Josephine Mahoney

From M3P
Revision as of 04:05, 28 March 2013 by Aldith (talk | contribs)
Jump to navigation Jump to search

Josephine Mahoney twieldet l-Isla fl-1932 u, fit-Tieni Gwerra Dinjija, marret toqgħod Tas-Sliema. Kien propju Tas-Sliema li Mahoney bdiet il-karriera tagħha fuq il-palk, mal-kumpanija Sliema Dramatic Company, immexxija minn missierha stess. Isem Mahoney jibqa’ sinonimu mat-teatrin, ġeneru ta’ teatru popolari li l-għeruq tiegħu jmorru lura sas-seklu dsatax. Fuq dan, Mahoney tikteb fid-dettal fl-awtobijografija tagħha Oh Żmien Ħelu fejn, fost l-oħrajn, tgħolli l-istatus tat-teatrin billi titkellem b’mod riflessiv dwar l-elementi li l-aktar kienu jikkaratterizzaw din ix-xena, fosthom il-vestwarju rikk, il-messinxena u x-xenarju, kif ukoll il-passaġġ mid-deklamar u r-reċtar artifiċjali għal interpretazzjoni aktar realistika. Interessanti kif Mahoney tiġbor il-vokabularju u t-terminoloġija li kienu jintużaw bejn l-artisti u tippreżentahom bħala element importanti biex il-palk jiġi rikonoxxut daqs ‘kull sengħa, arti jew professjoni oħra’.

L-għażliet li għamlet Mahoney jirriflettu l-elementi l-aktar popolari fix-xena kulturali Maltija. Fil-fatt, dan l-element jiġri tul il-karriera tagħha, mis-snin ġa msemmija tat-teatrin, għar-Redifussion u r-radju u finalment is-soap opera fuq it-televiżjoni. Għax-xogħol tagħha fuq il-palk, Mahoney żviluppat prassi ċċentrata fuq bilanċ bejn il-kitba tal-awtur, il-ħsieb tad-direttur, u l-interpretazzjoni personali tagħha. Dan jidher fl-hekk imsejħa ‘għaxar kmandamenti’ li Mahoney fasslet għaliha personalment, fejn tirreferi b’mod ugwali għal dawn it-tliet elementi importanti. Tul is-sittin sena karriera tagħha fuq il-palk, Mahoney ħadmet ħafna ġeneri differenti bħal vaudeville, buzzetti, drammi sagri, oħrajn soċjopolitiċi, traġedji u kummiedji ta’ Shakespeare, xogħol realistiku, u oħrajn.

Mahoney f'Hekk sejra, Maleth, Teatru Manoel, 1970
Mahoney f'L-Arlesjana, Maleth, Teatru Manoel, 1993