Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina - Mellieħa

From M3P
Revision as of 17:56, 25 April 2023 by Axiaqm (talk | contribs) (Included Page: Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina - Mellieħa)
(diff) ← Older revision | Latest revision (diff) | Newer revision → (diff)
Jump to navigation Jump to search

Storja tal-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bembina - Mellieħa

Mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-1945, Giuseppe Muscat mill-Mellieħa wera x-xewqa li jgħaqqad orkestra fir-raħal, bil-ħsieb li din tagħti s-servizzi tagħha fil-funzjonijiet tal-festi fil-Knisja Parrokkjali tal-Mellieħa. Sentejn wara, fl-1947 mal-wasla tal-Kappillan Xuereb, Giuseppe flimkien ma' mużicisti oħra Melleħin beda jwettaq din ix-xewqa, u hekk ġiet iffurmata u rat il-bidu tagħha l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina.

L-ewwel darba li l-kor u l-orkestra Maria Bambina taw is-sehem tagħhom fil-Knisja Parrokkjali tal-Mellieħa kien fil-festa tal-Vitorja tal-1947 taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Giuseppe Muscat u li kien il-fundatur tagħha. Il-kor kien iffurmat minn irġiel biss dak iż-żmien. Il-kor u l-orkestra bdew jagħtu s-sehem tagħhom ukoll fil-funzjoni tal-Milied u fil-festa tal-Isem Imqaddes ta’ Alla magħrufa aħjar bħala “tax-Xirka”. Fost il-mużika li ndaqqet fil-Milied tal-1947 kien hemm propju “Te Deum”, kompożizzjoni ta’ Mro. Vincenzo Ciappara u li nsibu f’din is-CD.

Mis-snin 50 sa nofs is-snin 70, minkejja d-diffikultà li ġabet magħha l-emigrazzjoni, il-kor u l-orkestra baqgħu joffru servizz fil-Knisja Parrokkjali bis-sehem tagħhom fil-festa tax-Xirka. Matul dan iż-żmien il-kor u l-orkestra kienu taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Mikiel Muscat (1949 - 1975) li ħa din il-kariga wara li Mro. Giuseppe Muscat emigra lejn l-Awstralja fl-1949.

Lejn nofs is-snin 70 taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Salvino Vella (1975 - 1977) u iktar tard taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Carmel Muscat (“il-Captain”, 1978-1989), il-kor u l-orkestra bdew idoqqu u jkantaw ukoll fil-lukandi tal-madwar.Nistgħu ngħidu li dan kien il-bidu tal-mużika kontemporanja fir-repertorju tal-kor u l-orkestra.

Fl-1991 l-Għaqda xtrat il-post li għandha llum fi Triq il-Parroċċa u fl-1995 beda jsir it-tagħlim tal-mużika lill-istudenti li riedu jitgħallmu strumenti tal-korda, tan-nifs, pjanu u teorija. Dan is-sit huwa propjetà tal-Għaqda.

Minn dakinhar ’il quddiem l-Għaqda qatt ma ħarset lura, u kompliet tagħti sehemha f'avvenimenti importanti u varji kemm fil-Mellieħa kif ukoll barra minn xtutna. Fost dawn insibu l-involviment tagħha fiż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Mellieħa fl-1990, fejn kellha r-responsabbiltà li tgħaqqad il-korijiet kollha tal-Parroċċa f’kor wieħed. Fl-1992 beda jittella’ l-programm annwali tal-1 ta' Settembru li huwa ferm popolari, u fejn il-kor u l-orkestra juru kemm huma versatili permezz tal-interpretazzjoni tagħhom ta’ mużika ta’ kull ġeneru. Mro Anthony Borg kien is-surmast direttur tal-kor u l-orkestra bejn l-1989 u l-1993.

Matul is-snin irnexxielna wkoll ngħaqqdu l-mużika mal-istorja u l-kultura permezz ta' rappreżentazzjonijiet storiċi. Ħafna għadhom jiftakru d-dramm tal-Assedju l-Kbir imtella’ b'tant suċċess fl-1995 u fl-1996. Dan id-dramm storiku u mużikali kompla saħħaħ il-parteċipazzjoni tagħna fil-festa tal-Vitorja u għen biex tiżdied ir-reputazzjoni tajba li bdiet tibni l-Għaqda f'dan il-qasam. Mro. Lawrence Scicluna kien is-surmast direttur tal-kor u l-orkestra mill-1993 sal- 1998. Wara s-surmast Scicluna nsibu lill-Mro. Victor Vella jokkupa din il-kariga mill-1998 sal-2001.

Ir-relazzjonijiet eċċellenti li għandna mal-belt ta’ Adenau fil-Ġermanja wasslu għal żjarat mill-kor u l-orkestra fl-1996, fl-1999 u fl-2006. Fl-2019 morna bħala kor u orkestra f’għeluq il-25 sena mill-ħbiberija bejn din il-belt ta’ Adenau u l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina fl-1994 u li kienet wasslet għall-ewwel iffirmar ta’ ġemellaġġ f’Malta bejn il-Mellieħa ma’ din il-belt Ġermaniża ftit snin wara.

Matul is-snin ġew ippreżentati drammi mużikali oħra fl-okkażjoni taċ-Ċentinarju mill-inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Mellieħa fl-1999 u f’għeluq it-tliet mitt sena mill-bini tal-Ark tal-bitħa tas-Santwarju fl-2019, fejn saret rappreżentazzjoni storika dwar din l-istess ġrajja fil-bitħa tas-Santwarju. Bejn l-2001 u l-2018 insibu lil Mro. Kenneth Fenech bħala surmast direttur tal-kor u l-orkestra.

Fl-2008 kellna t-twaqqif tal-Junior Choir and Orchestra. Il-programm annwali ddedikat lilhom u lill-istudenti tal-mużika jsir fl-1 ta' Awwissu ta’ kull sena. Il-Junior Choir and Orchestra tinvolvi ruħha wkoll fi programmi mużikali, fosthom fil-Milied u waqt attivitajiet oħra matul is-sena. Fil-preżent, il-Junior Choir and Orchestra hija mmexxija mill-mużiċist Wayne Bartolo.

Illum il-ġurnata, l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina hija responsabbli mill-mużika li tindaqq fil-festi ewlenin ta' matul is-sena fil-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa, fosthom dawk ta' nhar il-festa tal-Vitorja, il-Milied, l-Għid il-Kbir, il-festa tal-Madonna tal-Mellieħa, tar-Rużarju, ta’ San Ġuzepp, ta’ Corpus u tal-Qalb ta’ Ġesu, fost oħrajn. L-Għaqda għadha ttella’ l-programm annwali tant mistenni tal-1 ta’ Settembru, filwaqt li torganizza programmi mużikali oħrajn fiż-żmien tal-Ġimgha l-Kbira kif ukoll fil-Milied. Id-direzzjoni mużikali tal-kor u l-orkestra mill-2018 sal-lum hija ta’ Mro. Michael Bonanno.

‘’’Għaqda Korali u OrkestraliMAria Bembina - Mellieħa’’’ (Tagħrif meħud mis-Cd Mużika Sagra ta' Vincenzo Ciappara