Ġorġ Azzopardi Il-Makk

From M3P
Revision as of 19:19, 15 November 2021 by Axiaqm (talk | contribs) (Included Page: Ġorġ Azzopardi Il-Makk)
(diff) ← Older revision | Latest revision (diff) | Newer revision → (diff)
Jump to navigation Jump to search
Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

STUB

This page is a stub

Stub pages are like acorns. The first seed has been planted, but you can help them grow! There may, for example, also be other M3P resources linking to it. You can help by expanding this page.

Introduzzjoni

Ħaż-Żabbar barra l-istorja u l-kultura rikka li kellu u għad għandu, sa mill-imgħoddi fil-ħajja soċjali tan-nies li kienu jgħixu fih, bosta minnhom ħallew isem prestiġjuż sa minn Ministri fil-Gvern, tobba, periti u persuni li bil-professjoni tagħhom ħallew marka. Ma rridux ninsew ukoll lil bosta ħaddiema tas-snajja’ diversi li wkoll taw sehem biex dan il-post mexa ʼl quddiem. Fil-ħin liberu, dawn il-ħaddiema sabu wkoll il-ħin biex joħorġu xi talent li bih setgħu jferrħu lil dawk ta’ madwarhom. Illum se niltaqgħu ma’ persuna li għal bosta snin, kienet fuq fomm iż-Żabbarin u l-bqija tal-poplu Malti fil-qasam mużikali. Din hija l-ewwel darba li qed tidher informazzjoni miktuba fid-dettall, għax tiftix dwaru huwa skars u mferrex ’l hawn u ’l hinn u għalhekk ma kinitx daqshekk faċli biex tinstab l-informazzjoni. (1)


Ħames snin ilu – Iħalliena l-makkjettista Żabbari George Azzopardi magħruf bħala “il-Makk”

Ħames snin ilu fil-25 ta’ Mejju 2016, ħalliena l-għannej, kantant u makkjettista Żabbari George Azzopardi magħruf bħala “il-Makk”. Ħafna jiftakruh b’dak il-leħen sabiħ tiegħu jagħtina kanzunetta wara l-oħra li baqgħu fuq ilsien kulħadd sal-lum. Hija sfortuna li George Azzopardi “Il-Makk” ma xtaqx li jkun intervistat dwar ħajtu u ħidmietu. (2)

Tagħrif fuq ħajtu

George Azzopardi twieled fl-1929 u t-tfulija tiegħu għexha f’Bormla. Aktar tard f’ħajtu mexa lejn Ħaż-Żabbar, fejn baqa’ jgħix hemm sat-tmiem ta’ ħajtu. Jirrakkonta kif meta kien daqsxejn ta’ tifel, il-Ħadd filgħodu kien imur il-quddiesa ta’ Santa Tereża f’Bormla biex joqgħod jirranġa s-siġġijiet, ħalli wara s-sagristan jagħtih sold u nofs, li dak iż-żmien żgur kienu jferrħu lil xi tifel jew tifla. B’dawk il-flus, flimkien ma’ sħabu, kienu jmorru t-talkies. F’Bormla kien hemm tliet postijiet fejn jintwerew il-films: ir-Rio, il-Windsor, u r-Rialto. Meta George kien imur ħdejn is-swali u jara l-kartelluni dejjem kien jagħżel ir-Rialto, minħabba li dan kien iġib ħafna films li jieħdu sehem fihom il-kantanti famużi ta’ dak iż-żmien, waqt li l-oħrajn dejjem juru films fuq stil western u ġlied. Jirrimarka kif il-ġibda lejn il-kanzunetta minn dejjem kienet fih u meta kien joħroġ mit-talkies, tul triqtu lejn id-dar, kien joqgħod isaffar il-kanzunetti li kien sema’. (3)

