawn kollha memorji personali li kważi nsejthom. L-effett tagħhom għadu miegħi xorta waħda, anke jekk il-memorji qed jitmermru bil-mod. Il-bażi tal-apprezzament vera tal-mużika ġie minn dawk il-lezzjonijiet ma' Miss Rose. Anke l-mod kif nikteb ċertu ittri meta nikteb b'lapes jew biro fuq karta għandu l-bażi tiegħu f'dak li tgħallimt mingħand Miss Rose.

Il-mużika li kont nitgħallem għand Miss Rose kienet dik li jużaw għall-eżamijiet tar-Royal School of Music ta' Londra. Dan anke għax matul is-snin kont tressaqt diversi drabi – uħud b'suċċess oħra tikka anqas – għall-eżamijiet formali ta' din l-iskola. Kien hawn li skoprejt il-ġganti tal-mużika klassika. Fost l-aktar li kont inħobb indoqq, għalkemm nammetti mill-ewwel li ma kontx indoqqhom tajjeb ħafna, kien hemm diversi siltiet ta' Chopin. Biż-żmien rajt li Chopin kien qisu l-pont bejn l-antik u l-modern, tal-anqas fil-vizzjoni limitata li kelli jien. Domt sew biex skoprejt li kien hemm kompożituri moderni ferm aktar minn Debussy, Satie, u Gershwin għall-pjanu u din it-tip ta' mużika.

https://www.youtube.com/watch?v=JS7KfOyMEIY

--Toni Sant (talk) 05:44, 9 May 2020 (EDT)

16. ANOTHER HOLE IN THE WALL

Ftit tas-snin ilu Ian Schranz xtara bar li għandu rabta m'aspett mill-ġrajjiet li qed nirrakkonta hawn. Hemm min jaf lil Ian bħala d-drummer tal-Beangrowers jew bħala kant-awtur mal-Bark Bark Disco. Jien hekk nafu. Allura skantajt xi ftit meta fetaħ il-Hole in the Wall mill-ġdid bħala bar fil-kantuniera fejn Triq il-Kbira tiltaqa' ma' Triq San Pawl, tas-Sliema. Ma nafx eżatt kif inhu issa dan il-bar għax għadni qatt m'erġjat mort hemm minn meta ħadu f'idejh Schranz. Minn xi ritratti li rajt fuq Facebook jidher li kif inhu issa hemm it-tendenza li jiġbed tip ta' klijenti li aktarx li huma differenti sew minn dawk li kienu jmorru f'dan il-bar qabel. Qed ngħid hekk għax dan il-bar, li oriġinarjament kien ilu għaddej sa minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, huwa post li jien għaddejt ħafna ħin fih meta kont għadni teenager, b'mod speċjali fis-sajf tal-1981.

Biex ħadd ma jitħawwad tajjeb ngħid li dan il-Hole in the Wall mhux il-bar li kellhom il-ġenituri tiegħi, fejn trabbejt sa ma kelli 10 snin. Il-Hole in the Wall għamilt referenza għalih fil-11-il parti ta' din is-sensiela. Bar li fih kien hemm ukoll jukebox, naturalment. Dan il-bar ma kontx immur fih biex nixrob jew niltaqa' mal-ħbieb, imma għax kont inħossni komdu hemm ngħid kelma ma' Freddie, li kien ħa l-inkarigu ta' barman u propjetarju mingħand missieru xi snin qabel. Missieru kellu ukoll restaurant imdaqqas bieb ma' bieb li madwar l-istess żmien kien għadda f'idejn, Charlie Bartolo, li jiġi ħu dan Freddie.

It-tifkiriet tiegħi tal-Hole in the Wall marbutin speċifikament mas-sajf tal-1981 meta kelli l-ewwel opportunità f'ħajti naqla xi ħaġa tal-flus. Ma kienx impjieg propja, anke għax kont għadni taħt l-età. Kont aktar immur nati daqqa t'id lil Freddie f'ċertu ħinijiet fuq bażi regolari, niekol xi ħaġa ħafifa hemm, u ningħata xi ħaġa tal-pocket money. Kont niġbor u naħsel it-tazzi, insajjar xi burgers sempliċi għall-klijenti, u ngħid aktar minn kemtejn man-nies fil-bar, jew anke ma' Freddie fil-waqtiet rari ma kienx ikun hemm wisq nies.

Apparti dan kollu, l-aktar ħaġa li niżlet tajjeb miegħi kienet meta Freddie qalli biex nieħu ħsieb l-għażla tad-diski fil-jukebox. Dan kien ifisser żewġ affarijiet. L-ewwel ħaġa kienet li mmur fil-ħanut ta' Anthony D'Amato li dak iż-żmien kien hemm fi Triq Bisazza, ħames minuti bogħod mill-bar. Bħala t-tieni ħaġa kelli nara li l-jukebox ma tagħmel qatt aktar minn 10 minuti mhux qed iddoqq, biex b'hekk inħajjru lin-nies iwaddbu l-flus fiha biex idoqqu diska huma stess għax jintebħu biha qed iddoqq. "Doqq diski li taħseb li jħajjru lin-nies immoru jfittxu l-għażla tagħhom fil-jukebox," kien qalli Freddie. Ma nafx eżatt jekk kontx inrexxieli nagħmel din it-tieni ħaġa b'mod sodisfaċenti, imma naf li f'dak li kienet l-ewwel responsabbilità, jiġifieri li nixtri diski ġodda, inħoss li kont neċċella b'mod faċli.

Nemmen li dan kollu, flimkien ma' xi esperjenzi oħra li jissemmew f'din is-sensiela – inkluż dik fit-12-il parti – wassluni biex nibda nterraq bil-mod lejn karriera fil-qasam tax-xandir. Fis-sajf tal-1981 kien hemm għażla tassew varjata ta' stili mużikali anke fil-klassifika tad-diski fir-Renju Unit, li f'dawk iż-żmien kienet indubbjament tiddomina fuq l-għażla ta' diski li jidħlu f'kull jukebox f'Malta, avolja konna għandna friski mill-hekk imsejjaħ ħelsien tal-1979.

Fost id-diski li niftakar minn dak is-sajf kien hemm: Woman u Imagine ta' John Lennon (li kien għadu kif inqatel ftit tax-xhur qabel) u l-verżjoni ta' Jealous Guy tiegħu mir-Roxy Music, Ghost Town ta' The Specials, Tainted Love fil-verżjoni tas-Soft Cell, Aneka b'Japanese Boy, u xi diski ta' Shakin' Stevens li kien għaddej b'vena popolari nostalġika għas-snin 50 f'dak iż-żmien.

Din in-nostalġija għas-snin 50, xi ħaġa li rrepetiet ruħa regolarment qisu kull għaxar snin b'veni nostalġiċi għas-snin 60, 70, 80, 90, eċċ fl-aħħar erbgħin sena, kienet ilha ħafna tinħema fil-memorja kollettiva permeżż ta', fost oħrajn, is-sensiela televiżiva Happy Days bil-famuż teddyboy Fonzie u s-sigla ta' Rock Around the Clock minn Bill Hayley. Modi oħra kif kienet titkattar din il-ħeġġa biex niftakru mużika ta' żminijiet oħra kienu jinkludu s-sensiela tal-grupp kważi-parodija Sha Na Na (li ironikament anke dehru f'Woodstock għax kienu ħbieb ta' Jimi Hendrix) fuq TVM, apparti il-film tal-musical Grease u revival tad-doo-wop u r-rockabilly b'mod prominenti minn gruppi "ġodda" b'ismjiet bħal Matchbox, Showaddywaddy, Darts, u Stray Cats. Aktarx li dan kien il-fenomenu li wassalni nfittex is-surf rock f'dak iż-żmien bil-mod li spjegajt diġà fil-post numru 12. Mal-qalba tat-80ijiet in-nostalġiji tal-50ijijet diġà kienu bdew imajnaw għal dawk tas-snin 60.

Ma komplejtx immur il-Hole in the Wall wara dak is-sajf għax bejn l-iskola u interessi oħra sibt sostituti totali għas-sodisfazzjonijiet li kont nieħu minn dak il-bar. Aktar tard il-Hole in the Wall għamel xi snin magħluq kompletament. Meta sirt naf li reġa' nfetah minn Ian Schranz kważi xtaqt immur nittawwal ħa nara kif inhu issa, iżda bejn kif ġew l-affarjiet u bejn b'għażla ippreferejt li nibda niftkru kif kien f'dak is-sajf tal-1981.

https://www.youtube.com/watch?v=RZ2oXzrnti4

--Toni Sant (talk) 09:30, 10 May 2020 (EDT)

17. RAPSODIJA XI FTIT BOHEMA

L-ewwel professjoni tiegħi kienet dik ta' xandar. Bdejt t'età żgħira. Kien għad għandi biss 16-il sena meta ersaqt lejn il-mezzi tax-xandir b'intenzjoni ta' xogħol. Bħal ħafna tal-età tiegħi, wara li spiċċajt mis-sekondarja kont dħalt student f'dak li llum huwa l-Junior College; dak iż-żmien kien jissejjaħ il-Liceo l-Ġdid u ma kienx parti mill-Università ta' Malta. Kien żmien l-iskema student-ħaddiem li permezz tagħha aħna l-istudenti konna ukoll nagħmlu perjodu mis-sena naħdmu f'xi dipartiment tal-gvern jew azzjenda parastatali. Sa ċertu punt kellek anke l-opporunità tindika l-preferenza tiegħek għal fejn tkun tixtieq tmur taħdem. Mal-istudju tal-Malti, Ingliż, u Filosofija, jien kont tlabt li mmur naħdem fit-TeleMalta, li dak iż-żmien kienet il-korporazzjoni parastatali tal-kommunikazzjoni u li taħtha kien jaqa' Xandir Malta, it-taqsima tax-xandir pubbliku jew, aktar preċiżament, dak statali.

Għalkemm irnexxieli nidħol naħdem mat-TeleMalta fis-sajf tal-1984, kien aktar permezz ta' xi xogħol li kont bdejt nagħmel apparti mal-Media Education Centre (it-Taqsima tax-Xandir Edukattiv fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni) li wasslet biex nibda nxandar fuq bażi regolari. Il-kollegi fit-Taqsima tax-Xandir Edukattiv ta' dak iż-żmien kienu kollha tassew ġenerużi miegħi u b'xi mod jew ieħor kont nieħu sehem f'diversi programmi tagħhom. Joyce Guillaumier, Pauline Miceli, Sonny Aquilina, u John Scerri kienu jinvolvuni regolarment fil-produzzjonijiet tagħhom għar-radju. Charles Xuereb kien ressaqni ukoll lejn Żep Camilleri u b'hekk bdejt nagħmel xi xogħol fuq it-television ukoll.

Ma' Żep Camilleri mill-ewwel mort tajjeb. Kien hu li ddeċieda li jien se nibda nuża l-isem Toni Sant, u mhux Tony jew Anthony, fuq il-mezzi tax-xandir. Bis-saħħa tiegħu, għall-ewwel darba f'ħajti sibt identità pubblika li kont komdu biha. Kien b'hekk li l-isem Toni Sant beda jidher regolarment fil-credits tal-programmi tal-Media Education Centre f'dawk is-snin.

Ftit jafu però, anke għax rari tkellimt dwar hekk, li l-ewwel programm veru u propju li pproduċejt u ppreżentajt waħdi kien dokumentarju dwar George Gershwin f'egħluq il-50 sena minn mewtu fil-11 ta' Lulju tal-1987. Kien Charles Arrigo li qabbadni biex nagħmel dan il-programm. Għalkemm kont ili aktar minn sentejn involut fix-xandir regolarment bħala student-ħaddiem, nammetti li ħassejtni naqra prużuntuż meta aċċettajt li nagħmel dan il-programm dwar Gershwin.

Id-dar kelli xi żewġ kotba li fihom kien hemm tagħrif dwar George Gershwin. Wieħed kien ġabra ta' kliem għal kanzunetti miktuba minn Ira Gershwin, li kont xtrajt bi prezz imraħħas sew mingħand il-Merlin ta' Blata l-Bajda, u l-ieħor kien ktieb qadim dwar it-Tin Pan Alley, fejn l-aħwa Gershwin kitbu ħafna kanzunetti fis-snin immedjatament wara l-Ewwel Gwerra Dinijija. Sibt xi ħaġa ukoll fil-librerija tal-Liceo l-Ġdid, imma mhux wisq. Għalhekk, fuq suġġeriment ta' Charles Arrigo, ċempilt lill-kompożitur Charles Camilleri biex nitolbu jiġi jitkellem dwar Gershwin waqt dan il-programm speċjali għar-radju. Camilleri skanta kif tfajjel tal-età tiegħi kien interessat f'Gershwin u b'ċertu reżistenza, anke għax kien ċar li kont prinċipjant b'ħalb ommi fi snieni, aċċetta li jitkellem f'dan l-ewwel programm għar-radju li kont qed nipproduċi u nippreżenta jien.

Ikolli nammetti li għalkemm diġà kont rabbejt ftit kunfidenza fl-istudios ta' Radju Malta u Television Malta xorta kont eċitat għall-mewt b'din l-ewwel produzzjoni li kont qed nagħmel waħdi, jew aħjar mingħajr l-għajnuna diretta ta' nies b'aktar esperjenza minni fil-qasam tax-xandir. Charles Camilleri kien jaf sew dwar Gershwin u l-mużika tas-seklu għoxrin imma l-produzzjoni għax-xandir kienet xi ħaġa li fiha ftit li xejn kien jifhem. Kienet l-unika darba li kkollaborajna flimkien.

Gershwin baqa f'qalbi dejjem wara dan il-50 anniversarju mill-mewt tiegħu fl-età ta' 38 sena. Meta ftakart li Mozart miet ta' 35 sena, ma' Gershwin qabbiltu. L-istess Bob Marley u Phil Lynott li kellhom it-tnejn 36 sena meta mietu. Anke l-famuż 27 Club, li b'mod misterjuż tal-kumbinazzjonijiet jiġbor fih dawk il-kantanti u mużiċist li mietu ta' 27 sena (Jimi Hendrix, Jim Morrison, Janis Joplin, Brian Jones, Robert Johnson, Kurt Cobain, Amy Winehouse, u tant oħrajn) ifakkarni f'Gershwin, avolja m'għandux għalfejn. L-apprezzament għall-mużika ta' Gershwin ma waqax kompletament mis-sema għalija. Aktarx li dan jorbot xi ftit jew wisq ma' dak li għedt dwar il-jazz fl-għaxar u l-ħdax-il parti ta' din is-sensiela.

U allura biex norbot propju aktar mal-aspett tal-jazz, għażilt din il-verżjoni relattivament riċenti ta' Rhapsody in Blue ta' George Gershwin b'Herbie Hancock fuq il-pjanu mal-Orkestra Filarmonika ta' Los Angeles taħt id-direzzjoni ta' Gustavo Dudamel.

https://www.youtube.com/watch?v=AleMCUqmsBs

--Toni Sant (talk) 13:50, 11 May 2020 (EDT)

18. KWAŻI KULL FILGĦAXIJA

Fis-snin kollha li għamilt naħdem ma' Xandir Malta, l-aktar programm li kellna fuq ir-radju li għadhom isemmuli n-nies kien dak li konna nippreżentaw jien u Ray Bajada bl-isem ta' Kważi Kull Filgħaxija. Kien hemm diversi programmi oħra li kienu anke aktar għal qalbi minn dan sakemm domt naħdem fuq dak l-istazzjoni, imma n-nies bħal donnhom dan baqgħu jiftakru u mhux dokumentarji dwar mużiċisti kbar jew xi wieħed mill-ħafna radjudrammi li pproduċejt. Ray u jien għamilna perjodu nippreżentaw anke programm ta' kuljum mill-4pm sas-6pm (f'dak li jissejjaħ drivetime) fejn allura żgur li kellna aktar semmiegħa minn dan ta' filgħaxija. Hu x'inhu, dan ta' Kważi Kull Filgħaxija kien tassew xi ħaġa differenti u speċjali.

