Għaqda Każin Banda San Filep

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

Storja tal-Għaqda Każin Banda San Filep

Għaqda Każin Banda San Filep

Qadew snin kbar minn wara is-sena 1851 fejn uffiċċjament f’ Ħaż-Żebbuġ ġiet imwaqfa Għaqda Każin Banda San Filep, fejn twieldet, kibret u għexet. Ġrajja ta’ aktar minn mija u sebgħin sena, minn meta l-banda ġiet imwaqqfa formalment bl-isem “San Filep” taħt il-magħruf surmast Filippo Galea.

Kien hemm ferħ kbir meta l-banda li għat-travers l-istrumenti mużikali semmgħet leħinha fil-programmi li esegwiet f’din l-istess pjazza, li bħall-banda ħadet isimha mill-qaddis titulari taż-Żebbuġin San Filep, fil-festi ta’ dan il-qaddis u tal-Madonna tal-Karità li saru fis-sena 1851. Iż-żmien li ilha ddoqq il-banda jagħmilha verament storika għaliex imur lura ’l bogħod ħafna, aktar milli l-ixjeħ fostna jistgħu jiftakru. Sa fejn hu magħruf hija l-banda l-aktar antika fost il-baned li hawn f’Malta, imkabbra imma denja tat-titlu ta’ banda EWLENIJA.

It-tradizzjoni ġo Ħaż-Żebbuġ dejjem żammet illi l-Banda San Filep hija l-aktar antika ta’ Malta u aħna organizzajna din iċ-ċelebrazzjoni wara li tkellimna max-xjuħ tar-raħal li wasslulna l-ġrajja tal-banda fi żminijiethom u kif saru jafuha mingħand missirijiethom u mingħand in-nanniet tagħhom li kienu jappartjenu lil din is-soċjetà mużikali, fosthom il-pijunjieri qalbiena. Iżda kien iż-żelu tal-promoturi ta’ din iċ-ċerimonja u l-kollaboraturi spontanji li ġol-kwadru ta’ tradizzjoni bl-għeruq imqabbdin ġol-imgħoddi, fittxew bis-serjetà li jintraċċaw l-oriġini l-aktar ’il bogħod tal-banda. U r-riżultat huwa ċ-ċerimonja tal-lejla.

las lil Babda fil-festa ta’ San Filep

Dak li konna nafuh bil-fomm sibnieh miktub f’dokument oriġinali u awtentiku:(1) il-Banda San Filep wettqet programmi mużikali ġo din l-istess pjazza fis-sena 1851. Wieħed ma’ jistax ma’ josservax illi qabel twettaq programm, banda trid iż-żmien għall-formazzjoni tal-mużikanti u l-preparazzjoni bil-kunċerti, u jkun ġust li wieħed jaħseb li l-banda kienet organizzata sa minn qabel l-1851.

’Il bogħod mill-konsolidazzjoni tal-lum meta l-banda għandha s-sede permanenti tagħha, il-każin li jħaddan mijiet ta’ membri u huwa l-akbar soċjetà ċivika ta’ Ħaż-Żebbuġ, fil-bidu tagħha kienet immexxija minn għadd żgħir ta’ ċittadini li mfawrin biż-żelu għall-arti u l-kultura mużikali u għall-festa tal-qaddis patrun ta’ pajjiżhom, bi spirtu li jġiblek għira, kienu b’sagrifiċċju jieħdu ħsieb jgħallmu l-mużika u l-istrumenti u jissussidjaw il-banda.

Il-ġrajja tal-banda hija magħġuna mal-ġrajja ta’ Ħaż-Żebbuġ, fejn twieldet, kibret u għexet u wieħed irid jaraha fuq l-isfond tal-progress ta’ dan il-qasam tas-soċjetà Maltija. Għal nofs is-seklu dsatax Ħaż-Żebbuġ kien ċentru tal-arti, tal-industrija u l-kummerċ. In-negozju tal-qoton kien fl-aqwa tiegħu, ir-raħal kien miżgħud bl-inwiel għall-insiġ tal-qoton, u dan kien ġab miegħu ġid u għana.

Kien għalhekk li dak iż-żmien daħal il-ħsieb li ssir l-istatwa tal-fidda ta’ San Filep ta’ Aġġira, Patrun tal-Parroċċa, lussu li l-qagħda ta’ prosperità taċ-ċittadini kienet tippermetti. Il-konkorrenza ma setgħetx ma tkunx kbira u ġeneruża, u l-vara tal-fidda tal-Iskultur Luigi Fontana waslet hawn f’Lulju tas-sena 1863.

Filippo Galea (1851-1860)

Dak iż-żmien in-nies tar-raħal kienu mogħtija għall-istudju, l-aktar imxerred dak tal-mużika. Tant hu hekk li nsibu li Ħaż-Żebbuġ ta lil pajjiżu nies kbar fil-qasam tal-istudji, l-arti u l- patrijottiżmu, fosthom ta’ kuraġġ nobbli Dun Mikiel Xerri, l-ewwel u akbar eroj fi żmien il-Franċiżi, u Professur tat-Teoloġija fl-Università, il-Pittur Lazzaro Pisani, l-Imħallef Dott. Giovanni Pullicino, l-Iskultur Antonio Sciortino, Professur tal-Accademia delle Arti ta’ Ruma, il-magħruf Professur Patri Daniel Callus O.P. tal-Università Ingliża ta’ Oxford u fi żminijiet aktar qrib, il-Wisq Reverendu Monsinjur Carmelo Psaila, il-poeta par excellence Malti li minn qalbu niseġ l-Innu Malti f’versi ta’ ħlewwa u qawwija aktar mill-bronż.