Ħajra għall-kant

Il-ħajra għall-kant minn dejjem kienet f’George sa minn meta kien tfajjel fejn kien jitgħallem malajr il-kanzunetti barranin. Waqt li kien isegwi l-mużika barranija, kien ukoll iħobb il-mużika Maltija, fejn għalkemm ma kinetx kbira fil-kwantità u fil-kwalità, ħass li xi darba hu wkoll kapaċi jagħti sehmu. L-aktar popolari f’Malta u fl-irħula kien l-għana tradizzjonali u George kien isegwi bosta, waqt xi qadja li kien jagħmel lil ommu. Filgħaxijiet bosta kienu jintasbu f'xi ħanut tax-xorb jew f'xi misraħ, idoqqu l-kitarri u jqabblu l-għana tal-fatt jew spirtu pront ma’ xi tazza nbid. George ħaseb li hu wkoll meta jikber, jagħti sehmu f’din il-kultura tradizzjonali li wara kollox għaliha, kont ridt tkun poeta naturali. Jaf li kellu vuċi tajba għall-kant, beda fuq ix-xogħol waqt il-ħin tal-mistrieħ, ikanta xi kanzunetti barranin tal-mument bħal South of the Border, I Pretend u oħrajn tal-kantant Al Jolson (Al Jolson (c.1885-1950) kien kantant popolari Amerikan). Ġieli waqt xi dinner dances organizzati għall-familji tas-servizzi, George kien jitla’ fuq il-palk isemma leħnu. Fuq il-lant tax-xogħol George iltaqa’ ma’ Żabbari żagħżugħ bħalu li dan kien diġà beda jgħanni u kien magħruf bħala Fredu Abela l-Bamboċċu. B'pika ta’ ħbiberija kienu jqabblu xi għanja ferrieħa ħalli jiksru l-monotonija u fost taħbit fuq l-imwejjed, ċekċik ta’ mgħaref u skieken u kull ħoss ieħor, erħilhom sħabhom jibnu atmosfera ta’ ferħ.

Fl-1950, meta kellu 22 sena, George Azzopardi daħal baħri man-Navy. Huwa kien stazzjonat fil-Forti Sant’Anġlu. F’din il-karriera għamel ħmistax-il sena u jirrakkonta kif dar tliet kwarti tad-dinja, minbarra li għamel ukoll żmien f’Malta bħala stoker (kok). Aktar tard daħal mal-Pijunieri u hawn spiċċa jieħu ħsieb żewġ ġeneraturi tar-radju f’Delimara. Darba minnhom f’fiera, George kien iltaqa’ ma’ Karmena, u minn dakinhar bdew jinnamraw sakemm aktar tard iżżewġu. Ta’ min jgħid li meta ltaqgħu l-ewwel darba l-Makk kellu 24 sena, waqt li Karmena kellha biss 14-il sena. Miż-żwieġ tagħhom kellhom tlitt itfal, Josephine, Mario u ż-żgħir David. Il-Makk beda l-karriera tiegħu bil-kanzunetti bl-Ingliż li kien ikanta fin-Navy. Iżda fl-1970 kellu s-suċċess ma’ Malta kollha fejn għandhom x’jaqsmu l-makkjetti u l-kanzunetti. Kienet din is-sena li ħareġ it-Taxi Mary flimkien ma’ Fredu Abela, u biha ħa l-fama. Dawn it-tnejn flimkien aktar tard ħarġu l-makkjetti Nisa Nisa, Maxi u Mini, u Tliet Għażżenin, u f’din tal-aħħar daħal magħom Renald Abela wkoll. S’issa l-Makk kien għadu qiegħed jimxi fuq l-ewwel fażi tal-makkjetta fl-għana. Interessanti kif George Azzopardi qatt ma jirreferi għalih innifsu bħala għannej, u fl-ebda intervista li għamilt l-intervistati ma jsemmuhuli għannej. Allura dan il-bniedem jista’ jkun eċċezzjoni, l-għaliex irnexxielu joħloq u jaħdem il-makkjetta tal-għana tal-ewwel fażi billi għal żmien libes il-libsa ta’ għannej. Fil-fatt wara dawn l-erba’ makkjetti l-Makk beda jaħdem għal rasu u ħareġ lil hinn mill-qafas tal-għana. Il-Makk ħareġ aktar minn 42 kanzunetta waħdu, dejjem b’kitba u mużika tiegħu. (4)

Jista’ jingħad li hawn seħħet it-tranżizzjoni tal-makkjetta fl-għana, mill-ewwel fażi għat-tielet fażi. F’ħafna mill-kanzunetti – makkjetti (5) tal-Makk jidħlu u jissemmew in-nisa, fosthom l-ewwel waħda tiegħu Il-Blondija. (6) Dan, dejjem bil-libsa tal-playboy Malti, ma kien jista’ jmur imkien, lanqas barra minn Malta, l-għaliex jaqbdu miegħu n-nisa jew inkella jaqbad magħhom hu. Fost dawn il-makkjetti hemm Tlieta Konna f’Kantuniera, Xalata mat-Tfajliet u Honeymoon f’Venezja.