L-idea li Ray u jien nibdew naħdmu flimkien kienet ta' Charles Flores, li dak iż-żmien kien il-kap tat-taqsima tal-programmi tar-radju ma' Xandir Malta. Ray kien diġà pprova xi ħaġa simili s-Sibtijiet filgħodu ma' Eric Montfort imma ma damux wisq għaddejin biha dik. Għall-ewwel ftit ġimgħat kellna ukoll lil John Bundy magħna, imma anke dan ma damx wisq qabel mar jippreżenta programmi oħra waħdu fuq ir-radju f'ħinijiet oħra. Eventwalment konna ningħataw nies ġodda biex jitħarrġu magħna, bħal ma' kien il-każ ta' Joe Tanti u Caroline Rossitto. Mill-ġdid dawn kien jkunu biss perjodi qosra ta' ftit ġimgħat jew xi 3 xhur l-aktar.

Kważi Kull Filgħaxija kien xi ħaġa differenti għax kien l-ewwel darba li fuq l-istazzjon nazzjonali tar-radju Malti kellek l-istess preżentaturi (kwazi) kull filgħaxija, b'mod simili kif kien diġà jiġri matul is-siegħat ta' filgħodu u wara nofsinnhar. Filgħaxija stajna nkunu ħafna aktar liberali bl-għażla tal-mużika. Prattikament konna ndoqqu li rridu. Ħafna tracks minn albums magħrufa u ġodda. Singles li forsi ma kienux daqs tant popolari mas-semmiegħa tal-massa matul il-ġurnata. U konna nitkellmu b'mod każwali ħafna bejnietna, qisu konverżazzjoni bejn żewġt iħbieb, dwar dak li jkun għaddej. Din aktarx li kienet l-aktar ħaġa ġdida fuq ir-radju f'Malta, dak iż-żmien, anke għax il-biċċa l-kbira tal-preżentaturi l-oħra kienu jew jaħdmu bi script kważi formali, inkella jgħidu biss l-ismijiet tad-diski, x'ħin kien, jaqraw it-tbassir tat-temp, u jgħidu xi ċajta 'l hawn u 'l hinn, bejn bulettin tal-aħbarijiet u ieħor, u waqfiet għar-reklami regolari. Filgħaxija bil-kemm kien ikun hemm rekalmi dak iż-żmien, u l-aħbarijiet kienu jieqfu wara 7pm sa tard meta kienu jixxandru l-aħbarjiet tal-aħħar, fl-10:00pm jekk mhux sejjer żball.

Xi drabi kien ikollna ukoll xi mistieden li mhux dejjem kien ikun xi ħadd magħruf. Bosta drabi kienu jkunu ħbieb personali tiegħi jew ta' Ray, bħal per eżempju meta kont nistieden lil Claudette Pace (illum Claudette Buttigieg, membru tal-parlament) jew Robert Micallef (forsi llum magħruf aktar bħala kandidat għall-elezzjonijet tal-parlament ewropew), fost ħafna oħrajn. Naħseb anke Immanuel Mifsud kien mistieden tagħna xi darba meta kien għadu kemm beda jippubblika l-kitbiet tiegħu hu stess; jekk le allura nitolbu jikkoreġini. Konna nitkellmu dwar suġġetti kontroversjali, bħal per eżempju għalfejn m'għandux ikun hemm nuqqas ta' tagħrif dwar il-kontraċettivi fil-kuntest tal-pandemija tal-AIDS, għaliex hemm stmerrija minn tant nies għat-tattoos, jew inkella l-kaċċa bħala delizzju li m'hemmx wisq post għalih f'Malta, u anke l-bżonn tad-dikriminalizazzjoni ta' ċertu klassi ta' sustanżi li jissejħu droġi. Kollox b'nofs tbissima u xi drabi naqbdu suġġetti bla sens jew f'mod ċar li qed niċċajtaw. Kienet biċċa xogħol delikata għax ftit li xejn konna nisimgħu diskorsi hekk fuq il-mezzi tax-xandir f'dak iż-żmien, anke jekk kultant konna niftħu l-linji tat-telefon. Dan xi snin qabel ma saru popolari il-phone-ins fejn kulħadd jgħid tiegħu u aktar tisma' qrid u "prosit tal-programm" minn kull ħaġ'oħra.

Tajjeb ngħid żewġ affarjiet importanti hawn, speċjalment għal min m'għex f'dawk is-snin jew ma jiftakarhomx. U dawn żewġ punt tassew straordinarji mill-perspettiva ta' kif jiffunzjona r-radju f'Malta llum. L-ewwel ħaġa hija li Radju Malta 2 kien l-unika stazzjon tar-radju Malti fuq l-FM matul is-snin 80. L-unika stazzjon Malti ieħor kien Radju Malta 1 li kien ixandar biss fuq il-MW u fuq il-cable radio li sa ftit tas-snin qabel kien l-istazzjon tar-Rediffusion. U t-tieni ħaġa hija li dawn iż-żewġ stazzjonijiet tar-radju kienu jieqfu jxandru fil-11pm u ma jerġgħux jiftħu qabel is-6am tal-għada filgħodu.

Jekk għandek anqas minn 40 sena, naħseb li tajjeb terġa taqra dan l-aħħar paragrafu biex tifhem sew kemm kienu differenti l-affarijiet fid-dinja tar-radju f'Malta dak iż-żmien. Mhux qed ngħid li ma kellnix kompetizzjoni. Min kien iħobb il-mużika u radju b'laqta intelliġenti aktarx li kien jagħżel li jisma' xi wieħed mill-istazzjonijiet tar-RAI, u wara jkompli jisma' RAI Stereo Notte, li kien ikompli għaddej il-lejl kollu. Inkella, jagħmel kif kont nagħmel jien fil-ġranet li ma kontx inkun qed inxandar u jisma' Radio Luxembourg fuq il-MW, jekk mhux il-BBC World Service fuq ix-shortwave.

Waqt il-programm ta' Kważi Kull Filgħaxija miegħi u ma' Ray Bajada kont tisma' ħafna mużika tajba, li ħafna drabi ma kienetx tindaqq matul il-ġurnata, anke jekk ħafna minnha kienet mill-klassifiċi tad-diski Amerikani, Ingliżi, jew Taljani. Modestament nemmen li konna nissodisfaw il-ġosti mużikali ta' ħafna nies, speċjalment studenti li kienu jisimgħu r-radju waqt l-istudji ta' filgħaxija, b'ammont kbir ta' diski minn kantanti u grupp popolari li ma kienux jisimgħu f'ħinijiet oħra fuq ir-radju. Qed nirreferi l-aktar għat-tracks mill-albums u mhux biss is-singles ta' Prince, Bruce Springsteen, Tina Turner, Sting, David Bowie, Queen, U2, Simple Minds, Vasco Rossi, Mattia Bazaar, Eduardo Bennato, Franco Battiato, u tant oħrajn. Drabi oħra kienu jkunu esponenti ġodda fix-xena bħal Tracy Chapman, Enya, Swing Out Sister, Gianna Nannini, u fuq kollox Tanita Tikaram b'Twist in My Sobriety.

https://www.youtube.com/watch?v=7s8glZ-efMg

--Toni Sant (talk) 15:37, 12 May 2020 (EDT)

19. IKKANĊELLAW IL-EUROVISION

Ftit naħseb jafu biċ-ċirkostanzi li fihom Malta reġgħet bdiet tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest fl-1991. Tajjeb infakkru li Malta kienet waqfet tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest bdejn l-1976 u l-1990 wara li pparteċipat b'riżultat fqir ħafna fl-1971, 1972 u 1975. Li Malta daħlet fil-Eurovision Song Contest mill-ġdid fl-1991 kienet xi ħaġa li ġrat b'kumbinazzjoni għax l-edizzjoni ta' dik is-sena kienet se ssir fl-4 ta' Mejju. Dan huwa jum sagru ħafna għall-Olandiżi magħruf bħala Dodenherdenking jew aħjar jum it-tifkira ta' dawk li mietu fil-gwerrer. L-għada, jiġifieri fil-5 ta' Mejju, l-Olandiżi jiċċelebraw Jum il-Liberazzjoni, li fih ifakkru l-ħelsien tagħhom mill-okkupazzjoni tan-Nazi bejn l-1940 u l-1945.

Allura meta tifhem kemm dawn il-jumejn huma importanti fil-kalendarju Olandiż, jew tal-anqas kemm kienu għadhom importanti fil-bidu tas-snin 90, tifhem mill-ewwel għaliex id-diriġenti tal-istazzjon nazzjonali tat-television fl-Olanda ikkanċellaw il-parteċipazzjoni tagħhom mill-Eurovision Song Contest tal-1991. U Malta daħlet ħelu ħelu minflok l-Olanda fl-edizzjoni ta' dik is-sena.

Snin qabel, il-Eurovision Song Contest kien suġġett ta' diskussjoni fil-parlament Malti. Joe Grima, li kien għadu kemm spiċċa minn Chief Executive tal-Awtorità tax-Xandir u sar membru parlamentari, fost l-ewwel interventi tiegħu fl-1976/77 kien qal li l-parteċipazzjoni ta' Malta f'dan il-konkors televiżiv kienet tista' ssir biss jekk xi ħadd li mhux il-gvern iħallas għall-ispejjeż. Il-parteċipazzjoni ta' Malta f'dan il-konkors fis-snin 70 kienet tiswa mal-Lm10,000 (xi €26,0000 - imma jiġu ferm aktar illum meta tqis ir-rata tal-inflazzjoni f'dawn l-aħħar 40 sena). Dan kien anke fil-konfront ta' dikjarazzjoni minn Pawlu Xuereb, il-Ministru responsabbli mit-turiżmu dak iż-żmien, minn studji u konsultazzjonijiet li sar kien jidher ċar li l-Eurovision Song Contest kien joffri biss benefiċju marġinali għall-kisba ta' turisti lejn Malta mill-Ewropa.

Fid-dawl ta' dak li ġara fis-snin 90 u anke sa ftit wara, interessanti li l-Gvern ma kienx jara l-Eurovision Song Contest bħala prijorità lejn tmiem is-snin 70. Dan anke għax huwa minnu li kien hemm prioritajiet ferm akbar fuq livell nazzjonali, anke jekk inħarsu biss lejn il-qasam tax-xandir li f'dawk is-snin kien stazzjon wieħed li għadu anqas qaleb is-servizz tat-television għall-kulur. Ma kienx hemm reżistenza mill-Gvern biex Malta tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest, iżda jidher ċar li kien deċiż li Malta tieħu sehem biss jekk ma jidħolx għal din l-ispiża l-gvern stess.

Sa tmiem is-snin 80 l-affarijiet kienu nbidlu sew. Fost il-prioritajiet tal-gvern issa kien hemm id-dħul ta' Malta fil-Kommunità Ekonomika Ewropeja, li ftit wara saret magħrufa bħala l-Unjoni Ewropeja. U għalhekk ħloqna il-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa li minnu kienet se tingħażel dik il-kanzunetta li titkanta f'isem Malta waqt l-edizzjoni tal-1991 tal-Eurovision Song Contest f'Cinecittà, Ruma.

Qed ngħid "ħloqna" mhux b'sens ġeneralizzat tal-fatt li jien Malti, imma għax b'xi mod kont sibt ruħi membru tal-kumitat organizzativ ta' dan il-festival. Li ġara kien li Xandir Malta intalbu jinnominaw rappreżentat min-naħa tagħhom biex ikun liaison mal-organizzaturi ta' dak li sa ftit qabel kien il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija, li kien produzzjoni tad-Dipartiment tal-Kultura tal-gvern. Għax donnu ma kien hemm ħadd aktar lest jidħol għal din il-biċċa min-naħa tal-istazzjon nazzjonali, il-Kapijiet ta' Xandir Malta kienu talbu lili nkun il-persuna responsabbli mill-aspett televiżiv u radjofoniku fuq dan kollu.

Emmnu jekk tridu, fl-1991 kull ma kelli ħin allokat biex it-telespettaturi Maltin jisimgħu il-kanzunetti li kkompetew fil-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa, kien biss siegħa. Veru li xandarna l-festival Malti fuq TVM (anqas naf kienx ixxandar dirett), imma ftit li xejn kien hemm xandiriet aktar minn hekk. Dan apparti l-fatt li l-kanzunetti kienu qed jiġu interpretati kollha bil-Malti b'orkestra live, imma kien deċiż ukoll (mhux minni) li l-kanzunetta rebbieħa titkanta bl-Ingliż fil-Eurovision Song Contest.

Mhux se nkompli ngħid aktar dwar il-mużika fil-Eurovision Song Contest tal-1991, imma se ngħid biss li kont spiċċajt Cinecittà nagħmel il-kummentarju live waqt it-trasmissjoni diretta li saret mir-RAI fuq Television Malta, nirrapporta kuljum għal ġimgħa sħiħa għax 5 minuti fuq Radju Malta, biex niġġustifika l-fatt li kont intbgħat Ruma għal ġimgħa sħiħa, u fuq kollox nikkordina ukoll mal-ġurnalisti li kien hemm f'Ruma mill-pajjiżi l-oħra kollha. Wara dik is-sena kont irreżenjajt minn Xandir Malta u l-Eurovision Song Contest ma kelli x'naqsam xejn aktar miegħu għal ħafna snin.

Meta mort nara lill-grupp tar-rock mostruż Finlandiż Lordi jerbaħ l-edizzjoni tal-2006 f'Ateni, kien hemm xi 25 ruħ minn Malta jagħmlu dak ix-xogħol kollu li kont għamilt waħdi fl-1991. Veru li issa kien hemm pletora sħiħa ta' stazzjonijiet f'Malta, imma fil-verità ma stajt qatt nifhem kif u għaliex kien kiber daqstant l-interess fil-Eurovision Song Contest f'Malta. Stramb aktar għalija l-interess minn stazzjonijiet tat-television Maltin li anqas biss huma membri tal-European Broadcasting Union, li tagħha trid tkun membru biex ixxandar il-Eurovision Song Contest, f'dak li effettivament hija xandira ta' stazzjon ieħor.

Biex nieqaf hawn fuq il-Eurovision Song Contest ngħid biss li mhux se nikteb aktar dwar dan il-konkors televiżiv f'din is-sensiela, anke għax propjament ftit li xejn għandu x'jaqsam mal-mużika u wisq anqas ma' dak li jinteressa lili fil-mużika. Forsi għax l-Olanda rebħu l-Eurovision Song Contest ħames darbiet li darba waħda waqt xandira ta' Norman Hamilton minn Helsinki kont iddikjarajt li kelli biss interess nanalizza l-Eurovision bl-istess mod li xjentist jistudja dudu.

https://www.youtube.com/watch?v=vkUl357Yd8k

--Toni Sant (talk) 14:34, 13 May 2020 (EDT)

20. XOKKIJIET ELETTRONIĊI

Dawk li huma xi ftit akbar minni fl-età aktarx li ħassew l-introduzzjoni tal-eletriku fil-mużika bħala xi ħaġa xokkanti. Il-livell ta' xokk kompla għal bosta anke matul is-snin li fihom trabbejt jien. Bl-istess mod li l-kitarra tal-eletriku kienet xi ħaġa ġdida għall-ġenerazzjonijiet ta' qabli, għall-ġenerazzjoni tiegħi kienet xi ħaġa ġdida li strumenti elettroniċi jipproduċu l-mużika.

