David Agius (bandmaster)

From M3P
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

STUB

This page is a stub

Stub pages are like acorns. The first seed has been planted, but you can help them grow! There may, for example, also be other M3P resources linking to it. You can help by expanding this page.

The text on this page is in Maltese.
Essential elements from it, if not the whole page, must be translated into English. 
The Maltese text that appears here needs to be migrated to the appropriate name space.
This note is also intended to mark this page for the attention of M3P administrators and advanced editors who can act on it.
Mro. David Agius

Is-Surmast David Agius A.Mus. V.C.M. (Hons.), A. Mus. L.C.M., A.L.C.M. twieled fl-4 ta’ Settembru 1971 fil-lokal ta’ Bormla. Beda l-karriera mużikali meta kellu biss seba snin fil-każin tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar taħt is-surmast Charles Wallace Suda, li dak iż-żmien kien Assistent Surmast Direttur ta’ Mro. John J. Pace.

Kien għażel il-klarinett bħala l-istrument tiegħu. Wara li tħarreġ sewwa, ħareġ idoqq għall-ewwel darba mall-banda San Mikiel fl-1982. Wara sentejn biss li ħareġ idoqq il-klarinett, il-kumitat ħatru klarinett solista tal-banda.

Fis-snin tmenin, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kultura, kien waqqaf il-Banda Nazzjonali ta’ Malta, u David peress li kien muzicist promettenti, kien ġie msejjaħ biex jaghmel parti minn din il-banda. Il-Banda Nazzjonali, kienet ukoll taħt id-direzzjoni ta’ Mro. John J. Pace. Kienet banda mpenjata ferm u esegwit diversi kuncerti f’diversi okkazzjonijiet nazzjonali.

Iż-żagħżugħ David Agius kompla jistudja b’dedikazzjoni u serjeta` għand Mro. John J. Pace, fejn wasal sa Grade 8 tar-Royal School of Music. Kien jattendi wkoll fl-iskola tal-mużika Johann Strauss, fejn kien jitħarreġ għand il-mibki, is-Surmast Charles Monreal. Hawn huwa kiseb suċċess bl-ogħla marki fl-eżamijiet li għamel u ġa kien wieħed mill-aħjar studenti mużiċisti ta’ din l-iskola. In fatti wkoll kien jaghmel parti mill- orkestra ta’ l-iskola. Bis-saħħa ta’ dan David ukoll sar membru fuq skala part-time ma’ l-Orkestra Nazzjonali. David ma’ waqafx hawn. Kompla jistudja t-teorija għand il-mibki Mro. Ronnie Debattista F.L.C.M. fejn fl-1996 u fl-1997 irnexxielu jikseb l-Honours Certificates A.Mus. V.C.M u l- A. Mus L.C.M. Barra dawn id-diplomi fit-teorija, hu kien jattendi wkoll għall-lezzjonijiet tal-prattika tal-klarinett għand il-mibki l-professur klarinettista internazzjonali Freddie Mizzi, fejn hawnhekk kiseb diploma ohra l-A.L.C.M. Mro. Agius kien membru fil-Clarinett Choir ta’ dan il-Professur Mizzi wkoll.

Sa minn eta’ zgħira, dejjem kien imfittex minn diversi baned ta’ Malta u Għawdex, fejn ħafna drabi kien jiġi mitlub jagħmel il-parti ta’ solista fil-programmi mużikali. Barra minn hekk, beda jikteb l-ewwel marċi tiegħu għall-Banda San Mikiel. L-ewwel marċ li kiteb kien jismu Danelus, wara dan il-marċ kiteb il-marċ San Mikiel 1990, L-Ispanjol u diversi oħrajn. Fl-1994 kiteb il-marċ popolari Santos. Fil-kompożizzjoni beda miexi ‘l quddiem sew u dawn il-marċi brijużi saru popolari fir-repertorju tal-baned kollha, bħal Amoros, Celebrations, Al Pacino, L-Unika, Censinos u ħafna oħrajn. Hawn ġa kien jidher li s-Surmast David Agius kellu pinna tajba.

Żewġ marċi li huma ta’ ċertu stoffa li nkitbu għas-Soċjeta Filarmonika King's Own tal-Belt kienu Antonella fl-1993 u Corrida fl-1996. Marċ ieħor ta’ ċertu kalibru fuq stil Spanjol huwa Myron Jose tas-sena 2000, li s-Surmast David Agius ikkompona għall-Banda ta’ Għaqda Mużikali L'Isle Adam tar-Rabat, segwit b’diversi marċi oħra ta’ klassi, fosthom ta’ min isemmi l-marċi Kieran, Quivan, Betania u l-Blanżuni Ġużeppini.

