Mit-Tarza Għall-West End

From M3P
Jump to: navigation, search

Mit-Tarza Għall-West End kienet sensiela ta' artikoli miktuba minn Laurie Bellizi dwar il-kumpanija teatrali Maltija Stage Commandos. Dawn l-artikoli dehru fil-gazzetta Il-Ħelsien bejn Lulju u Novembru tal-1963, fuq paġna 7, bħala parti mill-Paġna Mużikali regolari ta' Spiro Camilleri.

Hawn taħt jidher dak li kiteb Bellizzi kif deher fil-gazzetta f'20 ġimgħa, b'indikazzjoni tad-data tal-pubblikazzjoni oriġinali. Il-kliem inkiseb minn kopji tal-gazzetta miżmuma fiċ-Charles Clews Memorial Collection permezz ta' Tesseract OCR fuq Google Drive. Ċertu kliem mhux transkritt preċiż, imma l-istilistika ta' Bellizzi u l-gazzetta oriġinali inżammu kemm jista' jkun.


Minn Il-Ħelsien, Il-Ħamis 11 ta’ Lulju 1963. p.7

Kienet is-sena 1942, il-gwerra kienet fit-tielet sena tagħha, filwaqt li jien kont fil-ħames sena tal-apprenticeship tiegħi.

Kif kulħadd jaf, l-iżjed parti ta’ Malta li sofriet mill-attakki tal-ajru tat-taljani u tal-ġermaniżi kienet dik il-parti madwar il-Port il-Kbir, inkuża, sintendi, it-tarzna.

Dak iż-żmien, aħna l-ħaddiema tat-tarzna iżjed konna naħdmu fil-beraħ milli taħt is-saqaf, għar-raġuni li ma kienx għad-fadal ħanut tax-xogħol lil seta' jiftaħar li s-saqaf tiegħu għadu sħiħ, u l-uniċi ħwienet tax-xogħol li kellhom saqaf sod u li jirreżistu l-bombi tal-għadu kienu dawk il-ftit li kienu tlestew taħt il-blat, u li kienu jservu wkoll ta' air-raid shelters għalina.

Dan kien l-ambjent ta' dak iż-żmien, u f'dan l-ambjent kellha tinħoloq waħda mill-aktar kumpaniji popolari fl-istorja tal-palk malti — li Stage Commandos.

Bħal ma diga' għedtilkom, kont engine-fitter apprentice u f'nofs-in-nhar, wara li nkunu ġa kilna, meta sintendi kien ikollna xi ħaġa sew x’nieklu bin-nofs kwart ħobż razzjon biex iservi għal ġurnata sħiħa u b'xi biċċa ġobon, konna nqattghu is-siegħa tal-mistrieħ billi noqogħdu niddiskutu l-aħħar żviluppi tal-gwerra.

Darba fost l-oħrajn wieħed minn sħabna l-apprentisti, fettillu jġib miegħu orgni tal-ħalq, dan kien jaf idoqqu mhux ħażin, u billi jien kelli daqsxejn tal-fama li naf inkanta ġejt mitlub biex inkanta xi waħda. Tal-'mouth organ' beda jdoqq il-kanzunetta “Mexicali Rose" u din li dak iż-żmien kienet waħda mill-favoriti tiegħi, ma nqastx li ma nagħtix interpretazzjoni tajba, għas-sodisfazzjon mhux biss ta' sħabi, imma ta' xi ħaddiema li ħarġu mill-irkejjen tal-mistrieħ tagħhom biex jaraw min hu dan li qiegħed jipprova jikser il-melankonija ta' dawk iż-żminijiet koroħ tal-gwerra.

Malli spiċċajt, mhux talli taw l-applawsi, imma riedu l bis:- Jiena kelli nerga' nobbligahom għat-tieni darba b'din l-imbierka "Mexicali Rose".

BDIET IT-TRIQ

Kellha tkun din is-song li bdiet it-triq tal-ħolqien ta' l-“Stage Commandos” għax inkuraġġiet lill-ħbieb tiegħi, Nestu Laiviera, Charlie Rowe, Freddie Underwood u Charlie Clews biex nikombinaw it-talent tagħna u naraw jirnexxielniex nippreżentaw b'suċċess programm mill-ħaddieina għall-ħaddiema waqt il-’break’ tal-mistrieħ.

Għadni niftakar, qisu l-bieraħ, taħt is-saqaf imtajjar tal-factory M.E.D., sejrin biex nippruvaw nallegraw u ndaħku lil sħabna l-ħaddiema, meta dawn kienu kważi insew kif għandhom jidħku.

