Difference between revisions of "Sala Mro. Vincenzo Caruana Spiteri"

From M3P
Jump to navigation Jump to search
(Included Page: Sala Mro. Vincenzo Caruana Spiteri)
 
(No difference)

Latest revision as of 15:47, 11 July 2024

Cleanup Icon 2014.png

Clean-up Needed

The text currently on this page needs further work. It was most likely imported or reproduced from a website associated with the subject of the page - possibly through a process involving far-from-perfect machine translation, often with awkward results. It is awaiting the attention of an experienced M3P editor, which could be you. It may be slightly out of date, or may need other elements taken care of appropriately, including proofreading or copy-editing for grammar and style.

STUB

This page is a stub

Stub pages are like acorns. The first seed has been planted, but you can help them grow! There may, for example, also be other M3P resources linking to it. You can help by expanding this page.

Is-Sala Mro. Vincenzo Caruana Spiteri

Il-ħsieb u x-xewqa li s-sala prinċipali fil-każin tagħna tiġi ristrutturata w attrezzata, kien ilu jberren u fuq l-aġenda tal-kumitat għal diversi snin mhux ħażin. Aħna minn dejjem xtaqna li din is-sala filwaqt li tkun tpaxxi l-għajn, tkun ukoll tajba akustikament biex fiha jkunu possibbli li jsiru attivitajiet mużikali varji.

Il-bidu

Immorru lura għas-sena 2013, meta dakinhar ġie diskuss dan is-suġġett b’mod konkret. L-ewwel pass kien li nikkuntattjaw lil John Cauchi, persuna intiża ħafna fuq l-akustika, biex jiġi jieħu l-qisien eżatti tas-sala ħalli mbagħad ikun jista’ jagħtina rapport bl-ammonti u l-kwalità ta’ materjali li hemm bżonn jiġu utilizzati biex is-sala jkollha l-aħjar akusika possibbli. Hekk kif kellna dawn ispeċifikazzjonijiet f’idejna, ġie kkuntattjat id-disinjatur Eric Mercieca, biex huwa jagħmlilna pjanta tas-sala mibnija fuq ir-rekwiżiti li ngħatajna minn John Cauchi. Matul din il-fażi tal-proċess, Mercieca u Cauchi kienu f’kuntatt kontinwu biex kien possibbli jinħareġ disinn fuq stil klassiku, u fl-istess waqt ikun jinkorpora fih dak kollu necessarju. Għadni niftakar li dakinhar il-President attwali tagħna Dr. Charles Gauci, li f’dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ viċi president, ħallas l-ispiża għal din il-biċċa xogħol. Għal diversi snin wara, il-kumitat ħa l-inizjattiva li jfittex sorsi u possibiltajiet t’għanjuna finanzjarja minn entitajiet varji, peress li l-ispiża għat-twettiq ta’ dan il-proġett kienet ser tkun waħda konsiderevoli.

Hekk għall-aħħar tas-sena 2020, ġejna infurmati bil-possibbiltà t’applikazzjoni minn fondi Ewropej, li stajna nibbenefikaw minnhom biex nirranġaw is-sala. Minnufih bdejna naħdmu fuq rapporti u stimi li kien hemm bżonn biex nattrezzaw is-sala b’dak kollu xieraq u neċessarju. Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali ta’ raħalna u l-għaqda OIDFA (International Bobbin and Needle Lace Organisation). Wara ammont sostanzjali ta’ xhur, ġejna infurmati li l-applikazzjoni bil-proġett tagħna kienet ġiet milqgħuha u ser tkun approvata għall-finanzjament. Dritt wara nbeda l-proċess twil u kumplikat tal-ippublikar tat-tenders.

il-Proċess tax-Xogħol

Il-pass li kien imiss wara l-evalwazzjoni, l-għoti tat-tenders u l-iffirmar tal-kuntratti rispettivi, kien li jinbeda l-proċess tax-xogħol proprju fih innifsu. Dan ix-xogħol ried isir b’fażi wara oħra. Għalhekk l-ewwel xogħol li ried isir kien it tfassil tad-disinn tal-gypsum tas-saqaf, ħalli mbagħad ikun possibbli li jibda jitqiegħed il-qafas tal-ħadid li miegħu jeħlu l-folji tal-gypsum biex jiġi ffurmat id-disinn hekk kif ippjanat. Dan ix-xogħol ġie inkarigat minnu Philip Formosa. Minbarra l-folji tal-gypsum mas-saqaf ġew ukoll applikati pannelli akustiċi, li l iskop tagħhom huwa biex jassorbu r-riflessi ġenerati mill-ħoss, b’mod speċjali l ħoss tal-istrumenti tal-banda. Minbarra hekk il-ħitan kollha tas-sala ġew miksija b’foam u fuq tqiegħdu wkoll folji tal-gypsum. Dan sar biex nibqgħu intejbu aktar l-akustika tas-sala.

