Soċjeta Filarmonika Marija Annunzjata

From M3P
Jump to navigation Jump to search
The printable version is no longer supported and may have rendering errors. Please update your browser bookmarks and please use the default browser print function instead.
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Lis-Storja tas-Soċjeta' Filarmonika Marija Annunzjata Ħal Balzan

Soċjeta Filarmonika Marija Annuzjata Band Club

Is-Soċjeta’ tagħna ffurmat ruħha fl-1890, taħt l-isem ta’ Circolo L’Annunziata'' u minn dak iż-żmien ‘l hawn hija għaddiet minn bosta ġrajjiet.

L-iskop ewlieni tas-Soċjeta’ dejjem kien il-Festa ta’ Marija Annunzjata, u l-membri tagħha dejjem kienu jħabirku sabiex din il-Festa tkun mill-aqwa kemm tista’ tkun f’dak li huwa nar, armar u baned.

Il-membri tas-Soċjeta’ kienu wkoll anzjużi ħafna sabiex dejjem ikabbru l-lokal u dejjem ifittxu biex ikunu fiċ-ċentru ta’ Ħal Balzan. Dawn biddlu l-postijiet biex ikunu aħjar minn fejn kienu sa l-1920, sa meta din is-Socjeta’ kienet unika f’Ħal Balzan, u l-iskop ta’ din is-Soċjeta’ kien sabiex jgħin fil-bżonnijiet materjali tal-Parroċċa u fil-Festa Esterna tat-Titular tagħna.

Infatti, fl-1890 il-kappillan Dun Giovanni Sarreo li kien għadu kif laħaq, insista ħafna biex jibda l-invjar u l-iskultura tal-Parroċċa u hawn ħadmu kemm felħu l-membri ewlenin tas-Soċjeta’ tagħna li kienu dawn l-imgħallmin: Valent Falzon, Valent Muscat, Carmelo Sammut, Pio Ebejer, Valent Debono, Giuseppe Sammut u Pawlu Muscat. Dawn l-imgħallmin kienu megħjunin minn żgħażagħ oħrajn. Dawn kienu jappartjienu fil-kumitat tas-Soċjeta’, mill-President, Segretarju u Kaxxier wieħed wara l-ieħor.

Il-Bidu tal-Każin

Fil-bidu tal-eżistenza tiegħu, il-Każin kellu President Onorarju lill-avukat Dr.Vincenzo Frendo Azzopardi u li wara kien ukoll maħtur bħala President tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette. Dan is-Sinjur kien ta’ kull sena jistieden lil din il-Banda biex tagħmel programm għall-Festa tagħna u jispiċċa biex jitratta bi pranzu fis-sala tad-dar tiegħu. Wara dan is-Sinjur kellna Presidenti Onorarji lill-wisq nobbli s-Sur Konti Francesco Manduca, lill-Kappillan Dun Amabile Sisner, lil Sir Michael Angelo Refalo, President tal-Qorti, il-Maġistrat is-Sur William Soler LL.D., l-Onor. Prim Ministru, Chev. In-Nutar Ġorġ Borg Olivier, LL.D. M.L.A., lill-benefattur tar-raħal tagħna l-wisq nobbli Konti Bernardinu Manduca Piscopo Macedonia Zammit, lis-Sur Alber Fenech u lill-Onor. John Dalli fost l-oħrajn.

Il-membri tagħna, peress li fl-1900 kien sejjer jiġi ċċelebrat iċ-Ċentinarju ta’ l-Inkarnazzjoni t’ Alla, ma’ kullimkien, u billi dan kien jaffettwa l-misteru tal-Parroċċa tagħna, kienet saret festa solenni barra għall-ewwel darba u baqgħet issir sal-lum. Ħasbu biex iżanżnu bandalora bl-isem tas-Soċjeta’ ta’ “Circolo L’Annunziata Casal Balzan”.

Is-Soċjeta’ tagħna kellha tgħaddi minn diżgrazzja traġika sfortunata u storika li ġratilha nħar il-Ħamis fit-tmienja ta’ filgħaxija, fit-22 ta’ Ottubru 1903, meta f’daqqa waħda nstemgħat splużjoni qawwija li regħdet mhux biss lir-raħal tagħna, iżda lil pajjiżna wkoll. Ir-riżultat kien li l-każin waqa’ u miegħu waqgħu ż-żewġt idjar ta’ maġenb il-każin. Ir-raġuni ta’ dan kollu kien li żewġ membri li kienu dilettanti tan-nar, dak inhar ħalltu xi kuluri u allura telgħu fuq biex jgħarblu ftit u b’hekk ikkumnikat ruħha mat-tubu tal-lampa u minnufih sploda l-kartell mimli bil-kulur u allura tar kollox fl-ajru.

Dak iż-żmien il-każin kien bieb ma’ bieb mad-dar tal-kappillan tal-lum, li dak iż-żmien kien ir-Rev. Dun Amabile Sisner. F’din id-diżgrazzja kienu sfaw feruti 42 persuna, u minnhom mietu 6 li kienu dawn: Valent Debono, Toni Falzon, Paolo Muscat, Pio Muscat, Giuseppe Muscat u s-sinjorina Concetta Sisner, oħt il-Kappilan, u ftit wara mietet bl-istess kaġun Lonza Muscat. Għal din it-traċedja, is-Società Filarmonica Nazionale La Valette, organizzat ġbir flimkien ma’ dik tar-raħal tagħna sabiex jgħinu lill-familji tal-vittmi u għall-funerali tagħhom stess.

Is-Soċjeta’ tagħna reġgħet infetħet nhar l-ewwel tas-sena 1904 u propju hawn is-Socjeta’ bidlet isimha għas-“Soċjeta’ Marija Annunzjata” kif kien għadu sa’ l-1994. L-ewwel President wara din id-diżgrazzja kien is-Sur Edwardo Borg u l-ewwel Segretarju kien is-Sur Valentino Callus.

Iffitxu post għall-Każin Ġdid

Il-membri tagħna dejjem bdew ifittxu post, u daru diversi djar, 225 il-Misraħ, 226 il-Misraħ, 75 Triq il-Kbira u 83 Triq il-Kbira, sakemm ingħazel il-post fejn naraw illum. Mill-ewwel is-Soċjeta’ bdiet taħseb biex tagħmel sett statwi ġodda biex jintramaw fil-Festa ta’ Marija Annunzjata u bit-tħabrik tal-president tagħha s-Sur Edwardo Borg l-ewwel ma sar kien il-Papa Leone XIII u mbagħad sar is-sett tal-profeti, li dan iż-żmien sar jintrama fin-naħa ta’ fuq tar-raħal mill-Każin ta’ San Gabriel. Wara x-xogħol ta’ L-istatwi, is-Soċjeta’ ħasbet biex tagħmel disinn għall-faċċata tal-knisja, u dan sar fl-1906 mis-Sur Joseph Gauci.

Fis-sena 1915 is-Soċjeta’ tagħna rregalat standard li jirraprezenta l-arma ta’ Ħal Balzan lill-banda tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette tal-għarfien tar-relazzjonijiet tajba li dejjem kienu jeżistu bejn iż-żewġ każini.

Fis-sena 1917 il-każin tagħna ġie organizzat u riformat ħafna taħt il-kumitat tad-direzzjoni tal-President is-Sur Carmelo Gambin, is-Segretarju is-Sur Alfredo Camilleri u l-Kaxxier is-sur Luigi Briffa. Saru ħafna alterazzjonijiet fil-post li ninsabu fih illum u hekk sar wieħed mill-isbaħ każini fl-irħula. Fis-sena 1919 kif spiċċat l-ewwel gwerra dinjija, il-każin tagħna ħa parti attiva biex isir sett ta’ qniepen ġodda għall-Parroċċa flok il-qodma billi kien hemm xi wħud miksura.

Għalhekk ġie organizzat kumitat mill-istess membri tal-każin li kien iffurmat minn dawn is-Sinjuri: President is-Sur Guzeppi Vassallo, Segretarju n-Nutar. Lwiġi Gauci Forno u Kaxxiera kienu tlieta, s-Sur Tomaso Agius Fernandes, is-Sur Lwiġi Briffa u s-Sur Salv Pisani. Jingħad li waħda mir-raġunijiet għalfejn infirdu xi membri minn din is-Soċjeta, u waqqfu iċ-Circolo San Gabriele fis-sena 1920 kienet il-għaliex dan il-kumitat tal-qniepen issuġġerixxa li sabiex jinħabru l-fondi, jitħassru l-Festi Esterni ta’ Marija Annunzjata, iżda dawn ma qablux.

Fis-sena 1920 billi Malta u Għawdex xtaqu jieħdu l-awtonomija ta’ Self-Government, ġie ffurmat kumitat nazzjonali taħt il-promotur Sir Philip Sciberras. Għalekk il-każini kollha ta’ Malta ġew mitluba biex kull wieħed jibgħat żewġ delegati ħalli titlaqqa’ Assemblea Nazzjonali. Id-delegati bħala rappreżentanti tar-raħal tagħna kienu ż-żewġ Sinjuri n-Nutar Lwiġi Gauci Forno u Lwiġi Briffa li attendew għall-ewwel laqgħa li saret fil-Villa De Piro f’Ħal-Lija taħt il-Presidenza tal-Professur Luigi Preziosi.

