Anthony Camilleri (bandmaster)

From M3P
Revision as of 03:21, 6 November 2020 by Axiaqm (talk | contribs) (Arrangd Page: Anthony Camilleri (bandmaster))
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

STUB

This page is a stub

Stub pages are like acorns. The first seed has been planted, but you can help them grow! There may, for example, also be other M3P resources linking to it. You can help by expanding this page.

Mro. Ing. Anthony Camilleri

Ing. Maestro Anthony Camilleri B. Mech. Eng (Hons), FVCM (Hons) L. (Mus.) V.C.M. (Hons.), A. (Mus.) L.S.M., iben Nikol Camilleri imwieled is-Siġġiewi u Ġwakkina née Zammit mill-L-Imqabba, twieled l-Imqabba nħar it-8 ta’ Frar 1965. Huwa rċieva l-edukazzjoni ġenerali tiegħu fl-iskola Primarja tal-Imqabba u fil-Kulleġġ tal-Karmnu ta’ Santa Venera. Wara sentejn fil-Liċeo l-ġdid tal-Imsida, fl-1984 daħal l-Università ta’ Malta minn fejn, wara kors ta’ ħames snin, kiseb bl-unuri l-Baċellerat fl-Inġinerija Mekkanika (B.Mech.Eng.(Hons)). Wara li ngħata l-warrant biex jeżerċità din il-professjoni tiegħu, huwa ngħaqqad mas-Servizz Pubbliku fejn għadu jservi sal-lum. Huwa miżżewweġ lil Louise née Camilleri miż-Żurrieq, għandu żewġt itfal – Elaine u René – u joqgħod l-Imqabba.

Il-kbir fost tliet aħwa, huwa beda jieħu l-ewwel taħriġ mużikali tiegħu ta’ erbatax-il-sena mingħand il-mibki iżda qatt minsi l-mużiċist is-Sur Leonard Farrugia, li dik il-ħabta kien inkarigat mit-tagħlim tal-aljievi tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, Mqabba. Mill-ewwel wera l-ġibda kbira li kellu lejn l-arti mużikali u wara ftit xhur ta’ taħriġ bażiku fit-teorija u s-solfeġġ, beda jattendi u jieħu sehem regolarment għall-kunċerti li kienet tagħmel din l-istess banda taħt id-direzzjoni tal-mibki iżda qatt minsi Surmast Chev. George Martin A.Mus. L.C.M., O.S.T.I. Għall-festa ta’ Santa Marija tal-1980, huwa ħareġ għall-ewwel darba jdoqq mall-banda s-saxaphone tenor waqt is-servizzi u Programmi Mużikali tal-istess banda: xi ħaga li baqa’ jagħmel b’impenn, lealtà u serjetà kbira għal ‘l fuq minn għaxar snin. Bl-inkoraġġiment tas-Sur Leonard Farrugia, f’Ottubru tal-1983, beda jieħu l-ewwel formazzjoni mużikali-professjonali tiegħu minn għand il-Professur Maestri Dr Charles E. Zammit, Ph.D., D.Mus., G.L.S.M., F.L.C.M., F.V.C.M., F.C.S.M. Cert.F.B.C.M., Hon. F.N.S.C.M., F.W.T.C., fejn wara li għadda l-gradi preliminari kollha, kompla jistudja b’mod aktar estensiv it-teorija tal-mużika, l-armonija, il-kuntrapunt, il-fuga, l-istorja tal-mużika, l-arranġament u l-orkestrazzjoni kif ukoll il-kompożizzjoni klassika, li wasluh biex fl-1991 ingħata l-Associate Diploma mill-Lancashire School of Music (A.Mus.L.S.M.) u fl-1993 akkwista bl-unuri l-Liċenzjat fil-kompożizzjoni mill-Victoria College of Music (L.Mus.V.C.M. (Hons).

Fil-frattemp kien ukoll iggradwa mill-Università ta’ Malta bħala Inginier (B.Mech. Eng. (Hons)) u kien proprju din il-bażi xjentifika u matematika li ġiegħlitu jikkorrispondi ma’ kompożituri kontemporanji oħra barranin biex flimkien jesploraw it-tħaddim tal-matematika fil-mużika. Permezz tal-użu ta’ programming language speċjalizzat għall-kompjuter, imħaddma fil-kuntest mużikali modali u atonali, huwa kkompona diversi xogħolijiet imsejjħa “algorithmic” li, fuq il-pariri siewja ta’ Surmast Manoel Pirotta, DNESM (Lyon), Dip.CNR (Lyon), Hon.VCM CT, FVCM (Hons.), FTCL, FLCM, FNCM, LTCL, L.Mus LCM, uħud minnhom ġew miġbura u ppreżentati biex ikunu eżaminati mill-kompożitur famuż Ingliż Martin Ellerby fl-1998. Il-kompożizzjonijiet, li kienu jikkonsistu fi suite atonali maqsuma fi tlett movimenti għall-klarinett u pjanu bl-isem ta’ ‘Heat Transfer’ kif ukoll f’Poema Sinfonika modali għall-Brass Quintet bl-isem ‘A Maltese Village Scenario’ kellhom kliem ta’ tifħir mill-istess eżaminatur tal-Victoria College of Music, li ddeskriva din il-ġabra ta’ xogħolijiet bħala “a very competent and musical portfolio”, tant illi Mro Camilleri ngħata mill-ewwel il-Fellowship bl-unuri minn dan il-kulleġġ prestiġjuż ta’ Londra.