Għall-ewwel ħafna mill-mużika li kienet tinvolvi ħsejjes elettroniċi ma kienetx tiġi kklassifikata bħala mużika elettronika. Per eżempju, l-użu tal-Moog synthesizer minn diversi gruppi popolari tas-snin 60 u 70, kien sempliċiment ħoss ieħor fl-orkestrazzjoni (jekk dan huwa t-terminu xieraq) tagħhom. Nies li jifhmu aktar minni f'dan il-ġeneru mużikali jsostnu li kien biss wara li Wendy Carlos (dak iż-żmien magħrufa bħala Walter Carlos) ħarġet album bil-mużika ta' J.S. Bach fuq il-Moog li l-mużika elettronika, mingħajr strumenti oħra li mhux elettroniċi, biet titkattar. Aktarx li l-fatt li ħafna minn din il-mużika kienet strumentali, kien relattivament faċli għal diversi mużiċisti Ewropej jinfiltraw is-suq tal-mużika popolari li kien iddominat l-aktar mill-Ingliżi u l-Amerikani. Mill-ewwel jiġuni f'moħħi l-grupp Ġermaniżi Kraftwerk u Tangerine Dream bħala eżempju ta' dan. Fl-istess kategorija npoġġi lill-kompożitur Franciż Jean Michel Jarre u l-guru Grieg tal-mużika elettronika Vangelis.

Brian Eno huwa l-aktar esponent Ingliż li jidħol b'mod komdu f'din il-kategorija, anke jekk forsi ma kienx popolari daqs dawn l-oħra li għadni kemm semmejt. Il-kollaborazzjonijiet tiegħu wara li teleq minn mar-Roxy Music, speċjalment dawk mal-kitarristi Ingliżi Robert Fripp u Andy Summers, imma b'mod partikolari x-xogħol tiegħu mal-artist Amerikan David Byrne, ipprovdew uħud mill-ewwel xokkijiet elettroniċi tiegħi.

F'nofs is-snin 80, hekk kif ix-xena tal-mużika popolari kienet miżgħuda bil-ħsejjes elettroniċi ta' synthesizers u drum machines,li ħafna drabi jieħdu post il-kitarri u strumenti elettriċi, din it-tip ta' mużika kienet tinħass xi ħaġa kważi ordinarja meta tindaqq fuq ir-radju. Fost l-aktar magħrufa kienu Depeche Mode, Soft Cell, Eurythmics, Talk Talk, Yazoo, Orchestral Maneuvers in the Dark, Ultravox, u kwantità kbira oħra bħalhom, il-biċċa l-kbira kollha Brittanniċi. F'Malta kellna l-Joy Circuit u l-X-Tend li kienu jiddelettaw b'dan l-istil f'dak iż-żmien.

Meta kont għandni nibda l-karriera tiegħi fix-xandir (ara post numru 17 f'din is-sensiela) kont ngħaddi ħafna ħin fil-libererija tad-diski. Kienet parti mill-edukazzjoni professjonali tiegħi niskopri tant mużika li qatt qabel ma kelli l-opportunità nisma'. Il-mużika elettronika kont infittxa daqs kull ġeneru ieħor, jekk mhux aktar, u kien hemm li smajt sew ħafna mid-diski ta' Carlos, Vangelis, Jarre, Eno, Kraftwerk, Tangerine Dream, u oħrajn bħalhom. Anke esperimenti elettroniċi avantgarde bħal dawk ta' Karlheinz Stockhausen jew Gian Carlo Menotti kelli aċċess għalihom fil-liberija tad-diski ta' Xandir Malta. Ma nafx jekk id-diski tagħhom qattx ma kienu ndaqqu fuq ir-radju f'Malta qabel ħriġthom jien.

Kien hemm li skoprejt il-mużika ta' Ray Buttigieg. Staqsejt dwaru imma donnu ħadd ma kien jaf sew min hu. Qisu d-diski tiegħu kienu tfaċċaw f'Xandir Malta fi żmien meta kien hemm xi ħadd ieħor li ma kienx għadu hemm. Forsi kienu Victor Aquilina jew Noel Mallia li kienu għadhom kemm spiċċaw mix-xena tax-xandir nazzjonali ftit xhur biss qabel bdejt jien. Sinċertament ma nafx u qatt ma staqsejthom. Effettivament ħadd ma kien jaf jgħidli xejn dwar Ray Buttigieg fl-istudios ta' Gwardamangia. Biż-żmien b'xi mod sirt naf li Buttigieg kien Għawdxi mil-Qala li telaq lejn New York għall-ħabta ta' nofs is-snin 70. Hemm hekk beda jlaqqa' l-kitbiet poetiċi tiegħu ma' ħsejjes elettroniċi fuq bażi regolari u eventwalment ħareg ħafna diski li kienu ppubblikati fuq vinyl fl-Amerika.

Ftit qatt sibt min jaf bih. Uħud mill-ħbieb tagħna tal-għaqda Electronic Music Malta qishom bil-kemm kienu jafu bih meta tkellimt dwaru f'konferenza tagħhom xi ftit taż-żmien ilu. Hu x'inhu Ray Buttigieg offrieli xokk elettroniku ieħor. Aktarx l-aktar wieħed kbir. Mhux biss għax irnexxielu jkun tant prolifiku matul il-karriera tiegħu u anqas għax aktarx li kien l-aktar Malti li mess mill-aktar kmieni mal-mużika elettronika. L-akbar xokk naħseb li kien, u sa ċertu punt għadu, kif kważi ħadd ma jaf bih f'Malta.

https://www.youtube.com/watch?v=7in8Os-9ZjY

--Toni Sant (talk) 14:14, 14 May 2020 (EDT)

21. XOKKIJIET STATIĊI

Domt naqra biex fhimt għalfejn meta tidher lista ta' artisti, sew jekk mużiċisti u sew jekk artisti viżivi, l-ismijiet li jidhru fiha jkunu predominantament dawk t'irġiel. Araw naqra l-aħħar post li ktibt u nittama li tintebħu mill-ewwel li rġiel biss hemm fiha. Filkaż tiegħi ktibtha hekk apposta, imma anke jien kont naħseb awtomatikament b'dan il-mod sa xi snin ilu. Tal-anqas irnexxieli nagħraf li dan żball, u żball kumpless ħafna.

Li jinkwetani aktar huwa li din mhux biss problema ta' Malta, fejn spiss għadek tara anke gruppi ta' nies miġbura fuq livell nazzjonali u rari jkun hemm nisa involuti, anke jekk suppost konxji fuq livell nazzjonali li dan m'għandux ikun. Minkejja li hemm artisti nisa validi u relevanti fiż-żminijiet kollha, spiss wisq għandna naraw in-nisa jidħlu fl-istorja b'mod marġinali biss.

Fil-qasam tal-mużika elettronika, dan li qed nikteb dwaru hawn fortunatament iltqajt miegħu kmieni ħafna f'ħajti. Mhux qed ngħid dwar il-mużika pop u rock, fejn tal-anqas hemm numru ta' nisa li tajjeb jew ħażin jiżżefnu, jew forsi aħjar ngħid jiżfnu, fin-nofs regolarment. Hawn mhux qed nirreferi għal Donna Summer u l-kollaborazzjonijiet tagħha ma' Giorgio Moroder, li ħarabli mil-lista ta' rġiel li semmejt il-bieraħ.

Jekk immorru ftit lura fiż-żmien fil-mużika elettronika insibu li Daphne Oram mhux isem mhux magħrufa biżżejjed, avolja hija fost l-aktar kompożituri influenti fil-mużika elettronika. Biex nużaw terminoloġija tad-DJs: Daphanie Oram hija r-reġina tal-mużika elettronika. Bis-saħħa ta' Oram u l-mużika elettronika tagħha nħossni qisni qomt minn raqda fonda bħal dik ta' meta jtuk il-loppju qabel xi operazzjoni.

Meta kont għandni fil-bidu tal-karriera tiegħi bħala xandar u mort nitħarreġ mal-BBC f'Londra, waħda mill-esperjenzi li għażilt li jkolli kienet żjara fir-Radiophonic Workshop. Fiż-żjarat tiegħi f'dan il-post, il-laqgħat tiegħi kienu primarjament ma' Dick Mills li kien diġà leġġendarju għall-kontribuzzjonijiet tiegħu fil-produzzjonijet ta' The Goons ma' Spike Milligan, Harry Secombe, u Peter Sellers. Li kieku mort fi żmien ieħor, abbli kont insibu jassisti lil Daphne Oram fil-mużika u l-effetti tal-ħoss għas-sensiela televiżiva Doctor Who. Oram hija l-vera stilla storika tar-Radiophonic Workshop tal-BBC, ferm aktar minn Mills.

Biż-żmien sirt aktar sensittiv għall-fatt li ħafna drabi n-nisa jispiċċaw imwarrba mil-listi ta' nies sinifikanti fil-mużika u fl-arti. F'nofs is-snin 90 fil-Ġermanja kont sirt naf bil-mużika ta' Hildegard von Bingen, kompożittriċi li għexet ħdejn ix-xmara Rhine xi 900 sena ilu. Ma stajtx nifhem kif din qatt ma kont smajt biha qabel. L-istess bħal meta skoprejt li f'Malta kellna lil Maria de Dominici fis-seklu sbatax fil-qasam tal-arti viżiva. Din hemm triq imsemmija għaliha f'Santa Lucija u l-istatwa oriġinali tal-kunċizzjoni fil-Bormla kienet xogħolha, però xorta ftit li xejn issib min jaf min hi f'Malta.

Madwar l-istess żmien, kont mort ngħix l-Amerika u hemm kont bdejt nisma' l-mużika ta' Laurie Anderson bħala parti mir-riċerka akkademika li kont qed nagħmel. Kien bis-saħħa tagħha li skoprejt lil Pauline Oliveros. Irnexxieli nattendi workshop tagħha fi New York fuq Deep Listening. Dan kunċett li ntroduċiet hi stess fis-snin 80 u li bih tara kif tistimula modi ta' smiegħ fil-fond, b'rispons għall-kundizzjonjiet ambjentali li tkun fihom sew waħedek kif ukoll ma' nies oħra. Wara Oliveros kont qisni ftaħt widnejja wara tindifa tajba.

Bla ma nesaġera, wara Oliveros ma bqajtx nisma' l-istess. Tlift l-interess f'ċertu tipi ta' mużika għax bdejt narhom repettivi b'mod li mhux immaġinattiv. Skoprejt ħsejjes li għalija kienu ġodda, bħal dawk ta' Laurie Spiegel kif ukoll Paula u Genesis P-Orridge. Dan biex ma nsemmix lil Yoko Ono bħala artista 'l hinn mill-istratosfera totali ta' John Lennon li orbitat fiha għal tant snin.

Kien hekk li apprezzajt sew lill-Pussy Riot meta tfaċċaw fix-xena internazzjonali. U forsi anke minħabba Oliveros ftit li xejn impressjonajt ruħi b'Imogen Heap – ħlief meta rajtha ddoqq live f'Londra ftit tas-snin ilu – għax rajt fiha sempliċiment kontinwazzjoni fuq Laurie Anderson li tmur aktar fid-direzzjoni tal-mużika li jridu ħafna nies aktar minn dik li tassew trid tipproduċi hi.

Fl-aħħar mill-aħħar, ftaħt għajnejja u widnejja, jew nittama li ftaħt għajnejja u widnejja, għall-iżbilanċi li jeżistu fid-dinja tal-arti u l-mużika, jekk mhux anke fis-soċjetjiet tagħna b'mod aktar wiegħsa. Żbilanċi li jeżistu f'kull sfera oħra tas-soċjetajiet li ngħidxu fihom. Żbilanċi li ndubjament għandhom potenzjal enormi li jipproduċu xokkijiet statiċi.

https://youtu.be/6qhlvRm4iG4

--Toni Sant (talk) 15:35, 15 May 2020 (EDT)

22. X'RIĦA GĦANDU L-FUTUR?

F'nofs is-snin 80 kellna aċċess aktar faċli għal tlett oġġetti ġodda li bidlu konsiderevolment il-modi ta' kif nisimgħu l-mużika. Dawn it-tlett oġġetti wittew it-triq biex sa tmiem is-seklu bdejna nsibu metodi oħra, radikalment ġodda, ta' kif niskopru l-mużika. Qed nirreferi għall-video recorder, is-CD player, u l-kompjuter.

Għall-ewwel li bdew jidhru fl-idejn dawn l-oġġetti ma kienx hemm mod kif jitkellmu ma' xulxin. L-ewwel video recorders bil-kemm kellhom ħoss aħjar minn dak tal-cassettes iżgħar li konna għandna nużaw biex nirrekordjaw u nisimgħu l-mużika u recordings oħra minn fuq ir-radju jew mid-diski. Dan anke għax il-ħoss kien joħroġ mit-telelvision, li f'dak id-deċenju kien għadu mono, bi speaker wieħed. Apparti l-ovvju, li tara xi film jew hekk irrekordjati apposta, il-video recorders offrewlna l-ewwel opportunità biex inbiddlu il-ħin li fih naraw dak li qed jintwera fuq it-television. Għall-ewwel darba stajna naraw dak li rridu minn fuq it-television x'ħin irridu aħna u mhux neċessarjament x'ħin jixxandar għall-ewwel darba. U ma' din l-opportunità kien hemm ukoll immedjatament il-possibilità li tara l-istess ħaġa kemm-il darba trid int; sakemm ma jitħabbillekx it-tape fil-video recorder.

Il-video u l-mużika kellhom ħajja ferm aktar feliċi fuq it-television milli għall-kollezzjonisti tad-diski matul is-snin 80. F'diversi pajjiżi barra minn Malta bdew jaraw l-MTV xi 10 snin sħaħ qabel ma dan kien introdott f'Malta fuq is-servizz il-ġdid tal-cable TV fil-bidu tas-snin 90. Xorta kien hemm xi programmi speċjalizzati darba fil-ġimgħa fuq diversi istazzjonijiet tat-television, bħal Mister Fantasy (fuq ir-RAI 1), L'Orecchiocchio (fuq ir-RAI 3), The Old Grey Whistle Test tal-BBC u l-produzzjoni lokali TeleDisco; dawn it-tnejn tal-aħħar fuq Television Malta, sinteni. Ftakru li konna għandna b'stazzjon wieħed Malti, però sal-bidu tas-snin 80 kellna għażla kbira ta' stazzjonijiet Taljani. Apparti dawn kien hemm programm partikolari ta' kuljum imfittex ferm mis-segwaċi tal-mużika popolari ta' dak iż-żmien. Qed nirreferi għal DeeJay Television li kien beda fuq Canale 5 qabel qaleb għal fuq l-Italia 1.

L-idea ta' DeeJay Telelvision kienet ta' Claudio Cecchetto li kien ħoloq ukoll id-Deejay's Gang li kienet tinkudi lil Sandy Marton, Tracy Spencer, Kay Rush, Jovanotti, Fiorello, Linus, Albertino, u Gerry Scotti, fost oħrajn. Kien stramb li aktar kienu juru videos ta' diski Inġliżi u Amerikani milli Taljani. Għalina f'Malta dan kien wieħed mill-ftit modi, jekk mhux l-uniku wieħed, li kellna biex naraw tant minn dawk il-music videos li kienu jiċċirkolaw regolarment fuq l-MTV matul is-snin 80. Ma domniex wisq biex kif konna noqgħodu nirrekordjaw id-diski bir-radio cassette qabel, issa bdejna nagħmlu l-istess ħaġa bil-video cassette recorder.