Mro. David Agius jidderieġi liż-żewġ baned Żabbarin flimkien fil-bidu tat-Te Deum tal-2019

Fl-età ta’ madwar 19-il sena, iż-żgħażugħ David Agius ġie avviċinat mill-Kumitat biex jibda jgħallem l-istrumenti tal-injam fil-każin San Mikiel, fejn dak iż-żmien kellu numru sabiħ ta’ allievi subien u bniet li kienu jattendu għall-lezzjonijiet tal-mużika. Wara dan il-perjodu, il-Kumitat reġa’ avviċinah biex jaħtru bħala Assistent Surmast tal-banda, fejn sa dak iż-żmien is-Surmast Direttur kien Mro. Charles Wallace Suda. F’dan iz-zmien is-Surmast David Agius kien strumentali fit-taghlim tat-teorija tal-mużika ġewwa l-każin fejn il-Banda San Mikiel permezz ta’ l-allievi li ħarreġ rebħet il-Gara Mużikali organizzata dak iż-żmien mill- Assoċjażżjoni tal-Baned Maltin għal numru rekord ta’ 9 snin infila.

F’dan l-istess żmien, David ġie mitlub mill-kumitat tal-Banda tal-Partit Laburista biex jaqdi d-dmirijiet tiegħu ta’ Assistent Surmast tal-Banda tal-Partit, fejn s-surmast ta’ dak iż-żmien kien Mro. Ray Azzopardi. Meta s-surmast Azzopardi kien ikun fuq xogħol ieħor, David Agius kien jieħu r-responsabbilta` tal-banda u anke kien ħa ħsieb ir-rekording ta’ l-ewwel double cd album ta’ din il-banda.

Minn eta’ żgħira, s-Surmast David Agius kien bandist regolari mall-Banda tal-Partit Laburista, fejn f’qasir żmien minħabba l-lealta’ u l-ambizzjoni tiegħu għall-mużika ġie maħtur is-solista tal-banda. Għall-aħħar tas-snin 80 kienu jsiru diversi programmi mużikali mill-banda fit-teatru tal-Workers Memorial Building, illum magħruf bħala s-City Theatre u fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien kien isir programm mużikali quddiem il-monument tal-Ħelsien ix-xatt tal-Birgu.

F’wieħed minn dawn il-programmi, fl-1990, is-Surmast Agius interpreta solo mpenjattiv fuq il-klarinett fis-silta mużikali Terzetto di Lombardi ta’ Giuseppe Verdi u wara kien idderieġa silta mużikali.

Fl-1999 David Agius ġie maħtur Surmast Direttur tal-Banda tal-Partit Laburista.

Fost il-ħafna avvenimenti storiċi ta’ din il banda, Mro. David Agius idderieġa żewġ programmi vokali u strumentali. Fit-18 ta’ Mejju 2002, ġie mħejji programm f’għeluq il-75 anniversarju tal-banda, fit-teatru tal-konferenzi, il-Ħamrun. F’dan il-programm, is-Surmast Agius ħareġ b’eżekuzzjoni mill-aqwa f’teatru mimli daqs bajda, fejn fost is-siltiet mużikali l-banda esegwiet l-Marcia Slava ta’ Peter I. Tchaikowsky. Ma din l-istess Banda, Programm mużikali memorabbli ieħor għas-surmast kien fid-9 ta’ Mejju 2009, fl-inawgurazzjoni tal-bandalora ġdida fejn huwa dderieġa b’perfezzjoni Rhapsodia Napolitana ta’ Rocco Cristiano flimkien mall-vuċijiet. Ma’ din il-banda, is-Surmast idderiega programmi mużikali semi klassiċi u moderni fuq xandiriet televiżivi ‘live# waqt diversi attivitajiet.

Kunċerti oħra kbar lis-Surmast David Agius idderieġa ma’ din il-banda kien il- Kunċert li jfakkar lil Ex-Prim Ministru l-Perit Duminku Mintoff, kif ukoll kunċert ġewwa t-teatru rjal, l’hekk imsejjaħ it-teatru l-imwaqqa fejn kien iddedikat ghall-diversi musicals, fosthom il-musical popolari malti Ġensna. Kunċert kbir ieħor fejn ħadet sehem il-banda tal-Partit Laburista kien ġewwa Għajn Tuffieħa fl-Assemblea ta’ l-Għaqda Żgħażagh Soċjalisti b’rapprezentanza minn madwar id-dinja.