Konna għażilna l-ġurnata tal-Ġimgħa, għax din kienet l-aktar waħda favorevoli għalina, biex jinkiseb suċċess, billi nhar ta’ Ġimgħa kulħadd jieħu l-paga għalhekk forsi jkollhom il-ftit aptit li jippruvaw jidħku.

Bla separju! bla dressing room! bla palk! Bil-kostumi tagħna bħal ta' l-udjenza – il-boilersuit – li kienet aktar sewda milli bajda u aktar imqatta' milli le, bil-make-up xi minn daqqiet kien jifforma ruħu wahdu waqt l-ħinijiet tax-xogħol. Għalhekk tistgħu taħsbu xi żvantaġġi kellna kontra tagħna biex l-iskop tagħna jirnexxi.

IL-ĦIN WASAL

Il-ħin biex nibdew wasal, u | l-udjenza li ma kellhiex bżonn toqghod tfittex is-siġġu taghha, bdiet issib fejn se toqgħod.

Min intefa' bil-qegħeda fl-art, min ġieb il-kaxxa tal-għodda u poġġa bil-qegħda fuqha, u min tela' bil-wieqfa fuq il-bank tax-xogħol ħalli żgur ma jitlef xejn.

U aħna l-artisti!! fuq palk provizorju, għoljin xi erba' pulzieri mill-art, fuq is-sodda soda tal-konkrit ta' wieħed mill akbar tornijiet li kien għadu ma ntlaqatx mill-bombi tal-għadu.

Niftakar li x-show infetaħ bija fejn kantajt “Beer Barrel Polka”. Wara Charlie Clews kellu suċċess kbir bil-famużi "Preverbji” tiegħu. U mbagħad instema' djalogu komiku minn Nestu Laiviera ma' Freddie Underwood, u għalaq il-programm Charlie Rowe b'poeżija umoristika. B'hekk il-ħolqien ta' li “Stage Commandos” beda biex jieħu l-forma.

APPLAWSI KBAR

Kull numru li ippreżentajna ġie milqugħ b'applawsi kbar u l-ħaddiema ħadu pjacir bil-preżentazzjoni. Kien verament sodisfazzjon kbir għalina dak in-nhar li għal ftit mumenti tara lill-ħaddiema sħabna jinsew li konna fi gwerra, u tarahom ibiddlu wiċchom imdejjaq f'wiċċ daħkan.

F'kelma waħda, bl-iżvantaġġi kollha rreġistrajna l-ewwel suċċess, tant li sħabna l-ħaddiema nkuraġġewna għal aktar shows! U f'qasir żmien, kull nhar ta' Ġimgħa bdejna nippreżentaw ix-show tagħna, dejjem b'materjal ġdid, miktub minn Nestu Laiviera, Freddie Underwood u Charlie Clews.

Konna ssaħħaħna mhux ftit bil-partiċipazzjoni ta' Johnnie Catania li bit-"Tupp, intaptap x’vizzju għandi" kien għamel suċċess kbir, u mill-ewwel deher li Johnnie se jkun wieħed minn li stars tal-palk malti.

Daħal ukoll magħna Willie Burlo li bil-vuċi simpatika tiegħu tant kien jagħti pjaċir bis-songs li jkanta, u oħrajn li minn xi daqqiet bdew jitħajru u jippreżentaw xi ħaġa.

AKTAR ĦADU SURA

L-udjenza, ukoll, kull ma tmur bdiet tikber, il-programmi aktar bdew jieħdu sura u jiġu organizzati aħjar, bil-konsegwenza li l-fama tagħna l-artisti tat-tarzna bdiet tinfirex. Bis-sincerita' kollha, għal kemm ilu li għadda dak iż żmien, jien inħoss u naħseb li sħabi jħossu bħali, li dawk ix-shows li aħna konna nippreżentaw f'dawk iż-żminijiet kienu l-iżjed għeżież għalina, għax kien irnexxielna nżommu għoli l-moral ta' sħabna, irnexxielna ndaħħkuhom fi żminijiet ta' biki, u dak li konna nagħmlu konna nagħmluh minn qalbna, mingħajr interessi ta' xejn, ħlief li naraw għal ftit ħin ta' kull nhar ta' Ġimgha lil sħabna ferħanin.