Fl-istess waqt tfaċċaw f'xi djar Maltin għall-ewwel darba is-CD u l-kompjuter. Tajjeb infakkru li għall-ewwel snin li fihom kienu jeżistu is-CDs, dawn ma kontx tista' ddoqqhom permezz tal-kompjuter. Dan biex ma nidħlux fil-kwistjoni ta' kif il-kompjuter dam ma jidħol fis-suq Malti għax kien hemm il-biża li dan se jtellef ix-xogħol lill-ħaddiema. L-ewwel kompjuters fid-djar kienu użati kważi esklussivament għal logħob primittiv u sempliċi, jew għal dawk li riedu jitgħallmu jipprogrammaw b'xi lingwa relattivament semplici bħall-Basic. Altru li jtellfu ħobż il-ħaddiem Malti.

Kien f'dan l-ambjent li ddeċidejt li nsiefer għall-ewwel darba. Propjament din ma kienetx l-ewwel safra tiegħi. Irrid ngħid li meta kont għadni anqas għamilt il-praċett, ommi u missieri kienu ħaduni magħhom xi ħmistax l-Ingilterra. Illum nifhem li kont għadni żgħir wisq biex napprezza dik is-safra. Naf biss li kont hemm għax rajt xi ritratti li ħa missieri li jfakkruni f'dan. Il-memorja diretta tagħha tliftha kważi għall-kollox. U għalhekk tista' tgħid li meta fil-ġimgħa tal-Għid tal-1988 mort Londra ma' Immanuel Mifsud din kienet l-ewwel safra propja tiegħi.

Għalkemm jien ma kontx imdorri nsiefer bħalu, qbilna li ma nogħodux flimkien matul il-ġurnata. Dan biex inkunu nistgħu mmorru fejn irridu u naraw li rridu mingħajr kompromessi bejnietna. Jien kont mort il-mużewijiet tal-arti prinċipali kollha, anke għax id-dħul kien bla ħlas. Irnexxieli wkoll nixtri xi biljetti relattivament irħas biex immur nara xi produzzjonijiet teatrali li ġibduli l-attenzjoni fit-Time Out; iżda m'għadni niftakar ebda waħda minnhom.

Bejn il-mużewijiet u t-teatri kont għamilt siegħat sħaħ fil-ħwienet tad-diski. L-HMV, it-Tower Records, u l-Virgin Megastore kienu qishom supermarkets tad-diski; u Malta bil-kemm konna għandna rajna supermarkets tal-ikel dak iż-żmien, aħseb u ara ħwienet kbar li jbiegħu biss diski, magazines, kotba, u affarijiet li għandhom x'jaqsmu mal-mużika. Skoprejt ukoll numru ta' ħwienet tad-diski żgħar. Uħud minnhom kienu jispeċjalizzaw f'tipi partikolari ta' mużika filwaqt li oħrajn kienu jbiegħu biss diski użati, jew kif jgħidulhom, second-hand.

Flus biex nixtri d-diski ma kellix wisq. Fis-CDs sibt li tal-anqas kien hemm anqas problema ta' spazju meta tixri d-diski biex iġġorrhom lura lejn Malta. Kien għalhekk ukoll li bdejt inħares esklussivament lejn dawn it-tip ta' diski meta mmur fil-ħwienet. Ma naħsibx li kont għandi akkwistajt CDs f'Malta f'dak iż-żmien. Ikolli ngħid li l-ewwel CDs li xtrajt minn Londra waqt dik iż-żjara kienu fost l-ewwel CDs tiegħi. Niftakar il-ħanut li xtrajthom minnu: Reckless Records ta' Upper Street f'Islington. Dan kellu ħanut ieħor f'Soho, li għadu hemm sal-lum, imma dan ta' Islington kien għalaq meta il-kirjiet tal-ħwienet f'Londra saru eżorbitanti wara s-sena 2000. Id-diski tar-Reckless kollha kienu second-hand iżda din żgur li ma kienetx problema għas-CDs daqs kemm kienet għad-diski tal-vinyl.

Fost l-ewwel CDs li xtrajt kien hemm ir-Requiem ta' Mozart f'interpretazzjoni tal-Kor tas-Subien ta' Vienna kif ukoll is-soundtrack tal-film Absolute Beginners bil-mużika ta' Gil Evans u l-parteċipazzjoni ta' mużiċisti stabbiliti li jvarjaw minn David Bowie sa Miles Davis. Kont xtrajt ukoll l-album The Beating of Wings tal-kompożitur kontemporanju Andrew Poppy fuq it-tikketta tad-diski ZTT.

Iz-ZTT hija tassew ditta tad-diski speċjali. ZTT hija abbrivjazzjoni ta' Zang Tumb Tuum li huwa isem derivata mill-poeżija futurista Zang Tumb Tumb ta' Filippo Tommaso Marinetti. Bis-saħħa t'hekk sirt naf aktar dwar il-Futuristi Taljani. Ħadt interess kbir fihom tant li bdejt nipprova nifhem il-filosofija tagħhom, b'mod partikolari il-perspettiva partikolari li kellhom fuq l-arti u l-politika. Ma stajtx nifhem kif kienu tant miġbudin lejn il-gwerra (fil-każ tagħhom, l-Ewwel Gwerra Dinjija) sa ma qrajt il-manifest ta' Luigi Russolo L'Arte dei Rumori. Komplejt nifhem meta tgħallimt dwar l-affinita li kien hemm bejn il-Futuristi Taljani u l-Vorteċisti f'Londra. Dawn tal-aħħar kienu jiltaqgħu propju fi Bloomsbury, fejn konna krejna kamra f'lukanda rħisa biex noqgħodu matul dik il-ġimgħa tal-Għid tal-1988.

Il-biċċa l-kbira tan-nies li ma jinteressawhomx il-Futuristi aktarx jafu li (kienet) teżisti z-ZTT Records bis-saħħa ta' Frankie Goes to Hollywood, speċjalment b'Relax jew Two Tribes. Oħrajn forsi jafu ukoll bid-diski popolari ta' Grace Jones jew il-grupp The Art of Noise minn nofs is-snin 80. Jekk ZTT hija iceberg allura dawn id-diski popolari huma biss l-parti ta' fuq ta' din il-blokka silġ mill-aktar friska.

https://www.youtube.com/watch?v=7pVgaXxQhLA

--Toni Sant (talk) 12:13, 17 May 2020 (EDT)

23. MITLUF FL-ISTILEL

It-teatru kien preżenti sew f'partijiet sostanzjali ta' ħajti. Introduċewni għalih tnejn min-nies li kienu jkunu fil-bar tal-ġenituri tiegħi regolarment. Dawn iż-żewġ irġiel laqqawni ma' tnejn mill-aspetti varji tat-teatru. Biż-żmien rajt bosta forom oħra. L-ewwel varjazzjoni ġiet meta kont iltqajt ma' mara twajjba fiċ-ċentru tal-parroċċa tagħna, li kienet qaltli biex nieħu x-xogħol tat-teatru bis-serjeta. Din kienet Mary C. Camilleri li konna nafu fuq il-palk, kif ukoll television u radju, fi tfuliti wara li kienet ilha xi tletin sena jew aktar tirreċta.

Frank Ganado, magħruf l-aktar bejn is-snin 50 u s-snin 70 ma' kumpaniji teatrali stabbiliti bħall-Maleth u r-Ribalta, kien tani l-ewwel script tiegħi. Dan kien skeċċ qasir miktub minnu li kont ħdimt fuqu ma' tfal oħra tal-iskola għall-prize day tal-primarja madwar l-1976/77. Mill-banda l-oħra, J.J. Tellus, bin il-famuż Ziju Salv li kien magħruf sew fuq ir-Rediffusion għall-programmi tat-tfal matul is-snin 50 u 60, laqqagħni ma' dak li hu kien isejjaħlu x-show business. Fil-verità dan ta' Tellus kien forma ta' varjetà teatrali li kien idur biha f'bosta teatrini madwar Malta. B'xi mod jien kont nispiċċa miegħu u mal-kumpanija tiegħu indur madwar Malta ukoll, aktarx bis-saħħa ta' Roland Friggieri li kien qisu ħija l-kbir f'dak iż-żmien.

Dawn it-teatranti kollha li semmejt ħallewna bosta snin ilu. Lil hinn minnhom, in-namra tiegħi mat-teatru tkattret u kbiret sew fis-snin 80 u 90. L-ewwel billi bdejt ninvoli ruħi fl-hekk imsejjah Ateatru li kien hemm Tigné fl-istess żmien li konna mmorru hemm biex indoqqu u nisimgħu lil min idoqq il-mużika rock. Ftit wara kont anke dħalt l-Università ta' Malta u għażilt it-teatru bħala suġġett akkademiku flimkien mal-kommunikazzjoni.

Il-mużika fit-teatru, jew aħjar il-mużika tat-teatru, kont iltqajt magħha għall-ewwel darba ma' J.J. Tellus u aktar tard fil-Kulleġġ Missjunarju ta' San Pawl. F'nofs is-snin 70, Tellus kien ipproduċa xeni mill-musical Jesus Christ Superstar ta' Andrew Lloyd Webber u Tim Rice b'mużika live biex iddur bħala parti mix-show tiegħu tal-varjetà. Din ikolli ngħid li kienet deċizzjoni tassew stonkuża u kontroversjali f'Malta f'dak iż-żmien, speċjalment għax il-biċċa l-kbira tat-teatri li kien jidher fihom kienu parti miċ-ċentru ta' diversi parroċċi. Meta niftakar f'dan ix-xogħol, naħseb li nista' anke niddiskrih bħala forma ta' vaudeville post-modern; ma nafx hux qed inkabbarhom xi ftit. Kien x'kien, din kienet l-ewwel opportunità tiegħi biex nara mużiċisti jdoqqu live f'kuntest teatrali. Ftit wara, meta dħalt is-sekondarja, skoprejt li darba fis-sena kienu jipproduċu operetta ta' Gilbert & Sullivan ma' numru ta' studenti biex eventwalment tittella waqt il-prize day. Għall-ewwel kont entużjażmat ferm b'din l-idea, iżda sa ma wasalna fil-Form 5 ikolli nammetti li din kienet waħda mill-aktar esperjenzi diżappuntanti li qatt kelli f'ħajti.

Dawn iż-żewġ aspetti mużikali fit-teatru offrewli perspettiva xi ftit storta ta' dan li issa qed nikteb dwaru hawn. Miż-żmien tal-Ateatru kont iltaqjt ukoll max-xogħol tal-kompożitur Paul Abela, frisk mill-istudji tiegħu mill-Kulleġġ Mużikali ta' Berklee f'Boston u s-suċċessun ta' Ġensna. Fil-bidu tas-snin 80. Abela ħadem fuq żewġ produzzjonijiet bil-Malti mix-xogħolijiet teatrali ta' Bertolt Brecht. Wieħed kien propju produzzjoni tal-Ateatru ta' L-Opra tat-Tliet Ħabbiet (tradotta minn Ġużi Gatt) u l-oħra kienet il-Ħajja ta' Galileo (maqluba għall-Malti minn Evarist Bartolo). Din ta' Galileo kiteb mużika oriġinali għaliha filwaqt li l-oħra kien għamel arrangamenti tal-mużika oriġinali ta' Kurt Weill. Bis-saħħa ta' Abela bdejt nifhem li l-mużika għat-teatru hija xi ħaġa ferm aktar sofistikata, anke jekk relattivament raffa, minn dak kollu li kont esperjenzjat fit-teatru fi tfuliti.

Kien hawn li ddeċidejt li niffoka l-attenzjoni tiegħi fuq il-kitba u d-daqq ta' mużika għat-teatru. Ma' Peter Busuttil u ġgajta nies li kien tipikament jiġbor madwaru dak iż-żmien konna esplorajna verżjoni mużika ta' Satira ta' Oreste Calleja f'Tigné. Kien hemm li ltqajt ma' mużiċisti oħra interessati fil-mużika għat-teatru daqsi, jekk mhux aktar minni ukoll. Komplejt nagħmel xi xogħolijiet oħra f'dan il-qasam u eventwalement ħdimt fuq żewġ produzzjonijiet teatrali li ħarġu mill-pinna ta' Oliver Friggieri. Wieħed kien id-dramm oriġinali tiegħu Rewwixta u l-ieħor kien it-traduzzjoni tiegħu tad-dramm klassiku ta' Sofokli, Edipu s-Sultan. Dawn it-tnejn ittellgħu mill-kumpanija Kooperatturi, wieħed fit-Teatru Temi Zammit tal-Università ta' Malta u l-ieħor fit-Teatru Manoel.

Wara diversi produzzjonijiet oħra, inkluż musicals – li jvarjaw minn Little Shop of Horrors ta' Alan Menken u Howard Ashman sa Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika ta' Dominic Galea u Raymond Mahoney – u pantomimi tal-Milied mal-MADC fit-Teatru Manoel, kont iddeċidejt li l-mużika għat-teatru kienet xi ħaġa li għandha titħalla f'idejn mużiċisti aħjar minni. Illum naħseb li kont tlift il-paċenzja ukoll, anke għax fil-bidu tas-snin 90 kont bdejt nipprepara biex nitlaq minn Malta.

Komplejt nagħmel il-mużika għat-teatru fil-Ġermanja (aktar dwar dan darb' oħra) u dħalt relattivament fil-fond fid-dinja tat-teatru marbut mal-istudji akkademiċi tiegħi fuq is-suġġett. Bqajt sejjer hekk sal-bidu ta' dan is-seklu, imma eventwalment waqaft kważi kompletament mill-ħidma fit-teatru, mhux biss bħala xogħol mużikali imma anke mill-istudju u l-produzzjoni tiegħu, tal-anqas fuq bażi kreattiva personali. L-unika eċċezzjoni ta' dan aktarx li kienet f'dawn l-aħħar ħames snin meta kont involut professjonalment f'diversi produzzjonijiet teatrali fir-rwol tiegħi bħala direttur artistiku ta' Spazju Kreattiv. Tajjeb inżid li kienet l-għażla tiegħi li rari ħadt rwol kreattiv f'dawn il-produzzjonijiet.