Mro. David Agius idderiġi lill-banda tas-Soċjeta Santa Marija u Banda Re Ġorġ V. Mqabba

Pass ieħor fil-karriera mużikali tas-Surmast David Agius kien fl-1995, fejn il-Kumitat tal-Banda tal-Għaqda Mużikali Sant’ Elena ta’ Birkirkara appunta lil Mro. Agius Assistent Surmast tal-banda, kif ukoll għalliem tal-istrumenti tal-injam, kariga li dam jokkupaha għal diversi snin. Matul dan il-perjodu is-Surmast David Agius kien jidderieġi silta fil-Programm Annwali li ttellgha din il-banda, fejn kienet tkun mistennija mis-segwaċi. F’sena partikolari wkoll peress li s-Surmast Direttur kien indispost ma’ din il-banda is-Surmast David Agius kien ħa ħsieb nofs il-Programm Annwali ta’ dik is-sena partikolari, kif ukoll żewġ programmi fi żmien il-festa ta’ Sant Elena u Akkademja ġewwa l-Bazilika ta’ Birkirkara.

Nħar it-23 ta’ Marzu 1997 ġie maħtur Surmast Direttur tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, Mqabba, raħal żgħir b’qalb kbira għal dak kollu li jorganizza. Għalhekk din is-soċjeta’ kienet l-ewwel waħda li wriet fiduċja f’David u l-kumitat ta’ dak iż-żmien ħatru bħala Surmast Direttur liema kariga għadu jokkupa sal-lum. Is-Surmast Agius mill-ewwel beda l-ħidma mużikali tiegħu b’impenn kbir. Fi żmien xahrejn, tella’ programm mużikali fit-teatru Sir Temi Zammit fl-Universita` ta’ Malta. Dan il-programm kien intlaqa’ tajjeb mill-udjenza preżenti. Ma’ din il-banda, David Agius tella’ element żgħażugħ ta’ bandisti tal-post Imqabbin. Din is-soċjeta` li tieħu sehem fil-festa ta’ Santa Marija, għandha appuntament annwali ta’ kull sena nħar l-10 ta’ Awwissu, Programm Vokali u Strumentali fuq il-planċier tal-banda fejn tindaqq mużika klassika u moderna. Ġrajjiet importanti ta’ din is-soċjeta` huma l-kunċert sinfoniku fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Cecilia, patruna tal-mużika, li sar fil-15 ta’ Novembru, 2005 fit-Teatru Manoel u kien organizzat mill-Għaqda Każini tal-Banda. F’dan il-programm, is-surmast David Agius ikkompona Tone Poem ‘Musical Impressions‘.

Din il-kompożizzjoni, kienet waħda innovattiva għal dak iż-żmien għax fiha nkluda l-istrument tal-arpa mall-Banda.

Ġrajja oħra mportanti ta’ din il-banda kienet il-mawra ġewwa l-Italja u fil-Belt tal-Vatikan, f’Lulju 2007 fejn daqqet f’udjenza mal-Papa kif ukoll tat sehemha fit-tliet kunċerti oħra. Kompożizzjonijiet oħra tas-Surmast għal din il-banda huma d-'Domma tal-Assunta’ fuq versi ta’ Patrick Mallia, li kkompona fis-sena 2000 għall-okkażjoni tal-għeluq il-50 sena mill-proklamazzjoni tad-domma tal-Assunta. Din is-silta kienet indaqqet waqt Akkademja muzikali gewwa il-knisja ta’ l-Imqabba. Kiteb ukoll Innu Marċ lil Marija Assunta u numru sabiħ ta’ marċi brijużi għall-festa kif ukoll diski ghas-sezzjoni żgħażagħ fis-sena li s-Soċjeta` Santa Marija u Banda Re Ġorġ V’ kienet qed tiċċelebra l-għeluq il-mitt sena mit-twaqqif tagħha

Okkazzjoni oħra fis-sensiela ta’ suċċessi tas-Surmast David Agius kienet l- Akkademja Muziko Letterarja tal-Ġimgha 28 ta’ Ottubru tal-2011 fl-okkazzjoni tal-175 sena mill-migja ta’ l-istatwa titulari ta’ Santa Marija fl-Imqabba. Hawnhekk David ikkompona Oratorju bl-isem Bukkett ta’ Mitt Warda l’Santa Marija fuq versi ta’ Chev. Carmel Bianchi.