Dan il-Makk il-laqam tiegħu bih lili ħafna jsibuni. Kont ġo Għawdex ħdejn tal-Lourdes kemm tfajliet ġew ikellmuni. (mill-makkjetta Dawra f’Għawdex ta’ George Azzopardi l-Makk)

Ġeneralment il-ħoss li jiddomina f’xogħlu huwa l-accordion u xi drabi anke l-kitarra. Fl-intervista ma’ Joe u Veronica Farrugia, il-Makk jirrakkonta kif ġietu l-idea tal-kanzunetta - makkjetta Ħobbu d-Doggy. Meta kien jaħdem Delimara kien irabbi żewġt iklieb u darba minnhom ġie spirat biex jikteb makkjetta fuq wieħed minnhom. Ħafna drabi xogħlu hu dejjem ibbażat fuq l-umoriżmu u fil-fatt dan hu magħruf bħala makkjettist kemm min-nies tal-għana u kemm min-nies li mhumiex assoċjati ma’ din il-kultura għaliex Azzopardi wassal id-daqqa u l-binja tal-għana b’togħmiet differenti. (7)

Il-Makkjetta: Ġeneru popolari-folkloristiku li qatt ma ġie studjat

Għalkemm il-makkjetta x’aktarx bdiet lejn l-aħħar tas-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin, u għadha teżisti sal-lum il-ġurnata, qatt ma ntefgħet attenzjoni diretta fuqha u ġiet studjata mill-qrib. B’hekk ġara li ħafna materjal fuqha u fuq l-esponenti tagħha diġà ntilef, u dan kompla joħloq ritratt imċajpar tal-makkjetta minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni li teżisti dwarha. Din hi sitwazzjoni ta’ ħasra meta tqis li din serviet bħala mezz ta’ divertiment popolari għal tant Maltin u tat gost lill-poplu tagħna għal bosta snin, imqar fis-snin koroh ta’ dipressjoni tal-gwerra. Il-makkjetta qed tissejjaħ ġeneru popolari-folkloristiku għaliex tixrob minn dawn iż-żewġ għejuni. Il-kultura tal-pajjiż tinbena minn aspetti distinti minn xulxin u dan jagħmel il-folklor fergħa waħda ħierġa mill-kultura. Makkjetta tal-għana tindaqq fuq melodija tipika tal-għana. Din dejjem tkun studjata qabel. Ġeneralment tkun mibnija fuq storja umoristika u l-għeluq tagħha huwa kollox. Dan irid iħalli lil min qed jisimgħu bi tbissima. (8) Sfortunatament, billi qatt ma kien hemm kitba fuq il-makkjetta, qatt ma seta’ jkun hemm tifsira fissa u dan wassal biex ħafna nies fasslu l-fehmiet tagħhom personali.

Il-laqam

Mas-servizzi ma kontx teħlisha jekk ma jagħtukx xi laqam u George qala’ bil-bosta.........ċraret, peduni u oħrajn li darrsuh xi ftit. Jum minnhom waqt il-ħin tat-te, George qabad bott tal-landa u mlieh bit-te u qal: L-Ammiral jixrob il-birra fil-mug (makk) tal-fidda u jien dan il-mug (makk) tiegħi. U balleċ baqgħetlu, għax Makk (mug) tiela’ u Makk (mug) nieżel u spiċċa b’dan il-laqam. Imma ħaġa tal-iskantament, għalkemm MAKKjetti hi wkoll parti mil-laqam tiegħu, laqmu ma ħadux minnhekk. Ta’ simpatiku li kien, George imbuttah aktar il-laqam tiegħu, billi ħafna drabi, inkludih fil-kanzunetti tiegħu, fejn ġieli varjah bħala Makku,Makku,Makkinarju...........