Fost l-antiki ma nistgħux ma nsemmux lill-magħruf Surmast Filippo Galea li mexxa l-banda għal għaxar snin, mill-1851 sal-1860.(2) Sa minn qabel l-1851 ġo Ħaż-Żebbuġ kien hawn ħerqa kbira għat-tagħlim tal-mużika u Filippo Galea jisboq lil kulħadd f’din l-arti.

Minn idejn Filippo Galea, il-Banda San Filep għaddiet taħt it-tmexxija tas-Surmast Andrea Borg, magħruf bħala “Mastru Indrì,” fl-1860, u baqgħet taħt it-tmexxija tiegħu sal-1868,3 surmast li fl-ewwel programm mużikali tiegħu ħareġ innu bil-galopp li qajjem lir-raħal. Għalkemm kien tilef id-dawl minn ċkunitu, mhux biss tgħallem il-mużika u kien idoqq il-klarinett, imma kien jgħallimha u jiddettaha. In-nuqqas tad-dawl tiegħu kien jagħmel tajjeb għalih bl-udit u l-memorja tal-għaġeb li kellu. Andrea Borg kellu ħafna bċejjeċ ta’ mużika msawrin minnu stess, fosthom innijiet lill-qaddisin, u fl-1863, għall-okkażjoni tal-wasla mill-Italja tal-vara tal-fidda tal-Patrun tal-Parroċċa ħareġ innu tiegħu lil San Filep li l-Banda damet iddoqq għal żmien twil. Mill-Parroċċa ta’ San Duminku tal-Belt, u ta’ partitarju tal-festa tal-Parroċċa tiegħu, huwa ħa l-Banda ddoqq fil-festa ta’ San Duminku, fejn baqgħet tmur iddoqq għal bosta snin.

Indri Borg (1860-1868)

Wara Andrea Borg il-Banda għaddiet taħt ibnu, is-Surmast Ġużè Borg, mill-Belt, li kien l-ewwel surmast taż-żewġ baned tal-Belt u tal-Furjana, li llum iġibu l-isem ta’ Soċjeta Filarmonika King's Own u Vilhena Band Club. Warajh laħaq is-Surmast Gioacchino Galea, Żebbuġi wkoll, mill-istess familja tal-fundatur tal-Banda San Filep Filippo Galea, klarinettista u ferm enerġetiku li ta spinta kbira lill-banda. Ritratt tal-banda fi żmien Gioacchino Galea jixhed l-organizzazzjoni tiegħu b’banda mimlija. Is-Saċerdot Salvatore Ciappara, il-kittieb ta’ Storia del Zebbug (1882, faċċ. 94), jgħidilna dwar il-banda ta’ żmien Andrea Borg “Illum l-iskulari antiki saru surmastrijiet jgħallmu lill-aljievi.”

Il-bandisti ta’ dak iż-żmien allura m’għadhomx jeżistu, imma s-Sur Paolo Chircop li kien tifel kantant u jidher fit-tarf tar-ritratt għadu fostna u jiftakar tajjeb l-okkażjoni tar-ritratt, lill-bandisti, lil Gavino Naudi, il-President tal-Casino S. Filippo u lil Carmelo Zammit, il-President tas-Società Filarmonica S. Filippo u jgħidilna li l-banda allura kienet fil-furja tagħha.

Carmelo Zammit kien jiffinanzja l-banda u jlaqqagħha fid-dar tiegħu għall-kunċerti qabel ma dik is-soċjetà fl-1890, sabet anki l-għajnuna id f’id tal-Casino S. Filippo, u din l-għaqda kulturali hija l-lum il-Każin tal-Banda San Filep. Fl-1893, is-surmast żagħżugħ Salvatore Mallia, mis-Siġġiewi, li kien Bandmaster militari, ħa t-tmexxija tal-banda. Dik is-sena l-kleru u l-poplu tas-Siġġiewi, immexxi (‘opitulante’) mis-Saċerdot Paolo Laferla għamel ċerimonja fuq Tal-Għolja biex ifakkar it-tqegħid mill-ġdid tas-Salib li kien sar tliet snin qabel bil-barka tal-Papa Ljun XIII. Salvatore Mallia għaqqad il-banda ta’ pajjiżu u tagħna flimkien biex wettaq programm mużikali fuq Tal-Għolja, f’dik iċ-ċerimonja li għadha mfakkra b’lapida tal-irħam fuq il-pedestall tas-Salib, li l-qilla tat-temp matul is-snin ma ħallewhx fuq dik il-quċċata. (Għalkemm fis-snin ta’ wara dan is-Salib reġa’ ġie mqiegħed fejn kien qabel u għadu hemm sal-lum).

Fl-1899, ħa l-banda f’idejh is-Surmast Alessandro Agius mir-Rabat, li kien magħruf bħala “Il-Profan,” naħsbu aħna, minħabba li kien iben is-Surmast Epifanio Agius, Direttur tas-Soċjeta San Pawl Banda Konti Ruġġieru. Fl-1903, is-Surmast Spiridione Zammit mexxa l-banda għal żmien qasir u ma tantx kien popolari mal-bandisti u x-xjuħ jiftakruh bħala s-surmast li kellu għajn tal-ħġieġ. Fl-istess sena reġa’ ħa f’idejh il-banda għal ftit taż-żmien is-Surmast Salvatore Mallia.