Fis-sena 1921 saret fiera f’San Anton b’riżq il-qniepen il-ġodda u l-membri tagħna ħadmu għadd ta’ ġugarelli u għenu bl-aħjar mod li setgħu.

Fl-1922 is-Socjeta’ ħatret lill-Kappillan Dun Amabile Sisner bħala President Onorarju u fl-istess sena s-Soċjeta’ tagħna laqgħet lill-Eċċellenza Reverendissima Mons. Isqof Mawru Caruana flimkien mal-Kappillan akkumpanjat mill-kleru fejn sarilhom trattament mill-kumitat u mill-membri tas-Soċjeta’.

Fis-17 ta’ Ġunju 1923, il-kumitat beda jagħmel it-teatrin fil-każin b’riżq il-qniepen il-ġodda u wkoll xi fiera. Fis-26 ta’ Awwissu, is-Soċjeta’ għamlet trattament ad unur tal-Kappillan il-ġdid Dun Francesco Saverio Zahra.

Fis-sena 1928 is-Socjeta’ tagħna żanżnet bandalora ġdida bl-isem ta’ “Marija Annunzjata” u bl-arma ta’ Ħal Balzan irrakmata bid-deheb u maħduma mis-Sinjorina Rożina Micallef minn B’Kara fuq disinn ta’ l-imgħallem Giuseppe Vassallo fi żmien il-President Carmelo Muscat u s-Segretarju Carmelo Pisani.

Fi żmien il-president Carmelo Muscat inżammet seduta fit-13 ta’ Ottubru 1929, fejn ġiet mgħoddija li joħorġu kontribuzzjoni biex isir Evanġelista fuq il-pedestall tal-vara ta’ Marija Annunzjata bil-kundizzjoni li ssir iskrizzjoni ta’ l-isem tas-Soċjeta’ taħt l-Evanġelista.

Fis-sena 1936 is-Soċjeta’ ġiet onorata bil-preżenza ta’ l-Eċċellenza tiegħu, il-Gvernatur Sir Charles Bonham Carter. Huwa ġie milguqħ mill-President is-Sur Carmelo Muscat fejn għamillu indirizz ta’ merħba, imbgħad l-Eċċellenza tiegħu rringrazzja lis-Soċjeta’ tat-trattament li għamlitlu u bħala tifkira tiegħu ppreżentalna ritratt tiegħu.

Tibda u Tispiċċa il-Gwerra

Fl-1940 is-Soċjeta’ tagħna għamlet il-parti tagħha wkoll fl-aħħar gwerra billi laqgħet evakwati fih ta’ tliet familji mill-Belt Valletta, mill-Il-Marsa u mill-Il-Birgu u għamlitha wkoll ta’ uffiċċju ta’ l-informazzjoni li kien jieħu ħsiebu l-ex Kaxxier Pietru Fenech.

Fl-1944 il-każin tagħna kellu x-xorti wkoll li jilqa’ fis-sala għal tlett ijiem sħaħ ix-xabla tal-fidda li ġiet irregalata lill-Gvernatur Lord Gort mill-Professur Philip Farrugia fit-12 ta’ Marzu fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ quddiem ir-rappreżentanti tal-każini ta’ Malta kollha li kkontribwew għal dan l-iskop, għall-qlubija li wera mal-gżira tagħna fl-eqqel tal-gwerra. Din ix-xabla ġiet ippreżentata fil-każin tagħna wara li marret fi rħula oħra biex kull min ried seta’ jaraha u responsabbli u ġuranti tagħha kien is-Segretarju s-Sur Lwiġi Briffa li ta’ kull filgħaxija kien jirtiraha d-dar tiegħu.

Fl-1945 il-membri kienu mgħarrfa li kien hemm xi kwistjoni fuq il-kera u għalekk il-kumitat wera lill-membri x’kien sar fil-każin minn meta daħlu f’dan il-post minn April 1919. Il-kumitat flimkien mal-membri ħadmu kemm felħu biex jaraw il-każin irranġat minħabba li kien fi stat ħażin. Huma rranġaw bejn is-sena 1920 u l-1927. F’dan iz-zmien sar il-madum t’isfel, l-appramorta, kanċell fil-bitħa, kumnikazzjoni mal-post bl-elettriku u tibjid, u b’hekk is-Soċjeta’ kompliet miexja.

Fl-14 ta’ April 1946, Fil-festa ta’ Marija Annunzjata, l-każin tagħna semma’ għall-ewwel darba f’Ħal Balzan l-innu ta’ tifħir lil Marija Annunzjata ta’ Wiġi Briffa, kantat mit-tfal tal-parroċċa flimkien mat-tenur u baxx akkumpanjati mill-banda Duke of Connaught Own Band Club ta' Birkirkara. Il-kliem kien tar-Rev. Monsinjur Prof. Dun Karm Psaila u mużika tas-surmast Giuseppe Schembri.

Fl-1947 is-Soċjeta’ tagħna rregalat żewġt iċrieket tad-deheb li ġew stmati għal 14-il lira sterlina, bħala riġal għall-qanpiena l-ġdida tal-parroċċa.

Fl-1948 is-Soċjeta’ ħasbet biex tirrestawra l-istatwa tal-Papa Leona XIII u ġie misbuh minn membru ta’ l-istess Soċjeta’ s-Sur Pawlu Chetcuti. Fl-1949 il-kumitat organizza għadd ta’ konferenzi reliġjuzi u soċjali u ta rigal lill-Kappillan Francesco Zahra li wara li qeda dmiru għal 27 sena f’din il-Parroċċa, laħaq Monsinjur.

Fid-29 ta’ Jannar 1950 il-kumitat iddeċieda li jagħti rigal xieraq lill-Kappillan il-ġdid Dun Ġużepp Minuti u fl-istess sena l-kumitat żanżan opra oħra għall-festa ta’ Marija Annunzjata, b’cable ġdid, u fl-istess sena wkoll is-Soċjeta’ ġiet onorata bil-preżenza ta’ l-Eċċellenza Tiegħu l-Gvernatur Sir Gerald Creasy K.C.M.G., O.B.E., nhar it-23 ta’ Novembru fejn ġie milqugħ mill-President is-Sur Albert Fenech. Il-President għamel indirizz mill-isbaħ u fakkar li fis-Soċjeta’ tagħna ġew żewġ Gvernaturi oħra, l-ewwel wieħed li kien ġie, kien l-Eċċellenza Tiegħu Sir Charles Bonham Carter, fid-19 ta’ Lulju 1936 u l-ieħor kien l-Eċċellenza Tiegħu Field Marshall Lord Gort, fit-13 ta’ Lulju 1944, imbgħad irrisponda l-Gvernatur li fost ħwejjeġ oħra qal li hu ħa pjair b’din il-laqgħa li saritlu.

Is-Snin Ħamsin

Fis-sena 1951 inxtraw sett pilandri biex jintramaw fil-festa, mis-Sur Oreste Brincat u sarulhom sett vażi ġodda u ġew miżbugħin minn Valent Chetcuti, Carmelo Callus u Ġużeppi Calleja.

Fl-1953 is-Soċjeta’ tagħna laqgħet bil-ferħa ż-żjara tar-Reġina Eliżabetta II, iżjed u iżjed malli ntqal li ser tgħaddi mit-Triq il-Kbira għall-Pjazza minn ħdejn il-każin tagħna u tibqa’ sejra minn Triq Idmejda għall-Palazz ta’ San Anton. B’hekk is-Soċjeta’ tagħna ħadet parti attiva għal din l-okkazjoni billi ramat it-toroq minn fejn għaddiet ir-Reġina kif ukoll il-faċċata tal-każin.

Fis-sena 1954 saret opra sabiħa ħafna għas-Soċjeta’. Din kienet bandiera ġdida bl-arma ta’ Marija Annunzjata u ġiet maħduma ġewwa l-Ingilterra u fl-istess sena sar trattament lill-Kappillan il-ġdid Dun Carmelo Sciberras u ġie ppreżentat Missall mill-President tas-Soċjeta’ s-Sur Valentino Borg, assistit mis-Segretarju Carmelo Chetcuti u l-Kaxxier Joseph Pullicino u fl-istess sena wkoll ġie maħtur Direttur Spiritwali tas-Soċjeta’ Dun Giovanni Zammit Hammet.

Fis-sena 1955 is-Soċjeta’ kkontribwiet is-somma ta’ 5 liri sterlini għall-opra tal-pittura tal-Knisja Parrokkjali. F’din is-sena wkoll ġew miżbugħa l-pilandri mid-dilettanti tal-festa, Pawlu Grima, Angelo Ellul, Charles Chetcuti, Joe Falzon, Paul Chetcuti u Spiru Vella. F’dan iz-zmien ukoll insibu li s-Soċjeta’ kienet torganizza t-teatrin fil-bitħa tal-każin u għal dan l-iskop kien inħatar direttur is-Sur Alipo Sammut.

