Regina Coeli

From M3P
Revision as of 09:52, 3 November 2021 by Axiaqm (talk | contribs) (Included Page: Regina Coeli)
(diff) ← Older revision | Latest revision (diff) | Newer revision → (diff)
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

STUB

This page is a stub

Stub pages are like acorns. The first seed has been planted, but you can help them grow! There may, for example, also be other M3P resources linking to it. You can help by expanding this page.

Il-Kor Parrokkjali Regina Cœli twaqqaf fl-1965 mill-Kappillan Dun Pawl Caruana, bħala parti mit-tibdil liturġiku li seħħ wara l-Konċilju Vatikan II. L-ewwel direttur tal-Kor kien Mro. Rogantino Gambin. L-iskop kien li l-Kor jgħin lill-komunità tipparteċipa aktar bis-sħiħ f'ċelebrazzjonijiet reliġjużi, skop li għadu jintlaħaq sa’ llum. Żvilupp importanti kien ix-xiri tal-orgni l-ġdid fl-1994, mudell Viscount Domus 932, li għen biex il-Kor jagħti s-sehem tiegħu b’mod aktar komplet. Għal diversi snin il-Kor tmexxa mis-Sur James Ebejer, sakemm fl-1995 id-direzzjoni għaddiet f’idejn Mro. James S Chappell ALCM LLCM CLJ, li huwa wkoll il-Maestro di Cappella tal-parroċċa.

Il-Kor Regina Cœli kemm ‘il darba kanta barra mill-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli. Fl-ewwel snin tiegħu ħa sehem f’diversi festivals organizzati mill-Moviment Azzjoni Soċjali u anki rebaħ edizzjoni ta’ sena minnhom.

Fl-2003 ħa sehem f’ festival ta’ kant sagru mtella’ fil-Knisja Matriċi Arċipretali ta' San Ġorġ, f' Ħal Qormi, għeluq l-1700 sena mill-martirju ta' San Ġorġ. Reġa kien mistieden mill-parroċċa Ġorġjana biex ikanta f’serata ta’ korijiet imtella’ l-Ġimgħa 20 ta’ April 2012 bħala parti minn Festa tar-Rebbiegħa. Fl-2003 wkoll, kien mistieden jagħti kunċert fil-Knisja ta' San Ġakbu fil-Belt Valletta, organizzat mill-YTC.

Fl-2011, propju nhar il-Ġimgħa 12 t’ Awwissu, kanta fis-Santwarju Dumnikan ta’ Sidtna Marija tal-Għar fir-Rabat, waqt quddiesa u velja ta’ talb fl-okkażjoni ta’ għeluq il-150 sena tal-wasla tal-vara titulari ta’ Santa Marija f’ Ħad Dingli. Għal dan l-anniversarju, il-vara ttieħdet għall-venerazzjoni tal-poplu fil-Knisja tad-Dumnikani r-Rabat, minn fejn irritornat lejn Ħad-Dingli f’pellegrinagġġ l-għada s-Sibt 13 t’Awwissu. Kemm il-quddiesa, kif ukoll il-velja ta’ talb kienu mxandra dirett fuq Radju Marija. Il-Kor ta’ sehem ukoll fil-Knisja Dumnikana r-Rabat fil-professjonijiet sempliċi u solenni ta’ Fra Ian Zammit O.P.

Il-festi speċjali tal-150 sena tal-vara titulari kienu festi li fihom il-Kor Regina Cœli kellu rwol importanti ħafna. Infatti dawn il-festi nfetħu permezz ta’ serata Marjana li fiha l-Kor kanta diversi innijiet għad unur Marija Santissima. Dak inħar ġie kantat il-final tal-Innu l-Kbir ta’ Santa Marija f’verżjoni differenti mis-soltu, billi s-solo tat-tifel jew tifla kien kantat miż-żewġt itfal flimkien li dik is-sena kienu kantaw l-innu fil-festa s-Sibt u l-Ħadd. Il-qofol tal-festi kif mistenni ntlaħaq fil-festa ta’ Santa Marija fejn il-Kor, apparti s-sehem tiegħu fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ ġewwa, bħal dejjem kanta l-innu l-kbir mal-baned lejlet u nhar il-festa. Il-verżjoni kantata f’nħar il-festa kienet dik oriġinali bil-versi bit-Taljan, miktuba minn Monsinjur Fortunato Debono. L-innu bit-Taljan kien ilu snin twal ma’ jsir. Il-festi speċjali ġew fi tmiemhom permezz ta’ akkademja mużiko-letterarja nhar it-Tnejn, 5 ta’ Diċembru. Kif mistenni l-Kor Regina Cœli kellu sehem prominenti fejn kanta mal-orkestra u akkumpanja lis-sopran Karen Camilleri u t-tenur Charles Vincenti. Għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, l-Innu l-Kbir indaqq f’verżjoni orkestrali, imħejjija għall-okkażżjoni minn Mro. Chappell.

Fl-2012, il-Kor kanta darbtejn fil-Parroċċa tal-Imsida; nħar l-Epifanija, il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar, fl-okkażjoni tal-bidu tal-parrokat tal-Kappillan Dun Norman Zammit, u nhar il-festa liturġika tal-Patrijarka San Ġużepp, it-Tnejn 19 ta’ Marzu. Minn dik is-sena l-Kor baqa’ jgħati s-sehem tiegħu fil-Parroċċa Misidjana kull sena fil-festa titulari ta’ San Ġużepp, is-Sibt bil-kant tal-ewwel għasar solenni u quddiesa kantata, u l-Ħadd filgħodu fil-quddiesa pontifikali solenni tal-festa.

L-Erbgħa 6 ta’ Ġunju 2012 il-Kor Regina Cœli kiteb paġna tad-deheb fl-istorja tiegħu meta kanta waqt quddiesa solenni fil-Bażilika Ta’ Pinu, Għawdex. Kanta wkoll fil-Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla, kif ukoll kemm ‘il darba fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta, partikolarment fil-quddiesa tal-festa ta’ Santa Ċeċilja patruna tal-mużiċisti. Fl-2016 kanta fil-Katidral tal-Imdina fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ħniena.

Bħala kor liturġiku, il-Kor Parrokkjali Regina Cœli jagħti sehem sħiħ fil-festi u ċ-ċelebrazzjonijiet kollha li jsiru fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħad-Dingli. Naturalment il-qofol jintlaħaq nhar it-tielet Ħadd t’Awwissu meta Ħad-Dingli jiċċelebra bil-kbir il-festa ta’ Santa Marija Assunta. Dan apparti kunċerti u akkademji li jsiru minn żmien għal ieħor biex ifakkru anniversarji partikolari, inawgurazzjonijiet ta’ proġetti ta’ opri ġodda u ta’ restawr, kif ukoll stediniet oħra.

Ir-ripertorju tal-Kor huwa wieħed varjat, mibni kif wieħed jistenna madwar mużika sagra u liturġika. F’okkażjonijiet partikolari, bħalma huma l-quddiesa tal-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma tal-Isqof, jingħaqdu wkoll mal-Kor strumenti oħra bħal gitarri u perkussjoni. Ma’ jonqsux ukoll kompożizzjonijiet miktuba apposta għal dan il-kor u għall-festi f’Ħad Dingli.

Il-Kor Parrokkjali Regina Cœli ta’ Ħad-Dingli llum ilaħħaq qrib l-erbgħin membru. Għandu residenti lill-organista Nadine Micallef u Surmast Direttur Mro. James Chappell ALCM LLCM CLJ.