Il-Banda San Filep bl-Uniformi il-Antika

Fl-1904 beda jidderiġi s-Surmast Angelo Melilli. Taħt dan is-surmast il-banda rat tibdil għall-aħjar kemm fin-numru tal-bandisti u kemm fit-tjubija tal-mużika. Angelo Melilli għadu u jibqa’ mfakkar bħala s-surmast ferm kapaċi li taħtu l-banda għaddiet żmien mill-aktar brillanti. Tant kien namruż lejn il-banda li ħalla d-dar tiegħu ġo Bormla u ġie joqgħod fir-raħal, f’dar li kien ipprovdielu l-Każin Banda San Filep stess. Kompożitur prolifiku li ħallielna ħafna xogħol mużikali, fosthom insemmu l-famużi marċi funebri li niftaħru bihom, l-Inno a S. Filippo (miktub fi Frar tal-1906) u Omaggio a S. Filippo, bil-vuċijiet (miktub f’April tal-1911, b’lirika tal-Poeta Nazzjonali u Żebbuġi Dun Karm Psaila), li se jkollna x-xorti nisimgħu llejla, u aktar milli bil-kliem inkunu nistgħu napprezzaw il-ħila u l-kobor tal-awtur. Angelo Melilli ħabbat sal-1911 u miet sentejn wara f’Tuneż.

Is-Surmast Alfred P. Hare, mill-Belt, li ħa l-banda f’idejh warajh u li ħafna għadhom jiftakruh mal-banda, kien raġel wieqaf u ta’ karattru li juri d-dixxendenza Ingliża tiegħu u l-arja tiegħu ta’ Bandmaster militari. Kien ukoll direttur tal-baned King’s Own u Vilhena fl-istess żmien. Fi żmienu l-banda kellha wkoll lis-Surmast Carmelo Camilleri mir-Rabat, li kkunċerta u ħabbat programm li l-banda għamlet nħar San Ġużepp tar-Rabat. Fl-1918, minħabba raġunijiet ta’ saħħa ta’ Alfred Hare, ikkunċerta u ħabbat ukoll is-Surmast Michele Gatt, ħu s-Surmast tal-lum.

Meta Hare rtira fl-1919, kompla floku s-Surmast Orlando Crescimanno, li ħallielna Inno a S. Filippo, li wkoll għandu lirika tal-Poeta Nazzjonali u Żebbuġi Dun Karm Psaila, President Onorarju tal-Każin Banda San Filep. Fl-1920 u l-1921, il-banda reġgħet għaddiet f’idejn is-Surmast l-antik Salvatore Mallia. Fl-istess sena beda jħabbat is-Surmast tal-lum Adeodato Gatt, bħala Assistent Surmast Direttur, u s-sena ta’ wara ħa l-banda f’idejh.

M’hemmx għalfejn ngħidilkom min hu u xi jsarraf Adeodato Gatt, awtur ta’ bosta xogħlijiet mużikali varjati, fosthom marċi mill-aktar brijużi u popolari li ta lill-banda fiż-żmien ta’ erbgħin sena li ilu surmast tagħha, żmien twil biżżejjed biex jista’ jiftaħar, u aħna nawgurawlu li jkompli għall-ġejjieni. Maestro Gatt jinsab assistit minn ibnu, is-Surmast Philip Gatt, Bandmaster tar-Royal Air Force.

Il-Banda San Filep fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa tal-1929

Xhieda tal-progress kbir u tal-popolarità tal-banda fiż-żmien antik huwa l-palk li kien sar meta kien prokuratur tal-Festa ta’ San Filep is-Saċerdot Tommaso Debono, li tliet snin oħra jkun serva lill-banda għal mitt sena. Biċċa xogħol tal-injam artistika, dan il-palk, għaxar snin wara li sar, ġie miżjud u msebbaħ bi statwa tal-Gran Mastru Manoel Marie de Rohan li ta ismu lir-raħal Città Rohan.

L-attività tal-banda fil-ġrajja tagħha kienet varjata. Barra l-programm eċċezzjonali li semmejna diġà, il-banda ħadet sehem fil-festi li saru lil Prince of Wales għall-bidu tas-seklu għoxrin, fil-festa tal-miġja tar-Reġina Eliżabetta II, fiċ-ċentinarju Pawlin, biex ma nsemmux programmi mxerrdin ma’ Malta kollha.

Fl-1937, il-Każin tal-Banda San Filep organizza ċerimonja b’tifkira tal-patrijott Dun Mikiel Xerri u ġiet mikxufa lapida kommemorattiva fil-faċċata tad-dar fejn kien joqgħod fit-triq li ġġib ismu. Tmien snin wara l-każin organizza ċerimonja lill-E.T. Field Marshall Lord Gort, Gvernatur u Kap Kmandant fl-Assedju tal-1942, fejn ġiet ippreżentata lilu Sword of Honour li kellhom sehem fiha l-baned ta’ Malta u Għawdex.