Fil-15 ta’ Settembru 1957 saret seduta ġenerali sabiex jiġi deċiż x’għotja kellha tingħata lill-Kappillan Dun Carmelo Sciberras għas-sala parrokkjali u f’din is-seduta ġie deċiż li tingħata d-donazzjoni ta’ 20 lira sterlina.

Fl-1959 insibu żewġ okkazjonijiet, waħda f’Novembru meta ġiet iffurmata l-fratellanza tad-Duluri fl-okkażjoni meta ġiet indurata l-bradella l-ġdida. F’dik l-okkażjoni kienu l-membri tal-każin tagħna li refgħu għall-ewwel darba din l-istatwa fil-purċissjoni. Il-ftehim kien li jerfgħu darba kull wieħed il-membri taż-żewġ każini, iżda l-każin tagħna kburi li misset lill-membri tiegħu biex jerfgħu l-ewwel darba. Fl-istess sena nhar it-13 ta’ Diċembru fil-parroċċa tagħna kien hawn il-festa ta’ l-istatwa l-ġdida ta’ San Mikiel. Għal din l-okkażjoni kien hawn l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Arċisqof Sir Mikiel Gonzi, li bierek din l-istatwa u li wara daret proċessjonalment mar-raħal. Wara din il-festa, l-Eċċellenza tiegħu żar il-każin tagħna flimkien mal-Kleru.

F’din l-okkażjoni ġie milqugħ b’entużjażmu mill-kumitat u mill-membri tas-Soċjeta’. Għal din l-okkażjoni l-President is-sur Pawlu Grima qara indirizz lill-Arċisqof fejn fost ħwejjeġ oħra qal li l-każin tagħna dejjem wera lealta’, imħabba u devozzjoni lejn l-Awtorita’ Ekkleżjastika kif jitlob id-dover minna, tant bħala Nsara kemm bħala wlied denji ta’ dan l-isem ta’ Marija Annunzjata. Il-President kompla jgħid Nixtiequ wkoll li f’din l-okkażjoni nikkonslaw xi ftit il-Qalb Paterna Tiegħek. Wara l-Viċi Segretarju s-Sur Victor Bartolo ppreżenta kallottra ġdida biex dik ta’ l-Arcisqof tiġi kkonservata fis-soċjeta’ tagħna. Wara mbgħad l-Arċisqof irrisponda għall-indirizz tal-President, fejn wera kemm ħa pjaċir bil-laqgħa li saritlu u wissa speċjalment liż-żgħażagħ tas-Soċjeta’ biex joqgħodu attenti mill-perikli li l-Gżira tagħna kienet għaddejja minnhom. L-Arċisqof ġie interrot kemm il-dabra minnħabba ċ-ċapċip tan-nies u wara saret bibita u ġie mdawwar mal-każin fost sparar u l-entużjażmu tal-poplu. Is-Segretarju Charles Chetcuti ma ħax sehem f’din l-okkażjoni għax kien fuq kors ta’ studju fl-Ingilterra.

Il-Mixja fis-Snin Sittin

Fl-1960 il-kumitat għamel it-toqob ta’ l-armar tal-festa tal-concrete fil-pjazza u fi Triq il-Kbira u żanżan l-ewwel tmien bandalori ġodda fi Triq il-Kbira fuq disinn u tifsil tal-President Pawlu Grima u ġew meħjutin mill-ħajjat Giuseppi Falzon. Fl-istess sena il-każin tagħna rċieva żewġ tazzi bħala tifħir għan-nar li rnexxa, li ġie maħdum mid-dilettanti ta’ l-istess Soċjeta’ taħt it-tmexxija ta’ Ġanni Falzon u t-tazzi ġew irregalati minn Dr. Albert Borg Olivier de Puget.

Il-Ħadd 8 ta’ Ottubru 1961 is-Soċjeta’ tagħna ġiet ikkonsagrata b’solennita’ kbira lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ u lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija kif ukoll sar it-tberik tal-kappella l-ġdida fil-każin tagħna. In-nies attendew bi ħġarhom għall din l-attivita’, avolja ftit qabel kienet xita rxiex. Din il-folla laqgħet lill-Arċisqof bl-għajjat u ċ-ċapċip tagħha, f’dimostrazzjoni li saret f’din l-okkażjoni bil-marċi ferrieħa mill-banda nazzjonali La Vallette. X’ħin il-banda waslet fil-misraħ quddiem il-każin tagħna hija fetħet il-programm tagħha u l-President is-Sur Pawlu Grima għamel diskors mill-isbaħ fejn qara dan l-indirizz:

Eċċellenza Reverendissima, wisq Reverendu Kappillan u Kleru. Sinjuri, rapprezentanti tal-għaqdiet u poplu preżenti. Il-lum is-Soċjeta’ tagħna qiegħda tagħmel il-konsagrazzjoni solenni tagħha lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ u l-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija kif ukoll it-tberik tal-kappella l-ġdida fil-każin. Aħna wkoll illum inħossuna tassew kburin, għaliex għal din l-okkażjoni straordinarja għandna fostna l-akbar awtorita’ tal-Knisja f’Malta, lill-Arċisqof tagħna, Monsinjur Mikiel Gonzi, li fost il-ħafna mpenji li għandu, ġentilment aċċetta li jiġi jagħmel personalment dawn iż-żewġ ċerimonji.

Inħossuna ferħanin il-għaliex għandna magħna r-rappreżentanti tas-soċjetajiet kollha reliġjuzi u profani tal-Parroċċa li aċċettaw l-istedina li jipparteċipaw fil-ferħ tagħna f’din l-okkażjoni. Din il-festa ilha mixtieqa ħafna u fl-aħħar waslet, għax inħossu tassew li hija ħaġa sabiħa li Soċjeta’ mibnija fuq l-imħabba tar-reliġjon tikkonsagra lilha nfisha lill-Qlub ta’ Ġesu’ u ta’ Marija. Is-Socjeta’ tagħna twaqqfet fl-1890 u dejjem għenet f’kull bżonn tal-parroċċa bħalma jistgħu jixhdu l-membri tagħna u fuq kollox il-maħbub Kappillan tagħna li jafu lkoll li aħna kkontribwejna tant għas-sala parrokkjali li tista’ tgħid li waslet fit-tmiem tagħha bl-insistenza tal-Kappillan kemm ukoll għall-pittura li biha qiegħdin inżejnu l-knisja tagħna. Aħna għandna sehem fil-festa esterna ta’ Marija Annunzjata patruna tal-parroċċa, billi nieħdu ħsieb narmaw it-triqat assenjati lilna u naħsbu għall-parti min-nar.

Infittxu wkoll li s-Soċjeta’ tagħna tieħu sehem f’attivitajiet sportivi biex hekk l-isem ta’ Ħal Balzan jinżamm dejjem fil-għoli. Illum jiena nħossni kburi li wara li ili naqdi lis-Soċjeta’ fil-kumitat sa mill-1954 kelli nkun jien il-President tal-kumitat li tant ħadem biex jorganizza din l-okkażjoni li żgur ma tintesa qatt. Irrid nieħu din l-okkazjoni biex nirringrazzja pubblikament lil sħabi tal-kumitat, kif ukoll lill-membri, u anki lil dawk li m’humiex, għas-sagrifiċċju li għamlu biex din il-festa tirnexxi, u nixtieq nagħmel appell biex dawk li għandhom għal qalbhom il-festa ta’ Marija Annunzjata u l-ġid tal-pajjiż, jingħaqdu magħna fis-Soċjeta’ tagħna ħalli flimkien inwettqu l-pjan ta’ ħidmiet li minn dejjem għamilna u li bi ħsiebna nkattru għal quddiem.

Fl-aħħarnett, u fuq kollox, ippermettili Eċċellenza Reverendissima li nirringrazzjak f’ismi, f’isem il-kumitat u s-Soċjeta’ tagħna kif ukoll f’isem il-poplu kollu ta’ Ħal Balzan li ġejt hawn fostna llejla biex tkabbar bla qies din l-okkazjoni tant solenni għalina. Fik aħna naraw l-Awtorita’ ta’ Kristu stess u lill-Persuna l-aktar meqjusa Tiegħek, irridu nagħtu kull ġieħ u nwiegħduk li Ħal Balzan bħalma kien minn dejjem, jibqa’ magħqud mal-Knisja hekk hu wkoll illum jibqa’ għal dejjem, u nitolbuk bl-umilta’ kollha li taċċetta din l-offerta fqira tagħna li tikkonsisti f’cheque u li nħallu fi ħsieb l-Eċċellenza Tiegħek biex tużaħ fejn jidhirlek li hemm l-aktar bżonn u f’dawn il-fjuri nitolbok tara s-sentimenti l-aktar sbieħ ta’ mħabba u qima lejn il-persuna veneranda tiegħek u ta’ faraġ fis-siegħat ta’ niket li r-reliġjon tagħna għaddejja minnhom bħalissa f’Malta. U intkom għeżież ħuti Balzanin aħilfu quddiem il-Mulej li tibqgħu dejjem fidili lejn dak kollu li hu l-aktar għall-qalb ta’ kull Malti Kattoliku li tibqgħu tgħożżu l-Knisja ta’ Kristu li tibqgħu tirrispettaw lir-Rappreżentaturi ta’ Kristu f’pajjiżna. Ejjew b’qalb waħda ngħajjtu flimkien: Viva Monsinjur Arċisqof