Ħidma biex il-makkjetta ssir magħrufa

Issa George u Fredu Abela Il-Bamboċċu riedu li l-għana jintlaħaq minn aktar persuni biex ma jintilifx, u jibqa’ jintgħoġob għall-widna moderna. Wara xi ftit ħsieb, George flimkien ma’ Fredu u ħuh Renald, ħadmu biex tfaċċat l-għanja/makkjetta Taxi Mary. Din il-makkjetta kienet dwar avventura bil-karozza madwar l-irħula Maltin, li tant saret popolari, li bdiet tindaqq kemm f’Malta, kif ukoll fl-Awstralja u f’kull pajjiż li kien hemm il-Maltin fih. Huma komplew flimkien fejn komplew jagħtuna aktar makkjetti bħal Bejn ġuvni u miżżewweġ, Maxi u Mini u Tliet għażżenin kollha bl-akkumpanjament tal-kitarri, imma issa l-fama kibret u n-nies resqu lejn din l-għana/kant tradizzjonali aktar modern u riedu aktar.

Il-“Makk” jingħaqad mal-grupp Żabbari “New Sound”

Wara li kienu għaddew għoxrin sena, George ħaseb biex jibda stil ġdid għalih ta’ kanzunetti biex jasal aktar vicin il-pubbliku b’laqta isbaħ. Bħala solista, ingħaqad mal-grupp Żabbari New Sound (min ma jiftakarx lil Tereża Mizzi fuq l-akkordjin u lil ħuha Leli fuq il-baxx?) u b’hekk nibtet Il-Blondija. Warajha kien hemm Iltqajt ma’ Ingliża, Il-Qawwija, Il-Moda tal-Shorts, Ir-Rebħa tal-Matador u Dawra mal-Plajja u min ma jiftakarx is-sabiħa Ħobbu d-Doggy li baqgħet friska u għadha maħbuba u tindaqq sal-lum .... insomma, kullana twila ta’ suċċessi waħda isbaħ mill-oħra. George issa kien fuq fomm kulħadd fil-popolarità, fejn anki żewwaq aktar il-kanzunetti tiegħu, billi anki inkluda lil ħuh Reno Azzopardi (Żaren) miegħu fi dwetti u tawna Hekk twelidt u hekk se tmut, Il-vizzju tal-logħob, It-tiġrija tad-dgħajjes u oħrajn.

Popolari anki ’l hinn minn pajjiżna

Minħabba x-xogħol normali tiegħu u l- bosta appuntamenti mużikali lokali li kellu, George qatt ma mar iżur lil ħutna Maltin emigranti. Jien kont nibgħat ħafna mid-diski tiegħu liz-zijiet tiegħi u tal-mara fl-Awstralja u l-Kanada.

Mistieden ikanta f'bosta serati f'teatri u f’tiġijiet u anki intervistat

George kien mistieden ikanta f'bosta serati f'teatri u f’tiġijiet. Kien intervistat fuq it-televixin Malti fil-programm Telebeat kif ukoll kien intervistat flimkien ma’ ħuh Reno fuq Radju Malta minn Mario Laus. Jekk ma kienx ikollok Il-Makk ikantalek fit-tieġ tiegħek, kien ikollok tieġ vojt. Jien kont ammiratur kbir ta’ George u għalhekk ma setax jonqos li jkanta fit-tieġ tiegħi fejn għamilt ħafna ħin ħdejh nisimgħu jkanta waqt li ħallejt xi ftit fil-ġenb lill-għarusa (il-mara) u lill-mistednin. Kien iddedika kanzunetta, speċjalment lill-mara tiegħi ta’ Al Jolson If I knew Suzie (qalibha Mary, għaliha).

Joħroġ bosta diski vinyl u cassettes fis-suq

George ħareġ bosta diski vinyl (tip ta’ rekord) u cassettes fis-suq li kienu jinħatfu. Ħasra li hemm xi wħud minnhom li għandhom messaġġ sentimentali u patrijottiku li rari jew qatt ma ndaqqu fuq ix-xandir lokali bħal Malta Art Twelidi. George ġieli ngħaqad ma’ gruppi oħra bħal Four Rings u tana Inti fejn int?, Malta, Ngħidilkom il-Verità u Jien Lilek Ħabbejt. Il-mużiċista Charles Tahir laqa’ wkoll lil George fl-istudjow tiegħu biex tana aktar tiżwiqa ta’ kant fejn saħansitra kien anki kanta bl-Ingliż u tana Darling Darling, Behold the World u The Lord Above bħala tislima u ringrazzjament lil Alla li żejnu b’tant talent. George ġieli kien ukoll akkumpanjat mill-grupp kitarristiku Żabbari The Black Sorrows li kien immexxi minn Willie Saliba u ħutu.