Ħames snin wara, f’għeluq il-mitt sena mill-mewt ta’ Mons. Francesco Saverio Caruana, Isqof ta’ Malta, il-każin organizza ċerimonja oħra kommemorattiva. Dawn iż-żewġ okkażjonijiet jinsabu mfakkrin bil-lapidi tal-irħam fuq il-faċċata tal-każin. Fit-tliet okkażjonijiet distinti u storiċi ħadet sehem il-banda.

Tajjeb li ninftakru wkoll fil-bosta bandisti tal-imgħoddi li bil-għaqal, bil-ħidma u bl-imħabba għall-arti mużikali kienu l-persunaġġi li nisġu din il-ġrajja tal-banda, u fil-bandisti tal-lum, li qegħdin hawn magħna biex iferrħuna fil-festa ta’ llejla, xejn inqas għaqlin, ħabrieka u mogħtija għall-arti mużikali minn ta’ qabilhom, u dawn għandhom għax ikunu tassew kburin li qegħdin ikomplu s-sensiela bla heda ta’ programmi mużikali artistiċi mifruxa matul il-mija u għaxar snin li ilha mimlija bil-ħajja l-Banda San Filep.

Kitba ta’ Dr. Joseph G. Borg Ex. President tal-Għaqda Każin Banda San Filep

Avvelimenti Importanti fis-Storja tal-Għaqda

  • 1851 – Isem il-Banda di San Filippo jidher għall-ewwel darba f’reġistru tal-parroċċa. Mibdija minn Mro. Filippo Galea, illum hija l-eqdem fost il-baned attivi fil-Gżejjer Maltin.
  • 1856 – Il-banda kellha l-ewwel uniformi – irregalata mill-Gvernatur William Reid lil Mro. Filippo Galea. Din l-uniformi kienet ta’ reġiment Ingliż stazzjonat f’Malta u li kien se jbiddel l-uniformi tiegħu.
  • 1857 – Is-Soċjeta Mużikali tal-Banda di San Filippo kellha sede f’Numru 52 fi Triq il-Parroċċa. Imbagħad fl-1885 imxiet għal Numri 273 u 274 fi Strada Reale, fl-1894 marret f’54 Strada Parrocchia, fl-1898, f’259 u 260 fi Strada Reale (illum 23, Misraħ San Filep), fl-1911, f’254 Strada Reale (illum 17, Misraħ San Filep) u fl-aħħar fl-1924 daħlet fi 12, Misraħ San Filep, Ħaż-Żebbuġ fejn baqgħet sal-lum.
  • 1859 – Il-banda żiedet ħmistax-il strument ġdid u kellha l-ewwel palk.
  • 1860 – Indrì Borg li kien ilu snin mal-banda, ħadha f’idejh għax Filippo Galea ma setax ikompli minħabba l-ħafna safar tiegħu fit-tul mal-armata Ingliża.
  • 1860-1864 – Tat sehem qawwi fil-ġbir ta’ flus għall-istatwa tal-fidda ta’ San Filep.
  • 1889 – Is-soċjetà tal-banda kellha taqsima tad-drama bl-isem Teatrino San Filippo Indipendente li kien jieħu ħsiebha Michele Grech. Kienu jittellgħu drammi bit-Taljan u bil-Malti (Guida Generale).
  • 1891 Iżżanżan palk ġdid għall-banda – dak magħruf bħala ‘l-iskorfina’ minħabba l-forma ottangonali tiegħu.
  • 1899 – Il-Banda San Filippo żaret Tuneż għal ftit ġranet li matulhom għamlet xi programmi mużikali għall-Maltin li kienu jgħixu hemm.
  • 1901 – Il-bandisti tal-Banda San Filep ġew arrestati u miżmuma l-ħabs talli daqqew fil-ħruġ tal-istatwa li nzerta fi żmien dikjarat bħala luttu għall-mewt tar-Reġina Viktorja. Iż-Żebbuġin ħadulhom it-torti u ikel ieħor tul iż-żmien qasir li damu l-ħabs.
  • 1911 – Iċ-Circolo La Stella Levantina, li kellu orkestra jisimha Lohengrin ingħaqad max-xirka tal-Banda San Filep u għal xi ftit snin kienu jissejħu Circolo La Stella e Filarmonica San Filippo.
  • 1911-1916 – Is-Soċjetà tal-Banda għenet fil-ġbir ta’ flus għall-ispejjeż tal-bini tan-navi tal-knisja u membri tagħha ħadmu bla ħlas.
  • 1920 – Il-kamra tan-nar tal-Għaqda nħarġilha l-premess bħala St. Philip Fireworks Factory.