Apparti l-musicals, li minnhom hemm bosta li għadni sal-lum nieħu pjaċir nismagħhom, anke jekk m'għandix sabar nara produzzjonijiet ġodda tagħhom, jibqgħu għal qalbi ferm aspetti mużikali mill-mużika ta' Kurt Weill, li ħadem prinċiparjament ma' Brecht, imma ukoll ma' ħafna librettisti oħra, inkluż Ira Gershwin. Wieħed mill-isbaħ kunċerti tal-mużika ta' Weill li qatt rajt, fuq it-television bis-saħħa tar-RAI, sar fl-1 ta' Mejju tal-1987 fix-Schauspielhaus Hamburg, bil-kantanti Sting, Jack Bruce, u Gianna Nannini ikantaw bil-Ġermaniż. Ftit qabel dan il-kunċert kien tfaċċa ukoll l-album Lost in the Stars, fejn diversi kantanti bħal Maryanne Faithful, Lou Reed, u Tom Waits jinterpretaw uħud mill-isbaħ kanzunetti ta' Kurt Weill. Dan l-album kont indawru regolarment fuq is-CD player tiegħi hekk kif xtrajtu mingħand ir-Reckless Records ta' Londra s-sena ta' wara.

https://www.youtube.com/watch?v=EyUZU-WN0oI

--Toni Sant (talk) 15:11, 18 May 2020 (EDT)

24. MILL-GARAXX

Rari kont tisma' mużika live fuq l-uniku stazzjon tat-television Malti li kellna matul is-snin 80. Xi orkestra, jew forsi xi ħadd ikanta ma' pjanu, iva. Żgur però li kważi qatt ma kont tara xi grupp, minn dawk li llum insejħulhom bands, tar-rock idoqqu live fuq Television Malta. Kull meta kien jidher xi grupp Malti fuq it-television dan kien joqgħod jimmima daqs li kieku qed idoqq waqt li jinstema recording li jkun sar qabel. Il-programmi popolari TeleDisco, Sibtijiet Flimkien, Bonġu Malta, Arzella, u oħrajn bħalhom kollha hekk kienu jaħdmu matul dawk is-snin.

Meta dħalt naħdem Xandir Malta u kont bdejt nipproduċi l-programmi fuq Radju Malta regolarment (ara post numru 18 f'din is-sensiela) kont spiss nitkellem ma' sieħbi Mario Ellul dwar x'nistgħu nagħmlu biex inġibu l-mużika rock live fl-istudios ta' Television Malta. Lil Mario kont ili nafu minn żmien il-Liċeo l-Ġdid, sew għax bħali kien jistudja l-Malti, Ingliż, u Filosofija, kif ukoll għax hu kien daħal student-ħaddiem mat-TeleMalta qabli propju biex imur jaħdem fuq Television Malta fejn eventwalment sar direttur u producer ta' diversi programmi. Mario kien ukoll il-kantant ta' grupp popolari sew, speċjalment mal-istudenti tal-Università, li kien jismu Fog. Allura konna anke nafu lil xulxin f'dak il-kuntest, peress li jien ukoll kont indoqq u nkanta ma' gruppi popolari oħra fis-snin 80 – bħal per eżempju Structure u Artwork. Eventwalment jien ukoll ingħaqadt ma' dak li kien fadal mill-Fog fil-bidu tas-snin 90, primarjament biex indoqqu f'produzzjonijiet teatrali tal-MADC għal perjodu ta' madwar tliet snin.

Flimkien ma' kollegi oħra f'Xandir Malta, li kienu jinkludu lil Ray Bajada u Alfie Fabri, konna bdejna nfasslu sensiela ta' programmi televiżivi bl-isem ta' Mill-Garaxx. Ftit jiem wara li bdejna naħdmu fuq din is-sensiela, Ray u Alfie kienu ġew sospiżi mill-programmi kollha ta' Xandir Malta wara li pproduċew programm tar-radju li fih ippreżentaw ideat mhux uffiċjali dwar l-użu personali tal-kannabis, b'lingwaċċ tat-triq li dak iż-żmien ma kienx aċċettabbli fuq il-mezzi tax-xandir.

Għax aħna konna impjegati regolari ta' Xandir Malta, jien u Mario komplejna naħdmu ma' team differenti fuq l-idea tal-programm Mill-Garaxx. Privatament konna tajna l-appoġġ tagħna lil Ray u Alfie, anke jekk dak iż-żmien dan is-suġġett kien għadu tassew taboo. Il-mexxejja tas-soċjeta Maltija kienu jgħumu ferm aktar fl-ipokrezija milli jagħmlu llum u ċ-ċensura kienet għadha b'saħħitha ħafna, anke jekk konna rriduha tal-moderni u progressivi f'ċertu aspetti.

Għalkemm il-qofol tal-programm Mill-Garaxx kien li nġibu xi grupp ta' mużiċisti jdoqqu r-rock live fl-istudio ta' television Malta fi Gwardamangia, konna ddeċidejna li ndaħħlu diskussjonijiet regolari anke dwar din id-djalettika fis-soċjetà Maltija. Dan kien meħtieġ ferm meta l-klassi politika kienet mimlija mostri sagri ferm aktar milli hi llum. Id-diskussjonijiet kien imexxihom b'ċertu serjeta u bilanċ tremend il-ħabib tagħna Joe Debono, li wara sar magħruf sew bħala karattru komiku/satiriku waqt il-programmi ta' Xarabank. Bis-saħħa tiegħu qatt ma kellna nkwiet, anke jekk konna xi ftit kontroversjali fl-għażla tas-suġġetti għad-diskussjoni. Dawn id-diskussjonijiet kienu simili għal dawk li konna nagħmlu qabel fuq ir-radju fil-programm ta' Kważi Kull Filgħaxija.

Din is-sensiela damet għaddejja xi tlett xhur biss. Xi sena wara konna għamilna sensiela oħra bl-isem ta' Mill-Garaxx 2 li fiha kont intervistajt lill-istess esponenti li dehru fl-ewwel sensiela biex naraw x'kienu qed jagħmlu sena wara. Fost dawk li dehru fis-sensieliet ta' Mill-Garaxx, kien hemm il-gruppi Acid, Big Foot, Ivory Cross, Freeway, The Ophidian Twin, Men and White, Flying Alligators, Catch 22, Fallout, u l-Winter Moods. Kien deher ukoll Aidan Zammit Lupi live waħdu, u anke jien kont kantajt live ma' Antoine Bonnici Soler (fuq il-pjanu), Philp Fenech (kitarra), Joe Carr (perkussjoni + vuċi), Walter Vella (sax), kif ukoll Gino Mifsud (bass eletriku) u Louis Naudi (drummer). Dawn l-aħħar tnejn ħallewna f'età żgħira ftit tas-snin ilu, l-istess kif għamel sieħbi Mario Ellul. Mingħajr ma nesaġera nistaqar magħkom li kollha kemm huma fi ħsiebi regolarment.

Mingħajr ma nkun kattiv, nista' ngħid li ħafna mill-materjal kien ta' kwalità relattivament ordinarja u hija biss in-nostalġija li ttina l-impressjoni li dak li konna qed nagħmlu kien fil-fatt aħjar milli konna naħsbu li kien anke dak iż-żmien stess waqt li konna qed nipproduċuh. Għalhekk ukoll nasal li ngħid li l-aktar ħaġa għall-qalbi minn din is-sensiela ma kienetx il-mużika live li ppreżentajna.

L-aktar ħaġa għall-qalbi mis-sensiela Mill-Garaxx kienet il-mużika tal-ftuħ minn Charles Dalli u l-introduzzjoni ta' grafika diġitali li konna ħloqna apposta ma' Chris Agius (ieħor li ħalliena kmieni wisq) u Mike Rizzo. F'wieħed mill-ewwel attentati ta' xi forma ta' rap bil-Malti, Charlie Dalli kien ħareġ b'dak li għalija huwa wieħed mill-isbaħ versi fil-mużika popolari Maltija ta' kull żmien: "Kemm hi sabiħa dik il-ħolma xi darba immis l-istilel, iżda kull valur jgħib jekk kull ma mmiss isir deheb."

https://www.youtube.com/watch?v=Dgj0V8b7-Qs

--Toni Sant (talk) 14:11, 19 May 2020 (EDT)

25. GRUNGE U STORBJU IEĦOR

F'daqqa waħda bħal ħassejtni qed nitlef kont tal-mużika popolari li kont trabbejt biha minn tfuliti. Bħala xandar professjonali b'interess f'diversi tipi ta' mużika, kont nisma' ħafna diski sew ġodda kif ukoll minn repertorji stabbiliti li kont għandi qed niskopri ftit ftit. Fil-bidu tas-snin 90, il-pop ġdid kien qed jinstema' banali għal widenejja aktar minn qatt qabel. Ir-rock kien beda jiħrax aktar jew inkella jidħol f'aspetti mużikali oħra fejn qajla kien jinħass li hu postu. Ġeneri oħra bdejt nitlef is-sens tagħhom bil-mod il-mod u għalkemm kien jinħass li hemm kontinwità ma' dak li ġie qabel, ftit li xejn kont inħoss li qed jitfaċċaw ħsejjes ġodda interessanti.

Bil-mod il-mod bdejt nitlef l-interess fil-mużika l-ġdida, u wisq aktar fix-xena mużikali f'Malta. Il-biċċa l-kbira tal-mużika minn Malta kont inħossha kopja fqira ta' materjal Ingliż jew Amerikan, u xi drabi Taljana - anke jekk ferm anqas milli kienet sas-snin 70. Il-kwalità tal-produzzjonijiet lokali kważi kollha kienet fqira, anke għax it-teknoloġija tal-mużika u r-recordings kienet għaddejja minn fażi tranżitorja. Kien iż-żmien li fih il-mużika u l-kompjuters kienu qed joqorbu aktar lejn xulxin milli ċertu puristi xtaquhom. Il-ħoss tal-mużika mdaqqa minn kompjuter gerxet lil ħafna nies mill-ġmiel veru li setgħet toffri.

Bdew deħlin dubji serji f'moħħi jekk għandix inkompli bil-karriera professjonali fix-xandir. Dan anke għax kont xi ftit diżilluż b'kif kienu qed jiżviluppaw l-affarijiet bil-liberalizazzjoni tax-xandir, fejn il-partiti politiċi kienu bdew bil-mod jiddominaw dan is-settur ukoll. Ma nafx pajjiż ieħor suppost demokratiku fid-dinja fejn il-partiti prinċipali fil-parlament huma ukoll propjetarji assoluti ta' stazzjonijiet tax-xandir privati. Għalija din anomalija dipressanti. Konna ipprovajna noħolqu alternattiva kummerċjali għalihom permezz tal-istazzjoni Radio One Live, li kont tqabbadt nibni mal-aħwa Godfrey u Joe Grima. Kien hemm oħrajn ukoll, sintendi. Illum nista' ngħid bla tlaqlieq li ħadd minna ma rnexxielu jlaħħaq mal-eġemonija tal-partiti politiċi.

F'dan il-kuntest kont iddeċidejt li nitlaq mill-ħidma fix-xandir full-time u minflok nibda ngħallem f'żewġ skejjel sekondarji. L-iskejjel kien dawk ta' Stella Maris fil-Gżira fejn kont ngħallem l-hekk imsejħa Media Studies, u d-drama fl-iskola tassew sabiħa ta' St Patrick's immexxija mis-Sależjani f'Tas-Sliema. Żewġ esperjenzi differenti ħafna minn xulxin. Fi skola minnhom il-biċċa l-kbira tat-tfal kienu minn familji borgiżi jew oħrajn b'aspriazzjonijiet soċjali 'l fuq mill-klassi tan-nofs li kienu daħlu fiha ftit tas-snin qabel, anke jekk mhux kollha kienu hekk. Fl-iskola l-oħra kien hemm ħafna tfal li kellhom bżonn appoġġ sostanzjali biex jirċievu edukazzjoni sekondarja 'l hinn minn ambjenti domestiċi xi drabi oppressivi, oħrajn dipressivi, kultant abbużivi, u xi drabi umli jew sempliċi wisq biex jaspiraw għal ħajja f'klassi soċjali anqas diffiċli minn dik li trabbew fiha, anke jekk mhux kollha kienu hekk.

Mat-tfal ta' St Patrick's esplorajt it-teatru applikat li kont qed nitgħallem mill-kotba ta' Augusto Boal li kont għadni qed nistudja fl-Università. Tgħallimt ħafna aktar mingħand it-tfal ta' St Patrick's milli naħseb li għallimthom jien. Eventwalment spiċċajt nassiti lil Boal, għal anke aktar taħriġ, matul sajf sħiħ fis-snin 90 fi New York. Mingħand it-tfal ta' Stella Maris ma niftakarx li tgħallimt wisq, ħlief li kien hemm ġeneru "ġdid" ta' mużika minn Seattle msejjaħ grunge u kemm kien popolari magħhom Smash Radio. Tlett kwarti minnhom kienu jaspiraw biex isiru piloti jew bdoti tal-ajruplani. Ma naf kemm minnhom irnexxielhom f'din l-ambizzjoni. Ma nafx x'effett kellhom tlett direttivi li offrejtilhom jien biex jifhmu u/jew janalizzaw il-mezzi tal-media li ma kienux fil-kurrikulu uffiċjali maħruġ mill-Media Centre tal-Knisja: question authority / question reality / question everything. Fi żminijiet oħra abbli kawża ta' skommunikazzjoni. Min jaf?

Il-mużika grunge kont espost għaliha għal diversi xhur, jekk mhux snin, qabel ma sirt naf li jsejħulha hekk. Fir-rock nights li konna norganizzaw fit-Tigulio ta' San Ġiljan kont nirreżisti li ndoqq diski tal-Metallica għax, b'mod daqsxejn patronizzanti, kont inħoss li kienu goffi wisq għar-rockers xi ftit aktar imdaħħla fiż-żmien mit-teenagers li kienu jitolbuni ndoqq xi ħaġa mill-Album l-Iswed li kien għadu kemm ħareġ. Kont naqtalhom l-għatx bil-perżuta billi ndoqq l-ewwel ftit battuti ta' Enter Sandman bejn diska u oħra tal-Black Sabbath, Led Zeppelin, jew Deep Purple, jew anke billi ndoqq Nothing Else Matters, meta naqleb għad-diski rock relattivament kwieti fl-aħħar nofs siegħa. Il-Pearl Jam u l-Alice in Chaine ma kont niddejjaq xejn indoqqhom f'dawn ir-rock nights tat-Tigulio, imma kellu jkun sieħbi Julian Manduca biex jikkonvinċini nisma' sew lin-Nirvana u nibda ninkludihom mad-diski l-oħra b'mod regolari. Fl-1994 in-Nirvana kienu ġibdu ħafna aktar attenzjoni lejhom wara li Kurt Cobain falla jgħix u rnexxilu jmut.

Meta niftakar f'dan il-perjodu ta' ħajti, il-mużika "ġdida" ta' dak żmien ma tqanqalnix wisq. Ftit wara ltaqt minn Malta għal perjodu twil. L-ewwel mort naħdem il-Ġermanja u wara mort nistudja l-Amerika. Hemm skoprjet ħsejjes ġodda li f'Malta ma kellix aċċess daqstant faċli għalihom. Dwar dawn nikteb aktar 'l quddiem f'din is-sensiela. Għalissa se naqsam magħkom waħda minn dawk il-ftit siltiet minn ftit tas-snin qabel li fihom kont insib refuġju kważi spiritwali f'dan il-perjodu ta' grunge u storbju ieħor fil-bidu tas-snin 90. Meta ma kontx insib din u xi oħrajn bħalha kont indur għat-tango bl-akkordjan ta' Astor Piazzola, b'mod partikolari fil-kollaborazzjoni tiegħu mal-Kronos Quartet li konna anke rajnihom live f'Malta għall-ewwel darba fit-Teatru Manoel ftit tas-snin qabel.

https://www.youtube.com/watch?v=4dE65iTuG4Y

--Toni Sant (talk) 15:26, 20 May 2020 (EDT)

26. MEIN GEHIRN IST K/EIN GEFÄNGNIS

Żgur fid-dinja bħalha m'hemmx? L-ewwel darba li smajt din l-esaġerazzjoni kien fil-kanzunetta popolari Viva Malta ta' The Malta Bums, miktuba minn Freddie Portelli. Possibli li mkien fid-dinja m'hu sabiħ, tajjeb, ħażin, jew ikrah bl-istess mod? Forsi aħjar, forsi agħar. L-istess? Abbli veru li kollox huwa uniku fid-dinja. Jew inkella abbli xejn m'hu hekk.