Fi Frar tal-1991, Chev. George Martin ħalla ħesrem dan il-wied tad-dmugħ u l-Kumitat Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien kien avviċina lill-Anthony Camilleri biex jieħu t-treġija tal-Banda Re Ġorġ V f’idejh. Bħala Surmast Direttur, huwa mexxa din il-banda b’għaqal u dedikazzjoni kbira għal sitt snin sħaħ sa Marzu 1997: xhieda ta’ dan kienu l-Programmi Mużikali ta’ livell għoli li dejjem tellgħet din il-banda matul is-snin li dam imexxiha, l-ammont sabiħ ta’ mużiċisti li ħarreġ u għallem, in-numru kbir ta’ marċi, innu marċi u, saħansitra, l-Innu tal-istess banda, li huwa kkompona u rregala hekk kif ħa l-bakketta f’idejh fl-1991. Fi żmienu, il-Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba bdiet tkun mistiedna tagħmel mhux biss servizzi ta’ marċi imma saħansitra Programmi Mużikali f’diversi bliet u rħula Maltin kif ukoll barra minn xtutna: infatti nsibu li fl-1996, il-Banda esegwiet erba’ Programmi Mużikali fl-Italja, fir-reġjun tal-Marche, u li kienu strumentali biex fl-1998, l-istess banda rebħet l-unur prestiġjuż u sal-lum uniku għal Malta, dak ta’ Les Étoiles d’Or du Jumelage, mogħti mill-Unjoni Ewropea.

Bħala kompożitur, insibuh ikkompona ‘l fuq minn erbgħin marċ – sew brijużi kif ukoll sinfoniċi, reliġjużi u funebri – Poema Sinfonika kif ukoll żewġt Overtures: xogħolijiet li ndaqqu minn diversi baned sew Maltin, Għawdxin u anke barranin kif ukoll ħafna kompożizzjonijiet oħra li għad iridu jinstemgħu għall-ewwel darba fil-pubbliku. Fl-1998, huwa rebaħ kompetizzjoni mnehdija mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba għall-isbaħ u l-aħjar kompożizzjoni li kellha tkun l-Innu Uffiċjali ta’ raħal twelidu.

Sena wara, f’kompetizzjoni mnehdija mill-Filarmonica Nazionale La Vallette sabiex tfakkar il-125 anniversarju mit-twaqqif ta’ din is-Soċjetà, huwa kiseb it-tielet post minn fost ‘il fuq minn 20 kompożitur ieħor Malti, bil-marċ ‘125th Anniversary’. Aktar riċenti, preċiżament f’Lulju 2008, l-kompożizzjoni tiegħu bl-isem ‘Exultia 125!’ ġiet ikklassifikata fit-tieni post waqt il-konkors Nazzjonali tal-Marċi organizzat mill-Banda San Lawrenz tal-Birgu. Fil-frattemp, ikkompona u għamel l-arranġamenti ta’ mużika aktar leġġera u moderna u ħadem, fost l-oħrajn, ma’ diversi kantanti sew ġodda kif ukoll stabbiliti Maltin. Biex insemmu eżempju wieħed marbut mas-Soċjetà, m’hemmx għalfejn immorru lura wisq għaliex fl-2007, sabiex jitfakkar għeluq il-ħmistax-il sena mit-twaqqif tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija fi ħdan is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, huwa kien ġie kkommisjonat sabiex jikkomponi l-mużika tad-diska kommemorattiva ntitolata ‘Qalb Żagħżugħa Waħdanija’, fuq lirika ta’ Nicholas Baldacchino u interpretata minn Eleanor Cassar.

Il-professjoni t’Inġinier u dik ta’ surmast reġgħu twaħħdu meta fl-2004, Mro Camilleri kien ġie avviċinat mill-Kumitat Eżekuttiv tas-Soċjetà Karmelitana u Banda Queen Victoria taż-Żurrieq sabiex jieħu ħsieb proġett innovattiv għall-pajjiżna: dak tal-Musical Fountains. Fil-fatt, għal dawn l-aħħar snin, fil-Programmi Mużikali annwali li din l-istess banda tesegwixxi matul il-ġimgħa tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq, żdied dan l-element ta’ ilma “jiżfen” għan-noti mużikali ħierġa mill-banda, fi sfond ta’ qawsalla ta’ kuluri ġejjin minn effetti speċjali tad-dawl, kollox sinkronizzat mal-mużika. Għalkemm il-professjoni u l-impenji l-oħra familjari tiegħu jeħdulu ħafna mill-ħin tal-ġurnata, xorta waħda jsib dawk il-mumenti biex permezz tal-pinna mużikali u versatili tiegħu, jibqa’ jpaxxi l-widna tal-amiraturi tal-marċi u mużika bandistika oħra Maltin b’kompożizzjonijiet varji, iżda li kollha nistgħu ngħidu għandhom dak it-timbru uniku ta’ dan is-surmast Imqabbi.