Kif il-President spiċċa dan l-indirizz, ġew ippreżentati lilu biex jgħaddihom lis-Soċjeta’ tliet trophies. L-ewwel waħda mis-Sur France Spiteri għan-nom tad-dilettanti tan-nar, it-tieni mis-Sur John Spiteri għan-nom tal-football team, Balzan Eagle u t-tielet mis-Sur Spiridione Vella għan-nom tad-dilettanti tal-festa. Wara mbagħad il-President tal-banda nazzjonali La Vallette, in-Nutar Ġorġ Borg Olivier LL.D., ippreżenta standard bl-arma tal-Madonna għan-nom ta’ l-ammiraturi tal-banda nazzjonali La Vallette lis-Soċjeta’ Marija Annunzjata bħala għarfien tar-relazzjoni tajba li kienet teżisti bejn iż-żewġ soċjetajiet. Imbgħad l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof Michael Gonzi, bierek dawn ir-rigali u f’diskors qasir li hu għamel, irringrazzja l-ewwelnett lill-President tas-Soċjeta’, Pawlu Grima, għad-donazzjoni sabiħa ta’ cheque li l-kumitat tiegħu għoġbu jirregalalu, u li hu qal li kien bi ħsiebu jgħin bihom lin-nies bla xoghol. Din l-idea ntgħoġbot ħafna mill-kumitat għaliex b’hekk setgħu jaraw il-ġid li kien se joħrog mid-donazzjoni li huma offrewlu. Wara l-Eċċellenza Tiegħu, daħal fil-każin biex hemm jagħmel iż-żewġ ċerimonji tat-tberik tal-kappella l-ġdida u tal-konsagrazzjoni tal-Qlub ta’ Ġesu’ u ta’ Marija. Wara li tlestiet iċ-ċerimonja, sar repo b’kull min kien preżenti u iktar tard l-Eċċellenza ħalla r-raħal fost sparar u ċapċip.

Fis-sena 1962 fil-festa tal-Lunzjata il-każin tagħna żanżan l-għaxar bandalori l-ġodda, li jkomplu mas-sett ta’ tmienja ta’ qabel u f’din is-sena wkoll inxtraw sett pilandri u ġew imsewwija u miżbugħa mid-dilettanti tas-soċjeta’ u li ntramaw għall-ewwel darba fl-istess sena fi Triq it-Tlett Knejjes u Triq il-Providenza. F’din is-sena il-membri tas-Soċjeta’ attendew għat-tberik tas-sala Parrokkjali, Aurora, mill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof Michael Gonzi nhar is-6 ta’ Mejju. Nhar il-Ħadd 3 ta’ Ġunju kien organizzat Social Evening mill-isbaħ ad unur tal-Presidenti Onorarji tas-Soċjeta’. Għal dan is-social kienu preżenti t-tliet Presidenti Onorarji: L-Onor. Prim Ministru, in-Nutar Ġorġ Borg Olivier LL.D., M.L.A., il-wisq Nobbli Konti Bernardinu Manduca Piscopo Macedonia Zammit, u s-Sur Albert Fenech, il-Wisq Reverendu Kanonku Kappillan Dun Carm Sciberras u l-Kleru, l-Onor. In-Nutar Joseph Spiteri, Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi, M.L.A., l-Onor Ministru tas-Saħħa, Dr. Paolo Borg Olivier M.L.A., rappreżentanti tas-soċjetajiet ta’ Ħal Balzan flimkien mal-membri tas-Soċjeta’. Għal din l-okkażjoni l-President tas-Soċjeta’ għamel indirizz u l-Onorevoli Prim Ministru rrisponda għad-diskors fejn wera li hu kien onorat li kien maħtur President Onorarju ta’ din is-Soċjeta’ għaliex hu minn dejjem kellu lil Ħal Balzan għal qalbu għaliex kien għamel żmien joqgħod hawn u għad baqalu xi familjari joqgħodu hawn. Wara kien ippreżentat bukket fjuri lis-sinjura tiegħu u nfetaħ ir-repo mill-Onor. Prim Ministru.

Is-Soċjeta’ tagħna ġiet onorata wkoll għall-ftuħ uffiċjali tas-Sezzjoni taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara f’Ħal Balzan nhar it-28 t’April ta’ l-istess sena. Is-Soċjeta’ tagħna kienet irrappreżentata mill-President Pawlu Grima u s-Segretarju Charles Chetcuti. Aktar tard fl-istess sena is-Soċjeta’ Marija Annunzjata reġgħet ġiet onorata bi stedina oħra, din id-darba mill-Każin tal-Banda San Gabriel ta’ Ħal Balzan għall-preżentazzjoni ta’ żewġ standarti, wieħed bil-kuluri Amerikani u l-ieħor ta’ Detroit. Id-delegazzjoni tas-Soċjeta’ tagħna kienet komposta mill-President is-Sur Pawlu Grima, Assistent Teżorier is-Sur John Spiteri u membru s-Sur France Spiteri.

Fl-1965 inħatar kumitat ġdid, li quddiemu kellu biċċa xogħol iebsa ta’ żewġ festi, u għaldaqstant il-Kumitat mill-ewwel beda jaħdem bla nifs biex jirranġa u jiżba’ l-Każin. Sar ukoll paviment ġdid tal-bitħa bil-madum u saru affarijiet oħra li riedu jitlestew għall-okkażjoni taċ-Ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq il-75 sena. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet bdew fit-2 ta’ Mejju, fejn is-Soċjeta’ kkommemorat dan l-anniversarju b’festi li kienu jixirqu għall-din l-okkażjoni. Għal din il-festa kien preżenti L-Onor. Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier kif ukoll l-Eċċellenza Tiegħu Mons Arċisqof Mikiel Gonzi u l-poplu Balzani. Fost il-ħafna attivitajiet kien hemm nar, armar, baned, festini għat-tfal u għall-membri. Dawn l-attivitajiet għalqu b’quddiesa b’suffraġju għall-membri tas-Soċjeta’. Kienet inawgurata lapida mill-Prim Ministru u tbierket mill-Monsinjur Arċisqof.

Fit-22 ta’ Awwissu ta’ l-istess sena, is-Soċjeta’ tagħna kienet mistiedna mid-Duke of Connaught Own Band Club għall-okkazjoni ta’ l-gheluq tal-mitt sena mit-twaqqif tagħha.

Fis-26 ta’ Settembru ta’ l-istess sena, s-Soċjeta’ ħadet sehem fl-attivitajiet organizzati f’Jum il-Kappillan tal-Parroċċa, ir-Rev Kan. Kappillan Dun Carm Sciberras flimkien mal-għaqdiet kollha tal-parroċċa.

Fl-4 ta’ Marzu ta’ l-1969 is-Soċjeta’ Marija Annunzjata laqgħet l-istedina għall-festa li kienet organizzata għall-għeluq il-50 sena tal-Banda Għaqda Mużikali Sant' Elena ta’ Birkirkara. Kienu preżenti għal din l-okkażjoni l-President Pawlu Grima u s-Segretarju Charles Chetcuti.

Soċjeta’ Marija Annuzjata tkun mistiedna fil-50 sena Anniversarju tal-Għaqda Mużikali San Gabriel

Fit-18 ta’ Ottubru tal-1970, il-Każin tal-Banda Għaqda Mużikali San Gabriel għalaq 50 sena, u għalekk is-Soċjeta’ tagħna kienet mistedna għall-attivitajiet li organizza dan il-każin ġo Ħal Balzan stess. Is-Soċjeta’ tagħna aċċettat din l-istedina bi ħġara u attendew l-President u l-Assistent Kaxxier.

Fis-sena 1974 ġie deċiż miż-żewġ każini li l-festa għanda tibda ssir fit-tieni Ħadd ta’ Lulju, għaliex iż-żmien li kienet issir fih kien dejjem jinzerta bil-maltemp. Għall-festa ta’ dik is-sena saru xi pavaljuni u saret ukoll kuruna li nħadment minn Charles Grima megħjun minn membri tal-każin, li ntramat fi Triq il-Kbira. F’dik is-sena wkoll is-Soċjeta’ ħatret President Onorarju lill-Kavallier Oscar Calleja Urry K.S.G. A.R.S.H.

Fis-sena ta’ wara, fl-1975 inħolqot il-Kumissjoni Pittura, li ltaqgħet għall-ewwel darba fil-Każin Marija Annunzjata bejn ir-rappreżentanti taż-żewġ każini. Ic-Chairman kien is-Sur Nicholas Bonello u s-Segretarju s-Sur Guido Borg. Għall-każin tagħna kienu preżenti l-President Pawlu Grima, is-Segretarju Charles Chetcuti u l-Kaxxier Paul Camilleri. Wara xi diskussjonijiet li saru bejn il-membri, sar qbil bejn iż-żewġ każini flimkien mal-Kummissjoni Pittura, biex jiltaqgħu mal-Kappillan ħalli jingħazel il-Kumitat tal-Pittura, naturalment jekk il-Kappillan jaċċetta li jitwaqqaf dan il-kumitat.