Kienu żminijiet differenti! Pero' kienu dawk iż-żminijiet li għenu biex tkun tista' tinħoloq il-kumpanija Stage Commandos, li fl-istorja tal-palk malti għandha record kbir u li żgur ma tintesa' qatt għall mod li dawn l-artisti tat-tarzna għamlu ġieh lil art twelidihom fl-arti teatrali.

Minn Il-Ħelsien, Il-Ħamis 18 ta’ Lulju 1963. p.7

Wara li bqajna nagħmlu għadd ġmielu ta’ programmi għal sħabna l-ħaddiema fit-tarzna, li xi wħud mill-programmi kienu saru fi ħwienet oħra tax-xogħol bħal ma kienu l-Pattern Makers Shop, is-Shipwrights Shop ta’ bejn il-4 u l-5 docks, u l-Works Department Shop, waslet fl-aħħar l-okkazzjoni li ħafna minna kienu ilhom jistennew li nidhru fil-pubbliku f’xi post barra l-bibien tat-tarzna.

Kellha tkun is-sezzjoni taż żghazagh tal-General Workers’ Union li stidnuna biex nieħdu sehem fi programm varjat b'risq il-Xmas Party għat-tfal u membri tal-Union.

Id-data kienet il-Ħamis, 8 ta' Novembru, 1945, u l-post kien il-każin tal-banda ta' San Gejtanu, il-Ħamrun, fejn il-kumitat ġentilment kien offra s-sala spazjuża għal din l-okkażjoni.

Din id-darba konna se nidhru fuq il-palk regolari, bi dressing rooms, dwal, separju, eċċ., fil-waqt li l-udjenza kellha tħallas 1s 6d, b'siġġijiet numerati biex żgur kulhadd ikun f'postu. X’differenza mill-programmi tagħna tat-tarzna!

QISNA TEAM TAL-FOOTBALL

Konna f'ambjent differenti għal kollox, konna qisna team tal-football li sejjer jilgħab logħba barra pajjiżu. Fuqna kellna ċerta biża', l-iżjed meta konna nafu li l-maġġoranza ta' l-udjenza kienu sejrin jarawna għall-ewwel darba, u li sejrin ukoll jaraw stil ġdid ta' programm varjat b’persunaġġi kienu qegħdin jagħmlu d-dehriet tagħhom uffiċjali bħala team quddiem il-publiku malti.

Biex il-programm ikun aktar attraenti ġew mistiedna wkoll żewġ kantanti popolari ta' dak iż-żmien – is-soprano Ġemma Sammut u t-tenur Eddie Cassar. Kienu mistiedna wkoll l-illużjonista Krist Van Berne, is-surmast Muscat Azzopardi fuq il pjanu u l-pjanista Jane Moore, li kellha ddum ħafna magħna bħala l-pjanista tal-kumpanija.

Min-naħa tagħna konna introducejna lil Agnes Bellizzi, lill-aħwa żgħar, imma b’talent straordinarju, Milda u Eddie Scicluna u lit-tfajjel akkordjonista Charles Camilleri, li ‘l quddiem kellu jagħmel ġieħ lil art twelidu fil-qasam mużikali u li l-lum igawdi fama mad-dinja.

INKURAĠĠIMENT

Aħna tal-grupp originali tat tarzna konna Willie Burlo', Johnnie Catania, Charlie Clews, Nestu Laiviera, Freddie Underwood u jien.

Konna ippreżentajna l-ahjar mir-repertorju tal-tarzna. “Il-Proverbji 1”, “L-Aħbarijiet”, “Żewġ Affarijiet”, “Djalogi Komiċi", makjetti, dwetti u kant.

L-applawsi li qlajna kienu bħal injections biex nagħmlu sforzi akbar sabiex nilħqu l-ambizzjoni tagħna li ngħaqqdu kumpanija bit-talent tagħna u naraw x'riżultat ikollna.

Għadni niftakar lis-sur Reggie Miller li kien segretarju tal-G.W.U. jinkuraġġina fl-iskop tagħna. U anki ħafna u ħafna oħrajn li xtaqu bħalna li nbiddlu l-istil antikwat tal-palk malti li dak iz-zmien kien jikkonsisti fil-preżentazzjoni tad-drammi f’ħames jew sitt atti bħal "Marija, Bint is-Sajjied Malti", "Amleto" u "Genoveffa", b'xi vaudville jew farsa fl-aħħar tal-programm biex ittaffi daqsxejn l-atmosfera drammatika li kienu jħallu dawn il-programmi.

