Giuseppe Camilleri

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

STUB

This page is a stub

Stub pages are like acorns. The first seed has been planted, but you can help them grow! There may, for example, also be other M3P resources linking to it. You can help by expanding this page.

Mro. Giuseppe Camilleri twieled ġewwa tas-Sliema fit-18 ta' Frar 1903. Missieru Ferdinando Camilleri kien kompożitur u mużiċista ta' fama li bejn l-1886 u l-1914 kien waqqaf u mexxa l-ewwel baned Slimiżi. Fost l-għadd kbir ta' xogħlijiet tiegħu, tnejn minnhom għandhom konnessjoni diretta mal-Parroċċa; dawn huma Missa Solemnis Stella Maris u l-Innu grandjuż għall-banda, kor, u solisti A Maria Vergine Stella del Mare fuq il-versi ta' Mons. P. Vella Mangion.

L-ambjent li trabba fih Giuseppe Camilleri sa minn ċkunitu nissel fih ġibda kbira għall-mużika, u minn kmieni beda jitħarreġ għand missieru u kuġinuh Agostino. Ta' 23 sena kien ġie maħtur surmast tal-korijiet ġewwa t-Teatru Rjal u sentejn wara kien ħa t-tmexxija tal-Banda tas-Soċjeta Filarmonika Stella Maris minn idejn missieru.

B'dan ta' l-aħħar jokkupa l-kariga ta' Maestro di Cappella f'bosta knejjes, Giuseppe ta' sikwit kien jidħol għal missieru meta xi servizzi kienu jaħbtu flimkien. Bejn l-1936 u l-ewwel snin tal-gwerra ikkompona bosta xogħlijiet; ewlenin fosthom kienu l-Opra Mona Bianca (1936), l-Operetta Shaltimar (1938) u Corale Religioso (1939). Dawn it-tliet xogħlijiet kellhom il-versi minsuġa mill-Avukat Ġorġ Zammit.

Fl-1938 kiteb il-mużika ta' l-Innu popolari Lil Marija Kewkba tal-Baħar fuq il versi tal-qassis tal-Parroċċa ta' Stella Maris Dun P. P. Grima. Dan l-Innu reġa' qiegħed jiġi esegwit minn xi snin 'l hawn fil-ġranet tal-Festa ta' Stella Maris waqt iċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru ġewwa l-Knisja. Fl-istess sena daħal għal impenn li kien jenħtieġ kuraġġ, sagrifiċċji kbar, u fuq kollox kultura mużikali qawwija, meta għaqqad kumpanija ta' l-Opra Lirika iffurmata minn kantanti u mużiċisti Maltin.

Sadanittant huwa kien ilu sena jokkupa l-kariga ta' surmast direttur tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette liema Banda baqa' jmexxi b'abbilità kbira għal 31 sena. Mal-mewt ta' missieru fl-1942, Giuseppe wiret tradizzjoni mużikali li beda jagħtiha ħajja ġdida l-iżjed f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-mużika sagra. Il-mużika melodjuża li ħarġet mill-pinna tiegħu kienet xierqa għall-kult u nieqsa għal kollox minn teatralità żejda kif jixhdu l-bosta Salmi, Antifoni, 16 Innijiet Ewkaristiċi u Marjani, responsorji tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Quddiesa Solenni tant magħrufa u mfaħħra.

Kien imfittex ħafna bħala organista u pjanista. Kien hu li kellu l-unur jakkompanja lis-sopran ta' fama mondjali Maria Caniglia fuq il-pjanuforti meta din tat xi kunċerti hawn Malta fl-1950. Bħala rikonoxximent din ilpersonalità ta' fama irregalatlu ritratt awtografat bil-kliem: Al grande egregio Maestro Giuseppe Camilleri. Frażi qasira b'tifsira kbira. Fl-1953, għall-okkażjoni ta' l-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II kkompona Invocation fuq il-versi tal-Avukat Ġorġ. Zammit. Xogħol sabiħ ieħor kien Id-Dawl mit-Tempesta fuq il-versi ta' Dun Frans Camilleri li kien kiteb għall-okkażjoni tal-Festi Ċentinarji Pawlini fl-1960.

Il-kompożizzjoni u d-direzzjoni huma żewġ oqsma tal-mużika distinti minn xulxin. Giuseppe Camilleri bbrilla fit-tnejn. Il-bakketta tiegħu kienet toħroġ mill-orkestranti dik il-ħeġġa u l-ħlewwa li hu kien tant magħruf għaliha. Il-ftaħir qatt ma għamel bih. Kien ta' spiss ilissen: nipprova nagħmel mill-aħjar ... . Kien raġel umli u onest u li bl-imġiba u l-manjieri tiegħu kien jiġbed issimpatija ta' kulħadd. Kellu rispett u sottomissjoni assoluta lejn l-awtoritajiet tal-Knisja; l-aġir tiegħu·fi żmien ir-riformi fil-Liturġija wara l-Konċilju kien tassew altruwista u mnebbaħ biss minn imħabba ġenwina għall-mużika. Għall-Knisja ta' Stella Maris Giuseppe Camilleri kellu ġibda naturali li twieldet u kibret miegħu. Hija ħaġa ċerta li ħafna mill-kompożizzjonijiet ta' mużika sagra ġew imnebbhin mill-imħabba li kellu għal din il-Knisja. Sa l-1975 baqa' jagħti s-servizzi tiegħu minkejja li saħħtu kienet bdiet sejra lura.

Miet fit-tieni jum tat-Tridu ta' Stella Maris, nhar il-Ħamis 19 ta' Awissu 1976. Il-Madonna li tant faħħar u gglorifika permezz tat-talenti li Alla tah, sejħitlu għall-premju ta' dejjem fil-ġimgħa tal-Festa tagħha li f'ħajtu tant issolennizza bil-mużika melodjuża tiegħu.