F’dik is-sena wkoll tlestew il-bandalori tal-pjazza u ta’ Triq Idmejda fuq l-istess disinn ta’ Pawlu Grima, u sena wara tlestew il-pavaljuni ta’ Triq it-Tlett Knejjes u Triq il-Providenza. Il-flus għal dan is-sett inġabru mingħand in-nies ta’ dawn it-toroq permezz ta’ Alfred Barbara.

Fl-1977 il-kumitat ħaseb sabiex jiġi rrestawrat l-armar, u għalekk inżebgħu l-antaljoli kollha u tlestew il-labardi kollha li kien jonqos, u nxtraw ukoll xi cables ġodda. Dan kollu sar mid-dilettanti, Charles Chetcuti, Sunny Mallia, Spiridione Vella, Edgar Zarb, Mario Pullicino u Charles Borg. F’dik is-sena wkoll tlestew il-pavaljuni ta’ Triq Idmejda, u għalekk kien lest is-sett kollu, grazzi għall-President Pawlu Grima li għamel dan kollu fuq disinn tiegħu mingħir ħlas. F’dik is-sena wkoll saret liedna ġdida tal-plastic, u għalekk din setgħet tibqa’ tintuża fis-snin ta’ wara.

Din is-Soċjeta’ bdiet tagħmel ukoll in-nar ta’ l-art fis-sena’ 1979 ħdejn il-playing field, li dam għaddej sas-sena 1988 u kien maħdum mid-dilettant John Azzopardi u mgħejjun minn Mario Pullicino u sħabhom. Fl-istess sena il-Kappillan Dun Karm Sciberras għalaq 25 sena Kappillan f’din il-parroċċa. Is-Soċjeta’ ħadet sehem fiċ-ċerimonja tal-quddiesa kif ukoll fir-riċeviment mill-President Pawlu Grima, is-Segretarju Charles Chetcuti u minn Victor Bartolo, Sunny Mallia u Spiridione Vella.

Jibdew is-Snin Tmienin

Fis-sena 1980 iżżanżan disinn tad-dawl għal mal-faċċata, li kien bid-dawl jimxi u fih kien hemm in-Nome di Maria. Dan ix-xogħol sar minn John Grech megħjun minn ibnu George u dan ix-xogħol sar mingħir ħlas. F’din is-sena, il-festa kienet ġiet posposta minħabba d-deċizjoni li l-pulizija kienu ħadu, għaliex irtiraw il-permessi tan-nar. Il-poplu Balzani kien ħadha bi kbira peress li kien diġa’ beda jiċċelebra l-festa permezz ta’ żewġ marċi brijużi mill-banda tar-raħal Għaqda Mużikali San Gabriel u mill-Banda 12th May Band and Social Club ta’ Ħaż-Żebbuġ. Lejliet il-festa, iż-żewġ każini ddeċidew li jwaqqfu l-festi esterni kollha nklużi l-baned u l-illuminazzjoniji. Bħala turija li l-festa m’hix ser issir tniżżlu l-bnadar minn fuq il-Każini, iżda l-funzjonijiet fil-knisja saru regolarment. Il-poplu Balzani kien unanimu u magħqud mad-deċizjoni li ħadu ż-żewġ każini. Fl-20 ta’ Ottubru tal-istess sena, messna n-niket tal-President Onorarju tagħna l-Onorevoli Dr. Ġorġ Borg Olivier u għalhekk is-Soċjeta’ tagħna ħasbet għas-suffraġju ta’ ruħu billi f’għeluq ix-xahar, fid- 29 ta’ Novembru 1980 kienet ikkonċelebrata quddiesa mill-Kappillan tal-Parroċċa u li kien megħjun mid-Direttur Spiritwali tas-Soċjeta’, filwaqt li l-offertorju kien offrut mill-President Pawlu Grima, mis-Segretarju Charles Chetcuti, mill-Onorevoli Dr. Joe Fenech, il-Konsulent Legali tas-Soċjeta’ u mis-Sur Sunny Mallia. Għal din il-quddies attendew il-familjari tiegħu, il-membri tas-Soċjeta’ flimkien ma’ kwantita’ kbira ta’ nies minn Ħal Balzan.

Fis-7 ta’ Novembru 1981, fir-raħal tagħna lahaq Kappillan ġdid Dun Tarcisio Delicata. Is-Soċjeta’ tagħna għamlet riċeviment għall-okkażjoni fil-każin, li għaliha attenda l-Kleru ta’ Ħal Balzan, fosthom Mons. Carmelo Sciberras Ex Kappillan ta’ din il-Parroċċa flimkien mal-membri. Il-President għamel diskors għall-okkażjoni u wiegħed lill-Kappillan l-għajnuna u għaqda miegħu f’dak li hu jkollu bżonn u bl-umilta’ kollha talab lill-Kappillan jaċċetta rigal li s-Soċjeta’ offrietlu b’tifkira ta’ l-okkażjoni.

Fl-1983, is-Soċjeta’ tagħna kienet irregalata b’casette mis-Sur Joe Vella. Dan il-casette fih il-baned li ħadu sehem, dawk ta’ Għaqda Mużikali San Ġużepp (Ħal Għaxaq), Soċjeta Filarmonica La Vittoria A.D. 1907 tal-Mellieħa u Duke of Connaught Own Band Club ta' Birkirkara. Saru wkoll xi intervisti lill-President Pawlu Grima, lis-Segretarju Charles Chetcuti, lill-Onorevoli Perit Carm Lino Spiteri, President tal-La Vittorja kif ukoll lis-Surmast tad-Duke of Connaught, Andrew Coleiro. Fil-marċ ta’ filgħodu, li jiġi organizzat minn din is-Soċjeta’, kien ġie rregalat trofew mid-direttur tal-Balzan Stage Amateurs, is-Sur Victor Bartolo f’ismu u f’isem il-kumpanija.

Fis-sena 1984 is-Soċjeta’ tagħna ġiet misruqa matul il-lejl tat-2 t’ April. Fost l-affarijiet li nsterqu kien hemm televiżjoni tal-kulur. Wara erbat ijiem, il-Pulizija bis-saħħa tal-membri tas-Soċjeta’ rnexxiela ssib għand min kien dan it-televiżjoni misruq. Il-kawża kienet f’idejn il-Maġistrat Lino Farrugia Sacco. Permezz ta’ l-Avukat tas-Socjeta’ Dr. Tonio Borg, sar rikors sabiex jittieħed it-televiżjoni lura qabel ma tingħata s-sentenza, minħabba hsarat li seta’ jġarrab, u dan ir-rikors sar quddiem il-Maġistrat David Scicluna u kien deċiż li jittieħed lura.

Fit-19 ta’ Mejju 1985, is-Soċjeta’ tagħna laqgħet l-istedina sabiex tmur fuq Xandir Malta, waqt programm li xxandar minn San Anton, fejn kienet mistoqsija diversi mistoqsijiet dwar is-Soċjeta’. Għal din l-okkazjoni ttieħdet il-bandalora l-antika. Is-Soċjeta’ kienet irrapreżentata mill-President is-Sur Pawlu Grima, is-Segretarju Charles Chetcuti, l-Assistent Kaxxier Gabriel Pullicino, Spiridione Vella, Frans Muscat, Tony Caruana u ż-żagħżugħ Noel Vella.

Fl-1986 għall-festa tal-Lunzjata, reġgħu inżebgħu l-antaljoli u nħadmet il-liedna tal-plastic għall-Pjazza. Dan ix-xogħol kollu sar minn Anton Gauci, Noel Vella, Martin Chetcuti, David Axiaq u Mario Axiaq u oħrajn.

Fl-1987 mess li jiġi rranġat il-każin, u għalhekk sar counter tal-friża ġdid. Dan inħadem mid-ditta Forestals, u għal din l-opra taw somma kbira d-ditti Farestals u Farsons. Sar ukoll ftuħ ta’ arkata mill-imgħallem Ġanni Camilleri. Saret ukoll antiporta ta’ l-aluminju li nħadmet minn Anton Gauci.

Saru wkoll shutters fiż-żewġ arkati tal-bar li nħadmu minn Frans Borg u Joe Borg, kif ukoll sar madum għall-bar. Fil-festa ta’ dik is-sena żżanżnet ukoll iktar liedna tal-plastic fit-toroq, u ġiet irregelata ajkla bbalzmata lill-kazin mis-Sur Anthony Pisani, u din inġiebet minn Vienna.