Quddiemi għandi "qtugh" ta' gazzetta, li nibqa' ngħożżha sa l-aħħar għax hija l-ewwel rapport fuq l-ewwel programm tagħna, u li tgħid hekk:-

"Il-Youth Movement tal-G.W.U. taw kunċert sabiħ ferm li ta gost lil kulħadd, il-għaliex il-kunċert kien bi stil modern, qisu xi show ta' l-E.N.S.A. Nawgurawlhom successi aktar."

IL-BIŻA’ SPARIXXA

Wara dan id-debut quddiem il-publiku malti, kulhadd minna ħareg sodisfatt, u l-ftit biża' li kellna sparixxa, tant li kellna mitt sena sakemm nerġgħu nidhru fuq il-palk.

Hawn ta' min ifakkar li s'issa konna għadna bla isem. Konna qisna għandna vapur ġdid lest minn kollox biex jivvjagga, jistenna lil xi ħadd ipinġilu ismu.

Kellhom jerġgħu jkunu iż-żgħażagħ tal-G.W.U. li reġgħu tawna ċ-ċans li nuru x’nafu meta stidnuna biex nippreżentaw it-tieni programm b'risq l-istess Xmas Party, fejn il-post din id darba kien it-Tivoli Theatre, Raħal Ġdid.

L-EWWEL LAQGHA

Erġajna rripetejna l-programm ta' qabel u sibna li n-nies ta' Raħal Ġdid jafu jidhku u jċapċpu xejn inqas minn dawk tal-Ħamrun.

Wara dawn iż-żewg successi iddeċidejna li niffurmaw il-kumpanija, għalhekk ġejna biex nagħmlu l-ewwel laqgħa, li għaliha flimkien miegħi attendew Willie Burlo', Johnnie Catania, Charles Clews, Johnnie Vella, Vincent Esposito, Freddie Underwood, Nestu Laiviera u Anthony Rizzo.

Minn Il-Ħelsien, Il-Ħamis 25 ta’ Lulju 1963. p.7

Il-post fejn iltqajna kien ferm ideali, kien fit-tool shop, ‘il bogħod biss xi 30 jarda minn fejn konna għamilna l-ewwel programm għal sħabna l-ħaddiema.

Wara li kulħadd qabel mal-prinċipju li ngħaqqdu kumpanija, ħtarna direttur lil Nestu Laiviera b'vot unanimu. Nestu kien jistħoqqlu jkun hu li jmexxina minħabba li fostna kien l-iżjed wieħed li kellu esperjenza fl-arti teatrali.

Bħala segretarju ġie mahtur Freddie Underwood u bħala kaxxier Anthony Rizzo, li kien l-uniku wieħed fostna li ma kienx jitla' fuq palk. Imma f'Tony Rizzo sibna kaxxier onest u mill-iżjed ħabrieki. Huwa kien ukoll l-ewwel suġġeritur tagħna.

L-ISEM TAL KUMPANIJA

L-isem li tajna lill-kumpanija “Stage Commandos" — kien bir-raġun kollu jinħass goff bħala isem ta' kumpanija teatrali, iżda fl-opinjoni ta' kull wieħed minna kien l-aktar li joqoghdilna, meta wieħed ikun jaf f'liema ambjent sar il-ħolqien tagħna: air raids, bombi u dak kollu li ġġib magħha l-gwerra.

Terga' aħna konna qegħdin nintroduċu stil ġdid ta' programmi fuq il-palk malti, waqt li l-publiku malti kien imdorri, f'dak iż-żmien, jara drammi tat-tip “Maria, Bint is-Sajjied Malti”. It-tir tagħna kien li nagħmlu bidla radikali f'din is-sistema li kellha għeruq fil-fond. Bi stil differenti, programmi iqsar, bi sketches ta' ftit minuti, djalogi komiċi, b'numri ta' kant, makkjetti u żfin u bil-compere, li kien Charlie Clews, li dejjem kien ikollu skartata lesta ma’ kull numru li kien jippreżenta, dan irnexxielna naghmluh.

FIR-RADIO CITY

Ftit wara li spiċċat il-gwerra, is-sur Ġużè Schembri, stieden sitt mitt tifel u tifla fit-teatru tiegħu bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-waqfien tal-gwerra. Biex nallegraw u ndaħħku lil dawk it-tfal, stieden lilna. Kienet l-ewwel esperjenza tagħna li nirreċtaw quddiem udjenza magħmula minn tfal biss.