Is-Surmast David Agius huwa frott mużikali tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar, fejn ħa t-tmexxija tal-Banda fl-1 ta’ Jannar 2000, is-sena tal-Millenju. Huwa mill-ewwel beda l-ħidma tiegħu biex il-banda tibqa’ b’saħħitha u organizzata. Għall-festi tal-50 Anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-kwadru titulari tal-Madonna tal-Grazzja, li kienu se jiġu organizzati sena wara fl-2001, il-Kumitat mill-ewwel avviċina lil David, id-Direttur il-Ġdid, biex jikkomponi Cantata Lil Sidtna Marija – in B Flat Major għall-okkażjoni. Għall-lirika ġie avviċinat il-poeta u l-President Emeritus tal-istess Għaqda, il-mibki s-Sur Karmenu Ellul Galea.

Mro. David Agius flimkien ma’ martu w uliedu waqt il-marċ ta’ l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam

Din il-Cantata hi maħduma għall-banda bis-sehem tat-tenur, baritonu u kor fuq erba’ partijiet bl-aħħar parti tkun il-finali ta’ din it-tifkira. Din il-Cantata ġdida tas-Surmast ġiet irrekordjata fuq CD, double album, flimkien mal-Innu uffiċjali Inkurunazzjoni lil Sidtna Marija tal-Grazzja, mużika ta’ Mro. Ġiuseppi Casapinta u versi tas-Sur Karmenu Ellul Galea. Fuq it-tieni CD ġew irrekordjati wkoll is-sett ta’ tmien marċi li kienu ndaqqu fil-jiem ta’ l-Inkurunazzjoni fl-1951.

Din il-Cantata izzanznet f’Akkademja fis-Santwarju, nħar l-Erbgħa 22 ta’ Awwissu 2001, fejn il-kompożizzjoni tas-Surmast kienet xi ħaġa kolossali. Wara din l-Akkademja, din l-istess Cantata reġgħet ġiet esegwita fil-programm mużikali li sar f’Misraħ is-Sliem quddiem il-każin San Mikiel nħar is-Sibt 25 ta’ Awwissu 2001.

Wara din l-okkażjoni memorabbli, ix-xogħol fuq il-banda baqa’ għaddej, u l-Kumitat ħass il-ħtieġa li l-Programm ta’ Ħadd in-Nies jagħmlu fuq skala akbar. Dan kien isir fis-sala tal-każin San Mikiel. Mill-2002 ‘il quddiem beda jsir fis-Sala Notre Dame, Ħaż-Żabbar. Għal dawn il-kunċerti, is-Surmast Agius dejjem ipprepara programm mużikali b’siltiet mużikali mpenjattivi. Fost is-siltiet mużikali mpenjattivi li ndaqqu, wieħed isib Suite mill-Ballet Nutcracker ta’ Peter I. Tchaikowsky bi tmien movimenti, Capriccio Espagnole ta’ Rimsky Korsakow, La Goielli della Madonna ta’ W. Ferraris, Night on the Bald Mountain ta’ Rimsky Korsakow, Pieni di Roma ta’ Respieghi, Pasqua Russa ta’ Rimsky Korsakow, Festive Overture ta’ Dmitri Shostakovich, Concerto for B Flat Trumpet ta’ Haydn u kompozizzjonijiet oħra ta’ dan il-kalibru u impenjattivi b’eżekuzzjonijiet impekkabbli.

Fis-sena 2000, il-Banda San Mikiel taħt id-direzzjoni tas-Surmast David Agius ipprezentat żewġt kunċerti ġewwa Lugano l-Isvizzera.

F’Settembru 2004, is-Surmast Agius ipprepara l-Banda San Mikiel għall-festa ta’ San Mikiel ġewwa Palazzolo Acreide fi Sqallija. Il-Banda ħadet sehem fil-festa kollha bil-marċi u l-innijiet li għandha fir-ripertorju. Daqqet ukoll fil-purċissjoni bil-vara ta’ San Mikiel.