Għall-żmien il-Milied ta’ dik is-sena kien intrama prasepju fil-knisja l-antika tal-Lunzjata. Dan sar bil-ħidma tas-Sur Charles Chetcuti flimkien mas-Sur Marco Bartolo. Fost il-poplu li żar din il-wirja, onoraw lis-Soċjeta’ tagħna bil-preżenza tagħhom l-Onorevoli Prim Ministru Dr. Edward Fenech Adami u l-Onorevoli s-Sur Joe Debono Grech. Fi żmien il-Milied ukoll, is-Soċjeta’ organizzat party għat-tfal ta’ l-istituti. Dan ittella’ bil-ħidma tas-Sur Frans Borg u bil-ħidma tal-kumitat. Dawn it-tfal ittieħdu l-Buskett għal-ikla u wara li qagħdu jilgħabu xi ftit, inġiebu s-sala Aurora fejn ingħaqdu mat-tfal tal-membri biex jaraw farsa imtellgħa mill-Balzan Stage Amateurs, films u affarijiet oħra.

Fl-1989, is-Soċjeta’ tagħna kienet mistiedna mill-Balzan Youths Football Club fl-okkażjoni tar-rinovazzjoni tal-klabb. Is-Soċjeta’ laqgħet din l-istedina u bagħtet lill-President Pawlu Grima u lill-Assistent Kaxxier Charles Cachia. Aktar tard dik is-sena sar ftiegħim bejn iż-zewġ għaqdiet, sabiex il-Banda tal-Għaqda Mużikali San Gabriel tinżel iddoqq fin-naħa t’isfel ukoll fil-marċ ta’ l-aħħar tridu u flimkien għal darb’oħra rajna lill-Banda flimkien mal-kumitat u l-membri jintlaqgħu fil-Każin Marija Annunzjata fost briju ta’ sfafar u musketterija, fejn ġie organizzat riċeviment. Dan reġa’ sar waqt il-marċ ta’ filgħodu li jkun organizzat mis-Soċjeta’ tagħna.

Fis-sena 1990, il-każin tagħna ċċelebra l-għeluq tal-100 sena bil-kbir. Il-każin organizza ġimgħa ta’ festi bejn id-9 u l-15 ta’ Lulju. Dawn il-festi kienu jinkludu ċelebrazzjonijiet fil-Knisja, nar, armar, banda u riċevimenti organizzati fil-każin. Nhar it-Tlieta 10 ta’ Lulju ttellgħat wirja dwar is-Soċjeta mill-Viċi President is-Sur Gabriel Pullicino u tbierket mid-Direttur Spiritwali Dun Ġwann Zammit Hamett, u fit-12 ta’ Lulju ġiet inawgurata lapida bl-isem tas-Soċjeta’ mill-President Pawlu Grima u tbierket mill-Kappillan Dun Tarcisio Delicata. Wara sar riceviment għall-membri u għall-benefatturi tas-Soċjeta’. Is-sibt 14 ta’ Lulju ttellgħat serata ta’ varjeta fi Pjazza Bertu Fenech li fiha ħadu sehem kantanti u kummidjanti popolari f’dak iż-żmien u l-preżentatur ta’ dan il-programm kien il-Balzani Joe Gabriel Vella. Nħar il-Ħadd 15 ta’ Lulju ntlaħaq il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet fiċ-ċerimonja uffiċjali li għaliha kienu mistednin il-Prim Ministru Dr. Edward Fenech Adami, Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Merċieċa u l-President ta’ Malta Dr. Ċensu Tabone. F’din is-serata sar qari ta’ poeżiji, preżentazzjonijiet u diskorsi filwaqt li ttella’ kunċert mill-Banda. Sabiex jiġu kkommemorati dawn il-festi, ġiet iddisinjata bandalora mill-President tas-Soċjeta’ s-Sur Pawlu Grima li nħadmet mill-bellus u rrakmar tad-deheb maħdum bl-idejn.

Laqgħa Straordinarja b'iskop li titwaqqaf il-Banda tas-Soċjeta, li tibdel wkoll l-isem għal Soċjeta Filarmonika Marija Annunzjata

F’seduta ġenerali nhar il-21 t’April 1991 li ssejħet mill-kumitat, il-President spjega lill-membri dwar il-ftehim li ġie milħuq bejn il-Kumitat u l-propjetarju tas-Soċjeta’ biex bl-approvazzjoni tal-membri jsir it-trasferiment tal-propjeta lis-soċjeta’. Dan il-ftehim sar aktar tard matul iż-żmien.

Fil-laqgħa Straordinarja ta' importanza kbira u storika tas-Soċjeta’ Marija Annunzjata li saret fis-sala tal-Kazin fit-8 ta' Awwissu 1993 kien ġie deċiż b’mod unanimu li titwaqqaf il-banda tas-Soċjeta’. Dak iż-żmien il-Kumitat kien iffurmat minn Pawlu Grima bħala President, Charles Chetcuti bħala Segretarju u John Cassar fil-kariga ta’ Kaxxier. Membri fil-kumitat kien hemm ukoll Emmanuel Farrugia, Silvio Marmara, u attivisti oħra kienu Joe Xuereb, Charles Vassallo, Charlot Grech u Darren Ellul.

L-idea li titwaqqaf Banda tal-Każin kienet ilha tberren f’moħħ il-membri tas-Soċjeta’. Dan il-Każin kien jistieden diversi baned u kien jagħti servizz lir-raħal daqs Każin tal-Banda, speċjalment bl-organizzazzjoni tal-marċ ta’ filgħodu. Il-ħeġġa kompliet tiżdied meta benefattur irregala klarinett lil din is-Soċjeta’ f’għeluq il-100 sena mit-twaqqif tal-Każin.

Mat-twaqqif tal-banda kien intlaħaq ftehim li s-Soċjeta’ tibdel isimha. Ma setgħetx tkompli tissejjaħ Soċjeta’ Marija Annuzjata iżda isimha minn dik il-ġurnata kien sar Soċjeta’ Filarmonika Marija Annunzjata.

Bħala Surmast tal-Banda intgħażel is-Sur Raymond Cremona. Il-lezzjonijiet tal-banda bdew jingħataw mill-1 ta' Ottubru 1993. Kellom jinxtraw diversi strumenti sabiex ikunu jistgħu jsiru l-lezzjonijiet. In-numru ta' bandisti beda jikber u fi ftit ġimgħat il-banda kellha bandisti li jdoqqu l-instrumenti kollha li titlob banda filarmonika. Ix-xogħol li sar ma kienx ftit, dan għaliex riedu jinstabu l-bandisti għall-festa, u riedu jinħadmu l-arranġamenti tal-mużika li kienet ser tindaqq fil-programm. Ġew avviċinati wkoll xi kompożituri sabiex jiġi rrekordjat cassette ta’ marċi għall-okkażjoni. Inħadmu wkoll l-ispalletti għall-bandisti li ġew meħjutin mis-Sinjura Carmen Grima u mis-Sinjorina Frances Camilleri.

Il-Banda ħadet sehem l-ewwel darba fil-festa titulari nhar is-6 ta’ Lulju tas-sena 1994, meta ġiet inawgurata. Għal dan il-programm mużikali kien mistieden il-Prim Ministru Dr. Eddie Fenech Adami. Għal din l-okkażjoni nħadmet lapida ta’ tifkira mid-ditta Micallef ta’ Fleur de-Lys. Ġie ddisinjat standard mill-President tas-Soċjeta’ stess li hu rregala lis-Soċjeta’. Ix-xogħol tal-ħjata ta’ dan l-istandard sar mis-Sinjura Carmen Grima. Is-sur Joe Borg, dak iż-żmien membru fil-kumitat, ħadem ix-xogħol kollu tal-planċier fejn jidħol ħadid, u ħadem ukoll il-leġiji kollha għall-bandisti. Nies oħra li ħadmu fuq il-planċier kienu s-sur Joe Xuereb u s-Sur Mariano Camilleri. Sena wara, il-banda tas-Soċjeta’ Filarmonika Marija Annunzjata ħadet sehem b’marċ fiċ-ċelebrazzjonijiet għall-okkażjoni tal-għeluq tal 75 sena tal-Każin tal-Banda San Gabriel.

Fl-1995 Il-Kappillan Dun Pawl Raggio kien bena żewġ imħażen ġodda, u dawn ingħataw lill-każini sabiex jiġi merfugħ l-armar tal-festa ġewwa fihom. Is-Soċjeta’ tagħna inatgħat il-maħżen tas-sular t’isfel.

F’din is-sena wkoll, il-Banda Marija Annunzjata ta’ din is-Soċjeta organizzat kunċert fil-Milied ġewwa l-Pjazza quddiem il-Każin fuq il-Planċier bis-sehem ta’ Christian Debattista li għamel il-Priedka tradizzjonali.

Fl-1996 il-Banda ta’ din is-Soċjeta’ irrekordjat it-tieni cassette b’marċi brijużi.

Fl-1997 ġiet organizzata għall-ewwel darba attivita fl-Okkażjoni ta’ Jum Ħal Balzan taħt is-Sindku, is-Sinjura Marselle Delicata, mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan. Il-Banda tas-Soċjeta’ tagħna kienet ħadet sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni billi daqqet marċi brijjużi mat-toroq ta’ Ħal Balzan.