Fl-4 ta' Jannar 1946, stidnuna niehdu sehem b'suċċess kbir fil-festin li sar fir-Radio City f'ġieħ il-kunsulieri laburisti. Għadni sal-lum qatt ma rajt ir-Radio City ippakkjat kif kien dak in-nhar.

IL-KONKORS “BAJDA U ĦAMRA”

Iddeċidejna li nidhlu għall-ewwel konkors teatrali “Bajda u Hamra”, organizzat mis-sur Nikol Biancardi. Id-deċiżjoni li ħadna kienet ta' sogru, pero kienet fl-istess ħin sfida għalina. Konna se naraw x'talent tajjeb għandna fl-arti tal-proża ħdejn l-aqwa kumpaniji. Ghażilna l-kummiedja soċjali “Xi Dnub” adattata għall-palk malti mis-sur Ivo Muscat Azzopardi.

B'kunċerti ta' spiss taħt id-direzzjoni għaqlija ta' Nestu Laiviera, f'dak il-konkors irnexxielna nakkwistaw it-tielet post. Kien suċċess kbir għall-kumpanija kif ukoll għal Frances Spiteri, Nestu Laiviera, Charlie Clews, Johnnie Catania, Freddie Underwood u Willie Burlo li ħadu sehem.

F'dan iż-żmien kienet qegħda tieħu sehem magħna Frances Spiteri li kienet il-"partner" ideali fid-dwetti ferm popolari ma’ Johnnie Catania. Din il koppja kellha sehem kbir mis-suċċessi ta' li "Stage Commandos", kif ukoll li l-iskartati ta' Charlie Clews li tant kien jaddatta tajjeb qabel il-preżentazzjoni ta' kull numru fil-programmi varjati tagħna.

JUM IL-ĦADDIEM

FI-Ewwel ta' Mejju, 1946, ergajna ħadna sehem fiċ-ċelebrazzjoni laburista ta' Jum il-Ħaddiem. Dak in-nhar kellna suċċess kbir bil-parodija "Nisa fil-Parlament”.

F'dik l-okkażjoni, il-mexxejja laburisti ta' dak iż-żmien, Dr. Boffa, il-perit Mintoff. Dr. Colombo, il-profs. Ellul u oħrajn, iddevertew kemm felħu.

ĠUŻA CARUANA

Fl-istess sena ħadna sehem f'wieħed mill-aqwa shows li qatt saru Malta. Dan kien Concert organizzat mill-General Workers' Union u li kien intwera fir-Radio City, il-Manoel u l Gaety. Aħna nibqgħu niftakru f'din l-okkażioni għax fiha ħadmet għall-ewwel darba magħna Ġuża Caruana, waħda mill-istilel il-kbar tal-qatt minsija "Indipendenza".

Ġuża Caruana wriet mill-ewwel interess kbir fil-kumpanija u l-assoċjazzjoni tagħha magħna kompliet kabbret il-popolarita ta' li "Stage Commandos".

F'dan il-Concert ahna ippreżentajna l-kummiedja "Nofs Siegha Qabel”, ta' Indri Cilia. U din l-okkażjoni, speċjalment bil-parteċipazzjoni tal-brava attrici Ġuża Caruana, irnexxielna nirreġistraw suċċess kbir ieħor.

Minn Il-Ħelsien, Il-Ħamis 1 ta’ Awissu 1963. p.7

F'dan il-concert kellna wkoll sehem fil-varjeta'. U numru li nibqa' niftakar kien “Is You Is, Or Is You Ain't My Baby”, li ġie esegwit minni flimkien ma' ħuti Twanie u Agnes.

Kienu żebgħuna suwed; u in kelli l-esperjenza dak in-nhar li nfittex lil oħti Agnes imma, minħabba li kien hemm għoxrin tfajla oħra miżbugħin bhaIha, il-vera suwed, ma stajtx nagħrafha. Kelli noqgħod bil-paċenzja kollha nsaqsi kull sewda li kien hemm jekk hiex Anges!

L-UNIĊI DISFATTI

Wara dawn is-suċċessi, kellna l-ewwel u l-uniċi disfatti matul il-karriera twila taghna. Konna iddeċidejna li nagħmlu kors ta' recti fir-Regal (open air theatre), Raħal Ġdid, fejn minhabba nuqqas ta' attendenza ġejna fi stat li noħorġu l-flus mill-but biex inpattu għall-ispejjeż.

Dawn id-disfatti li ma kinux mistennijin minna, għaldaqsxejn ma kienux il-kaġun illi li “Stage Commandos” ġiet fit tmiem bikri tagħha.