Hekk kif saret il-bażi tal-ħadid u tqiegħdu wkoll ammont sostanzjali ta’ folji tal gypsum, sar ukoll ix-xogħol tal-installazzjoni primarja ta’ sistema tal-arja kundizzjonata minn Melvin Cini, sistema tad-dwal minn Nicholas Cassar u anke sistema awdjo-viżiva moderna minn Josmar Sciberras. Dawn l-installazzjonijiet ikkumplimentaw ukoll sistema ta’ ventilazzjoni tal-arja li kienet ġiet installata sena qabel permezz ta’ proġett ieħor minn fondi lokali.

Kif intemm dan l-istadju, kien imiss ix-xogħol taz-zokklatura u l-pilastri tal-injam. Dan ix-xogħol tas-sengħa maħdum fl-injam tal-ġewż, ġie kkummissjonat lill-mastrudaxxa Sqalli Antonino Lipari. Qabel inbeda dan ix-xogħol,

Nino, għax hekk konna nsejħulu, ġie fuq il-post biex jieħu l-qisien eżatti. Dakinhar huwa ġab miegħu wkoll kampjun ta’ waħda mill-penewiet ħalli aħna nkunu nistgħu naraw b’mod l aktar ċar, kif kien ser jinħadem dan ix xogħol fl-injam. Dan ix-xogħol intgħoġob u hekk kif ġie approvat, minnufih bdiet il-ħidma fuq din il biċċa xogħol verament imdaqqsa u elaborata. Tajjeb ngħid li dan ix-xogħol inħadem kollu f’Mistretta, post fin-naħa ta’ fuq ta’ Sqallija. Ix-xogħol tal-injam inħadem kollu relattivament fi żmien verament qasir għaliex f’inqas minn xahrejn reġa’ kellna lil Nino fostna. Kien eżatt fil-ġimgħa tal-Ġimgħa l-Mqaddsa meta ġie biex jirmonta il biċċiet kollha li huwa stess niżżel miegħu minn Sqallija.

Malli x-xogħol tal-injam tqiegħed kważi kollu f’postu, sar ix-xogħol t‘applikar tal-wallpaper bid-disinn tad-damask, li tqiegħed fil-vojt ta’ bejn il-pilastri tal-injam. Dan ix-xogħol sar minn Stephen Mercieca. L-aħħar proċess li bih ġie terminat dan il-proġett, kien l-installazzjoni tad-dwal tas-saqaf u l-brazzi, l-installazzjoni tal-apparat tas-sistema awdjo-viżiva li fost l-oħrajn jikkonsisti fi screen u projector mekkanizzati, u t-tqegħid ta’ sett purtieri li nħadmu b’materjal fire retardant. Finalizzazzjoni tax-xogħlijiet u l-Inawgurazzjon.

Finalizzazzjoni tax-xogħlijiet u l-Inawgurazzjoni

Ix-xogħol kollu relatat mas-sala ġie fi tmiemu fl-aħħar t’April 2024, biex imbagħad nhar il-Ħadd 5 ta’ Mejju, b’mod uffiċjali ġiet inawgurata din is-sala li ngħatat l-isem tas-surmast Vincenzo Caruana Spiteri, persuna li ħalliet wirt mużikali verament rikk u ta’ livell f’raħalna. Is-sala ġiet inawgurata mill-Onorevoli Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, flimkien mas-sindku ta’ raħalna, is-Sur Philip Vella, u ġiet imbierka mid-direttur spiritwali tas-Soċjetà, Mons Lawrenz Sciberras. Għal din l-okkażjoni hekk speċjali l-banda Santa Margerita għamlet marċ minn quddiem il-bini tal-kunsill lokali sal-każin, u mbagħad, fis-sala stess, ittella’ kunċert mużikali mill-banda li kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast tagħha George Apap. Ta’ min isemmi wkoll li dan il-prodott li għamilna tant ġie akustikament ottimali li propju ftit tal-jiem wara, għall-ewwel darba, rrekordjajna sett marċi ġodda ġo fiha. Kif wieħed jista’ jara, wara ħafna sforzi u kultant anke qtigħ ta’ qalb, irnexxielna ndawru l-ħolma u l-aspirazzjoni, f’sala meravilja fil-każin tagħna! Irnexxielna nagħtu opra artistika, rikka u mgħammra b’dak kollu neċessarju lill-banda tagħna u lill-komunità tagħna.

Nixtieq inrodd ħajr lil dawk il-persuni kollha li kienu involuti fid-diversi xogħlijiet meħtieġa f’dan il-proġett, lil sħabi tal-kumitat u voluntiera oħra li taw daqq t’id meta kien hemm bżonn u lill-kunsilliera flimkien mal-istaff tal-kunsill lokali għall-appoġġ kontinwu li sibna mingħandhom. Ħajr speċjali lis-sindku, Philip Vella, li kien fundamentali u ta’ għajnuna kbira matul il-proċess kollu

Kitba ta’ Paul Vella.