Din sfida li ndubjament twasslek biex tivvjaġġa. Inkella dan tewdin filosofiku li jwassal lil min għandu intellett ferm aktar b'saħtu minn tiegħi biex imur f'estrem jew ieħor, sa kemm b'xi mod tassew għaqli ma jsibx bilanċ. Hekk ġara. Tlaqt infittex l-estremi u minflok sibt triq lejn il-bilanċ.

Ftit aktar minn 25 sena ilu kont tassew nittama li l-kumplament tad-dinja mhux bħal Malta. Ħassejt li professjonalment ma kienx hemm prospetti li kienu jħajruni ngħaddas rasi u nkompli fuq dak li bdejt matul l-għaxar snin ta' qabel. Kreattivitament kont ikkargat aktar milli qatt emmint li jien fis-snin ta' wara, imma spiss kont insibni ngħum fl-ovvju u r-ripetizzjoni bla bżonn.

Nesaġera jekk ngħid li kont messejt il-qiegħ. Kont inħossni messejt il-qiegħ avolja kont sempliċiment għatxan għall-avventura. Kelli aptit kbir għal dak li huwa differenti. Il-futur ta' Malta diġa kien wasal f'pajjiżi oħra. U allura tlaqt infittex il-futur barra minn Malta.

Fir-rebbiegħa tal-1994 sibt ruħi f'raħal żgħir fil-Ġermanja jismu Unna. Kont mistieden ningħaqad ma grupp imdaqqas ta' studenti teatrali oħra minn madwar l-Ewropa. Dan kien wieħed mill-ewwel proġetti kulturali tal-Kummissjoni Ewropeja. Flimkien konna se naħdmu fuq tlett produzzjonijiet. Dik prinċipali kienet f'ċirku żgħir jismu Circus Travados fejn kont għamilt ħabib ma' Llama. Hemm ħdimna fuq spettaklu mimli akrobazija u aspetti oħra assoċjati maċ-ċirku ibbażat fuq is-satira ta' Karl Kraus, Die letzten Tage der Menschheit. Spettaklu ieħor kien sensiela ta' tableau vivant imsejsa fuq uħud minn Los caprichos tal-artist Spanjol Francisco Goya.

Ma' dawn kien hemm ukoll produzzjoni oħra maħduma forma ta' sensiela ta' installations artistiċi b'ħafna teatru fiżiku mibni madwar it-test għal Die Hamletmaschine ta' Heiner Müller. Dan kien imsejjes f'birrerija qadima li kienet qed tiġi renovata f'ċentru kulturali. Fiċ-ċirku kont ngħaddi ħafna mill-ħin tiegħi, mhux biss mal-llama, ngħix ħajja differenti ferm minn dik li ħallejt warajja f'Malta. Madankollu kien fil-kantina enormi tal-birrerija li kont sibt dinja kreattiva ġdida ma' tip ta' nies li qatt ma kont għadni ltqajt magħhom qabel f'ħajti. Parti mir-raġuni ta' dan kienet li dan kien żmien tassew eċitanti għall-Ġermanja għax ir-reunifikazzjoni bejn il-Lvant u l-Puntent tal-pajjiz kienet għadha tassew friska.

Biex niffamiljarizza aktar ruħi mal-kultura tal-Hamletmashcine, sieħbi Gregor Schwellenbach kien għaddieli cassette tal-interpretazzjoni tal-grupp Einstürzende Neubauten ta' dan ix-xogħol. Rajt li aħna kellna nħufu f'direzzjonijiet differenti kemm jista' jkun. Dan l-aktar għax emmint li jekk nipprovaw inkunu differenti konna se nterrqu lejn perspettivi li huma aktar personali. Minn daqshekk konna naqblu kompletament mhux biss jien u Gregor, li bi qbil miegħi kien ħa f'idejh il-mużika għall-ispettaklu ta' ċirku, imma ħafna minn sħabna li flimkien għaddejna dik ir-rebbiegħa tal-1994 naħdmu flimkien biex fis-sajf nippreżentaw dawn it-tliet spettakli lin-nies ta' Unna.

L-istorja ma tieqafx hawn, sintendi. Dan kollu jorbot ma' dak kollu li esperjenzajt fl-ewwel snin li għamilt barra minn Malta, fejn kollox kien verament avventura mhux ta' kuljum. Fl-istess waqt intenni f'moħħi uħud mill-ħafna raġunijiet għalfejn tlaqt minn Malta. Hemm wisq raġunijiet. Uħud raġunijiet ovvji, oħrajn aktar personali. Raġunijiet li jaf huma l-istess bħal ta' ħaddieħor, kif ukoll oħrajn li huma tiegħi biss. Possibli għandi xi idea jew emozzjoni li fid-dinja bħalha m'hemmx?

https://www.youtube.com/watch?v=0l5l400OTl8

--Toni Sant (talk) 17:20, 21 May 2020 (EDT)

27. GATE GATE PARAGATE PARASAMGATE BODHI SVAHA

It-tluq. Titlaq mit-tbatija. Titlaq lejn il-liberazzjoni mit-tbatija. Tluq mill-għazz mentali għal moħħ miftuh. Tluq mid-duwaliżmu għan-non-duwaliżmu. Pragate: tluq lejn xatt ieħor. Tluq lejn art li tinstab in-naħa l-oħra. Lil hinn minn hawn. Parasamgate: kulħadd sam. Is-Sangha, jgħidulha. Kollox u kulħadd. Kollox u kulħadd 'l hinn minn hawn. Bodhi svaha: tara ġmiel id-dawl li hemm fik. Id-dawl li hemm f'kollox u kulħadd.

Dan il-qofol ta' kollox. Dan huwa l-qofol ta' kollox fit-twemmin Buddista.

Meta kont mort nistudja l-produzzjoni għar-radju mal-BBC f'Londra fl-1988, kien hemm diversi studenti oħra minn madwar id-dinja, l-biċċa l-kbira minn pajjiżi tal-Commonwealth. Kont ngħaddi ħafna ħin ma' bosta minnhom individwalment biex insir naf aktar dwar pajjiżhom u l-drawwiet tagħhom. Qatt ma kont iltaqjt ma' nies minn tant pajjiżi qabel. Il-Botswana u l-Lesotho naħseb anqas insibhom fuq mappa ma kont għadni naf. Iltqajt ma' xi ħadd mill-Fiji u s-Sierra Leone għall-ewwel darba f'dan iż-żmien. Id-diskussjonijiet magħhom kienu jkunu mhux biss interessanti fihom infushom imma ukoll opportunità eċċezzjonali biex nara kif jirraġuna xi ħadd li huwa mrobbi f'ambjent differenti kważi għal kollox minn tiegħi.

Fostna kien hemm ukoll xandara mir-Radju tat-Tajlandja. Mara li kienet tidher għadha żgħira fl-età. Biż-żmien sirt naf li kienet xi 20 sena akbar milli kienet tidher. Ma nafx li qatt kont tkellimt ma' persuna Ażjatika, ħlief b'mod superfiċjali, qabel ma ltqajt magħha. Kienet devota sew tat-twemmin reliġjuż jew spiritwali tagħha. Kont kurjuż. Ridt insir naf aktar.

Nhar ta' Ħadd, meta normalment ma kien ikollna xejn fil-kors tal-BBC, hija kienet tmur regolarment fit-tempju Buddhapadipa li hemm f'Wimbledon. Dan qiegħed xi kwarta mixi 'l bogħod mill-famuż post fejn isir il-kampjonat tat-tennis. It-tempju mill-ewwel jurik x'inhu minn barra, għax differenti ferm milli bini l-ieħor kollu madwaru. Binja bajda b'saqaf aħmar skur imżejjen f'truf kulur id-deheb, bibien u twiqi stil differenti ferm minn dawk Ingliżi. Madwar it-tempju, ġnien imdaqqas mhux differenti wisq minn dawk li tistenna li tara f'ċertu partijiet tal-Ingilterra, anke jekk irranġat b'mod li huwa differenti minn ġonna oħra lokali. Wad Buddhapadipa kien għadu kemm jinbena u, milli fhimt, kien l-ewwel tempju Buddista f'Londra. Il-patrijiet u sorijiet Buddhisti li kien hemm fih dak iż-żmien kienu kollha mit-Tajlandja.

Bħala parti mill-kors tal-BBC, kellna l-opportunità nipproduċu programm speċjali dwar xi ħaġa partikolari f'Londra li hija t'interess għas-semmiegħa tagħna lura f'pajjiżna. Uħud minna għażilna li nikkollaboraw ma' xi ħadd ieħor fuq il-proġett tagħhom minflok, b'mod partikolari jekk dan kien wieħed xi ftit aktar impenjattiv. Għax kont tassew affaxxinat minn din il-kultura li ma kont naf kważi xejn dwarha, għażilt li nagħti daqqa t'id fuq il-programm għar-Radju tat-Taljandja. Radio Thailand għadu sal-lum ixandar sew bit-Tajlandiż kif ukoll bl-Ingliż, iċ-Ċiniż, u lingwi oħra. Dan il-programm dwar Wad Buddhapadipa f'Wimbledon kien bl-Ingliż, anke jekk l-intervisti mal-patrijiet u s-sorijiet li kien hemm fih kienu bit-Tajlandiż. Jien għamilt il-vuċi bl-Ingliż flok il-patri li kien responsabbli mit-tempju, fost affarijiet oħra aktar tekniċi.

L-ewwel darba li mort il-Wad Buddhapadipa ta' Wimbledon, il-kurżità inbidlet f'interess ġenwin wara ftit aktar minn l-ewwel siegħa li għamilt hemm. Meta erġajna morna biex inkomplu l-ħidma tagħhna hemm xi jiem wara, dan l-interess ġenwin inbidel f'interess aktar profond. Tista' tgħid li kont ilmaħt bħal leħħa ta' dawl li xegħlet dan l-interess f'spirtwalità pura. Qatt ma fhimt li l-Buddiżmu jaħdem b'dan il-mod, imma bħal donnu kont ikkonvertejt minn ġuvnott mhux Buddist għal wieħed Buddist. Mingħajr ċeremonji partikolari. Mingħajr wisq priedki. Mingħajr biża ta' xejn.

Bl-aktar mod naturali bdejt nemmen f'dawk li jsejħulhom l-erba' veritajiet nobbli. L-ewwel minn dawn hija li l-ħajja mimlija uġiegħ; dak li jsejħulha dukkha. It-tieni hija dwar is-sors ta' dan l-uġiegħ minn dik li tissejjaħ taṇhā, ir-rabta tagħna ma' dak li nixtiequ. Dawn veritajiet li jduru madwar l-għarfien tal-impermanenza ta' kollox. It-tielet verità hija li neħilsu mid-dukkha jekk nitilqu jew inwarrbu t-taṇhā minn ħajjitna. L-aħħar minn dawn l-erba' veritajiet nobbli hija l-mogħdija li twassalna 'l hinn mit-taṇhā biex neħilsu mid-dukkh.

Il-modija fir-raba' verità Buddista fiha tmien aspetti li jorbtu ma' dak li hu sewwa. Biex ma nispiċċax nagħti priedka dwar il-verità fit-twemmin Buddista, ngħid biss li l-qofol ta' din il-modija lejn is-sewwa hija sempli daqs meta tgħid: oqgħod bilgħaqal u għamel il-ġid. Jew, fi kliem xi ħadd Malti tassew għaref: ġid lil kulħadd, deni lil ħadd. Din nafha mingħand ommi aktar minn kull ħaddieħor, anke jekk dan huwa t-twemmin li kienet mgħallma hi meta kienet żgħira.

Dan id-dawl spiritwali ressaqni lejn modi varji ta' kif diversi nies madwar id-dinja jimmanifestaw it-twemmin tagħhom fil-veritajiet nobbli tal-Buddiżmu. Uħud minn dawn il-modi saru sempliċi cliche: l-inċens, id-daqq ta' ċertu stili ta' mużika "orjentali", it-twedin tal-matra bl-Om, il-kant partikolari tal-patrijiet Tibetani, kif ukoll it-tlaqqieh ta' ħsejjes mil-lvant m'oħrajn mill-punent li f'ċertu żmien kienu jisseħu New Age. Għalkemm smajt ħafna minn dawn it-tip ta' ħsejjes fuq perjodu ta' aktar minn għaxar snin, ma tantx sibt rabta diretta bejnhom u t-twemmin essenzjali tal-Buddismu. Jekk verament hemm xi mużika li tressaqni qrib il-veritajiet Buddisti hija xi ħaġa bħal 4'33' ta' John Cage jew forsi xi kanzunetti minn Leonard Cohen, speċjalment mill-parti aħħarija tal-karriera tiegħu.

Minkejja dan li qed ngħid dwar il-mod li bih il-mużika tmiss mat-twemmin Buddista, l-użu tal-mantra mhux xi ħaġa rrelevanti. Ir-repetizzjoni hija teknika magħrufa sew f'bosta kulturi għax iddaħħal lill-individwu aktar qrib tal-ħsus u l-ħsejjes spiritwali. Il-mantra favorita tiegħi hija dik li ttem is-Sutra tal-Qalb: il-qalb tal-perfezzjoni tal-għerf. Gate gate paragate parasamgate bodhi svaha.

https://www.youtube.com/watch?v=3NpB6ORqoZQ

--Toni Sant (talk) 06:19, 23 May 2020 (EDT)

28. SKOSS ĦOSS

Kont ili biex nitlaq minn Malta. Il-prospetti professionali fis-settur kreattiv kienu limitat ferm f’Malta. Għalkemm f’dawn l-aħħar snin, speċjalment mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, tjiebet xi ftit is-sitwazzjoni, sa tmiem is-seklu l-ieħor l-opportunitajiet ta’ sodisfazzjon professjonali fl-oqsma kważi kollha tal-kreattività kienu għadhom skarsi wisq.

Fl-istess waqt, tajjeb nammettu li meta kont titlaq minn Malta, ma kienx kollox ward u żahar. Għandi nifhem li llum abbli anke aktar iebsa minn qabel it-triq. Jekk qabel għal kull għadma konna ngħidu li kien hemm mitt kelp, issa hemm mijjiet. Kull darba li tlaqt minn Malta “għal dejjem” xorta kelli niġi lura wara ċertu żmien, imqar għal perjodi qosra.

Bejn raġunijiet personali u raġunijiet finanzjarji, wara kull perjodu nistudja jew naħdem barra minn Malta, qabel ma qaleb il-millenju, dejjem sibt ruħi lura Malta għal diversi ġimgħat jekk mhux anke għal ftit xhur. Hekk ġara wara li mort nistudja l-produzzjoni radjufonika mal-BBC u anke wara l-perjodu li għamilt naħdem fir-raħal t’Unna fil-Ġermanja. Propjament mill-Ġermanja kont mort nistudja l-Amerika darbtejn, b’interruzzjoni ta’ xi kważi xahrejn f’Berlin, qabel m’ersajt ersaqt lejn Malta.

Is-sena u nofs ta’ qabel is-sajf tal-1996 aktarx li kien l-ewwel perjodu verament twil li għamilt ngħix barra minn Malta. Mal-wasla tiegħi lura Malta f’dak is-sajf, kont dħalt għall-ewwel minn żewġ produzzjonijiet televiżivi li personalment tawni sodisfazzjon daqs Mill-Garaxx. L-ewwel waħda kien jisimha Skoss, u l-oħra kont semmejtha Bricolage.