Kien il-kors ta' reċti li għamilna fir-Royal Theatre, Żabbar, fix-xitwa tal-1946-47 li qabbduna t-triq tas-suċċessi tagħna. Tant konna popolari maż-Żabbarin li biex insolvu l problema tan-numru kbir ta' nies li xtaqu jarawna, konna nagħmlu żewġ shows wara xulxin kull nhar ta' Ħadd – waħda fis-sagħtejn u l-oħra fis-sebgħa sal-ħdax ta' bil-lejl. Tistghu taħsbu x'forza konna nqumu biha biex naffrontaw il-ġurnata tax-xogħol tat-Tnejn.

KISIBNA L-EWWEL PREMJU

GĦat-tieni konkors "Bajda u Ħamra" mhux biss dħalna b'kummiedja iżda wkoll b'buzzett. Il-kuminiedja kienet "Dear Departed” ta' Stanley Houghton maqluba għall-palk malti mis-sur Ivo Muscat Azzopardi, Fiha ħadu sehem: Ġuża Caruana, Frances Spiteri, Melda Scicluna, Nestu Laiviera, Charlie Clews, Willie Burlo u Johnnie Catania.

Ivo Muscat Azzopardi tana wkoll l-att drammatiku tieghu “Wieħed Minnhom” li fih ħadu sehem: Giovanna Laiviera, Salvu Cacciottolo, Dante Gatt, Johnnie Vella, Bessie Harmsworth, Freddie Underwood u jien.

Kien konkors kbir u memorabbli li fih daħlu erbatax-il kumpanija. Irnexxielna nagħmlu dak li kien jidher impossibli u rregistrajna l-ikbar suċċess tal-kumpanija għax ħadna l-ewwel premju u t-tielet premju fid-drammatiku.

Dawn is-suċċessi kbar iktar inkuraggewna biex inkomplu fit-triq li qbadna. Issa kien jid her illi l-publiku jridna u aħna mxejna max-xewqa tiegħu kif taraw iktar 'il quddiem.

L-Ewwel Anniversarju

Fl-4 ta' Jannar, 1947, iċċelebrajna l-ewwel anniversarju tagħna mindu ħadna l-isem ta' li “Stage Commandos” fit-teatru Tivoli, Raħal Ġdid, fejn quddiem platea ippakkjata għamilna l-aħjar sketches, l-aħjar żfin, kant u makkjetti fi programm li dam sejjer fuq tliet siegħat.

Fis-sajf tal-1947, konna għamilna kors ta' recti għall-open air fil-Cafe' Riche, Bormla, u f'waħda mir-reċti ghażilna biex nagħmlu l-ewwel vaudeville fir-reportorju tagħna. Kien il-“Kos, X’Dinja!” tal-ħabib tagħna Ġużè Azzopardi.

BAQGĦET TIGDIMNI SAL-AĦĦAR

Kienet l-ewwel darba li jien kont se nieħu parti fil-proża. Niftakar kont studjajt il-parti bl-amment u kont fiduċjuż li ma nitlifx kelma waħda. Imma x’ġara dak in-nhar ta' l-eżekuzzjoni?

L-ewwelnett jiena kelli l-parti ta' l-amoruż. Kont it-tifel ta' Willie Burlo, iżda kont ngħejx ma' ommi f’Ċipru billi hi kienet mifruda minn ma' missieri. Meta hi xebgħet minni, bagħtitni Malta nfittex lil missieri. Jiena, skond li 'script', kelli suppost li ingħid illi missieri wara li jistaqsini x'gara minn ommi, li kienet mietet b'ismu fuq xuftejha.

Iżda x-xitan m’għandux halib! U minflok li għetlu dak li kelli ngħidlu, għedt: "Papà, ommi mietet b’ilsienek f'ħalqha."

Qabeż Willie Burlo u qalli: “Ja mgħarrqa li hi, baqgħet tigdimni sal-aħħar!”

NESTU LAIVIERA M.L.A.

Fl-elezzjoni tal-1947, konna fraħna ħafna meta sirna nafu li d-direttur tagħna Nestu Laiviera irnexxielu jiġi elett bħala rappreżentant tat-tieni distrett fi ħdan il-partit tal-ħaddiema, fl-ewwel elezzjoni tal-kostituzzjoni ta’ dik is-sena.

F’dik l-okkazzjoni għamilna festin lil Nestu u ħadna pjaċir doppju meta qalilna li sejjer ikompli fil-kariga ta’ direttur.