Wara 39 Sena il-President Pawlu Grima jieqaf

Wara 39 sena fil-kariga ta’ President tas-Soċjeta’ Filarmonika Marija Annunzjata, fis-sena 1998, is-Sur Pawlu Grima ddeċieda li ma jerġax jikkontesta għal din il-kariga. Huwa nħatar bħala President Onorarju tas-Soċjeta’ bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu fi ħdan il-Każin. Fil-Kariga ta’ President inħatar is-Sur Joe Camilleri. F’din is-sena, l-Festa ta’ Marija Annunzjata ġiet iċċelebrata nhar it-8 ta’ Awwissu minħabba l-finali tat-Tazza tad-Dinja. F’dan iż-żmien, il-kumitat kien beda jaħseb sabiex jaħdem sett pavaljuni ġodda għal Triq Ġuże Bonniċi.

Fl-1999 kien hemm diversi ħidmiet għaddejjin ġewwa l-każin, u fil-festa ta’ dik is-sena żżanżnu l-ewwel żewġ pavaljuni mis-sett il-ġdid li sar għal Triq Ġuże’ Bonniċi. Fl-istess sena wkoll sar standard bl-arma ta’ Ħal Balzan sabiex jintuża fl-attivitajiet relatati ma’ Jum Ħal Balzan, kif ukoll twaqqaf l-ewwel sotto-kumitat taż-żgħażagħ ġewwa s-Soċjeta’ li beda jieħu ħsieb jirrestawra l-armar tal-festa, u jaħdem armar ġdid għall-festi tal-Milied. F’din is-sena s-Sur Charles Chetcuti kellu nċident sfortunat waqt li kien qed jintrama’ l-armar tal-Milied, fejn waqa’ minn fuq scaffolding u għalekk kellu jħalli l-bar tas-Soċjeta’.

Jibdew is-Snin Elfejn

Sena wara, kien lest is-sett pavaljuni kollu ta’ Triq Ġuże Bonniċi u dawn iżżanżnu fil-Festa. F’din is-sena nħatar bħala President tas-Soċjeta’ s-Sur John Bray u f’din is-sena wkoll saret CD bil-marċi u nkiteb innu lil Madonna mis-Surmast Direttur is-Sur Raymond Cremona fuq kliem ta’ Charles Caruana.

Fis-sena 2001 reġa kien hemm bidla fil-kariga tal-President, u f’din is-sena nħatar is-Sur David Camilleri. F’din is-sena l-Banda Marija Annunzjata tas-Soċjeta’, ħadet sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li ġew organizzati mill-Balzan Youths F.C. wara li ġew promossi għall-first division. Il-President Emeritus tas-Soċjeta’ Filarmonika Marija Annunzjata, is-Sur Pawlu Grima ingħata ġieħ Ħal Balzan fl-okkażjoni ta’ Jum Ħal Balzan għall-ħidma li għamel matul ħajtu. Fl-2002 kien hemm bidla oħra fil-kariga tat-tmexxija tal-kumitat, u din id-darba nħatar is-Sur Joseph Cipriott bħala President. Saret ukoll bandiera ġdida għas-Soċjeta’ fuq disinn ta’ Jeremy Cachia u x-xogħol tal-ħjata u l-isfumar sar minn Antoine Farrugia. Din il-bandiera ġiet preżentata fil-jum tal-Ewwel Tridu, u serviet bħala l-bandiera tas-Soċjeta’ sal-2014, meta mbad inħadmet bandiera ikbar. F’Marzu ta’ dik is-sena miet is-Sur Pawlu Grima u għal-din l-okkażjoni ta’ niket, il-Banda Marija Annunzjata ħadet sehem fil-corteo waqt il-funeral. F’dak iż-żmien ukoll saret manutenzjoni fuq il-bini tal-kazin u l-parti tal-bar saret fuq il-fil sabiex tagħti dehra aktar attraenti.

Fis-sena 2003 bħala President inħatar is-Sur Richard Muscat. Kien f’dan iż-żmien li ntlaħaq ftehim mas-Sur Edgar Agius sabiex il-bini tal-Każin sar propjeta’ tas-Soċjeta’ bil-ħidma tas-Sur Joseph Cipriott. Dan kien pass ferm importanti sabiex is-Soċjeta’ jkollha post sigur li huwa tagħha. Għall-ewwel darba din is-sena wkoll, il-Banda Marija Annunzjata ingħaqdet mal-Banda tal-Għaqda Mużikali San Gabriel sabiex idoqqu fiċ-ċelebrazzjonijiet li organizzaw il-Balzan Youts F.C. wara li dawn irnexxielom jakkwistaw il-promozzjoni għall-Premier League għall-ewwel darba.

Fis-sena 2004 reġa rritorna fil-kariga ta’ President għal darb’oħra s-Sur David Camilleri. Matul dan iż-żmien kompliet tikber il-ħidma tal-grupp taż-żgħażagħ fi ħdan is-Soċjeta’, fejn kompla jsir restawr fuq l-armar, kompla jiżdied l-armar tal-Milied kif ukoll beda jsir it-tindif tal-kantina tal-Każin. Fl-istess sena nħarġu Cd u Cassette f’għeluq l-10 snin mit-twaqqif tal-Banda Marija Annunzjata.

Wara żmien twil ta’ ħidma fil-każin u wara żmien fil-kariga ta’ Segretarju, inħatar President is-Sur Charles Chetcuti fis-sena 2005. Din is-sena kienet sena speċjali għar-raħal ta’ Ħal Balzan, għaliex il-Parroċċa ċċelebrat it-350 sena mit-twaqqif tagħha. Għal din l-okkażjoni, l-Banda tas-Soċjeta’ Filarmonika Marija Annunzjata ħadet sehem f’Kunċert Ċelebrattiv flimkien mal-Banda San Gabriel u l-Kor Ave Marija ġewwa l-Pjazza ta’ Ħal Balzan. Matul dan il-Kunċert inħarġet il-Vara min-niċċa u tpoġġiet fuq bradella ġewwa l-pjazza waqt il-kunċert.

F’din is-sena ingħata bħala rigal lis-Soċjeta’, l-Innu lil Ħal Balzan mingħand is-Sur Joe Borg. Dan inkiteb minn ħuħ, Ġorġ Borg, poeta Balzani. Dan l-Innu nkiteb fis-sena 2000 sabiex jindaqq u jitkanta f’okkażjonijiet bħal Jum Ħal Balzan. Il-mużika għal dan l-innu nkitbet mis-Surmast Joseph Vella. Dan huwa l-innu uffiċjali tar-raħal tagħna.

Fl-2007, il-President is-Sur Charles Chetcuti ġie onorat bit-titlu ta’ Ġieħ Ħal Balzan għall-ħidma tiegħu lejn ir-raħal tagħna. F’din is-sena wkoll beda jiġi rrestawrat armar antik mill-familja Muscat. Dawn bdew jirrestaraw kolonni għal Triq il-Kbira sabiex reġgħet inħarġet il-Kuruna. Is-Sur Joseph Cipriott u s-Sur Edward Germani ħadmu sabiex jagħmlu alterazzjonijiet fuq il-pavaljuni li oriġinarjament inħadmu għal Triq Ġuże Bonniċi, iżda dawn ma kienux baqgħu jintramaw. Għalekk dawn ġew irranġati sabiex jintramaw fi Triq il-Kbira minnflok il-pavaljuni li kien hemm qabel.

Fl-2008 inħadmu sett pavaljuni tad-dawl għal-Pjazza Bertu Fenech fuq disinn tas-Sur Edward Germani u fuq xogħol ta’ Anthony Muscat. Bdew ukoll jinħadmu sett bandalori għall-pjazza fuq disinn u xogħol ta’ Edward Germani. Sar ukoll arkivju ġdid li jiġbor fih is-siltiet mużikali kollha tal-Banda Marija Annunzjata. Illum dan l-arkivju jiġbor fih aktar minn 100 silta mużikali li ndaqqu xi darba jew oħra matul il-Festa ta’ Marija Annunzjata.

Fis-sena ta’ wara, kompla jsir ir-restawr fuq il-kolonni mis-Sur Anthony Muscat u minn uliedu Gabriel u Joseph. Bdew jinħadmu wkoll sett pavaljuni ġodda għal-Triq it-Tlett Knejjes fuq disinn tas-Sur Daniel Muscat u ħjata ta’ ommu Lina Muscat. Ġew imżanżna wkoll is-sett bandalori ġodda ta’ Pjazza Bertu Fenech. F’din is-sena wkoll bdiet il-website tal-każin li fuqha kien hemm l-istorja tas-Soċjeta, informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha li jseħħu fil-każin kif ukoll informazzjoni dwar il-Festa ta’ Marija Annunzjata. Din il-website damet attiva għal-ħames snin, fejn umbad twaqqfet u minnflok beda jintuża l-Facebook għaliex huwa aktar effiċjenti.

Fis-sena 2010 tkompla x-xogħol fuq l-armar u sar sett ġdid ta’ Pavaljuni fi Triq il-Providenza mis-Sur Daniel Muscat sabiex tkomplew jiżżejnu t-toroq li tarma s-Soċjeta tagħna. F’dik is-sena l-festa kienet ġiet iċċelebrata nhar l-ewwel Ħadd t’Awwissu minħabba t-Tazza tad-Dinja tal-Football.