F'dan l-istess perjodu kont dħalt ukoll għal produzzjoni u/jew preżentazzjoni ta’ diversi programmi fuq ir-Radju ta’ l-Università, kif kien jissejjaħ dak iż-żmien dak li eventwalment sar Campus FM. Fost l-aktar programmi innovattivi għar-Radju tal-Università, kien hemm wieħed jismu Bil-Maws f’Idejk. Dan kien programm edukattiv, imma b’vena ta’ divertiment popolari minsuġa fih, dwar l-użu tal-Internet.

Fis-sajf tal-1996 kont diġa ili nuża l-email sentejn. L-użu ta’ internet f’Malta kien għadu fil-bidu tiegħu u kien propju ftit tax-xhur qabel li fetħu l-ewwel Internet Service Providers (ISPs) f’Malta. Jekk mhux sejjer żball, dawn kien l-Keyworld u l-Video On Line. Konna nużaw modem ma’ linja tat-telefon biex biex naqbdu wieħed minn dawn l-ISPs ħalli naċċessaw l-Internet. Apparti li ma conta tista’ tuża it-telefon waqt li inti mqabbad mal-ISP, il-kommunikazzjoni kienet ristretta sew f’dik li hi ħeffa ta’ trażmissjoni ta’ data, sew dieħla għandek, kif ukoll ħierġa lejn l-Internet. Xorta waħda kien ċarissimu għalija u għal bosta oħrajn li din kienet teknoloġija li kienet revoluzzjonarja, u li kienet se tbiddel mhux biss il-mod kif nikkommunikaw ma’ xulxin imma ukoll kif naċċessaw informazzjoni dwar kull suġġett taħt il-kappa tax-xemx.

Fost dawk li kienu jaqsmu l-entużjażmu tiegħi għall-Internet, kien hemm Philip Serracino Ingott. Hu u jien konna nagħmlu siegħat niddiskutu l-potenzjal u l-perikli tal-Internet filwaqt li nesploraw l-aħħar żviluppi tekniċi madwaru. Philip ma kienx biss xi ħadd li jifhem sew kif taħdem it-teknoloġija imma kien ukoll intiż fl-aspetti filosofiċi ta’ din it-tekonoloġija ġdida.

Kien miegħu li fassalt is-sensiela televiżiva Skoss. Din ukoll kienet sensiela edukattiva, tant li l-ewwel kienet tixxandar fuq Channel 22 (stazzjon purament edukattiv) qabel ma kienet tidher fuq Television Malta. Miegħi u ma’ Philip kien hemm team imdaqqas ta’ nies oħra li kienu jagħmlu kull edizzjoni ta’ din is-sensiela produzzjoni tassew informativa dwar x’joffri l-Internet fuq diversi suġġetti t'interess ġenerali.

Bil-Maws f’Idejk u Skoss kienu l-ewwel żewġ proġrammi li fihom intuża l-Internet fuq ir-radju u t-television f’Malta. Skoss kien ukoll l-ewwel programm tat-television f’Malta li kellu grafika diġitali 3D – xogħol Paul Camilleri li bosta involuti f’dan il-qasam jafuh bħala għalliem fl-MCAST għal diversi snin – kif ukoll l-ewwel użu ta’ sistemi kompletament kompjuterizzjati biex issir il-post-produzzjoni tal-programm li jasal għand it-telespettaturi Maltin.

Eventwalment parti mit-team ta’ Skoss ħadmet miegħi ukoll fuq is-sensiela Bricolage, li kienet l-aħħar sensiela televiżiva li pproduċejt fil-karriera tiegħi li ppreżentajt jien stess. Kien hemm xi żewġ sensieliet oħra li pproduċejt aktar tard, imma Bricolage kienet l-aħħar sensiela ta’ programmi li fiha dhert regolarment fuq it-television.

Għax din is-sensiela ta’ kitbiet propjament tiffoka aktar fuq il-mużika, tajjeb nagħlaq din il-parti ta’ din il-ktiba tiegħi b’xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-mużika. Kull edizzjoni tal-programm Skoss kienet tinkludi taqsima msejħa Skoss Ħoss. Din kienet sempliċi għażla ta’ videos mużikali li kienu jkunu speċi ta’ reklam għall-ħanut tad-diski Exotique, li kien jimporta ħafna videos għad-dilettanti tal-mużika f’Malta.

Ftit li xejn kienu jeċitawni l-għażliet ta’ Malcolm Demanuele (li mhux biss kien id-direttur tekniku ta’ dawn iż-żewġ sensieliet televiżivi imma ukoll DJ fuq wieħed mill-istazzjonijet tal-partiti politiċi) għal Skoss Ħoss, ħlief għal darba waħda biss. Kien qalli, “jekk tgħidli li din ma tinteressakx, allura kull ma nista’ ngħidlek huwa, nirraħ demmek isirlek demel.” Naf li kien qed jiċċajta. Konna niċċajtaw ġoff ma’ xulxin b’dan il-mod, fejn il-logħob bil-kliem kien parti mill-mod kif konna ntaffu mill-monotonija tal-kumplament ta’ ħidmietna. L-għażla ta’ “nirraħ demmek isirlek demel” kienet Govinda ta’ Kula Shaker. Sa fejn naf jien, demmi sew għadu.

https://www.youtube.com/watch?v=cSEnlomikHs

--Toni Sant (talk) 09:43, 25 May 2020 (EDT)

29. MHUX BĦAL TAL-FILMS

Mill-ewwel wasla tiegħi f’Virginia sa ma xbajt ngħix New York għaddew 12-il sena. Wasalt bħala student u għext il-ħajja ta’ student professional għal madwar tmien snin. Il-kunċett ta’ student professjonali kien komuni ħafna fl-Istati Uniti sal-bidu tal-millennju l-ġdid, qabel ma l-ekonomija nbidlet tant li sar diffiċli tgħix hekk. Bħal nies oħra li jagħżlu dan l-istil ta’ ħajja, ma kontx nimmaġina li qatt nieqaf inkun student. Parti mill-istorja – imma rrid nemfasiżża li parti biss – kienet marbuta mal-idea li dejjem hemm x’titgħallem. L-akbar ċuċ huwa min jaħseb li jaf kollox, jew li jista’ jaf kollox.

Parti oħra tar-raġuni li xi ħadd jaf jagħżel li jkun student professjonali hija għax jintebah li l-ħajja ta’ veru (i.e. dik li jgħixu n-nies l-oħra kollha li mhux studenti) hija waħda diffiċli. Biex inkun aktar preċiż, jew tal-anqas biex nitkellem direttament mill-esperjenza personali tiegħi, ngħid li aktar milli waħda diffiċli fiha nfisha, waħda li ddifiċli tidħol fiha meta tispiċċa milli tkun student. Kont irrifjutat xogħol fiss minn numru kbir ta' universitajiet qabel sibt fejn naħdem bla ma ninkwieta li għandi biss kuntratt ta’ sena b’paga relattivament minima wara li spiċċajt l-istudji għad-dottorat tiegħi fl-Università ta’ New York.

Dan ma jgħoddx għas-suġġetti kollha, sintendi. Ma nimmaġinax li hu hekk fil-każ tat-tobba, avukati, periti, accountants, u professjonisti oħra li l-istudji tagħom iwassluhom biex jidħlu, kważi b'garanzija (warrant jgħidulha, le?) fil-professjoni li għażlu meta bdew jistudjaw. Imma fil-qasam tal-arti, hija storja kompletament differenti. Mhux qed nitkellem biss dwar min hu mgħoni bit-talent u min mhux. It-talent sekondarju f’ħafna każi. Uħud mill-aktar nies kapaċi u prolifiċi fl-oqsma varji tal-arti, qajla resqu lejn università biex jistudjaw is-suġġett li jeċċellaw fih.

Il-ħsieb kritiku, f’sens akkademiku, lili waqqafni kważi kompletament milli nsib valur b’saħħtu biżżejjed fil-biċċa l-kbira tal-ħidma kreattivà tiegħi. Kif nista’ ngħid li jien mużiċist meta rajt, smajt u studjajt tant mużiċisti li joperaw fuq livell li bil-kemm noħlom li qatt nilħaq jien ukoll? X’teatru se nagħmel meta nara kemm hu vojt ħafna mix-xogħol li għamilt matul perjodu ta’ kważi għoxrin sena f’dan il-qasam? Kif nista’ qatt inkompli l-karriera professjonali tiegħi fix-xandir meta naf li il-maġġoranza kbira tal-programmi huma tant medjokri, tal-anqas għall-gosti u l-interessi tiegħi; u dan mhux f’Malta biss.

Kont spiċċajt diżilluż kważi għal kollox. Mingħajr modestja falża, kont diżilluż l-aktar b’dak li kapaċi nagħmel jien. Imma dan ma kienx minħabba li ma kontx għadni naf nagħmel dawk l-affarijiet kollha li kont ħloqt karriera bihom fl-għoxrin sena ta’ qabel. L-iżball ewlieni tiegħi kien li ersaqt qrib wisq lejn l-istudju ta’ kif taħdem id-dinja tal-ispettaklu. Għalkemm jaf għandi impressjoni ħażina wkoll, nimmaġina li l-aqwa avukati, periti, tobba, u x’naf jien, iħossuhom hekk ukoll dwar aspetti tas-settur tagħhom.

Parti minn dan kollu ġie mill-fatt li Amerika li mort ngħix fiha jien skoprejt malgħajr li hija post differenti ferm mill-Amerika li naraw fil-films. Mhux għax jien naive u ma nafx li dak li jidher fil-films ta’ Hollywood huwa fittizju, u bosta drabi anke romantiċizzat biex jidher aktar interessanti milli hu.

L-akbar xokk kien meta ntbaħt kemm hemm kultura Amerikana mhux riflessa sew fil-films ta’ Hollywood. Sa ċertu punt dan jgħodd għall-mużika ukoll, imma mhux b’mod daqstant ċar u ovvju. Fil-qasam tal-mużika li kienet tinteressa lili f’dak iż-żmien diġà ktibt dwar Mojo Nixon u Dread Zeppelin (ara parti numru 6 ta’ din is-seniela) bħala żewġ eżempji, sa ċertu punt, ta’ dan li qed nipprova ngħid hawn. Mill-ewwel jiġuni ukoll f’moħħi esponenti oħra bħal Cake, Dada, Beirut, u Vast, li kollha kont nisma’ CDs tagħhom regolarment fil-perjodu tiegħi bħala student fl-Amerika. Kemm jindaqqu fuq l-istazzjonijiet tar-radju f’Malta dawn?

Il-film li wassalni nintebaħ kompletament kemm l-Amerika li naraw barra mill-pajjiż hija differenti minn dik li jesperjenzaw tant nies li jgħixu hemm kien Smoke Signals. Dan mhux film ta’ Hollywood. Dan anqas m'hu xi film li l-biċċa l-kbira tad-dilettanti tal-films abbli jieħdu gost jaraw. Fuq kollox, però huwa film li l-individwi li qed jirrakkontaw l-istorja tiegħu u l-protagosti li qed jieħdu sehem fih huma kollha minn popli ndiġini. Biex niftehmu, aktarx li jkun aktar faċli li ngħid li dawn huma d-dixxendenti diretti tal-Indjani li konna drajna naraw f’tant films tal-cowboys. Timmaġina xi ħadd ikanta fi stil tradizzjonali ta’ dawn in-nies indiġini dwar snien John Wayne? Ara dan il-film u tiskopri li hekk preċiż jagħmlu dawn in-nies li ilhom marbuta għal sekli twal mal-istess art li bdiet tissejjaħ Amerika mill-Ewropej li ħakmuha.

Meta wasal il-11 ta’ Settembru tal-2001, id-dinja inbidlet. Mhux qed nesaġera. Kull meta tgħaddi mill-ajruport u ma titħalliex tieħu mqar flixkun ilma żgħir miegħek, ifhem min rebaħ l-hekk imsejħa gwerra kontra t-terroriżmu. Fuq livell aktar kwotidjan, kien fil-punt li l-Amerikani bdew jirreaġixxu b’mod tassew estrem lejn dak li ġara fil-11 ta’ Settembru, li ddeċidejt li nitlaq mill-Amerika.

Bil-ġilda ta’ ġismi samra wara sajf fix-xemx u b’daqna kbira sempliċiment għax hekk ippreferejt li nżommha, naf li kelli dehra simili għat-tip ta’ nies li kontrihom kien hemm preġudizzju qawwi. Twaqqaft bosta drabi fit-toroq ta’ New York, fl-istazzjonijiet tal-ferrovija, u fl-ajruporti b’mod ovvju li għax kelli dehra ta’ xi ħadd minn parti tad-dinja li minnha kienu ġew it-terroristi li attakkaw New York. Mhux kultant, imma regolarment. Kif tista’ tgħix f’post hekk?

https://www.youtube.com/watch?v=9ctLVlkDWRs

Toni Sant (talk) 13:13, 26 May 2020 (EDT)

30. DARBA KIEN ISIR IL-JAZZ FESTIVAL

Fis-snin qabel ma bdejna nistgħu ngħidu kull ma rridu fuq l-Internet, biex twassal ħsibijietek fil-pubbliku kellek bżonn xi forma ta’ intermedjarju. Kien hemm min ipprova jkun l-intermedjarju tiegħu stess, imma dawk li rnexxew waħedhom kienu każi rari. Il-mezzi tax-xandir u l-istampa, partikolarment il-gazzetti, kienu l-intermedjarji ovvji għal bosta snin.

Ftit li xejn immiltajt f’partiti politiċi. F'ċertu żminijiet offrejt uħud mis-servizzi kreattivi tiegħi bi ħlas liż-żewġ partiti prinċipali f’Malta. Kienet biss l-Alternattiva Demokratika, fil-bidu tagħha bħala moviment ambjentali favur kull tip ta’ drittijiet ċivili, li resqet l-eqreb lejn il-fehmiet politiċi personali tiegħi, tal-anqas f’Malta. Sfortunatament għalija, u forsi xi ftit anqas għalihom, dak li żviluppat fih l-AD fl-aħħar 20 sena ma jappellali kważi xejn. Apparti dan, għażilt li qatt ma nxandar fuq l-istazzjonijet tal-partiti politiċi, anke jekk bi ħlas. Għalija dawn kienu u għadhom anomalija fil-liberalizazzjoni tax-xandir f’Malta, li jservu biss l-interessi tal-klassi politika nvoluta direttament fihom. Skoss ilpup imlibbsa ġilda ta’ ħaruf.

Ftit qabel ma qabdu sew, però, kont aċċettajt li nibda nikteb fil-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd Il-Mument. Il-gazzetti u mezzi tal-kommunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista f'dak iż-żmien kienu mmexxija minn Roger Degiorgio, li eventwalment telaq biex imexxi l-Malta Independent u wara għadda għall-Malta Today. Għax Dr Degiorgio kien raġel tassew tal-affari tiegħu, miegħu kelli ftehim sempliċi: nikteb li rrid, fil-konfini tal-liġi tal-istampa, u jekk xi ħaġa mhux aċċettabli biex tidher fuq il-Mument, allura l-paġna tiegħi għandna titwaqqaf u mhux tkun suġġetta għaċ-ċensura editorjali selettiva.