Il-Ħelsien, Il-Ħamis 8 ta’ Awissu 1963. p.7

Għalkemm bqajna sejrin bl-istil tagħna ta' programmi varjati li bdew isiru iżjed spissi, u l-attività tagħna bdiet tinfirex f'teatri oħra fejn bqajna nippakkjaw it-teatri, is-sena 1948 tibqa' miftakra għas-suċċess kbir li għamilna biż-żewġ pochades kbar: "L-Invenzjoni Meraviljuża" u "Żeża tal-Flagship".

Dawn iż-żewġ pochades – tnejn mill-favoriti ta L-"Indipendenza" – taw skop biex naraw lil Ġuża Caruana fl-aqwa tagħha, filwaqt li Johnnie Catania, Charlie Clews — li din id-darba mhux djalogu komiku ta' ftit minuti - kellhom parti ta' studju u responsabiltà u rnexxielhom joħorġu bl-unuri kollha.

Fl-ewwel pochade kellna l-għajnuna ta' l-atturi magħrufin Watty Cachia, Manwel Mamo, Armando Urso u barra lil Clews u Catania aħna ippreżentajna lil Ġuża Caruana, Frances Spiteri, Bessie Harmsworth, Maria Scicluna, Dante Gatt, Lino Frendo u Ġanni Theuma.

It-tieni pochade "Zeża tal Flagship", li kiseb suċċess xejn anqas mill-ieħor, ġie ippreżentat b'risq il-"Marfa Channel Tragedy”. Teatru mballat daqs bajda apprezza ferm lil Ġuża Caruana, Giovanna Laiviera, Mary Ripard, Ġużè Azzopardi, Dante Gatt, Charlie Clews, Johnnie Catania, Lino Frendo, Freddie Underwood, u l-atturi li ġentilment aċċettaw l-istedina tagħina: Nosi Ghirlando, Johnnie Navarro, Manwel Bugeja u Ġużè Abela, li kellhom sehem tajjeb mis-suċċess f'din l-okkaż joni.

WILLIE BURLÓ

Fil-bidu ta' din l-istess sena sofrejna t-telfa ta' Willie Burló li iddeċieda li jemigra flimkien mal-familja tiegħu lejn il-Kanada.

Kien l-ewwel wieĦed fil-lista twila ta' dawk li siefru wara li taw sehemhom biex il-kumpanija tagħna tkun tista' tgawdi l-fama li kellha.

Jiena l-iżjed li kont napprezza f'Willie kienet li kien ikun minn ta' quddiem biex jipprova jirranga kull sitwazzjoni antipatika li kienet tinqala’.

Kien iddispjaċina ferm bit-telfa ta' Willie li kien wieħed mis-sitta li bdejna fit-tarzna, u telaq lil li Stage Commandos fil-bidu tat-trijonfi tagħha.

MIKE CASSAR

Is-surmast Mike Cassar kien issieħeb magħna bħala pjanista f'Ottubru tal-1947. Kien akkwist tajjeb għaliex barra pjanista, li kien qiegħed jagħina ferm tajjeb f'dawk li huma versi bil-malti għall-melodiji li konna nagħżlu fl-atti mużikali.

Barra dan Mike kien ukoll il-kittieb ta' bosta makkjettili kienu jiġu kantati minn Clews u Catania.

Pero' fl-opinjoni tiegħi l-iżjed biċċa xogħol li verament irnexxiet għalina kienet meta origina s-“signature tune” tagħna. Barra l-melodija ferm tal-widna f'temp ta marċ vivaċi, il-versi bil-malti kienu ferm addattati, tant li kienu ħafna l-okkażjonijiet fejn l-udjenza kienet tingħaqad magħna fil-kant ta' l-innu tagħna.

Is-surmast Mike Cassar baqa' jaqdi lil li Stage Commandos għal ħafna snin.

"ll-Produzzjonijiet Tagħna"

Kulħadd naħseb li jaqbel miegħi meta ngħid li biex kumpanija teatrali tkun tista' tkompli timxi ‘l quddiem, dejjem irid ikollha materjal ġdid għal dawk li huma produzzjonijiet. Irid ikollha min jikteb li sketches, kummiedji, eċċ., u kumpanija bħal tagħna mingħajr produzzjonijiet ġodda kienet żgur tmut ħin bla waqt, meta wieħed iqis li l-attività tagħna kienet iżjed spissa u bdejna nlanħqu mal hamsin recta fis-sena.