Iħajjar bosta żgħażagħ

Matul it-triq ma’ George tfaċċaw bosta żgħażagħ li tħajru li jimxu fuq il-passi tiegħu u jkomplu l-linja li qabad u b’hekk il-kanzunetta Maltija għadha ħajja u tista’ titgawda aktar. Wara karriera brillanti, George fis- sebgħinijiet tiegħu, ħass li għandu jistrieħ u jirtira. Però m’abbandunax dak li dejjem kien iħobb. Għalhekk ħafna drabi kien jiltaqa’ ma’ bosta ħbieb anzjani u żgħażagħ li jqattgħu ftit ħin jinsġu l-għana u l-kant fost il-ferħ ta’ kulħadd. Aħna llum tajna titwila u tislima lil dan l-iben Żabbari. Meta tħabbret il- mewt tiegħu, bosta li kienu jsegwuh waqgħu f’dieqa, waqt li sellmu l-memorja tiegħu. Il-wirt li ħallilna George, għadu jitgawda sal-lum: “Dan il-Makk il-laqam tiegħi bih bosta lili jsibuni” tibqa’ tidwi. (9)

Referenzi

1. Kien Joseph Gafa li ħareġ bl-idea li jikteb dwar George Azzopardi “Il-Makk”. Imbagħad jien iddeċidejt li nfittex aktar dettalji dwar “Il-Makk” għax ma kont naf xejn dwaru u nfittex minn hawn u minn hemm u bl-għajnuna wkoll ta’ Joseph Gafa, bnejna flimkien din il-kitba li safejn nafu aħna qatt u mkien ma deher xejn dwaru. Nittamaw li ma tkunx l-ewwel u l-aħħar kitba. Sibtha utli ħafna t-teżi li għamel Kurt Slattery bl-isem Il-Makkjetta: Riċetta Maltija għall-Buri u l-Geddum (2011). Ħasra li jinkitbu ħafna teżijiet u jibqgħu fuq l-ixkaffa. Tant isir xogħol tajjeb u dettaljat li hija ħasra li ma nkunux nafu bih. Biex tagħmel biċċa xogħol tajba, trid tqalleb u tfittex u hekk għamilna aħna biex nibnu kitba tassew tixraq lil din il-persuna li jekk kellha l-popolarità f’ħajjitha, issa tinsab minsija u għalhekk ħassejna l-ħtieġa li nerġgħu nagħtuha l-ħajja mill-ġdid permezz ta’ kitbietna.

2. Għalhekk l-awtur tat-teżi, (ara p.148), Kurt Slattery kellu jibbaża l-informazzjoni fuq dak li qalulu persuni oħrajn, u mill-intervista li għamlu Joe u Veronica Farrugia lil George Azzopardi “Il-Makk” fil-programm tat-televiżjoni Ilwien imxandar fuq One Productions fl-1998.

3. Kurt Slattery, p.148.

4. Ibid, pp.149-150. Mhux kollha huma makkjetti għaliex għandu xi kanzunetti folkloristiċi. 5. Essenzjalment f’din il-fażi m’hemmx distinzjoni definita bejn kanzunetta u makkjetta, u wieħed spiss jirreferi għall-istess kompożizzjoni jew b’isem jew bl-ieħor. Fl-intervista li saritlu minn Joe u Veronica Farrugia, ġieli l-ewwel jirreferi għal xogħlu bħala makkjetta u wara ftit bħala kanzunetta.

6. Din hi waħda mill-ftit makkjetti li l-Makk għamel waħdu u baqgħet timxi mal-ewwel fażi tal-makkjetti fl-għana, għalkemm il-ħoss dominanti xorta hu l-accordion u l-kitarra.

7. Kurt Slattery, p.151.

8. Ibid, p.2.

9. Ħafna mill-informazzjoni li tinsab hawn, ipprovdieha Joseph Gafa.