Żjara f'Ruma - 2023

From M3P
Revision as of 04:39, 6 May 2023 by Axiaqm (talk | contribs) (Żjara f'Ruma - 2023)
(diff) ← Older revision | Latest revision (diff) | Newer revision → (diff)
Jump to navigation Jump to search

Kontinġent ta' 120 persuna li kien jinkludi is-Soċjeta Mużikali Banda Vittoriosana San Lawrenz għamel żjara tiegħu barra pajjiżna, din id-darba id-distinazzjoni fl-Italja kienet fil-Belt eterna ta’ Ruma bħala parti minn Ġita Lawrenzjana b'mawriet f'Amaseno, il-Basilica ta' San Lorenzo Fuori le Mura u l-Vatikan. Din is-safra saret mit-23 t’April 2023 sa 26 t’ April, 2023 b’programm mimli sew li laħaq il-offol tiegħu fis-26 t’April meta il-grupp kellu udjenza privata ma Papa Franġisku.

It-Tnejn 24 t'April, 2023 saret zjara fil-Belt ta’ Amaseno, li hija tant magħrufa mal-Lawrenzjani madwar id-dinja, għax fiha tinsab ir-relikwija tad-Demm ta’ San Lawrenz. Mal-wasla f’Amaseno il-grupp intlaqa mis-Sindku u l-Awtoritajiet Ċivili u ekkleżjastiċi lokali, kif ukoll mill-banda tal-lokal. Hawnhekk, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ingħaqdet mal-Banda ta’ Amaseno u flimkien daqqew numri ta' marċi fil-Pjazza tal-lokal fejn wara waslu sal-Knisja lill-awtoritajiet fejn hemm ivvenerat id-Demm ta’ San Lawrenz. Fil-knisja kien hemm programm qasir fejn kulħadd seta' jara mill-qrib din ir-relikwija li nħarġet minn niċċa speċifikament għal din l-okkażjoni. Is-Sindki rispettivi taw il-kelma li ser jibdew il-proċess sabiex jiġi ffirmat ġemellaġġ bejn il-Belt Vittoriosa u Amaseno.

It-Tlieta 25 ta’ April 2023 fl-okkażjoni tal-Ġurnata Internazzjonali Lawrenzjana l-Banda Vittoriosana San Lawrenz esegwiet Programm Mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Jonathan Abela fil-pjazza ta’ quddiem il-Bażilika ta' San Lorenzo Fuori le Mura fejn laqgħet lil diversi rappreżentanti ta’ Komunitajiet Lawrenzjani minn madwar id-dinja.

Wara sar l-ingress uffiċjali tal-komunita` Vittoriosana fil-Bażilika, inkluż il-banda, li daqqet l-Innu Popolari lil San Lawrenz komposizzjoni ta' Lorenzo Galea fuq il-qabar ta' San Lawrenz fejn wara beda Pontifikal Solenni. Wara nofs in-nhar l-Banda daqqet marċi brijużi fil-Chiesa Rettoria San Lorenzo in Panisperna, il-post eżatt fejn San Lawrenz ingħata l-martirju.

Izda zgur li l-aktar Jum li ser jibqa mnaqqax b'ittri tad-deheb fl-istorja tas-Soċjeta Mużikali Banda Vittoriosana San Lawrenz huwa dak tal-Erbgħa 26 ta’ April, 2023.

Il-Banda tas-Soċjeta Mużikali Banda Vittoriosana San Lawrenz laqgħet lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru ghall-Udjenza Ġenerali bl-Innu Marċ 'Ċentinarju' komposizzjoni tal-ex Surmast tal-Banda Paul Schembri. Filwaqt li esegwiet diversi innijiet u marċi fosthom l-Innu Marċ lil San Lawrenz ta' Giuseppe Frendo u l-Innu Popolari.

Fi tmiem l-udjenza l-Kumitat tas-Soċjeta Mużikali San Lawrenz flimkien mal-Banda, l-Arċipriet l-Kanonku Carmelo Busuttil u s-Sindku s-Sur John Boxall u membri tal-Kumitat organizattiv iltaqghu mal-Kap tal-Knisja Kattolika fejn hadu ritratt kommemorattiv. L-Arcipriet ppreżenta s-somma ta' sitt elef ewro lill-Papa Franġisku, biex b'din is-somma sabiħa jinxtara strument mediku għal-ittestjar tal-għajnejn u li ser jintuża fil-Klinika "Madre della Misericordia," klinika tal-Papa Frangisku fejn fiha t-tobba tiegħu jieħdu ħsieb il-ħajja tal-fqar.

L-Arcipriet wettaq ukoll zjara ta' kortesija fil-klinika fejn inghata merħba mil-Prefett tad-Dikasteru tal-Karitajiet tal-Papa, l-Kardinal Konrad Krajewski kif ukoll mill-Kap Eżekuttiv ta' l-istess klinika Dott. Massimo Ralli. Dan kollu kien possibbli bl-għajnuna tal-Ambaxattur għas-Santa Sede s-Sur Frank Zammit.

Bejn il-11.30am u 1230pm sar marċ mill-Banda Vittoriosa San Lawrenz fi Pjazza San Pietro li ntemm f'Via della Conciliazione. Din kienet is-sitt mawra tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz barra minn xtutna u bla dubju kienet Suċċess li żgur li tibqa tissemma fost l-aqwa ta’ kull żmien.