  • 1924 Saru ċelebrazzjonijiet kbar f’għeluq il-200 sena mill-miġja tar-relikwa ta’ San Filep minn Aġġira. Iżżanżan l-armar il-ġdid tal-pjazza bil-loġġjar tal-ħadid minn kolonna għall-oħra maħdum minn membri tas-Soċjetà tal-Banda San filep taħt it-tmexxija ta’ Rokku Zammit, ħu l-Prokuratur tal-Knisja Dun Salv Zammit.
  • 1924 – Sar arkivju ġdid fejn tinżamm il-mużika tal-Banda San Filep.
  • 1929 – Fis-27 ta’ Jannar, Il-Prim Ministru Lord Gerald Strickland żar il-każin fl-okkażjoni tal-konsagrazzjoni tal-Għaqda lill-Qalb ta’ Ġesù. Dakinhar iżżanżnet ukoll bandalora ġdida tal-banda.
  • 1929 – Fl-24 ta’ Ġunju l-Banda San Filep u d-diriġenti tagħha kienu mistiedna mill-Gvernatur Lord Strickland f’Sant’Anton.
  • 1932 – Il-każin daħħal l-ewwel radju f’Ħaż-Żebbuġ li kien tat-tip Vincent Kind Radio Philco u sewa £45.
  • Fl-1944 – il-Banda San Filep irrapreżentat il-Baned ta’ Malta u Għawdex billi għamlet il- programm mużikali li matulu ngħatat xabla tal-unur lill-Gvernatur Lord John Gort.
  • 1944 – fit-22 ta’ Marzu, il-kumitat tal-każin mistieden għand il-Gvernatur Lord Gort f’Sant’Anton.
  • 1945 – Il-każin għamel festin ad unur il-President Onorarju Mons. Profs. Karm Psaila fl-okkażjoni tal-għoti tal-grad tad-Dottorat fil-Letteratura (honoris causa) mill-Università ta’ Malta.
  • 1945 – 19 ta’ Novembru, l-Iskultur Francesco Saverju Sciortino, ħu Antonio, lesta l-abbozzi tal-panewijiet għall-bradella l-ġdida. Il-każin ħallsu £395 ta’ xogħlu.
  • 1946 – Il-każin organizza xalata kbira għall-Armier li fiha marru 70 xarabank. Il-Banda San Filep akkumpanjat bid-daqq tal-marċi.
  • 1947 – f’Mejju żżanżan planċier ġdid għall-banda li għadu jintuża sal-lum. Parti mill-programm mużikali tal-Banda San Filep ixxandar dirett fuq ir-Rediffusion. Din kienet l-ewwel darba f’Malta li programm ta’ banda xxandar dirett. Fil-jiem tal-festa żaru l-każin il-Gvernatur Francis Campbell, Ross Douglas, l-Arċisqof Gonzi u l-Prim Ministru Boffa.
  • 1947 – f’Novembru tfakkret il-100 sena mill-mewt tal-Isqof Franġisku Saverju Caruana. L-Isqof Emanuel Galea kixef lapida mad-dar fejn kien joqgħod u l-Prim Ministru Pawlu Boffa kixef oħra mal-faċċata tal-każin.
  • 1955 – fis-7 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, fis-sagħtejn neqsin għaxra ta’ waranofsinhar taret il-kamra tan-nar tal-Kandlora. Mietu erbgħa: Filippu Xuereb, Filippu Cassar, Antonio Debono u Ġamri Farrugia. Ħaż-Żebbuġ kien f’luttu għalihom.
  • 1955 – 13 ta’ Novembru, il-Prim Ministru Dom Mintoff inawgura l-bini l-ġdid tal-każin waqt li l-Arċisqof Mikiel Gonzi bierku.
  • Bejn l-1956 u l-1979 – il-każin kellu ċ-ċinema Mayfair, l-uniku ġo Ħaż-Żebbuġ.
  • 1961 – Imfakkar il-110 sena mit-twaqqif tal-Banda San Filep. Saret bandalora ġdida u l-Gvernatur Sir Guy Grantham kixef lapida mal-faċċata.
  • 1967 – Beda jsir il-marċ popolari tal-Ħadd filgħodu. L-Isqof Redent Gauci żar il-każin u ngħata somma flus għall-missjoni.
  • 1971 – 25 ta’ Marzu, Mro. Philip Gatt ippreżenta l-marċ “A small big step” lill-Ambaxxatur Amerikan John Pritzlaff Jr. Il-President Richard Nixon kien bagħatlu ittra ta’ ringrazzjament.
  • 1976 – Il-125 sena mit-twaqqif tal-Banda San Filep tfakkar b’ċelebrazzjonijiet tul ħamest ijiem. L-Imħallef Oliver Gulia, President Onorarju, kixef lapida kommemorattiva ġewwa l-każin. L-Arċisqof Mons Mikiel Gonzi berikha. Inħareġ ktejjeb ta’ tifkira.