Fl-2011 inħadem disinn tad-darpp għall-faċċata li jintrama’ fil-festa fuq disinn ta’ Jonathan u ħjata ta’ Therese Pintley. Sar ukoll xogħol ta’ rinovazzjoni fil-każin fejn saret anti-porta tal-injam, twaħħal madum ġdid mal-art u ċċaqlaq il-bar minn fejn kien. Inbidlu l-balavostri kkundannati fil-gallarija li tagħti għal fuq Triq il-Kbira u tranġat il-faċċata tal-każin ukoll. Fl-istess sena, il-Banda tas-Soċjeta’ Filarmonika Marija Annunzjata kienet mistiedna biex iddoqq sett ta’ marċi funebri nhar il-Ġimgħa l-Kbira ġewwa s-sede tas-Soċjeta’ Filarmonika Nazzjonali La Vallette.

Din l-istedina qajjmet diversi reazzjonijiet fil-kumitat hekk kif il-Banda tagħna ma tħallsitx biex tagħti dan is-servizz. Dan id-diżgwit finalment wassal biex is-Sur Charles Chetcuti inqala mill-kariga ta’ President u minnfloku laħaq is-Sur Joe Saliba fl-2012. Minħabba li f’dan iż-żmien, waqt li kien qed jitniżżel l-arblu tal-Każin biex issirlu manutenzjoni dan kien waqa’ u nkiser, il-kumitat ta’ din is-sena xtara arblu ġdid ta’ 50 pied. Dan il-kumitat beda jaħdem ukoll sabiex iġib skemi ta’ għajnuna mill-Gvern ċentrali sabiex issir manutenzjoni fuq l-aperturi kollha tal-Każin.

Jinħatar liż-żgħar President

Fis-sena 2013, is-Sur Joe Saliba ħass li kellu jirtira mill-kariga tiegħu, u minnflok laħaq bħala President is-Sur Daniel Muscat u Segretarju s-Sur Gabriel Muscat. Dawn kienu l-iżgħar persuni fl-istorja tal-Każin li okkupaw dawn il-karigi, fl-eta’ ta’ 21 u 20 sena rispettivament. Matul din is-sena tkompla r-restawr fuq l-aperturi kollha tal-bini tal-Każin li kien inbeda mill-kumitat ta’ qabel. Sar ukoll saqaf ġdid fuq is-sala tal-każin, sabiex saret blokka biex jitwaqqaf l-arblu l-ġdid li kien inxtara mill-kumitat ta’ qabel. Is-sala kellha tiġi rrestawrata minn ġewwa wara li saru dawn ix-xogħlijiet. Sabiex jinawgura dan il-proġett ta’ restawr kien mistieden l-Isqof Awżiljarju l-E.T. Charles J. Scicluna f’nħar il-festa liturġika ta’ Marija Annunzjata, nħar it-Tnejn 8 t’April. Dan intlaqa’ fil-Każin mill-President u s-Segretarju u qabel ma ddaħħal ġewwa, ġie mistieden jixgħel il-fustun il-ġdid ta’ mal-arblu minn ġewwa l-Pjazza. Wara ġie milqugħ ġewwa s-Sala tal-Każin fejn għadda messaġġ lil dawk preżenti u wara ffirma fil-ktieb tal-viżitaturi. Il-President irregala lill-Eċċellenza Tiegħu, inkwadru b’ritratt tal-Vara ta’ Marija Annunzjata bħala tifkira tal-okkażjoni.

Il-Banda tas-Soċjeta’ ħadet sehem ukoll fiċ-ċelebrazzjoni organizzata mill-Kunsill Lokali għal Jum Ħal Balzan. Dakinhar ġew onorati b’Ġieħ Ħal Balzan żewġ membri mis-Soċjeta’ Filarmonika Marija Annunzjata, l-aħwa Frans u Anthony Muscat.

Fl-istess sena twaqqaf sotto-kumitatt għall-attivitajiet u ġbir ta’ fondi li beda jorganizza diversi attivitajiet matul is-sena sabiex jinġabru l-fondi, wara li fis-snin ta’ qabel kien sar telf kbir mill-Każin, tant li kien fil periklu li jkollu jagħlaq. Dan wassal biex inkisbu riżultati ferm pożittivi finanzjarji li għenu lis-Soċjeta’ terġa tqum fuq saqajha finanzjarjament. Dan għen biex sar aktar investiment fl-attivitajiet tal-Festa, fhostom fil-marċ ta’ filgħodu, li reġa ingħata spinta ‘l quddiem billi żdiedu l-bandisti u sar aktar brijju mil-partitarji. F’nhar il-festa, ġiet mistiedna l-Banda Peace tan-Naxxar sabiex takkumpanja l-Vara Titulari ta’ Marija Annunzjata f’nhar il-festa.

Is-Soċjeta’ Filarmonika Marija Annunzjata kompliet tifrex il-ħidma tagħha u ħadet sehem ukoll fl-attivita inter-kulturali li organizza l-Kunsill Lokali billi rama’ stand bit-tema tal-kultura tat-Turkija. Sar ukoll kunċert ġewwa Casa Antonia minn-numru ta’ bandisti fi żmien il-festi tal-Milied. Sar ukoll tiżjin ġdid tal-milied fi Triq il-Kbira u fi Pjazza Bertu Fenech.

Fis-sena 2014, ġie ċċelebrat l-20 anniversarju mit-twaqqif tal-banda. Sabiex l-uniformi tal-bandisti tkun kompluta, saru spalletti ġodda sabiex ikunu jaqblu mal-kulur il-ġdid tal-ingravajjet.

Għall-Festa ta’ din is-sena, ġie rrestawrat it-trofew antik li kien ilu ma jintrama żmien twil u nħadmet bandalora ġdida. Inħarġet ukoll l-istatwa ta’ Papa Ljun XIII li kienet ilha żmien twil merfugħa fil-maħżen tal-Parroċċa, u li f’dik is-sena nġiebet lura ġewwa l-Każin tagħna. Sar ukoll salib tal-injam għall ma’ l-arblu l-ġdid tal-każin biex jintrama fi żmien il-festi tal-Ġimgħa mqaddsa.


Tagħrif meħud mill-ktieb ta' Pawlu Grima u aġġornat minn Daniel Muscat Caruana

Organisation

Surmastrijiet

No Surmastrijiet Minn Sa
01 Raymond Cremona 1993 2022
02 Christopher Tanti 2023

Presidenti

No Presidenti Minn Sa
01 Valent Falzon 1890 1903
02 Edwardo Borg 1904 1916
03 Carmelo Gambin 1917 1918
04 Ġiuseppi Vassallo 1919 1923
05 Salvatore Pisani 1924 1925
06 Carmelo Muscat 1925 1936
07 Salvatore Pisani 1937 1946
08 Valent Cardona 1947 1948
09 Mario Borg 1948 1949
10 Albert J.Fenech 1950 1951
11 Ġiuseppe Chetcuti 1952 1953
12 Albert J.Fenech 1954 1954
13 Carmelo Zarb 1954 1954
14 Valent Borg 1954 1954
15 Paul Pullicino 1955 1956
16 Carmelo Zarb 1957 1957
17 Paul Muscat 1957 1958
18 Paul Pullicino 1958 1958
19 Paul Grima 1959 1997
20 Joe Camilleri 1998 1999
21 John Bray 2000 2001
22 David Camilleri 2001 2002
23 Joseph Cipriott 2002 2003
24 Richard Muscat 2003 2004
25 David Camilleri 2004 2005
26 Charles Chetcuti 2005 2011
27 Joseph Saliba 2011 2012
28 Daniel Muscat Caruana 2012

Secretarji

No Secretarji Minn Sa
01 Gabriel Muscat 2019

Teżoriera

No Teżoriera Minn Sa
01 David Camilleri 2019

Band Commissions

Band Activities Overseas

Historical Events in which the Band participated

Song Festivals, Events or Drama Activies

Annual Concerts

Annual Musical Activities

Recorded releases (LPs, Cassettes and CDs)

Cassettes

No Name of Cassettes - Festives Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Mis-Soċjeta Filarmonika Marija Annunzjata (Vol. 01) (1994) 1994 *
02 Festive Marches - Mis-Soċjeta Filarmonika Marija Annunzjata (Vol. 02) (1996) 1996 *
03 Festive Marches - Mis-Soċjeta Filarmonika Marija Annunzjata (Vol. 03) (2000) 2000 *
04 Festive Marches - Marċi Brijużi - F'Għeluq l-Għaxar Snin Banda (1994-2004) Mis-Soċjeta Filarmonika Marija Annunzjata (2004) 2004 *
  • Cassette 2004 also publish on Cd too.

CD's

No Name of Cd's - Festives Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Mis-Soċjeta Filarmonika Marija Annunzjata (2006) 2006 *
02 Festive Marches - Mis-Soċjeta Filarmonika Marija Annunzjata (2009) 2009 *

NB:- Cassette (2000) was published as Cd also.

Programmes and Publications

Memorials

External links