Aħna konna iffortunati li f'Charlie Clews kellna mhux biss kummidjant tajjeb u modern, imma kittieb ta' li sketches u kummiedji li l-ispeċjalità tiegħu kienet li f'jumejn kien jiktiblek l-isbaħ sketch jew kummiedja.

Kittieba oħra li taw sehem mhux ħażin kienu Nestu Laiviera, Johnnie Catania, u anke jien dak iż-żmien bdejt ninteressa ruħi fil-kitba.

L-iżjed produzzjonijiet popolari f'dan iż-żmien kienu l-atti mużikali "L-Istrina", "Kos X'Dinja!", "L-Ilma tal-Hajja", "Il-Kelba tal-Kaċċa", il-kummiedji "Il-Brazzulett!","Vaganzi għall-Kwiet", "Miskin Kif Halliena", "Frieda", u li sketches “Il-Parir", "Il-Qalziet", "Nofs Siegha Privat", u "Jien Biss".

BAĦAR FIL-PLATEA

Fit-22 ta' Settembru, 1948. kellna esperjenza verament rari, anzi l-unika wahda bhalha.

Konna ġejna mistiedna biex nagħtu programm fil-club tal waterpolo tan-Neptunes, San Ġiljan. Club tal-waterpolo dejjem jagħmluh imiss mal-baħar, fejn niftakar li bdejna f'temp sabih ta' riħ isfel kif jaf jagħmel Settembru, f'nofs il-programm il-temp tbiddel u l-baħar beda jmewweġ imgħejjun minn buffuri ta' riħ, bil-konsegwenza li beda jitla' għall-platea.

Imma billi dawk li kienu quddiemna jarawna kienu membri tan-Neptunes, magħrufin bħala baħħara tajba, ma ħallewx l-elementi tan-natura tisfrattalhom id-divertiment. Nezgħu bil-mod iż-żraben, u s-sandlijiet. Min kien bil-qalziet twil tellgħu 'l fuq u aħna b'din il kwalita' ta' kooperazzjoni min-naħa ta' l-udjenza, erbaħna l-unika battalja mal-baħar li qatt kellna u komplejna l-programm sa' l-aħħar, ta' Commandos li konna.

ĠUŻÉ AZZOPARDI

Fl-istess sena, beda jipparteċipa bħala membru regolari Ġużé Azzopardi. Barra li kien attur verament naturali fir-reċtar tiegħu, Ġużé kien wiened mill-aqwa kittieba fl-istorja tal-palk malti għal dawk li huma atti mużikali. Ġużé kiteb vaudevilli, pochades mużikali u kummiedji mużikali.

L-istil ta' Ġużé kien verament addattat għalina. Barra li kważi għamilna fuq il-palk ix-xogħolijiet tiegħu antiki, Ġuże kien kiteb ħafna produzzjonijiet għall-kumpanija, bhal ma huma "S.S. Commando", "Ġol-Buskett", "Imbierek il-Ftehim", "Villa Girgenti", "L-Għassies tal-Barrakka ta' Fuq", "Bonello's Confectionery", "Kien Żball" u "Mrs. Bailey”.

Dawn il produzzjonijiet komplew kabbru l-popolarita' u l-ammiraturi tagħna. Tant kien jikteb tajjeb Ġużé, li kien ikolIna mitt sena sakemm inkunu nafu s-suġġett ta' xi ħaġa ġdida li qiegħed jikteb.

Ġużé kien kolonna oħra ta’ li Stage Commandos, u kien xieraq li jaqsam magħna għal żmien twil l-ikbar suċċessi tagħna.

JITLAQNA ANTHONY RIZZO

Sena wara li telaqna Willie Burló għall-Amerika, sofrejna t-telfa tal-kaxxier u s-suġġeritur tagħna Anthony Rizzo.

Għalkemm Rizzo ma kienx jidher fuq il-palk bħalna, u għalhekk ftit li kienu jafuh, b'danakollu x-xogħol ta' Toni kien importantissimu għalina, Kaxxier eżemplari, suġġeritur tajjeb u ħabrieki għal kwalunkwe biċċa xogħol li kien jidħol għaliha.

Rizzo bis-safar tieghu għall-Kanada kien it-tieni wieħed fil lista ta' dawk li ħallew il-kumpanija biex jemigraw. Huwa telaq fil-bidu tat-trijonfi tagħna, wara li tgħidx kemm ħadem biex il-kumpanija tibqa' eżistenti fiż-żminijiet diffiċli tagħha.