  • 1980 – Twaqqfet il-fergħa tan-nisa fi ħdan il-Għaqda Każin Banda San Filep taħt il-presidenza tas-Sinjura Doreen Attard Montalto.
  • 1986 – Twaqqfet il-fergħa taż-Żgħażagħ tal-istess Għaqda.
  • 1990 – Inbeda l-bini tal-bitħa u b’hekk tkabbar mhux ftit il-każin. Xi membri silfu l-flus b’imgħax baxx jew bla imgħax għal dan l-iskop. Il-bini jinkludi tlett iħwienet li ġew mikrija, żewġt ikmamar, tlett iswali u kantina.
  • 1994 – Bdiet issir wirja tal-Ġimgħa l-Kbira fil-każin bi statwi kbar (lifesize) maħdumin mill-Kav. Alfred Camilleri Cauchi. Ġiet inawgurata mill-President tar-Repubblika Dr. Ugo Mifsud Bonnici. Illum fiha 3 xeni bi 30 statwa kbira: Ċenaklu, Kruċifissjoni u Difna. Fis-sentejn ta’ qabel, il-wirja kienet tikkonsisti f’sett ta’ vari żgħar mislufa mis-Sur Joe Sammut, membru tal-każin.
  • 1997 – 7 ta’ Ġunju, ġemellaġġ uffiċjali bejn Ħaż-Żebbuġ u Aġġira. Fit-12 ta’ Mejju kienet saret l-ewwel parti taċ-ċerimonja f’Aġġira. Il-każin ħa sehem attiv fiż-żewġ okkażjonijiet. F’dik ta’ Ħaż-Żebbuġ, iż-żewġ sindki Dr. Godfrey Farrugia u Gaetano Giunta kixfu lapida mal-faċċata tal-każin li tfakkar din il-ġrajja kif ukoll il-pellegrinaġġ tal-1897 lejn Aġġira u lil Antonio Sciortino. Ittellgħet ukoll wirja ta’ pittura u statwi ta’San Filep fil-każin.
  • 1998 – Awwissu, inbeda proġett ieħor li kien jinvolvi t-twaqqigħ ta’parti mill-binja l-antika, it-tħaffir ta’ kantina, il-bini ta’ taraġ maestuż u rħam u suffett tal-ġewż. Il-perit tal-proġett kien Mario Balzan waqt li Innoċens Centorrino kien responsabbli għad-disinn tal-lavur.
  • 2001 – Imfakkra l-150 sena tal-Banda. Stampat il-ktieb Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep, saret bandalora, żewġ programmi mużikali speċjali u bosta attivitajiet oħra. Il-banda ħadet sehem fil-festival internazzjonali Mandorlo in Fiore ta’ Agrigento.
  • 2003 – Ġunju 1-8, matul il-ġimgħa tal-festa l-każin waqqaf radju tal-komunità li xandar 24 siegħa kuljum.
  • 2003 – Inbeda proġett ġdid: taħt is-sala tal-bar tħaffret kantina li tinfed ma’ dawk li saru qabel taħt il-kumplament tal-każin.
  • 2004 -Twaqqaf il-Klabb tat-Tfal magħruf bħala Tfal tal-Istilla.
  • 2007 – L-Għaqda tellgħet il-Musical Ir-Rebbieħ fl-Istitut Kattoliku. Dan jittratta l-ħajja ta’ San Filep.
  • 2008 – Għamlet simposju dwar Luigi Fontana bil-parteċipazzjoni tal-Istudjuża tal-Arti Marisa Calisti mill-Italja u esperti oħra Maltin. Twaqqaf is-St. Philip Pageant Group. L-ewwel attività kienet Milied Ħaj Malti li sar fix-xelter.
  • 2009 – Is-St. Philip Pageant Group tella’ żewġ rappreżentazzjonijiet oriġinali ta’ drammi tal-Passjoni ta’ Kristu fil-pjazza. Intużaw żewġ palkijiet kif ukoll it-triq u l-gallerija tal-każin.
  • 2009 – fil-11 ta’ Novembru, kunċert kbir mill-Banda San Filep fl-awditorju tal-Kulleġġ St. Dorothy’s bl-iskop li jinġabru fondi għall-proġett tar-restawr tal-faċċata tal-knisja parrokkjali.
  • 2010 – Imfakkar Joe A. Grima li fis-snin sittin kien waqqaf il-Moviment Qawmien Letterarju Malti.
  • 2011 – Imfakkar Dun Karm Psaila f’lejla mużiko-letterarja fil-każin, bil-sehem ta’ kelliema esperti bħall-Prof. Oliver Friggieri, Prof. Peter Serracino Inglott u Frans Sammut.