Imxejna ħarir għall-perjodu kollu li għamilt nikteb hemm, anke għax kont nisma’ mill-pariri mimlija esperjenza ġurnalistika ta’ Victor Camilleri, li dak iż-żmien kien l-editur ta’ Il-Mument. Il-paġna tiegħi kien jisimha Fil-Vina. Logħob bil-kliem fuq l-idea klassika ta’ in vino veritas, miġjuba aktar għal żmienna. Kien hemm nies ‘l fuq sew fil-kurituri tal-poter li żarżrilhom xi naqra dan l-isem; u dan naf ċert li ġara fiż-żewġ partiti għax qaluli huma stess direttament.

Kont nikteb l-aktar dwar il-kultura kontemporanja, b’attenzjoni speċjali għax-xena żgħażugħa. Kont nikteb dwar dak li naf mill-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Kont skjett u inċiżiv. Mingħajr tidwir żejjed mal-lewża u mingħajr ma nissoġra xi libell jew diżgwid żejjed mal-pubblikaturi, kont ngħid l-affarijiet kif inħosshom. Kont ispirat sew mill-kitbiet ta’ Hunter S. Thompson u l-ġurnaliżmu tiegħu imsejjaħ gonzo. Ma kontx radikali daqsu fil-metodi ġurnalistiċi tiegħi, imma għal Malta naħseb li kont radikali kemm jista’ jkun bla ma ninħass estremist iżżejjed.

Kont nikteb dwar ħafna minn dak kien jħossu u jgħidu bosta żgħażagħ kontinwament imma li qatt ma kont tara miktub imkien jew imxandar fuq ebda stazzjon Malti. Kien hemm aktar dwar xiex tikteb f’dak iż-żmien, imma kont konxju li l-intermedjarju tiegħi kien partit relattivament konservattiv b’tolleranza kbira għall-ħsieb miftuh f’isem id-demokrazija. Li kellhom żgħażugħ jidher li qed jgħid li jrid fuq waħda mill-gazzetti tagħhom kienet tista’ tinħass li huma aktar demokratiċi milli kieku jħallu biss min jaqbel magħhom jgħid tiegħu.

Hawnhekk ippermettuli parenteżi żgħira biex naqsam ħsieb dwar id-demokrazija li tennejtu drabi oħra pubblikament imma naħseb li postu hawn ukoll. Jiena qatt ma fhimt għalfejn tant nies jiċċelebraw u jifirħu bid-demokrazija rappreżentattiva meta din verament u preċiżament tfisser biss li uħud minna nagħżlu numru żgħir fostna biex jirrappreżentaw lilna lkoll. Il-loġika ta’ kif xi ħadd li m’għażiltx int jista’ qatt jirrappreżentak meta int ma tabel xejn, jew kważi f’xejn, ma min għażel li min qed jirrappreżentak hija sitwazzjoni tassew farseska għalija. Id-demokrazija diretta storja oħra, sintendi. Għalhekk irrid niċċara li hija d-demokrazija rappreżentattiva li tqabbadni l-ħakk u mhux il-kunċett tad-demokrazija diretta li biha kulħadd tassew għandu l-potenzjal isemma leħnu, anke jekk oħrajn kapaċi jwasslu leħenhom aktar minn oħrajn. Il-popolarità mhux kollox.

Insomma, lura għal dak li kont qed ngħid dwar Fil-Vina. Wieħed mill-artikoli li kont ktieb Ħadd minnhom kien kważi ġellidni ma’ wieħed mill-aktar ħbieb li ili ngħożż għal aktar minn erbgħin sena. It-titolu tal-artikolu tiegħi kien l-istess bħal dak ta’ din it-taqsima f’din is-serje: DARBA KIEN ISIR IL-JAZZ FESTIVAL. L-editur intebah kemm dak li kont qed ngħid jien kien skoss fil-vina, biex inżommu l-metafora għaddejja, u allura għażel li jippreżentah hekk b’ittri kbar fuq il-ħames kolonni tal-paġna tiegħi fil-gazzetta. "Maximum impact" kienu jgħidulu dan l-istil l-impaġnaturi tal-gazzetti.

It-ton tiegħi f’dan l-artikolu kien wieħed t’apprezzament kbir għal dak li kien irnexxielu jagħmel Charles Gatt magħruf bħala s-City għal dawk li jħobbu l-jazz f'Malta. Huwa kien il-fundatur u l-organizzatur ewlieni tal-Malta Jazz Festival, u dik is-sena kien wasal fit-tielet jew ir-raba’ edizzjoni tiegħu. Kont tassew impressjonat mhux biss bil-jazzisti primi li kien jirnexxielu jġib f’Malta imma ukoll bil-mod konsistenti li kien qed jirnexxielu jagħmel dan sena wara l-oħra. Biżżejjed insemmu lil Chick Corea, Elvin Jones, Michel Petrucciani, Betty Carter, Bill Evans, Joe Henderson, John McLaughlin, u Al di Maeola li kollha ġew għal dan il-festival f’dawk l-ewwel snin.

Kont naf li f’dak iż-żmien ma kellnix infrastruttura b’saħħitha biżżejjed fil-qasam tal-kultura fl-entitajiet pubbliċi biex insostu dan il-festival mill-isbaħ mingħajr is-City. U allura kont immaġinajt x’kienet se tkun is-sitwazzjoni tal-festival tal-jazz f’Malta meta, kif ħaġa natural jiġri biż-żmien, jiġi biex jieqaf jagħmlu s-City. Kont ħeġġiġt lil gvern ta’ dak iż-żmien biex joħloq struttura organizzattiva soda biex dan il-festival ma jkunx jiddependi biss mir-rieda tajba ta’ persuna waħda.

Dak li bassart jien f’dan l-artikolu eventwalment ġara, sew fil-ħażin kif ukoll fit-tajjeb. Il-ħażin kien meta madwar l-2006 il-Malta Jazz Festival kien waqaf jagħmlu s-City u għadda f’idejn kumpanija privata li ħasset li għandha tieħdu f’direzzjoni differenti. Kienu ġabu lill-Alan Parsons Project minflok mużiċisti stabbiliti jew emerġenti mill-qasam tal-jazz. Għamel xi ftit snin sejjer hekk, mill-ħażin għall-agħar, tal-anqas f’dak li huwa kredibbilità ma’ min jaf x’inhu jazz festival ta’ vera.

Eventwalment wasalna fejn aħna llum li dan il-festival huwa wieħed minn diversi li jorganizza l-gvern b’mod sistematiku kull sena, minn entità li issa jisimha Festivals Malta. F’dan il-qafas kull m’hemm bżonn huwa direttur artistiku biex ifassal il-programm mużikali u mhux aktar impreżarju li jieħu ħsieb xi ħaġa bħal din mill-A saż-Żeta. Hekk tal-anqas hemm prospetti aktar sodi li jkompli jsir regolarment dan il-jazz festival u li jinżamm il-livell mixtieq minn dawk li jħobbu din it-tip ta’ mużika.

Apparti li attendejt dawk l-ewwel erba’ jew ħames edizzjonjiet tal-bidu, ftit li xejn messejt aktar ma’ dan il-jazz festival, anke għax ma kontx għadni ngħix f’Malta. Iż-żjarat tiegħi rari kienu jkunu għal nofs Lulju. Ngħid rari u mhux qatt għax hekk ġara fis-sena 2000 meta kont anke spiċċajt fuq il-palk fir-rwol tal-preżentatur għal dik l-edizzjoni. F’dik l-edizzjoni tal-Malta Jazz Festival esperjenzajt wieħed mill-isbaħ mumenti fejn tidħol il-mużikali f'ħajti: introduċejt lil Joe Zawinul minn fuq il-palk għall-udjenza preżenti u mbagħad rajtu jdoqq live bil-veduta tal-Port Il-Kbir bħala sfond għal siegħa sħiħa.

Ma jeżistix arkivju tal-Malta Jazz Festival aċċessibli faċilment, allura qed naqsam magħkom dan il-video ta’ Joe Zawinul f'kunċert simili waqt in-Newport Jazz Festival ta’ xi 3 snin qabel.

https://www.youtube.com/watch?v=H2y8jEDynqc

Toni Sant (talk) 15:58, 26 May 2020 (EDT)

31. X’AKTAR?

Sa mill-ewwel darba li rajt l-Internet tard fis-snin 80, qabel ma biss kien għadu ġie ivvintat il-World Wide Web, intbaħt li dan kien se jkun il-mezz il-ġdid fid-dinja tal-medja. Ma kontx waħdi li għaraft fih dan il-potenzjal anke jekk ħafna abbli għadhom sal-lum jarawh bħala xi ħaġa separata.

Aktarx li waħda mill-aktar affarijiet li ġibduni lejn l-Internet kienet l-idea li m’hemmx bżonn aktar intermedjarju editorjali bejnek u bejn min trid twassal il-messaġġ tiegħek għandu. Kien dan, fost affarijiet oħra, li wassalni biex nirridirezzjonha l-interessi professjonali kif ukoll akkademiċi tiegħi – li wara ċertu żmien saru ħaġa waħda – lejn l-użu tal-Internet fil-qasam tal-kreattività u l-ispettaklu.

Kont diġa ili naħdem fil-qasam tax-xandir għal aktar minn għaxar snin meta bdejt naħseb dwar kemm kien relattivament limitat il-mod kif setgħu jiżviluppaw l-affarijiet. Wara l-esperjenza tal-ħidma ma’ l-aħwa Joe u Godfrey Grima fuq il-ħolqien ta' Radio One Live u t-tluq minn Malta suppost "għal dejjem,” il-prospetti dehru anke anqas attrajenti. Propjament, għażla waħda kien hemm biex inkun nista’ nsib xi forma ta’ sodisfazzjon professjonali f’dak il-punt: li noħloq stazzjon tiegħi stess. L-aktar parti diffiċli ta’ dan kienet li la ridt noħloq wieħed tar-radju u wisq anqas għat-television.

Kien hekk li wasalt biex inħares lejn l-Internet bħala l-pass naturali li kien imiss fil-mixja professjonali tiegħi fil-mezzi tax-xandir. Mill-ewwel emmint li l-internet verament kellu l-potenzjal ikun mezz ta’ demokrazija diretta. Dan mhux bħar-radju li trid liċenzja biex ixxandar bih jew it-television li trid investiment finanzjarju qawwi fih biex verament tiġbed l-attenzjoni tat-telespettaturi.

Kien hekk li kkonvinċejt grupp żgħir ħafna ta’ nies li kont nafda sew, u li kellhom ħliet li jien m’għandix, biex flimkien nibdew kumpanija. L-isem li għażilt jien għal din il-kumpanija kien MaltaMedia. Aktarx li konna kmieni wisq meta bdejna nagħmlu dan it-tip ta’ xogħol fl-aħħar sentejn-tlieta tas-seklu l-ieħor. Kull ħaġa li messejna magħha kienet "l-ewwel” - konna verament pijunieri, aktar minn kollox, fejn jidħol l-użu tal-Internet f'Malta

L-istorja tal-MaltaMedia jixirqilha ktieb sħiħ biex tingħad sew. Is-servizz tal-aħbarijiet li konna ħloqna taħt tit-tmexxija ta’ Martin Debattista għamel żmien twil l-unika wieħed regolari minn Malta qabel ma l-gazzetti ntebħu li dan il-mezz kien il-futur tal-intrapriża tagħhom. Għax konna stonkużi, konna noffru servizz bi-lingwi, tal-anqas f’dawk is-snin. Eventalment qlibna għall-Ingliż biss. Fost in-numru mdaqqas ta’ nies li ħadmu magħha u kitbu rapporti fis-servizz tal-aħbarijiet ta’ MaltaMedia matul is-snin kien hemm Darrell Pace, Pierre J. Mejlak, Sandro Mangion, Immanuel Mifsud, Kristina Chetcuti, Coryse Borg, Alexia Conti, Robert Micallef, Ramona Portelli, Frederick Zammit, Lorraine Duca, kif ukoll il-mibkija għażiża tagħna Ruth Davies.

L-aktar servizz tal-MaltaMedia li kien għal qalbi kien aboutmalta.com, websajt żviluppata fuq is-sit pijunier li kien ħoloq Grazio Falzon xi ftit qabel bħala l-ewwel website dwar Malta. L-isem oriġinali kien Grazio’s Malta Virtwali. Dawk il-Maltin li kienu jużaw l-Internet f’dak iż-żmien żgur li jiftakruha. Il-Professur Falzon kien fdana biex niżviluppaw dan is-sit f’wieħed li jservi ta’ direttorju għall-preżenza Maltija onlajn, fis-snin ta’ qabel tfaċċa Google.

Fuq livell aktar personali, kont miġbud ferm lejn ix-xandiriet li konna nagħmlu msejħa webcasts. Uħud minn dawn saru f’kollaborazzjoni ma’ Radju Calypso (meta kien għadu stazzjon Għawdxi) u r-Radju tal-Università (sa ma sar Campus FM). Eventwalment bdejna nagħmlu minn dawn il-webcasts mingħajr kollaborazzjonijiet ma’ stazzjonijiet stabbiliti terrestrijalment. Dawn wasslu biex bdejt nikteb il-blog tiegħi, u miegħi kaxkart lil Pierre J. Mejlak, Immanuel Mifsud, Robert Micallef u oħrajt biex jagħmlu tagħhom ukoll.

L-ewwel snin tal-blogosfera Maltija mill-2004 kien tassew żmien interessanti u eċitanti. Alex Grech kiteb it-teżi tad-dottorat tiegħu dwar din ix-xena u l-mod kif iddeterjorat sa ma waslet il-kwistjoni tad-divorzju f’Malta u l-partiti politiċi ntebħu bis-saħħa ta’ dan il-mezz ġdid ta’ kommunikazzjoni. Fil-blog tiegħi kont sibt dak li dejjem xtaqt: mezz ta’ kommunikazzjoni diretta u ħielsa minn kull intermedjarju. Fil-blog bdejt nikteb dwar il-mużika li kienet tinteressani. Din il-kitba wasslet biex nibda l-poddati (hekk insejħulhom podcasts bil-Malti) ta’ Mużika Mod Ieħor. Dwar dan se niddedika parti sħiħa minn din is-sensiela dalwaqt.

Qabel wasalt hemm, reġà kelli ħafna mużika preżenti f’ħajti, tal-anqas bħala semmiegħ. Dan kien l-aktar bis-saħħa tal-Internet u l-introduzzjoni tal-files magħrufa bħala mp3. Kont insegwi wkoll partijiet mix-xena mużikali fi New York, li kienet indubjament tinkudi ukoll punti ta’ referenza qawwija fil-qasam tal-mużika alternattiva, jazz, u stili oħra li kienu jinżluli tajjeb qabel. L-opportunitàjiet biex nara kunċerti live kienu tassew abbundanti. L-unika darb’ oħra f’ħajti li segwejt daqstant mużika live tajba kien meta kont student mal-BBC f’Londra, b’kunċerti fir-Royal Albert Hall u Hyde Park imnaqqxa fil-memorja anke jekk biż-żmien uħud minn dawk il-memorji qed jintfew ukoll.

Mill-kuntatti li kont żviluppajt fi New York, kien hemm perjodu fejn kelli x-xorti nattendi regolarment sensiela ta’ recordings ta’ serje televiżiva msejħa Sessions at West 54th li kienu jsiru fl-studios ta’ Sony Music, propju f’West 54th Street f’Manhattan. Hekk rajt lil Patti Smith live għall-ewwel minn tlett darbiet, il-Kronos Quartet, Rufus Wainwright, Ottmar Liebert, Branford Marsallis, Chris Isaak, The Cranberries, in-Neville Brothers, u Diana Krall.

https://www.youtube.com/watch?v=vj_pEWq4bu0

Toni Sant (talk) 16:27, 27 May 2020 (EDT)