Mit-8 sal-15 ta’ Ġunju 2005, il-Banda San Mikiel ġiet mistiedna biex tipparteċipa f’festival internazzjonali Golden Lyre ġewwa l-Belt ta’ Rybnik fil-Polonja. F’dan il-festival, ħadu sehem 11-il banda mill-Ewropa. Is-Surmast David Agius tella’ banda ppreparata sa snienha, fejn ġew esegwiti 16-il silta mużikali kollha semi klassiċi. Il-Banda San Mikiel ġiet ikklassifikata fit-tieni post bl-unuri kollha kemm għas-surmast, għall-Banda u għal pajjiżna.

Taħt id-direżżjoni tas-Surmast David Agius il-Banda San Mikiel tellgħet diversi kunċerti ġewwa Valencia fl-2017, f’Monte Sant’Angelo, l- Italja fl-okkazjoni tal- festa ta’ San Mikiel fl-2018 u ġewwa Gela, Sqallija għall-okkazzjoni tal-festa tal-Madonna Tal-Grazzja fl-2019. F’Ottubru tas-sena 2019 intemmet il-kariga tiegħu minn mal-banda San Mikiel, wara perjodu ta’ 39 sena ta’ servizz, fejn għamel 19 il-sena bħala Surmast Direttur.

Mro. David Agius imexxi lill Għaqda Banda Żejtun

F’Settembru tal-2018, inħatar Surmast Direttur tal-Għaqda Banda Żejtun, liema kariga għadu jokkupa sal-llum. Għalkemm għadu fil-bidu tal-kariga tiegħu, is-Surmast David Agius diġa ħalla l-impatt tiegħu ma’ din il- banda. Fl-ewwel sena kien tellgħa kunċert kbir ġewwa s-sala tal-mużew ta’ l-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, fejn fost il- kompozizzjonijiet kienu ġew esegwiti Overture La Gazza Ladra, Capriccio Italien u Overture Candide. Fl-2019 fiż-żmienijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, is-Surmast David Agius kien tellgħa akkademja ġewwa l-Knisja Aċimatriċi taż-Żejtun fejn indaqqu għall-ewwel darba l-lnnu Notturn Taħt is-Salib fuq versi tas-Sur Brian Bonnici, kif ukoll żewġ marci funebri miktubin għal dik is-sena Triste Ricordo u Venerdi Santo, kollha kompozizzjonijiet tas-Surmast David Agius.

Kif qegħdin fuq il-marċi funebri, ta’ min isemmi li David kien ikkompona żewġ marċi funebri ohra, In Memoria di Sonny Micallef iddedikat għall-kunjatu u In Memoria di Mary Micallef iddedikat għaż-żija ta’ martu Antonella.

Mall-Banda Żejtun is-Surmast David Agius kiteb paġna oħra tad-deheb fl-istorja tagħha għax mexxa lill-Banda fil-mawra li għamlet ġewwa l-Egittu fl-2019 fejn kienet protagonista f’quddies u kunċert mużikali li saru fil-Katidral tal-Patruna taż-Żejtun Santa Katerina ġewwa Lixandra u l-ftuh tar-rinovazzjoni ta’ l-Ambaxxata Maltija ġewwa l-Eġittu. Din il-mawra kienet ġiet imfaħħra sewwa kemm minn nies ġewwa l-Eġittu kif ukoll minn min ħa sehem u kien protagonista.

Fil-ħajja privata tiegħu, David Agius huwa miżżewweġ lil Antonella, li hija mużiċista wkoll fuq il-Klarinett u bandista regolari tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam tar-Rabat. Din il-Banda hija ferm għal qalb is-Surmast Agius, fejn huwa bandist regolari u membru għal għomru. Għal dawn l-aħħar 25 sena huwa ikkompona diversi marċi ġodda li jiġu rrekordjati minn din il-Banda fl-okkażżjoni tal-festa ta’ San Ġużepp.

Huma għandhom tlett subien, Myron Jose` Agius, Kieran Agius u Quivan Agius, li huma kollha mużiċisti, apparti li meta kienu żgħar kienu ikantaw u ħadu sehem u rebħu, f'diversi konkorsi, kemm f'Malta u kemm barra. Apparti li Kieran jilgħab il-football wkoll ma' Rabat Ajax waqt Myron Jose u Quivan jilgħabu il-Basketball mar-Rabat Depiro. Il-familja Agius jgħixu ġewwa r-Rabat, Malta.

Fil-ħajja professjonali tiegħu, David Agius jokkupa l-kariga ta’ Manager fil- Business Development ma’ kumpanija privata ta’ intermedjarju fl-assikurazzjoni. David huwa wkoll membru kkwalifikat maċ-Chartered Institute of Insurance ġewwa Londra.