Punti oħra Interessant

  • 01.

Il-President attwali huwa Dr. Philip Sciortino MD u Direttur Mużikali huwa Mro. Richard Bugeja F.L.C.M, FVCM. Mro. Michael Ciantar jgħallem ukoll il-mużika. L-Għaqda titmexxa minn Kumitat Ċentrali bl-għajnuna tas-Sezzjoni Nisa u dik taż-Żgħażagħ kif ukoll minn għadd ta’ kummissjonijiet.

  • 02.

01 Il-Banda San Filep li tagħmel madwar 20 servizz mużikali kull sena; 1.1 tagħmel għadd ta’ kunċerti fil-pubbliku kull sena, 1.2 tirrekordja mużika oriġinali fuq CD’s / cassettes, 1.3 tmexxi l-Iskola tal-Mużika tal-Għaqda li tagħti tagħlim bla ħlas lil studenti żgħar u kbar u anke tislef b’xejn l-istrumenti mużikali li jinżammu sakemm ikun hemm bżonn.

  • 02. Wirja kbira annwali tal-Ġimgħa Mqaddsa, li bħalissa sar fiha sitt taqsimiet, tlieta minnhom bi statwi kbar maħdumin minn Alfred Camilleri Cauchi.
  • 03. Sehem attiv ħafna fil-festa ta’ San Filep ġo Ħaż-Żebbuġ li jinkludi ħafna xogħol volontarju mill-membri tagħha fl-oqsma tan-nar tal-art u tal-ajru, tal-armar u t-tiżjin tat-toroq, marċi u programmi mużikali fil-beraħ u radju tal-komunità bejn it-12 ta’ Mejju u l-festa f’Ġunju.
  • 04. Tmexxija ta’ fabbrika tal-manifattura tan-nar tal-art u tal-ajru għall-festa ta’ San Filep attrezzata tajjeb.
  • 05. Membri tagħha jaħdmu xogħol ġdid ta’ armar u jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-armar eżistenti. Dawn jieħu ħsieb ukoll jarmaw l-armar fit-toroq, iżarmawh u jaħżnuh.
  • 06. Tmexxija ta’ każin soċjali li jiftaħ għal 15-il siegħa kuljum, u li joffri żvog lil nies ta’ kull età.
  • 07. Tieħu ħsieb issebbaħ il-bini imponenti tal-għaqda kif xieraq u skont ix-xewqa tal-membri.
  • 08. Pubblikazzjonijiet ta’ kotba, kalendarju u fuljetti
  • 09. Produzzjonijiet awdjoviżivi (bosta CD’s, 6 DVD’s u l-film għaċ-ċinema XRAR)
  • 10. Produzzjonijiet għall-palk
  • 11.Wirjiet tal-arti u oħrajn għal okkażjonijiet speċjal
  • 12. Bosta attivitajiet soċjali u kulturali li minnhom jinġabru fondi għall-ħidmiet imsemmija.
  • 13. L-Għaqda tmexxi każin soċjali li jiftaħ kuljum, filgħodu u filgħaxija.
  • 14. Ta’ kull sena tippubblika żewġ kotba, kalendarju u tliet fuljetti
  • 15. Torganizza bosta attivitajiet soċjali u ta’ divertiment bl-iskop li jħallu qligħ għall-attivitajiet kulturali u mużikali li torganizza
  • 16.Tieħu sehem attiv fil-ħajja soċjali u kulturali ta’ Ħaż-Żebbuġ.Illum l-Għaqda Każin Banda San Filep hija l-akbar soċjetà volontarja f’Ħaż-Żebbuġ. Ħidmietha tinkludi:
  • 03. Il-Għaqda titmexxa minn Kumitat Ċentrali bl-għajnuna tas-Sezzjoni Nisa u dik taż-Żgħażagħ kif ukoll minn għadd ta’ kummissjonijiet fosthom tal-Banda, tal-Kultura, tal-Festa, tan-Nar. Għandha aktar minn elf membru.
  • 04. Mill-1851 ’l hawn il-Banda San Filep ħadmet bla waqfien u dejjem kellha rwol importanti fil-ħajja soċjali u kulturali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Tikkollabora ma’ entitajiet nazzjonali bħal Heritage Malta u l-Malta Community Chest Fund.
  • 05. Il-ħidma kollha ssir minn volontarji u bla ħlas ħlief għad-direzzjoni tal-banda u t-tagħlim tal-mużika li jsir minn professjonisti li jitħallsu mill-każin ta’ xogħolhom.
  • 06. Fil-każin wieħed isib affarijiet ta’ interess partikulari bħal:
  • 01. arkivju b’ġabra kbira ta’ mużika, f’xi każi manuskritti oriġinali u antiki
  • 02. ġabra ta’ strumenti mużikali antiki
  • 03. kollezzjoni ta’ eluf ta’ kotba tal-festi ta’ Malta u Għawdex
  • 04. kopji tal-pubblikazzjonijiet tal-istess każin, li tinkludi l-istorja dokumentata tal-istess banda, Atti tas-Simposju fuq Luigi Fontana, l-Atti tal-Lejla Mużiko-Letterarja f’Ġieħ Dun Karm Psaila, l-istatut tal-Għaqda, DVD’s bl-attivitajiet tal-Milied, tal-Ġimgħa Mqaddsa, tal-Festa ta’ San Filep, tal-musical Ir-Rebbieħ, tal-Lejla Mużiko-Letterarja f’Ġieħ Dun Karm Psaila, taż-żjara f’erbat ibliet Sqallin fejn hemm devozzjoni qawwija lejn San Filep; u bosta CD’s b’mużika brijuża u oħra funebri rrekordjata mill-Banda San Filep matul is-snin
  • 05. monumenti ta’ Mro. Filippo Galea u Mro. Adeodato Gatt, Dun Karm Psaila, Mikiel Anton Vassal
  • 06. bandalori kommemorattivi, bandieri u standardi
  • 07. irħamiet kommemorattivi
  • 08. ritratti antiki u storiċi
  • 09. affarijiet personali ta’ xi personalitajiet bħal Mro. Filippo Galea, Mro. Philip Gatt u oħrajn
  • 10. għamara antika

Kitba miġbura minn Philip Balzan

Organisation

Band Masters

No Band Master From Until Born Died Notes
01 Filippo Galea (President) 1851 1860 31-12-1829 10-06-1901 *
02 Indri Borg (Andrea Borg) 1860 1868 07-01-1818 15-03-1903
03 Giuseppe Borg 1868 1879 1849 1931
04 Gioacchino Galea 1879 1894 20-03-1851 23-08-1924 **
05 Salvatore Mallia 1844 1899 21-09-1872 23-03-1937
06 Alessandro Agius 1899 1903 1820 27-03-1921
07 Spiridione Zammit 1903 13-10-1859 28-03-1921
08 Salvatore Mallia 1903 1904 21-09-1872 23-03-1937
09 Angelo Melilli 1904 1911 18-08-1856 30-08-1931
10 Alfred Porkiman Hare 1911 1916 11-10-1865 05-03-1932
11 Carmelo Camilleri 1916 1918 1865 1932
12 Michele Gatt 1918 1919 15-05-1889 28-09-1943
13 Orlando Crescimanno 1919 1921 13-02-1861 22-12-1923
14 Salvatore Mallia 1921 21-09-1872 23-03-1937
15 Adeodato Gatt 1921 1962 26-06-1898 23-05-1966
16 Philip Gatt 1962 1986 12-09-1927 16-11-1995
17 Michael Ciantar 1986 2000 30-10-1954
18 Raymond Fenech 2000 2002 06-02-1958
19 Richard Bugeja 2002 16-04-1968
  • Register Souls Parish of Żebbuġ - Book No.6. Page 322
    • Register Souls Parish of Żebbuġ - Book No.8. Page 114

Presidents

No Presidents From Until Born Died Notes
01 Filippo Galea 1851 1856 31-12-1829 10-06-1901 *
02 Michele Borg 1856 1865 22-11-1904 *
03 Antonio Pisani 1865 1871 20-01-1810 03-041900
04 Gaetano Mallia 1871 1873
05 Gaetano Attard 1873 1874
06 Michaelangelo Debono 1874 1876 17-11-1844 26-02-1923
07 Gavino Naudi 1876 1895 28-05-1909
08 Carmelo Zammit 1895 1900 15-07-1847 28-10-1911
09 Angelo Chircop 1900 1908 06-01-1866 17-02-1933
10 Carmelo Zammit 1908 1911 15-07-1847 28-10-1911
11 Ġiuseppe Cilia 1911 1922 09-02-1869 26-01-1947
12 Dr. Piero Paolo Galea M.D. 1922 1929 24-01-1892 01-08-1952
13 Profs. Philip Farrugia Ch. F. B.Sc 1929 1931 24-08-1900 29-12-1977
14 Rev. Alexander Zammit McKeon 1931 1939 05-09-1881 22-06-1959
15 Rev. Loreto Callus 1939 1944 03-03-1897 07-08-1962
16 Dr. Philip Farrugia B.Sc. M.D. FRIC. 1944 1951 24-08-1900 29-12-1977
17 Dr. Olivia Gulia B.A. LL.D 1951 1958 05-04-1924 17-12-2016
18 Dr. Joseph Borg LL.D 1958 1970 05-03-1928 22-11-2008
19 David Farrugia 1970 1980 23-02-1927 10-11-2005
20 Dr. John Attard Montalto B.A. LL.D 1980 2005 07-02-1953
21 Dr. Godfrey Farrugia M.D. 2005 2012 04-05-1960
22 Dr. Philp Sciortino M.D. 2012 07-12-1963
  • The Parish Church Register of Żebbuġ - Death Books - Book No.6. page 322
  • The Parish Church Register of Żebbuġ - Death Books - Book No.6. page 396

Secretaries

No Secretaries From Until Born Died Notes
01 Brian Bonnici 2020 13.02.1975

Treasurers

No Treasurers From Until Born Died Notes
01 Graziella Vella 2022

Band Commissions

Band Activities Overseas

Historical Events in which the Band participated

Song Festivals, Events or Drama Activies

Annual Concerts

Annual Musical Activities

Recorded releases (LPs, Cassettes and CDs)

Cassettes

No Name of Cassettes - Festives Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (1985) 1985 *
02 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (1988) 1988 *
03 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (1989) 1989 *
04 Festive Marches - Marċi Brijużi - Għaqda Każin Banda San Filep (1991) 1991 *
05 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (1993) 1993 *
06 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (1994) 1994 *
07 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (1996) 1996 *
08 Festive Marches - Marċi Brijużi - Għaqda Każin Banda San Filep (1998) 1998 *
09 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (1999) 1999 *
10 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (2001) 2001 *
11 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (2003) 2003 *
12 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (2008) 2008 *
  • Cassettes issued in years 1999, 2001, 2003 and 2005 where published also as a CD's.

Cassettes

No Name of Cassettes - Funeral Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Funeral Marches - Marċi Funebri - Għaqda Każin Banda San Filep (1975) 1975 *
02 Funeral Marches - Marċi Funebri - Għaqda Każin Banda San Filep (1989) 1989 *
03 Funeral Marches - Marċi Funebri - Għaqda Każin Banda San Filep (1995) 1995 *
04 Funeral Marches - Marċi Funebri - Għaqda Każin Banda San Filep (2001) 2001 *
05 Funeral Marches - Marċi Funebri - Għaqda Każin Banda San Filep (2003) 2003 *
  • Cassettes issued in years 2003, 2005 where published also as a CD's.

Other Cassettes

No Name of Cassettes - Festive Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Mro. Adeodato & Philip Gatt - Għaqda Każin Banda San Filep (1983) 1983 *
No Name of Cassettes - Festive Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Mro. Adeodato Gatt Marci Brijuzi (1991) 1991 *
02 Mro. Adeodato Gatt Marci Brijuzi (1998) 1998 *
01 Mro. Philip Gatt Marci Brijuzi (1982) 1982 *
02 Mro. Philip Gatt Marci Brijuzi (2005) 2005 *
No Name of Cassettes - Festive Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Waltzs Marches - Valzi - Għaqda Każin Banda San Filep 1997 * *

Others

No Name of Cassettes - Festives Marches Year Marches Funeral Marches Waltzes Others
01 Festive Marches - Marċi Brijuzi - Għaqda Każin Banda San Filep (1985) 1985 *

Cd's

  • Cassettes Mro. Philip Gatt Marci Brijuzi (2005) where published also as a CD's
No Name of Cd's Year Marches Funeral Marches Waltzes Hymns Others
01 Hymns - Innijiet - Għaqda Każin Banda San Filep (2013) 2013 *

Programmes and Publications

Memorials

External links

[[1]]